Brussell, 8.11.2023

COM(2023) 681 final

ANNESS

għall-PROPOSTA għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru X/2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea dwar Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE - Albanija li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu


ANNESS

IL-KUNSILL ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Albanija (minn issa 'l quddiem “l-Albanija”), min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 120 (4) tiegħu,

Billi:

(1)Id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili kif ukoll bejn l-awtoritajiet reġjonali u dawk lokali fl-Unjoni Ewropea u dawk fl-Albanija jistgħu jagħtu kontribut kbir għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet tagħhom u għall-integrazzjoni tal-Ewropa,

(2)Jidher li huwa xieraq li tali kooperazzjoni jenħtieġ li tkun organizzata billi jitwaqqfu żewġ Kumitati Konsultattivi Konġunti;

(a)wieħed bejn il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fuq naħa waħda, u s-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fl-Albanija, fuq in-naħa l-oħra;

(b)u t-tieni wieħed bejn il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u r-rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Albanija, fuq in-naħa l-oħra.

(3)Dan ifisser li jeħtieġ li r-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, adottati bid-Deċiżjoni Nru 1/2009, jiġu emendati kif xieraq.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni Nru 1/2009 tiġi emendata billi jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin:

Artikolu 14

Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(1)B'dan qiegħed jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bil-kompitu li jassisti lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bil-għan li ssir promozzjoni tad-djalogu u tal-kooperazzjoni bejn is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, fl-Unjoni Ewropea u fl-Albanija. It-tali djalogu u kooperazzjoni jinkludu l-aspetti relevanti kollha tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Albanija, hekk kif dawn jitfaċċaw fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. It-tali djalogu u kooperazzjoni b'mod partikolari jiffukaw biex:

(a)Iħejju lill-impjegaturi, ħaddiema u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fl-Albanija għal attività fil-qafas tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li se sseħħ fil-ġejjieni;

(b)Iħejju lill-impjegaturi, ħaddiema u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fl-Albanija għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tal-Albanija;

(c)Isir skambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku, partikolarment dwar il-qagħda attwali tal-proċess ta' adeżjoni u kif ukoll it-tħejjija tal-impjegaturi, tal-ħaddiema u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fl-Albanija għal dan il-proċess;

(d)Jinkoraġġixxu skambji ta' esperjenza u djalogu strutturat bejn A) l-impjegaturi, il-ħaddiema u organizzazzjonjiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fl-Albanija u B) l-impjegaturi, il-ħaddiema u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri, fosthom permezz ta' netwerking f'oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni jistgħu jkunu l-aktar mezz effettiv biex tinstab soluzzjoni għal problemi partikolari;

(e)Tiġi diskussa kwalunkwe kwistjoni oħra li tinqala’ fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, inkluż fir-rigward tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Albanija mal-UE.

(2)Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikun magħmul minn sitt rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u sitt rappreżentanti minn imsieħba soċjali u minn organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mill-Albanija. Il-parteċipazzjoni hija miftuħa wkoll għal osservaturi.

(3)Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iwettaq il-kompiti tiegħu abbażi ta' konsultazzjoni mal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b'rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn ċrieki ekonomiċi u soċjali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

(4)Il-membri jintgħażlu biex jiġi żgurat li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikun xbieha kemm jista' jkun perfetta tad-diversi msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fl-Albanija. Il-ħatriet uffiċjali tal-membri Albanizi jsiru mill-gvern tal-Albanija abbażi ta' proposti mill-imsieħba soċjali u minn organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. Dawn il-proposti jissejsu fuq proċeduri ta' għażla inklużivi u trasparenti fost l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili.

(5)Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jkun kopresedut minn membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew flimkien ma’ rappreżentant minn fost l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mill-Albanija.

(6)Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess.

(7)Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fuq naħa waħda, u l-Gvern Albaniz, fuq in-naħa l-oħra, iħallsu kull wieħed għall-ispejjeż li jintefqu b'rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt u tal-gruppi ta' ħidma tiegħu fir-rigward tal-persunal, tal-ispejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza.

(8)Nefqa oħra relatata mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat titħallas mill-Parti li tospita l-laqgħat.

Artikolu 15

Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea

(1)B'dan qiegħed jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, bil-kompitu li jassisti l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bil-għan li jkun hemm promozzjoni tad-djalogu u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u dawk fl-Albanija. It-tali djalogu u kooperazzjoni b'mod partikolari jiffukaw biex:

(a)Iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Albanizi għall-ħidma fil-qafas tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li se sseħħ fil-ġejjieni;

(b)Iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Albaniżi għall-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni wara l-adeżjoni tal-Albanija;

(c)Isir skambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet attwali ta' interess reċiproku, b'mod partikolari dwar il-qagħda attwali b'rabta mal-politika reġjonali Ewropea u l-proċess ta' adeżjoni u kif ukoll it-tħejjija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Albaniżi għal dawn il-politiki;

(d)Jinkoraġġixxu djalogu strutturat multilaterali bejn A) l-awtoritajiet lokali u reġjonali Albaniżi u B) l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri, fosthom permezz ta' netwerking f'oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Albaniżi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri jistgħu jkunu l-aktar mod effettiv li jindirizza s-suġġetti speċifiċi ta' interess reċiproku;

(e)Jipprovdu skambju ta' informazzjoni regolari dwar il-kooperazzjoni interreġjonali bejn awtoritajiet lokali u reġjonali Albaniżi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri;

(f)Jinkoraġġixxu skambju ta’ esperjenzi u konoxxenza fil-qasam tal-politika reġjonali u interventi strutturali, bejn A) l-awtoritajiet lokali u reġjonali Albaniżi u B) awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri, b’mod partikolari għarfien u teknika li jikkonċernaw it-tħejjija ta’ pjanijiet jew strateġiji ta’ żvilupp lokali u reġjonali u l-aktar użu effiċjenti tal-Fondi ta’ qabel l-adeżjoni u tal-Fondi Strutturali;

(g)Jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Albaniżi permezz ta' skambju ta' informazzjoni b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà fl-aspetti kollha tal-ħajja fuq livell lokali u reġjonali;

(h)Tiġi diskussa kwalunkwe kwistjoni oħra li tinqala’ fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, inkluż fir-rigward tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Albanija mal-UE.

(2)Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea inizjalment ikun magħmul minn, fuq naħa, tmien rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, u fuq in-naħa l-oħra minn tmien rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Albanija. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt jista’ jiddeċiedi b’maġġoranza tal-membri tiegħu mill-Kumitat tar-Reġjuni u maġġoranza tal-membri tiegħu mill-Albanija biex ibiddel in-numru ta’ rappreżentanti. In-numru ta’ rappreżentanti mill-Kumitat tar-Reġjuni u mill-Albanija jibqa’ ugwali u ma jaqbiżx it-tlettax rispettivament. L-istess għadd ta' membri sostituti jiġu maħtura.

(3)Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jwettaq l-attivitajiet tiegħu abbażi ta' konsultazzjoni mal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b'rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

(4)Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(5)Il-membri jintgħażlu b'tali mod li jiġi żgurat li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni jkun xbieha perfetta tad-diversi livelli ta' awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fl-Albanija. In-nomini uffiċjali tal-membri Albaniżi jsiru mill-gvern tal-Albanija abbażi ta’ proposti minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Albanija u li jiżguraw il-pluralità politika u l-bilanċ bejn is-sessi. Dawn il-proposti jissejsu fuq proċeduri ta' għażla inklużivi u trasparenti fost ir-rappreżentanti b'mandati elettorali fuq livell lokali jew reġjonali.

(6)Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess.

(7)Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jkun ikkopresedut minn membru tal-Kumitat tar-Reġjuni u minn rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tas-Albanija.

(8)Il-Kumitat tar-Reġjuni, fuq naħa waħda, u l-Gvern tal-Albanija, fuq in-naħa l-oħra, iħallsu għall-ispejjeż li jintefqu b'rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati u tal-persunal ta' appoġġ tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza.

(9)Nefqa oħra relatata mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat titħallas mill-Parti li tospita l-laqgħat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi,

Għall-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni

Il-President