Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Portugall /* COM/2013/0421 final - 2013/0195 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Fuq talba
tal-Portugall, fis-17 ta' Mejju 2011, il-Kunsill ta assistenza
finanzjarja lill-Portugall (Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni
tal-Kunsill 2011/344/UE) bħala appoġġ għal programm
ekonomiku u ta' riforma ambizzjuż li għandu l-għan li
jirrestawra l-kunfidenza, u b'hekk l-ekonomija terġa' tibda tikber b'mod
sostenibbli filwaqt li titħares l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall,
fiż-żona tal-euro u fl-UE. F'konformità mal-Artikolu 3(10)
tad-Deċiżjoni 2011/344/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond
Monetarju Internazzjonali (FMI) u f'kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali
Ewropew (BĊE), wettqet is-seba' analiżi tal-progress tal-awtoritajiet
dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri mifthiema kif ukoll dwar l-effikaċja
u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. B’kont meħud ta’ informazzjoni li waslet
sadanittant, mill-proposta [daħħal ir-referenza] il-Kummissjoni
pproponiet li tiġi emendata d-Deċiżjoni 2011/344/UE. Deċiżjoni addizzjonali hija
meħtieġa wara d-dħul fis-seħħ tat-“two Pack”
(speċifikament, ir-Regolament (UE) Nru 472/2013) li tiddixxiplina wkoll
kif il-kundizzjonalità politika li ssostni programm ta’ aġġustament
ekonomiku għandha tiġi modifikata. Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013
japplika għal programmi ta’ aġġustament makroekonomiku eżistenti
li ilhom fis-seħħ mid-dħul fis-seħħ tiegħu, u
b'konsegwenza ta' dan, jeħtieġ li l-aġġustamenti jsegwu
l-proċedura tal-Artikolu 7(5). 2013/0195 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI
TAL-KUNSILL li tapprova l-aġġornament
tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Portugall IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru
472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza
ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li
jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà
finanzjarja tagħhom, u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Ir-Regolament (UE) Nru
472/2013 japplika għal Stati Membri li diġà qed jirċievu
assistenza finanzjarja, inklużi dawk mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’
Stabilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u/jew il-faċilità Ewropea ta’
Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), fil-waqt tad-dħul fis-seħħ
tiegħu. (2) Ir-Regolament (UE) Nru
472/2013 jistabbilixxi regoli għall-approvazzjoni ta’ programm ta’
aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu
din l-għajnuna finanzjarja, li jeħtieġu li jkunu artikolati
mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 li jistabbilixxi
l-EFSM meta l-Istat Membru kkonċernat jirċievi l-assistenza kemm
mill-EFSM u kemm minn sorsi oħra. (3) Il-Portugall ingħata
assistenza finanzjarja kemm mill-EFSM permezz tad-Deċiżjoni ta’
Implimentazzjoni 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja
tal-Unjoni lill-Portugall kif ukoll mill-EFSF. (4) Għal raġunijiet ta’
konsistenza l-approvazzjoni tal-aġġornament ta’ programm ta’
aġġustament makroekonomiku għall-Portugall skont ir-Regolament
(UE) Nru 472/2013 għandu jsir b’referenza għad-dispożizzjonijiet
rilevanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE. (5) B’konformità
mal-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni 2011/344/UE,
il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u l-BĊE, wettqet is-seba' reviżjoni
sabiex tivvaluta l-progress dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma
kif ukoll l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali. Bħala
konsegwenza ta’ din ir-reviżjoni, għandhom isiru xi tibdiliet
għall-programm ta’ aġġustament makroekonomiku eżistenti. (6) Dawn il-bidliet jinsabu
fid-Deċiżjoni Nru [daħħal ir-referenza] li temenda
d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-miżuri speċifikati fl-Artikolu
3(7) sa (9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE li se
jittieħdu mill-Portugall bħala parti minn programm ta’
aġġustament makroekonomiku tiegħu huma b’dan approvati. Artikolu 2 Din
id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Portugall. Artikolu 3 Din
id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President