European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/1553

10.7.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1553

tad-9 ta’ Lulju 2026

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 rigward il-projbizzjoni temporanja tal-introduzzjoni fi, tal-moviment fi ħdan, taż-żamma, tal-multiplikazzjoni jew tar-rilaxx ta’ ċerti pesti fit-territorju tal-Unjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1941 (2) jelenka l-pesti li huma pprojbiti, għal żmien limitat, milli jiġu introdotti fi, jiġu mċaqilqa fi ħdan, jew miżmuma, immultiplikati jew rilaxxati fit-territorju tal-Unjoni, skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(2)

Minn Jannar 2024 sa Diċembru 2025, bosta Stati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-preżenza kkonfermata uffiċjalment, fil-kunsinni tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti u oġġetti oħrajn li joriġinaw minn pajjiżi terzi, tal-pesti li mhumiex elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni, pesti ta’ kwarantina f’żona protetta jew pesti regolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni, f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 (3), u mhumiex regolati skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031.

(3)

Ittieħdu miżuri mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, dwar Copitarsia decolora u Lagria villosa.

(4)

Copitarsia decolora u Lagria villosa ġew interċettati fil-fruntieri tal-Unjoni u volumi kbar tal-pjanti ospitanti ta’ dawk il-pesti għadhom qed jiġu importati minn pajjiżi terzi, fejn huwa magħruf li dawn il-pesti huma preżenti. Copitarsia decolora u Lagria villosa mhumiex magħrufa li huma preżenti fit-territorju tal-Unjoni.

(5)

F’Mejju 2023, Spanja kkonkludiet valutazzjoni preliminari tar-riskju għal Copitarsia decolora għat-territorju tal-Unjoni. Dik il-valutazzjoni kkonkludiet li l-pest jissodisfa l-kriterji bħala pesti ta’ kwarantina kif stabbilit fit-Taqsima 3, is-Subtaqsima 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031. Għalhekk jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri temporanji previsti fl-Artikolu 30(1) ta’ dak ir-Regolament.

(6)

F’Ġunju 2025, in-Netherlands ikkonkludew valutazzjoni preliminari tar-riskju għal Lagria villosa (4) għat-territorju tal-Unjoni. Dik il-valutazzjoni kkonkludiet li l-pest jissodisfa l-kriterji bħala pesti ta’ kwarantina kif stabbilit fit-Taqsima 3, is-Subtaqsima 2 tal-Anness I tar-Regolament (UE) 2016/2031. Għalhekk jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri temporanji previsti fl-Artikolu 30(1) ta’ dak ir-Regolament.

(7)

Abbażi ta’ dawk il-valutazzjonijiet preliminari, il-Kummissjoni jidhrilha li Copitarsia decolora u Lagria villosa jippreżentaw riskju fitosanitarju għoli għat-territorju tal-Unjoni. Għalhekk jidhrilha wkoll li jeżisti periklu imminenti ta’ dħul ta’ dawk il-pesti fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, huma meħtieġa valutazzjonijiet tar-riskju ulterjuri biex jiġi aċċertat jekk Copitarsia decolora u Lagria villosa jikkwalifikawx bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni u jekk għandhomx jiġu elenkati fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(8)

Għalhekk jixraq li, għal żmien limitat, jiġu pprojbiti l-introduzzjoni fi, il-moviment fi ħdan, iż-żamma, il-multiplikazzjoni u r-rilaxx fit-territorju tal-Unjoni ta’ Copitarsia decolora u Lagria villosa, sakemm titwettaq analiżi tar-riskju sħiħa. Jenħtieġ li dik il-projbizzjoni temporanja tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2031.

(9)

Chloridea virescens, Homona magnanima u Spodoptera ornithogalli huma elenkati fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 bħala pesti pprojbiti milli jiġu introdotti fi, jiġu mċaqilqa fi ħdan, jew jinżammu, jiġu multiplikati jew jiġu rilaxxati fit-territorju tal-Unjoni sal-31 ta’ Mejju 2027. Jixraq li d-data tal-iskadenza għall-elenkar ta’ dawk il-pesti fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 tiġi estiża sal-31 ta’ Mejju 2030, biex tiġi żgurata t-tlestija, sa dik id-data, tal-valutazzjoni ta’ jekk jenħtieġx li jiġu elenkati bħala pesti ta’ kwarantina fl-Unjoni fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072.

(10)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 jiġi emendat kif xieraq.

(11)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941

L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1941 huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Lulju 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1941 tat-13 ta’ Ottubru 2022 dwar il-projbizzjoni tal-introduzzjoni, tal-moviment, taż-żamma, tal-multiplikazzjoni jew tar-rilaxx ta’ ċerti pesti skont l-Artikolu 30(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 268, 14.10.2022, p. 13, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/1941/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 (ĠU L 319, 10.12.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2019/2072/oj).

(4)   Quickscan Lagria villosa | NVWA-English.


ANNESS

“

ANNESS

Lista ta’ pesti soġġetti għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 1:

 

Ġeneru jew speċi ta’ pesti bil-kodiċijiet EPPO tagħhom

Data ta’ skadenza tal-projbizzjoni

1.

Chloridea virescens Fabricius [HELIVI]

fil-31 ta’ Mejju 2030.

2.

Copitarsia decolora Guenée [COPITU]

fit-30 ta’ Ġunju 2031.

3.

Homona magnanima Dyakonov [HOMOMA]

fil-31 ta’ Mejju 2030.

4.

Lagria villosa Fabricius [LAGRVL]

fit-30 ta’ Ġunju 2031.

5.

Resseliella citrifrugis Jiang [RESSCI]

fil-31 ta’ Mejju 2027.

6.

Spodoptera ornithogalli Guenée [PRODOR]

fil-31 ta’ Mejju 2030

”.

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1553/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)