2012D0392 — MT — 16.07.2016 — 006.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/392/PESK tas-16 ta’ Lulju 2012 dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 187 17.7.2012, p. 48) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 189 |
13 |
10.7.2013 |
||
|
L 288 |
68 |
30.10.2013 |
||
|
L 217 |
31 |
23.7.2014 |
||
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1141 tat-13 ta' Lulju 2015 |
L 185 |
18 |
14.7.2015 |
|
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/1780 tal-5 ta' Ottubru 2015 |
L 259 |
21 |
6.10.2015 |
|
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/1172 tat-18 ta' Lulju 2016 |
L 193 |
106 |
19.7.2016 |
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/392/PESK
tas-16 ta’ Lulju 2012
dwar il-missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)
Artikolu 1
Missjoni
L-Unjoni b’dan tistabbilixxi missjoni ta’ PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer sabiex tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċità tal-atturi tas-sigurtà tan-Niġer biex jikkumbattu t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (EUCAP SAHEL Niger).
Artikolu 2
Objettivi
Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel, l-EUCAP Sahel Niger għandha timmira li tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet tan-Niġer li jiddefinixxu u jimplimentaw l-Istrateġija tas-Sigurtà Nazzjonali tagħhom stess. L-EUCAP Sahel Niger għandha timmira wkoll li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' approċċ integrat, multidixxiplinari, koerenti, sostenibbli u li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem fost l-atturi varji tas-sigurtà tan-Niġer fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Barra minn hekk, għandha tgħin lill-awtoritajiet ċentrali u lokali u lill-forzi tas-sigurtà tan-Niġer jiżviluppaw politiki, tekniki u proċeduri sabiex jikkontrollaw aħjar u jiġġieldu kontra l-migrazzjoni irregolari.
Artikolu 3
Kompiti
1. Sabiex twettaq l-objettivi stipulati fl-Artikolu 2, l-EUCAP Sahel Niger għandha:
(a) issaħħaħ il-kmand u l-kontroll, l-interoperabbiltà u l-kapaċità tal-ippjanar Niġerini fil-livell strateġiku, filwaqt li tappoġġa l-iżvilupp ta' Strateġija tas-Sigurtà Nazzjonali u strateġiji marbuta magħha għall-ġestjoni tal-fruntieri f'koordinament ma' atturi oħrajn rilevanti;
(b) issaħħaħ il-ħiliet tekniċi tal-forzi tas-sigurtà rilevanti li huma meħtieġa fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;
(c) permezz ta' kuntatti fuq livell kemm strateġiku kif ukoll operattiv, tħeġġeġ lill-forzi tas-sigurtà interna, u fejn ikun il-każ, il-forzi armati, biex isaħħu r-riżorsi umani, il-loġistika u l-politiki ta' taħriġ marbuta mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità organizzata biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-azzjonijiet tal-EUCAP Sahel Niger, fosthom bl-għoti ta' appoġġ tekniku permezz tal-proġetti;
(d) issaħħaħ il-koordinament, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-kriminalità organizzata, u tesplora l-possibbiltà ta' kontribuzzjoni, skont kif ikun meħtieġ, għall-kooperazzjoni reġjonali, bħall-G5 Sahel;
(e) b'appoġġ għall-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-migrazzjoni, tgħin lill-awtoritajiet ċentrali u lokali u lill-forzi tas-sigurtà tan-Niġer biex jiżviluppaw politiki, proċeduri u tekniki biex jikkontrollaw u jimmaniġġaw aħjar il-flussi migratorji, biex jiġġieldu kontra l-migrazzjoni irregolari u biex inaqqsu l-livell tal-kriminalità assoċjata.
2. L-EUCAP Sahel Niger għandha tiffoka fuq l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 li jikkontribwixxu biex jitjieb il-kontroll tat-territorju tan-Niġer, anke f'koordinament mal-Forzi Armati tan-Niġer.
3. L-EUCAP Sahel Niger ma għandha twettaq l-ebda funzjoni eżekuttiva.
Artikolu 4
Linja ta’ kmand u struttura
1. L-EUCAP Sahel Niger għandha jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi.
2. L-EUCAP SAHEL Niger għandha jkollha l-Kwartieri Ġenerali tagħha f’Niamey.
3. L-EUCAP Sahel Niger għandha tkun strutturata f'konformità mad-dokumenti tal-ippjanar tagħha.
▼M3 —————
Artikolu 5
Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili
1. Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUCAP SAHEL Niger.
2. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tar-RGħ, għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUCAP SAHEL Niger fil-livell strateġiku.
3. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, anke bil-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u bl-għoti ta’ pariri u appoġġ tekniku.
4. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.
5. Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah konformement mar-regoli nazzjonali, jew tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Dawk l-awtoritajiet għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, skwadri u unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
6. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta’ diliġenza tal-Unjoni jitwettaq korrettement.
7. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f’Niamey għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif ikun meħtieġ.
Artikolu 6
Kap tal-Missjoni
1. Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi responsabbilità u jeżerċita kmand u kontroll fir-rigward tal-EUCAP SAHEL Niger fil-post tal-operazzjonijiet u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
1a. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUCAP Sahel Niger fiż-żona tal-operazzjonijiet tagħha. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta' ġestjoni marbuta ma' kwistjonijiet ta' persunal u kwistjonijiet finanzjarji lil membri tal-persunal tal-EUCAP Sahel Niger taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, skwadri u unitajiet minn Stati kontribwenti kif allokati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluża dik tal-assi, riżorsi u informazzjoni mqiegħdin għad-dispożizzjoni tal-EUCAP SAHEL Niger.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-EUCAP Sahel Niger, inkluż l-Element ta' Appoġġ minn Brussell, għat-tmexxija effettiva tal-EUCAP Sahel Niger fuq il-post, waqt li jassumi l-koordinazzjoni tagħha u l-ġestjoni tagħha ta' kuljum, u jsegwi l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.
▼M3 —————
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali konformement mar-regoli nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.
6. Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta lill-EUCAP SAHEL Niger fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà xierqa tal-EUCAP SAHEL Niger.
7. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif meħtieġ, ma’ atturi oħrajn tal-Unjoni fuq il-post. Il-Kap tal-Missjoni għandu, mingħajr preġudizzju għal-linja tal-kmand, jirċievi gwida politika lokali mill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni fin-Niġer.
▼M3 —————
Artikolu 7
Persunal
1. L-EUCAP SAHEL Niger għandha tikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mis-SEAE. Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni, u s-SEAE għandhom jassumu l-ispejjeż relatati ma’ kwalunkwe persunal issekondat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-istazzjonament, is-salarji, il-kopertura medika u allowances minbarra l-allowances applikabbli ta’ kuljum.
2. L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni, jew is-SEAE rispettivament għandhom ikunu responsabbli biex iwieġbu għal kwalunkwe pretensjoni relatata mas-sekondar minn jew dwar il-membru tal-persunal issekondat, u biex iressqu kwalunkwe azzjoni kontra dik il-persuna.
3. Il-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu reklutati fuq bażi kuntrattwali mill-EUCAP SAHEL Niger jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri. Eċċezzjonalment, u f’każijiet debitament ġustifikati, fejn ma jkun hemm disponibbli l-ebda applikant kwalifikat mill-Istati Membri, jistgħu jiġu reklutati ċittadini minn Stati terzi parteċipanti fuq bażi kuntrattwali, kif meħtieġ.
4. Il-kondizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn l-EUCAP Sahel Niger u l-membri tal-persunal ikkonċernati.
Artikolu 8
Status tal-EUCAP SAHEL Niger u tal-persunal tagħha
L-istatus tal-EUCAP SAHEL Niger u l-persunal tagħha, inklużi, fejn ikun kunsiljabbli, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħrajn meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-EUCAP SAHEL Niger, għandhom ikunu l-oġġett ta’ ftehim konkluż taħt l-Artikolu 37 tat-TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 9
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-EUCAP SAHEL Niger. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tat-TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta tar-RGħ, u sabiex jiġu emendati l-Kunċett tal-Operazzjonijiet Plus (CONOPS Plus) u l-Pjan tal-Operazzjoni (OPLAN). Is-setgħat deċiżjonali fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-EUCAP SAHEL Niger għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi, fuq bażi regolari u kif meħtieġ, rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u mill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma tar-responsabbiltà tagħhom.
Artikolu 10
Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija deċiżjonali tal-Unjoni u l-qafas istituzzjonali uniku tagħha, jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi sabiex jikkontribwixxu għall-EUCAP SAHEL Niger, sakemm dawn jerfgħu l-ispejjeż tal-persunal sekondat minnhom, inklużi s-salarji, l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji kollha, l-allowances ta’ sussistenza ta’ kuljum u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u min-Niġer, u sakemm huma jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi tal-EUCAP SAHEL Niger, kif meħtieġ.
2. L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUCAP SAHEL Niger għandhom ikollhom l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ ġestjoni ta’ kuljum tal-EUCAP SAHEL Niger bħall-Istati Membri.
3. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta’ Kontributuri.
4. L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi f’konformità mal-Artikolu 37 tat-TUE u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu jew ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dak l-Istat terz f’operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżi, id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUCAP SAHEL Niger.
Artikolu 11
Sigurtà
1. Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar mill-Kap tal-Missjoni tal-miżuri ta’ sigurtà u jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effikaċi tagħhom mill-EUCAP SAHEL Niger f’konformità mal-Artikolu 5.
2. Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUCAP SAHEL Niger u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà applikabbli għall-EUCAP SAHEL Niger, f’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE, u mal-istrumenti tagħha ta’ sostenn.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiġi megħjun minn Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Missjoni (MSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.
4. Il-persunal tal-EUCAP SAHEL Niger għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta’ sigurtà qabel ma jibda jwettaq dmirijietu, f’konformità mal-OPLAN. Huwa għandu jingħata wkoll taħriġ regolari ta’ aġġornament, fuq il-post tal-operazzjonijiet, li jkun organizzat mill-MSO.
5. Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 1 ).
Artikolu 12
Kapaċità tal-Għassa
Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tkun attivata għall-EUCAP Sahel Niger.
Artikolu 12a
Arranġamenti legali
Kif meħtieġ sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni, l-EUCAP Sahel Niger għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, tikkonkludi kuntratti u arranġamenti amministrattivi, timpjega persunal, ikollha kontijiet bankarji, takkwista u tiddisponi mill-assi, tħallas l-obbligazzjonijiet tagħha u tkun parti għal proċeduri legali.
Artikolu 13
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Niger għall-perijodu mis-16 ta' Lulju 2012 sal-31 ta' Ottubru 2013 għandu jkun ta' EUR 8 700 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Niger għall-perijodu mill-1 ta' Novembru 2013 sal-15 ta' Lulju 2014 għandu jkun ta' EUR 6 500 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Niger għall-perijodu mis-16 ta' Lulju 2014 sal-15 ta' Lulju 2015 għandu jkun ta' EUR 9 155 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Niger għall-perijodu mis-16 ta' Lulju 2015 sal-15 ta' Lulju 2016 għandu jkun ta' EUR 18 400 000 .
L-ammont ta' referenza finanzjarja biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUCAP Sahel Niger għall-perijodu mis-16 ta' Lulju 2016 sal-15 ta' Lulju 2017 għandu jkun ta' EUR 26 300 000 .
2. In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata f'konformità mar-regoli u l-proċeduri applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist mill-EUCAP SAHEL NIGER għandha tkun miftuħa mingħajr limitazzjonijiet. Minbarra dan, m'għandha tapplika l-ebda regola ta' oriġini għall-prodotti mixtrija mill-EUCAP SAHEL NIGER.
3. L-EUCAP Sahel Niger għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tagħha. Għal dak il-għan, l-EUCAP Sahel Niger għandha tiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.
4. Mingħajr preġudizzju għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tan-Niġer dwar l-istatus tal-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) ( 2 ), l-EUCAP Sahel Niger għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-mandat tagħha li jibda mis-16 ta' Lulju 2014, bl-eċċezzjoni ta' pretensjonijiet relatatati ma' xi kondotta gravement skorretta mill-Kap tal-Missjoni, li għalihom huwa/hija għandu/ha jġorr/ġġorr ir-responsabbiltà.
5. L-implimentazzjoni tal-arranġamenti finanzjarji għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand kif previst fl-Artikoli 4, 5 u 6 u r-rekwiżiti operattivi tal-EUCAP Sahel Niger, inkluża l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-iskwadri tagħha.
6. In-nefqa għandha tkun eliġibbli mis-16 ta' Lulju 2012.
Artikolu 13a
Ċellula ta' proġetti
1. L-EUCAP Sahel Niger għandha jkollha Ċellula ta' Proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' proġetti li jkunu konsistenti mal-objettivi tal-missjoni u li jiffaċilitaw it-twettiq tal-mandat. L-EUCAP Sahel Niger għandha, skont kif ikun meħtieġ, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti, implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi, taħt ir-responsabbiltà tagħhom f'oqsma marbutin mal-EUCAP Sahel Niger u b'appoġġ għall-objettivi tagħha.
2. Soġġett għall-paragrafu 3, EUCAP Sahel Niger għandha tkun awtorizzata tirrikorri għal kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-UE u l-Istati Membri jew minn Stati terzi għall-implimentazzjoni ta' proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw b'mod konsistenti azzjonijiet oħra tal-EUCAP Sahel Niger, jekk il-proġetti jkunu:
(a) previsti fid-dikjarazzjoni finanzjarja relatata ma' din id-Deċiżjoni; jew
(b) integrati matul il-mandat permezz ta' emenda tad-dikjarazzjoni finanzjarja fuq talba tal-Kap tal-Missjoni.
Ladarba l-Kummissjoni jew dawk l-Istati jkunu formalment ipproponew li l-kontribuzzjoni finanzjarja tagħhom tiġi ġestita mill-EUCAP Sahel Niger, l-EUCAP Sahel Niger għandha tikkonkludi arranġament mal-Kummissjoni jew dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi għat-trattament ta' kull ilment minn partijiet terzi dwar ħsara kkawżata bħala riżultat ta' atti jew ommissjonijiet mill-EUCAP Sahel Niger fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati. L-Istati Membri kontribwenti fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jżommu lill-Unjoni jew lir-RGħ responsabbli għal atti jew ommissjonijiet mill-EUCAP Sahel Niger fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.
3. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-UE jew minn Stati terzi għaċ-Ċellula ta' Proġetti għandhom ikunu soġġetti għall-aċċettazzjoni mill-KPS.
Artikolu 14
Konsistenza tar-rispons u l-koordiment tal-Unjoni
1. Ir-RGħ għandha tiżgura l-konsistenza tal-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni mal-azzjoni esterna tal-Unjoni inġenerali, inklużi l-programmi ta’ żvilupp tal-Unjoni.
2. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta’ kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jaġixxi f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Niamey sabiex jiżgura l-konsistenza tal-azzjoni tal-Unjoni fin-Niġer.
3. Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri li jkunu preżenti fin-Niġer.
Artikolu 15
Rilaxx ta’ informazzjoni
1. Ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif meħtieġ u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-EUCAP SAHEL Niger, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-EUCAP SAHEL Niger, f’konformità mad- ►M3 Deċiżjoni 2013/488/UE ◄ .
2. Fil-każ ta’ ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ hija awtorizzata wkoll tirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-EUCAP SAHEL Niger, f’konformità mad- ►M3 Deċiżjoni 2013/488/UE ◄ . Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan il-għan bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.
3. Ir-RGħ hija awtorizzata tirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokumenti mhux klassifikati tal-UE konnessi mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUCAP SAHEL Niger u li jkunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ( 3 ).
4. Ir-RGħ tista’ tiddelega s-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 3, kif ukoll il-kapaċità li tikkonkludi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2, lil persuni li jkunu mqiegħda taħt l-awtorità tagħha, lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ u dewmien
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Hija għandha tapplika sal-15 ta' Lulju 2018.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).
( 2 ) ĠU L 242, 11.9.2013, p. 2.
( 3 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).