SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
15 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Artikolu 4(1) u (2) – Artikolu 7(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi suppliment għall-pensjoni mogħti lin-nisa li jibbenefikaw minn pensjoni kontributorja tal-irtirar u li kellhom wild jew ulied bijoloġiċi jew adottati – Possibbiltà li jingħata dan is-suppliment lill-irġiel suġġetta għal kundizzjonijiet addizzjonali – Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess – Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Miżuri ta’ azzjoni pożittiva”
Fil-Kawżi magħquda C‑623/23 [Melbán] u C‑626/23 [Sergamo] ( i ),
li tirrigwarda żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa, l-ewwel waħda, mill-Juzgado de lo Social no 3 de Pamplona (il-Qorti Industrijali, Nru 3 ta’ Pamplona, Spanja), u, it-tieni waħda, mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Settembru 2023 u tat‑13 ta’ Settembru 2023, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fis‑6 ta’ Ottubru 2023 u fit‑12 ta’ Ottubru 2023, fil-proċeduri
UV (C‑623/23)
XXX (C‑626/23)
vs
Istituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),
fil-preżenza ta’:
OP (C‑623/23),
Ministerio Fiscal (C‑623/23),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias, President tal-Awla, E. Regan u B. Smulders (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: R. Norkus,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), minn A. Álvarez Moreno u A. R. Trillo García, bħala letrados, |
|
– |
għall-Gvern Spanjol, minn M. Morales Puerta, bħala aġent, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Galindo Martín u E. Schmidt, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215), kif ukoll tal-Artikoli 20, 21, 23 u tal-Artikolu 34(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
|
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, minn naħa, UV (C‑623/23), missier ta’ żewġ ulied, u, min-naħa l-oħra, XXX (C‑626/23), missier ta’ tliet ulied, minn naħa, u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja), min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut, minn dan tal-aħħar, li jagħtihom suppliment għall-pensjoni (iktar ’il quddiem is-“suppliment għall-pensjoni inkwistjoni”), previst fid-dritt nazzjonali għall-benefiċċju tan-nisa u tal-irġiel li kellhom wild jew ulied iżda li l-għoti tagħhom lill-irġiel huwa suġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 79/7 jistabbilixxi: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-implimentazzjoni progressiva, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-elementi l-oħra ta’ protezzjoni soċjali pprovduti fl-Artikolu 3, tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, minn issa ’il quddiem imsejjaħ ‘il-prinċipju tat-trattament ugwali’”. |
|
4 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi: “Din id-Direttiva tgħodd għall-populazzjoni li taħdem – inklużi dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tieqaf għal xi żmien minħabba mard, disgrazzja jew qgħad involontarju u persuni li qed ifittxu x-xoghol – lill-ħaddiema irtirati jew invalidi u persuni li jaħdmu għal rashom”. |
|
5 |
L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi: “Din id-Direttiva għandha tgħodd għal:
[...]” |
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:
2. Il-prinċipju tat-trattament ugwali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rigward il-protezzjoni tan-nisa minħabba l-maternità”. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 79/7: “1. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-għan tagħha: [...]
[...] 2. L-Istati Membri għandhom minn żmien għall-ieħor jeżaminaw il-kwistjonijiet li tħallew barra skond il-paragrafu 1 u jaċċertaw, fid-dawl ta’ l-iżviluppi soċjali fil-kwistjoni kkonċernata, jekk hemmx ġustifikazzjoni biex jinżammu l-eskluzjonijiet kkonċernati”. |
Id-dritt Spanjol
|
8 |
Intitolat “Suppliment tal-maternità” fil-pensjonijiet kontributorji tas-sistema ta’ sigurtà soċjali”, l-Artikolu 60 tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), kif approvata bir‑Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 8/2015), tat‑30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal‑31 ta’ Ottubru 2015, p. 103291) (iktar ’il quddiem il-“LGSS preċedenti”), kien jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fid-dawl tal-kontribuzzjoni demografika tagħhom għas-sigurtà soċjali, għandu jingħata suppliment għall-pensjoni lin-nisa li kellhom ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji ta’ rtirar, tar-romol jew ta’ invalidità permanenti skont kwalunkwe sistema ta’ sigurtà soċjali. L-ammont ta’ dan is-suppliment, li għall-finijiet kollha għandu n-natura ġuridika ta’ pensjoni pubblika kontributorja, jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ perċentwal speċifiku għall-ammont inizjali tal-imsemmija pensjonijiet skont in-numru ta’ wlied, skont l-iskala li ġejja:
[...]” |
|
9 |
Wara l-adozzjoni tar-Real Decreto-Ley 3/2021, por el que se adoptan medidas para la reducción de la brecha de género y otras materias en los ámbitos de la Seguridad Social y économico (Digriet Leġiżlattiv Irjali 3/2021, li jadotta miżuri intiżi sabiex inaqqsu d-differenza bejn is-sessi u li jirrigwardaw oqsma oħra li jaqgħu taħt l-oqsma tas-sigurtà soċjali u tal-ekonomija), tat‑2 ta’ Frar 2021 (BOE Nru 29, tat‑3 ta’ Frar 2021, p. 12268) (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Irjali 3/2021”), il-LGSS preċedenti ġiet emendata (iktar ’il quddiem il-“LGSS emendata”). L-Artikolu 60 tal-LGSS emendata, intitolat “Suppliment għall-pensjonijiet kontributorji sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa”, jipprovdi: “1. In-nisa li kellhom wild jew ulied u li jibbenefikaw minn pensjoni kontributorja ta’ rtirar, ta’ inkapaċità permanenti jew tar-romol għandhom dritt għal suppliment għal kull wild, minħabba l-impatt li d-differenza bejn l-irġiel u n-nisa għandha, b’mod ġenerali, fuq l-ammont tal-pensjonijiet kontributorji tas-sigurtà soċjali mħallsa lin-nisa. Id-dritt għas-suppliment għal kull wild jingħata jew jinżamm fir-rigward tal-mara, sakemm is-suppliment ma jintalabx mill-ġenitur l-ieħor u jingħata lilu, u jekk dan tal-aħħar ikun ukoll mara, is-suppliment jingħata lil dik li tirċievi l-pensjoni pubblika li l-ammont tagħha jkun l-inqas għoli. Sabiex l-irġiel ikunu intitolati għas-suppliment, għandha tiġi sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
[...] 2. L-għoti tas-suppliment lit-tieni ġenitur iwassal għall-estinzjoni tas-suppliment diġà mogħti lill-ewwel ġenitur u jipproduċi effetti pekunjarji fl-ewwel jum tax-xahar wara dak tad-deċiżjoni [...] Qabel ma tingħata d-deċiżjoni li tagħti d-dritt lit-tieni ġenitur, għandu jinstema’ l-ġenitur li jirċievi s-suppliment. 3. Dan is-suppliment għandu f’kull aspett in-natura ġuridika ta’ pensjoni pubblika kontributorja. L-ammont tas-suppliment għal kull wild huwa stabbilit fil-liġi dwar il-baġit ġenerali tal-Istat korrispondenti. L-ammont li għandu jiġi rċevut huwa limitat għal erba’ darbiet l-ammont mensili stabbilit għal kull wild u miżjud fil-bidu ta’ kull sena tal-istess perċentwal bħal dak previst mil-liġi dwar il-baġit ġenerali tal-Istat korrispondenti għall-pensjonijiet kontributorji”. |
|
10 |
Skont is-seba’ u tletin dispożizzjoni addizzjonali tal-LGSS emendata, li hija intitolata “Portata temporali tas-suppliment għall-pensjonijiet kontributorji sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa”: “1. Id-dritt għas-suppliment għall-pensjonijiet kontributorji sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa previst fl-Artikolu 60 għandu jinżamm sakemm id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irtirar tal-irġiel u tan-nisa miksuba matul is-sena preċedenti tkun ta’ iktar minn 5 %. 2. Għall-finijiet ta’ din il-liġi, differenza bejn il-pensjonijiet tal-irtirar tal-irġiel u tan-nisa tfisser il-perċentwal li jirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont medju tal-pensjonijiet kontributorji tal-irtirar miksuba matul sena mill-irġiel u min-nisa. 3. Sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-miżura korrettiva introdotta biex titnaqqas id-differenza bejn il-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa, il-Gvern Spanjol għandu, bħala parti mid-djalogu soċjali, iwettaq evalwazzjoni perjodika, kull ħames snin, tal-effetti ta’ din il-miżura. 4. Meta d-differenza bejn l-irġiel u n-nisa matul perijodu ta’ sena tkun inqas minn 5 %, il-Gvern għandu jittrażmetti lill-[Cortes Generales (il-Parlament Spanjol)] abbozz ta’ liġi intiż li jħassar l-Artikolu 60, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali”. |
|
11 |
It-tlieta u tletin dispożizzjoni tranżitorja tal-LGSS emendata, intitolata “Żamma provviżorja tas-suppliment ta’ maternità fil-pensjonijiet kontributorji tas-sistema ta’ sigurtà soċjali”, tipprovdi: “Il-persuni li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-emenda prevista fl-Artikolu 60, kienu jirċievu s-suppliment ta’ maternità abbażi tal-kontribuzzjoni demografika jibqgħu jirċevuh. Il-ġbir ta’ dan is-suppliment ta’ maternità huwa inkompatibbli mas-suppliment għall-pensjonijiet kontributorji sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa li tista’ tkun dovuta, minħabba l-għoti ta’ pensjoni pubblika ġdida, peress li l-persuni kkonċernati jistgħu jagħżlu waħda jew l-oħra. Jekk il-ġenitur l-ieħor ta’ wieħed mill-ulied li taw dritt għas-suppliment ta’ maternità abbażi tal-kontribuzzjoni demografika jitlob is-suppliment għall-pensjonijiet kontributorji sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa u għandu d-dritt li jirċevih, skont l-Artikolu 60 ta’ din il-liġi [...], l-ammont ta’ kull xahar li jingħatalu għandu jitnaqqas mis-suppliment ta’ maternità rċevuta [...]”. |
|
12 |
L-Artikolu 3 tal-Ley Orgánica 3/2007 para la igualdad efectiva de mujeres y hombres (il-Liġi Organika 3/2007 għall-Ugwaljanza Effettiva Bejn in-Nisa u l-Irġiel), tat‑22 ta’ Marzu 2007 (BOE Nru 71, tat‑23 ta’ Marzu 2007, p. 12611), huwa fformulat kif ġej: “Il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel jimplika l-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-maternità, mir-responsabiltà tal-obbligi familjari jew mill-istat ċivili”. |
|
13 |
L-Artikolu 11(1) ta’ din il-liġi jipprevedi: “Sabiex id-dritt kostituzzjonali għall-ugwaljanza jsir effettiv, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jadottaw miżuri speċifiċi favur in-nisa biex jirrimedjaw għal sitwazzjonijiet manifesti ta’ inugwaljanza de facto meta mqabbla mal-irġiel. Dawn il-miżuri, li huma applikabbli sakemm dawn is-sitwazzjonijiet jippersistu, għandhom ikunu f’kull każ raġonevoli u proporzjonati fir-rigward tal-għan imfittex”. |
Il-fatti tal-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kawża C-623/23
|
14 |
UV, missier ta’ żewġt itfal, ingħata mill-INSS pensjoni tal-irtirar li tammonta għal ammont gross fix-xahar ta’ EUR 1 637.08 u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2021. |
|
15 |
Fis‑16 ta’ Ġunju 2022, UV talab lill-INSS sabiex jibbenefika, mill‑1 ta’ Lulju 2021, mis-suppliment għall-pensjoni intiż sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa li hija prevista fl-Artikolu 60 tal-LGSS emendata. |
|
16 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2022, l-INSS ċaħad din it-talba, billi qies li UV ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 60. |
|
17 |
Barra minn hekk, permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2022, li daħlet fis-seħħ fl‑10 ta’ Diċembru 2022, l-INSS ta lill-omm taż-żewġt itfal ikkonċernati pensjoni tal-irtirar antiċipata li tammonta għal ammont gross fix-xahar ta’ EUR 2 790.99, miżjuda bis-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni li jammonta għal EUR 56 fix-xahar. |
|
18 |
UV ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal‑14 ta’ Novembru 2022 quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 3 de Pamplona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Pamplona, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑623/23, billi sostna li l-Artikolu 60 tal-LGSS emendata jmur kontra d-Direttiva 79/7 sa fejn dan iwettaq diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. |
|
19 |
L-INSS ifakkar li, permezz tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni għall-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 60 tal-LGSS preċedenti kien diskriminatorju u jqis li dan l-Artikolu 60, li ġie emendat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni din is-sentenza, issa huwa konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 79/7. |
|
20 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva, preliminarjament, li s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jiżdied mal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar, ikkalkolat abbażi tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul il-ħajja attiva, u jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7 sa fejn jagħmel parti minn skema legali ta’ protezzjoni kontra wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
|
21 |
Barra minn hekk, hija tfakkar li, minkejja li UV effettivament iddedika ruħu għall-edukazzjoni taż-żewġt itfal tiegħu, l-INSS ċaħad it-talba għall-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni minħabba li l-assenza ta’ kontribuzzjoni ta’ UV għas-sistema ta’ sigurtà soċjali ma laħqitx il-perijodu minimu previst, għall-irġiel, fl-Artikolu 60 tal-LGSS emendata, peress li UV fil-fatt ma kienx waqaf iħallas kontribuzzjonijiet għal iktar minn 120 jum bejn id-disa’ xhur qabel it-twelid u t-tliet snin wara dan it-twelid. |
|
22 |
Peress li qieset, għaldaqstant, li hija obbligata tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk dan l-Artikolu 60 jintroduċix diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess li tmur kontra d-Direttiva 79/7, il-qorti tar-rinviju tindika li ma hemm l-ebda dubju li, fid-dawl tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, l-imsemmi Artikolu 60 jagħti trattament inqas favorevoli lill-irġiel milli lin-nisa, sa fejn in-nisa li jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar u li kellhom wild wieħed jew iktar jingħataw awtomatikament id-dritt għas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, filwaqt li l-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għandhom jissodisfaw kundizzjonijiet addizzjonali marbuta b’mod partikolari ma’ interruzzjoni effettiva tal-karriera tagħhom u tal-kontribuzzjoni tagħhom għas-sistema ta’ sigurtà soċjali. |
|
23 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk tali differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess tistax tkun iġġustifikata mill-fatt magħruf li, fi Spanja, l-edukazzjoni tat-tfal hija fil-parti l-kbira żgurata min-nisa, li tirriżulta minn diskriminazzjoni storika u strutturali fir-rigward tagħhom u tipproduċi effett dannuż fuq il-karriera professjonali tagħhom kif ukoll, għaldaqstant, fuq il-kontribuzzjoni tagħhom għas-sistema ta’ sigurtà soċjali. Is-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, previst fl-Artikolu 60 tal-LGSS emendata, huwa intiż għalhekk sabiex jikkumpensa dannu sostnut min-nisa matul il-karriera tagħhom, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi tad-Digriet-Liġi Irjali 3/2021. |
|
24 |
Madankollu, dan is-suppliment huwa rrikonoxxut mingħajr distinzjoni lin-nisa kollha li kellhom ulied, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huma effettivament kienux responsabbli għall-edukazzjoni ta’ wliedhom u irrispettivament mill-ammont tal-pensjoni tagħhom, li jista’ jkun ogħla mill-ammont tal-pensjoni medja, jew saħansitra jikkorrispondi għall-ammont massimu tal-pensjonijiet ammessi fi Spanja. Skont il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx għalhekk li din il-miżura hija realment ta’ natura li tilħaq l-għan li titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-pensjonijiet tal-irtirar. |
|
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, jekk, fid-dawl tal-eżistenza ta’ tali diskrepanza, l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jistax jitqies bħala miżura ta’ azzjoni pożittiva favur in-nisa. |
|
26 |
F’dan ir-rigward, hija tinvoka l-possibbiltà li l-miżura prevista fl-Artikolu 60 tal-LGSS emendata li taqa’ taħt il-miżuri ammessi mill-Artikolu 157(4) TFUE, fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni għall-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075), li tidher li teskludiha. |
|
27 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li jista’ jitqies li, fid-dawl tal-għan imfittex mill-Artikolu 60 tal-LGSS emendata, li jikkonsisti f’li jiġu kkumpensati l-konsegwenzi finanzjarji pprovokati mis-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol li jirriżultaw mill-fatt li huma storikament assumew rwol prinċipali fl-edukazzjoni tal-ulied, l-irġiel ma jinsabux, fir-realtà, fl-istess sitwazzjoni bħan-nisa, bl-esklużjoni, għaldaqstant, tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni bejniethom. |
|
28 |
Hija tqis, barra minn hekk, li s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni previst minn dan l-Artikolu 60 ma huwiex marbut mal-protezzjoni speċifika tal-mara minħabba t-tqala, il-ħlas jew il-maternità, b’tali mod li ma jidhirx li jaqa’ taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/7. L-istess japplika fir-rigward tad-deroga prevista fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, sa fejn l-għoti ta’ dan is-suppliment lin-nisa ma huwiex, preċiżament, suġġett għall-edukazzjoni ta’ wliedhom. |
|
29 |
Fit-tieni lok, fil-każ li l-Artikolu 60 tal-LGSS emendata ma jkunx konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema huma l-konsegwenzi tal-konstatazzjoni ta’ tali nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ dan l-Artikolu 60 li jipprevedi li s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jista’ jingħata biss lil ġenitur wieħed, jiġifieri dak li l-ammont tal-pensjoni tal-irtirar kontributorja tiegħu huwa l-inqas għoli. |
|
30 |
F’dan il-każ, omm iż-żewġt itfal ikkonċernati diġà ngħatat is-suppliment ikkonċernat. L-INSS għalhekk sostna li, fil-każ li tiġi kkonstatata diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess skont id-Direttiva 79/7, l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni favur il-missier għandu jwassal għall-waqfien tal-ħlas ta’ dan is-suppliment sa dak il-mument imħallas lill-omm minħabba li l-ammont tal-pensjoni kontributorja tal-irtirar tagħha jkun ogħla minn dak tal-pensjoni tal-missier. |
|
31 |
Il-qorti tar-rinviju, li tippreċiża li l-omm ġiet imħarrka sabiex tidher bħala intervenjenti minkejja li ma dehritx fil-proċess, hija madankollu tal-fehma li l-fatt li dan is-suppliment jingħata biss lill-pensjonant li jirċievi l-pensjoni li l-ammont tagħha huwa l-inqas għoli huwa ta’ natura li jneħħi kull effett utli għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fil-każ fejn il-pensjoni tal-irtirar li għandha l-ogħla ammont hija dik li jirċievi l-missier. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 60 tal-LGSS emendata jipprevedi espressament li l-imsemmi suppliment jista’ jitħallas biss lil wieħed miż-żewġ ġenituri fil-każ fejn iż-żewġ ġenituri jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali sabiex jiksbuh, b’tali mod li din id-dispożizzjoni ta’ dan l-Artikolu 60 ma għandhiex tapplika meta s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jingħata lill-missier li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti minn regola nazzjonali li tintroduċi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. |
|
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 3 de Pamplona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Pamplona) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:
|
Il-Kawża C-626/23
|
33 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-INSS, innotifikata lil XXX fis‑6 ta’ April 2022, dan tal-aħħar, missier ta’ tlett itfal, ingħata pensjoni tal-irtirar li daħlet fis-seħħ fil‑11 ta’ Jannar 2022. |
|
34 |
Peress li qies li l-ammont ta’ din il-pensjoni kien ġie kkalkolat b’mod żbaljat u li dan l-ammont kellu jinkludi wkoll is-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, XXX ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni quddiem l-INSS. |
|
35 |
Peress li dan l-ilment baqa’ mingħajr risposta, XXX, fis‑16 ta’ Settembru 2022, ippreżenta rikors quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 4 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 4 ta’ Madrid, Spanja), li, permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Frar 2023, ġie miċħud fl-intier tiegħu. |
|
36 |
XXX appella minn din is-sentenza quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑626/23, billi sostna li d-differenza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa li tirriżulta mill-Artikolu 60 tal-LGSS preċedenti baqgħet teżisti fil-kuntest tal-Artikolu 60 tal-LGSS emendata fir-rigward tal-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, sa fejn ir-rekwiżit ta’ “interruzzjoni tal-karriera professjonali” huwa meħtieġ biss għall-irġiel, u dan bi ksur tad-Direttiva 79/7. |
|
37 |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 60 tal-LGSS emendata huwiex kompatibbli ma’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikoli 20, 21, 23 u l-Artikolu 34(1) tal-Karta. |
|
38 |
F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li l-Artikolu 60 tal-LGSS preċedenti ġie emendat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni għall-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075). L-għoti tas-suppliment għall-pensjoni, li huwa previst fl-Artikolu 60 tal-LGSS emendata u li huwa kklassifikat mhux iktar bħala “suppliment tal-maternità fil-pensjonijiet kontributorji tas-sistema ta’ sigurtà soċjali”, iżda bħala “suppliment għall-pensjonijiet kontributorji sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa”, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ wild wieħed jew iktar u l-ammont ta’ dan is-suppliment ivarja skont in-numru ta’ wlied. |
|
39 |
Barra minn hekk, fil-LGSS emendata, kien previst li l-imsemmi suppliment ma jibqax jingħata iktar meta l-perċentwal li jirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont medju tal-pensjonijiet kontributorji ta’ rtirar miksuba matul sena mill-irġiel u min-nisa ma tibqax tkun ta’ iktar minn 5 %. |
|
40 |
Madankollu, b’differenza min-nisa li jirċievu pensjoni tal-irtirar u li kellhom wild wieħed jew iktar, li jibbenefikaw minn dritt awtomatiku għas-suppliment għall-pensjoni previst fl-Artikolu 60 tal-LGSS emendata, l-irġiel jistgħu jitolbu dan is-suppliment biss jekk jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet addizzjonali, relatati jew mal-ġbir ta’ pensjoni tar-romol minħabba l-mewt tal-ġenitur l-ieħor u mal-għoti lil wieħed mill-ulied ta’ pensjoni tal-orfni, jew inkella ma’ dannu fil-karriera professjonali tagħhom u, għaldaqstant, fil-perijodu ta’ kontribuzzjoni tagħhom għas-sistema ta’ sigurtà soċjali. |
|
41 |
Skont il-qorti tar-rinviju, fir-rigward ta’ tali miżuri, li jistabbilixxu differenza fit-trattament ibbażata fuq is-sess, ma huwiex biżżejjed, sabiex dawn jiġu ġġustifikati, li jiġi ddikjarat li dawn il-miżuri huma intiża tiġi stabbilita mill-ġdid l-ugwaljanza materjali bejn in-nisa u l-irġiel, iżda għandu, barra minn hekk, jiġi stabbilit li l-ksur li dawn jikkawżaw lid-dritt formali għall-ugwaljanza fit-trattament huwa proporzjonat mal-għan imfittex. |
|
42 |
F’dan il-każ, mill-espożizzjoni tal-motivi tad-Digriet-Liġi Irjali 3/2021 jirriżulta li l-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament magħmula mill-Artikolu 60 tal-LGSS emendata tinsab fl-għan li titnaqqas id-differenza li teżisti bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali, li huwa r-riflessjoni tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol li tirriżulta mill-fatt li huma storikament assumew rwol prinċipali fl-edukazzjoni tat-tfal. Għalhekk, dan l-Artikolu 60 jistabbilixxi miżura ta’ azzjoni pożittiva favur in-nisa, li l-irġiel xorta waħda għandhom aċċess għaliha sakemm ikunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. |
|
43 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar in-natura suffiċjenti ta’ din il-ġustifikazzjoni. Fil-fatt, mhux biss il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jipprekludu, fil-fatt, lill-parti l-kbira tal-irġiel milli jaċċedu għal dan is-suppliment, iżda barra minn hekk dawn il-kundizzjonijiet ma jipprekludux li l-imsemmi suppliment jingħata wkoll lil nisa li l-karriera professjonali tagħhom ma ġietx affettwata mill-edukazzjoni ta’ wliedhom. Barra minn hekk, peress li l-ammont tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jikkostitwixxi perċentwal tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar, dan is-suppliment jibbenefika iktar lill-persuni li għandhom pensjonijiet tal-irtirar għoljin, filwaqt li, skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-persuni probabbilment huma l-inqas li jistgħu jsofru dannu fil-karriera professjonali tagħhom minħabba l-edukazzjoni ta’ wliedhom, peress li dawn għandhom b’mod partikolari l-mezzi finanzjarji sabiex jimpjegaw terzi persuni għal dan l-għan. |
|
44 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-LGSS emendata issa saret tipprevedi li, meta ż-żewġ ġenituri jkollhom dritt għas-suppliment għall-pensjoni kkonċernat, hija biss il-pensjoni tal-irtirar l-inqas għolja taż-żewġ ġenituri li tiġi kkompletata b’dan is-suppliment. F’dan ir-rigward, minkejja li, f’dan il-każ, huwa biss inkwistjoni d-dritt tal-missier għall-imsemmi suppliment, tqum madankollu l-kwistjoni dwar jekk, sabiex jintlaħaq l-għan li jikkonsisti fit-tnaqqis tad-differenza bejn in-nisa u l-irġiel fil-qasam tal-pensjonijiet tal-irtirar, kif imfittex mil-LGSS emendata, kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-Artikolu 60 ta’ din il-liġi mal-Artikolu 23 tal-Karta jew, jekk ikun il-każ, mal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 79/7, kienx ikun biżżejjed li s-suppliment għall-pensjoni jingħata biss lill-ġenitur li jibbenefika mill-pensjoni tal-irtirar l-iktar għolja, irrispettivament mis-sess tal-ġenitur. |
|
45 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-Direttiva tal-Kunsill [79/7] u l-Artikoli 20, 21 [u 23 kif ukoll l-Artikolu] 34(1) tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni għall-benefiċjarji ta’ pensjonijiet tal-irtirar kontributorji li kellhom ulied bijoloġiċi jew adottati, iżda li tingħata awtomatikament lin-nisa, filwaqt li l-irġiel huma meħtieġa, jew ikunu d-detenturi ta’ pensjoni tar-romol b’riżultat tal-mewt tal-ġenitur l-ieħor u wieħed mill-ulied jkun jirċievi pensjoni għall-orfni, jew li kellhom il-karriera professjonali tagħhom interrotta jew ippreġudikata (fit-termini previsti legalment u deskritti iktar ’il fuq) b’riżultat tat-twelid jew tal-adozzjoni tal-wild?” |
|
46 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Diċembru 2021, il-Kawżi C‑623/23 u C‑626/23 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali u għall-finijiet tas-sentenza. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑623/23 u l-unika domanda fil-Kawża C‑626/23
|
47 |
Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fil-Kawża C‑626/23, il-qorti tar-rinviju titlob, permezz tad-domanda tagħha, l-interpretazzjoni mhux biss tad-Direttiva 79/7, iżda wkoll tal-Artikoli 20, 21, 23 u tal-Artikolu 34(1) tal-Karta. |
|
48 |
Fir-rigward tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, dawn jistabbilixxu, l-ewwel wieħed, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fid-dritt ta’ kull persuna, u, it-tieni wieħed, il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata, b’mod partikolari, fuq is-sess. Barra minn hekk, l-Artikolu 34(1) tal-Karta jirrigwarda b’mod partikolari r-rikonoxximent u l-osservanza, mill-Unjoni Ewropea, tad-dritt ta’ aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. |
|
49 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-Direttiva 79/7 tikkonkretizza l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali, b’mod li l-Istati Membri għandhom jaġixxu fl-osservanza ta’ din id-direttiva meta jadottaw miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Minn dan isegwi li l-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑626/23 għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-imsemmija direttiva u mhux tad-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Settembru 2020, YS (Pensjonijiet ta’ impriża tal-persunal diriġenti),C‑223/19, EU:C:2020:753, punti 83 u 84, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, INPS (Allowances tat-twelid u tal-maternità għal min għandu permess uniku), C‑350/20, EU:C:2021:659, punti 46 u 47). |
|
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C‑623/23 u permezz tad-domanda unika fil-Kawża C‑626/23, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk id-Direttiva 79/7, b’mod partikolari l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1)(b) tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 23 tal-Karta, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali minħabba l-edukazzjoni tat-tfal, jingħata suppliment għall-pensjoni lin-nisa li jibbenefikaw minn pensjoni kontributorja tal-irtirar u li kellhom wild wieħed jew iktar, filwaqt li l-għoti ta’ dan is-suppliment lill-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika huwa suġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali marbuta mal-fatt li l-karriera professjonali tagħhom tkun ġiet interrotta jew affettwata wara t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wliedhom. |
|
51 |
Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 79/7, din id-direttiva tapplika għall-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra, b’mod partikolari, ix-xjuħija. Barra minn hekk, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimplika l-assenza ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, kemm direttament, kif ukoll indirettament, b’riferiment, b’mod partikolari, għall-istat matrimonjali jew familjari, fir-rigward tal-kalkolu tal-benefiċċji. |
|
52 |
Kif jirrelevaw il-qrati tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 39, 41, 66 u 67 tas-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni lill-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075), li d-Direttiva 79/7 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni għan-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji, b’mod partikolari fil-każ ta’ invalidità permanenti, skont skema tas-sistema tas-sigurtà soċjali nazzjonali, filwaqt li l-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika ma għandhomx id-dritt għal tali suppliment għall-pensjoni, inkwantu tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva. |
|
53 |
F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qrati tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li wasslet għal din is-sentenza, jiġifieri dik li tirriżulta mill-Artikolu 60(1) tal-LGSS preċedenti, ġiet emendata fis-sens b’mod partikolari li, issa, ma għadhomx intitolati għal tali suppliment għall-pensjoni n-nisa biss, iżda wkoll l-irġiel, sakemm dawn tal-aħħar jissodisfaw kundizzjonijiet addizzjonali marbuta mal-fatt li l-karriera professjonali tagħhom ġiet interrotta jew affettwata fl-okkażjoni tat-twelid jew tal-adozzjoni ta’ wliedhom, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kawżi prinċipali, dik li ma jkunux ħallsu kontribuzzjonijiet għal iktar minn 120 jum bejn id-disa’ xhur qabel it-twelid ta’ wliedhom u t-tliet snin ta’ wara dan it-twelid. |
|
54 |
Kif ippreċiżaw l-INSS u l-Gvern Spanjol, il-LGSS emendata hija bbażata, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-motivi ta’ din il-liġi, fuq il-preżunzjoni li l-edukazzjoni tat-tfal tittieħed taħt ir-responsabbiltà, bħala prinċipju, tan-nisa, għad-detriment tal-karriera professjonali tagħhom, fejn din il-preżunzjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni empirika li l-edukazzjoni tat-tfal minn ommhom taffettwa b’mod preponderanti l-karriera professjonali tagħha. Tali preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata biss jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet applikabbli għall-irġiel, previsti fl-Artikolu 60(1) tal-LGSS emendata, huma ssodisfatti, peress li l-issodisfar ta’ dawn il-kundizzjonijiet jippermetti, għaldaqstant, li jiġi kkunsidrat li fil-verità kien ir-raġel li ddedika ruħu għall-edukazzjoni tat-tfal. |
|
55 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, bħalma għamlu l-qrati tar-rinviju u l-Kummissjoni Ewropea, li l-emendi magħmula lill-LGSS preċedenti ma temmewx l-eżistenza ta’ trattament inqas favorevoli tal-irġiel meta mqabbla man-nisa. |
|
56 |
Fil-fatt, huma biss l-irġiel li għandhom, sabiex ikollhom id-dritt għas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet addizzjonali msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, il-kwalità ta’ ġenitur ma hijiex biżżejjed sabiex tippermetti lill-irġiel li jibbenefikaw minn pensjoni tal-irtirar li jingħataw tali suppliment, meta dan huwa l-każ għan-nisa li għandhom status identiku. |
|
57 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċernax kategoriji ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, b’konformità mal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 42 sa 45 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni għall-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075). |
|
58 |
In-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata mhux b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni kif ukoll, fejn xieraq, tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam li tagħmel parti minnu din il-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment tal-pensjoni għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
59 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-formulazzjoni stess ta’ din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li din għandha l-għan li tnaqqas id-differenza eżistenti bejn is-sessi fil-qasam tas-sigurtà soċjali billi tikkumpensa d-dannu finanzjarju li l-ommijiet iġarrbu fil-karriera professjonali tagħhom minħabba r-rwol predominanti tagħhom fl-edukazzjoni ta’ wliedhom, dannu li jirriżulta b’mod partikolari fil-ħlas ta’ inqas kontribuzzjonijiet lis-sistema ta’ sigurtà soċjali u għalhekk fl-għoti ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali mnaqqsa. |
|
60 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl ta’ tali għan, ma jistax jiġi eskluż li l-ħaddiema nisa u rġiel li assumew l-edukazzjoni tat-tfal tagħhom jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, sa fejn it-tnejn li huma jistgħu jsofru, minħabba l-involviment tagħhom fl-edukazzjoni ta’ wliedhom, l-istess żvantaġġi fil-karriera, evalwazzjoni li ma hijiex ikkontestata mill-fatt, enfasizzat mill-INSS u mill-Gvern Spanjol, li l-kompiti marbuta mal-edukazzjoni tat-tfal huma, fil-prattika, fil-parti l-kbira tagħhom imwettqa min-nisa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment tal-pensjoni għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punti 50 sa 52). |
|
61 |
Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 60(1) tal-LGSS emendata tistabbilixxi trattament inqas favorevoli tal-irġiel meta mqabbla man-nisa, filwaqt li dawn il-persuni jistgħu jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli. |
|
62 |
Tali leġiżlazzjoni għalhekk toħloq diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7. |
|
63 |
Għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, deroga mill-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, ta’ kull diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess hija possibbli biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment tal-pensjoni għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
F’dan ir-rigward, fir-rigward, minn naħa, tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/7, li jipprovdi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-mara minħabba l-maternità, għandu jiġi kkonstatat, kif tirrileva wkoll il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑623/23, li l-Artikolu 60(1) tal-LGSS emendata ma jinkludi ebda element li jistabbilixxi rabta bejn l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni u t-teħid ta’ leave tal-maternità jew l-iżvantaġġi li ġġarrab mara fil-karriera tagħha minħabba l-assenza tagħha mis-servizz matul il-perijodu ta’ wara l-ħlas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment tal-pensjoni għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 57). |
|
65 |
Barra minn hekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-fatt stess li s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jista’ issa, bla ħsara għall-kundizzjonijiet addizzjonali msemmija fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, jingħata wkoll lill-irġiel jikkonferma tali konstatazzjoni. |
|
66 |
Għaldaqstant, suppliment għall-pensjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/7. |
|
67 |
Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, din ma tostakolax il-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-vantaġġi mogħtija fil-qasam tal-assigurazzjoni għax-xjuħija lill-persuni li rabbew it-tfal kif ukoll l-akkwist ta’ drittijiet għall-benefiċċji wara perijodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba l-edukazzjoni tat-tfal. |
|
68 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed madankollu li jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li l-punti 1 u 2 tal-Artikolu 60(1)(b) tal-LGSS emendata jimponu fuq l-irġiel kundizzjonijiet intiżi, b’mod partikolari, li jillimitaw l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni biss għall-ħaddiema rġiel li l-karriera professjonali tagħhom tkun ġiet interrotta jew affettwata fl-okkażjoni tat-twelid jew tal-adozzjoni ta’ wliedhom, mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-qrati tar-rinviju jirriżulta li, fir-rigward tan-nisa, din id-dispożizzjoni tkompli ma tissuġġettax tali għoti għall-edukazzjoni tat-tfal jew għall-eżistenza ta’ perijodi ta’ interruzzjoni tal-karriera professjonali tagħhom dovuti għall-edukazzjoni ta’ wliedhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment tal-pensjoni għall-ommijiet), C‑450/18, EU:C:2019:1075, punt 62). |
|
69 |
Konsegwentement, l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 79/7 ma jistax japplika għal tali suppliment għall-pensjoni. |
|
70 |
Fit-tielet lok, għandu jiġi eżaminat jekk id-diskriminazzjoni msemmija fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, li tirriżulta mill-Artikolu 60(1) tal-LGSS emendata, tistax tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 23 tal-Karta. |
|
71 |
Dan l-Artikolu 23 jipprovdi, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jipprekludix iż-żamma jew l-adozzjoni ta’ miżuri li jipprevedu vantaġġi speċifiċi favur is-sess sottorappreżentat. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li din id-dispożizzjoni tirriproduċi, “f’formula iqsar”, l-Artikolu 157(4) TFUE, iżda “ma temendahx”, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17). |
|
72 |
Skont l-Artikolu 157(4) TFUE, sabiex tiġi żgurata konkretament ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix lil Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri li jipprovdu vantaġġi speċifiċi intiżi li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali mis-sess sottorappreżentat jew intiżi li jipprekludu jew jikkumpensaw żvantaġġi fil-karriera professjonali. |
|
73 |
F’dan il-kuntest, l-INSS isostni li l-Artikolu 60(1) tal-LGSS emendata jaqa’ taħt l-imsemmija dispożizzjoni sa fejn għandu jitqies li jikkostitwixxi miżura ta’ azzjoni pożittiva li taqa’ fil-kuntest tat-tfittxija tal-għan, li l-importanza tiegħu hija rrikonoxxuta fil-livell tal-Unjoni, intiż sabiex tintemm id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-pensjonijiet tal-irtirar, li tirriżulta mill-fatt li n-nisa storikament assumew rwol prinċipali fl-edukazzjoni tal-ulied. L-INSS iżid li s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jagħmel parti minn numru ta’ miżuri adottati mir-Renju ta’ Spanja li jirrigwardaw fost oħrajn dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiffavorixxu r-responsabbiltà konġunta tal-ġenituri fil-konċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja u tal-ħajja professjonali u sabiex jintlaħqu, għalhekk, l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 157(4) TFUE. B’hekk, l-Artikolu 60(1) tal-LGSS emendata jippermetti li jiġu kkompletati dawn il-miżuri l-oħra billi jiġu kkumpensati l-iżvantaġġi li n-nisa sofrew fil-karriera professjonali tagħhom, minħabba l-edukazzjoni ta’ wliedhom u li, fi tmiem il-karriera tagħhom, jaffettwaw il-pensjonijiet tal-irtirar tagħhom. |
|
74 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 65 tas-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Instituto Nacional de la Seguridad Social (Suppliment għall-pensjoni għall-ommijiet) (C‑450/18, EU:C:2019:1075), li l-Artikolu 157(4) TFUE ma jistax japplika għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 60(1) tal-LGSS preċedenti, li huwa limitat li jagħti lin-nisa suppliment għall-pensjoni fil-mument tal-għoti ta’ pensjoni, mingħajr ma jirrimedja problemi li jistgħu jaffaċċjaw matul il-karriera professjonali tagħhom, fejn tali suppliment ma jidhirx li huwa ta’ natura li jikkumpensa l-iżvantaġġi li jkunu esposti għalihom in-nisa billi jgħinhom fil-karriera tagħhom u, għalhekk, jiżgura konkretament ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali. |
|
75 |
Issa, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti japplikaw ukoll fir-rigward tal-Artikolu 60(1) tal-LGSS emendata. F’dan ir-rigward, il-fatt li din id-dispożizzjoni tikkompleta, sakemm dan jiġi stabbilit, mekkaniżmi oħra li, min-naħa tagħhom, huma intiżi sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 157(4) TFUE ma huwiex, bħala tali, ta’ natura li jaffettwa tali konklużjoni. |
|
76 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 23 tal-Karta. |
|
77 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑623/23 u għad-domanda unika fil-Kawża C‑626/23 għandha tkun li d-Direttiva 79/7, b’mod partikolari l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7(1)(b) tagħha, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 23 tal-Karta, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha, sabiex titnaqqas id-differenza bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali minħabba l-edukazzjoni tat-tfal, jingħata suppliment lin-nisa li jibbenefikaw minn pensjoni kontributorja tal-irtirar u li kellhom wild wieħed jew iktar, filwaqt li l-għoti ta’ dan is-suppliment lill-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika huwa suġġett għal kundizzjonijiet addizzjonali marbuta mal-fatt li l-karriera professjonali tagħhom tkun ġiet interrotta jew affettwata wara t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wliedhom. |
Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C‑623/23
Fuq l-ammissibbiltà
|
78 |
L-INSS u l-Gvern Spanjol isostnu li t-tieni domanda fil-Kawża C‑623/23, li tirrigwarda l-effett li l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni lill-missier jista’ jkollu fuq iż-żamma tas-suppliment diġà mogħti lill-omm, hija inammissibbli sa fejn l-eventwali tneħħija ta’ dan is-suppliment lill-omm tal-ulied ikkonċernati ma hijiex inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
79 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi), C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
80 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi), C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
81 |
F’dan il-każ, huwa minnu li l-kwistjoni tat-tneħħija tas-suppliment għall-pensjoni mogħti lill-omm ma tidhirx, bħala tali, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 60(2) tal-LGSS emendata, “[l]-għoti tas-suppliment lit-tieni ġenitur iwassal għall-estinzjoni tas-suppliment diġà mogħti lill-ewwel ġenitur [...], u għalhekk dawn il-ġenitur għandu jinstema’ “[q]abel ma tingħata d-deċiżjoni li tagħti d-dritt lit-tieni ġenitur”. Barra minn hekk, mill-preċiżazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-omm ġiet imħarrka sabiex tidher fil-kawża prinċipali bħala intervenjenti. |
|
82 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi eskluż li l-qorti tar-rinviju għandha, sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali b’osservanza tar-regoli proċedurali applikabbli, tieħu inkunsiderazzjoni l-eventwalità ta’ tali tneħħija. Konsegwentement, ma jidhirx b’mod manifest li l-kompatibbiltà ta’ tali tneħħija mad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mas-suġġett tal-kawża prinċipali. |
|
83 |
Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol iqis li d-Direttiva 79/7 hija nieqsa minn kull rabta mas-suġġett tat-tieni domanda fil-Kawża C‑623/23, peress li l-qorti tar-rinviju ma ppreċiżatx liema mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva tinkiser jekk il-konstatazzjoni tan-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal għat-tneħħija tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni mogħti lill-omm. |
|
84 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-fatt li hija tqis li tali tneħħija tista’ tneħħi kull effett utli tal-konstatazzjoni tan-natura diskriminatorja ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, magħmula fir-rigward tad-Direttiva 79/7. Huwa għalhekk possibbli li tinftiehem ir-rabta li din il-qorti tistabbilixxi bejn it-tneħħija tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni mogħti lill-omm u r-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-direttiva. |
|
85 |
Minn dan isegwi li t-tieni domanda fil-Kawża C‑623/23 hija ammissibbli. |
Fuq il‑mertu
|
86 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑623/23, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 79/7 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li, fil-każ fejn tiġi miċħuda applikazzjoni għas-suppliment għall-pensjoni mressqa minn missier skont leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens ta’ din id-direttiva, u fejn il-missier għandu, għaldaqstant, jingħata dan is-suppliment b’applikazzjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-ommijiet, tali għoti jwassal għat-tneħħija tas-suppliment għall-pensjoni diġà mogħti lill-omm, peress li, skont din il-leġiżlazzjoni, l-imsemmi suppliment jista’ jingħata biss lill-ġenitur li jirċievi pensjoni tal-irtirar li l-ammont tagħha huwa l-inqas għoli u li dan il-ġenitur huwa l-missier. |
|
87 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, meta diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss permezz tal-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija pprivileġġata. F’tali ipoteżi, il-qorti nazzjonali għandha tiċħad kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma hija għandha titlob jew tistenna l-eliminazzjoni tagħha minn qabel mil-leġiżlatur, u tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess sistema li minnha jibbenefikaw il-persuni tal-kategorija l-oħra (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2023, TGSS (Rifjut tas-suppliment ta’ meternità), C‑113/22, EU:C:2023:665, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
88 |
F’dan il-każ, għalkemm, fir-rigward tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, l-applikazzjoni għall-missier tal-istess skema bħal dik applikabbli għall-omm twassal għall-għoti ta’ dan is-suppliment lil dan il-missier u, fl-istess ħin, għat-tneħħija tas-suppliment diġà mogħti lil din l-omm, sa fejn, minn naħa, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li l-imsemmi suppliment jista’ jingħata biss lil ġenitur wieħed, jiġifieri lil dak li jirċievi l-pensjoni li l-ammont tagħha huwa l-inqas għoli, u, min-naħa l-oħra, l-omm tirċievi l-ogħla pensjoni, din it-tneħħija ma tistax titqies li ċċaħħad mill-effett utli l-konstatazzjoni tan-natura diskriminatorja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha l-missirijiet kienu mċaħħda minn dan l-istess suppliment. |
|
89 |
Fil-fatt, tali tneħħija hija biss il-konsegwenza tal-applikazzjoni, għall-missier, tal-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ommijiet f’dak li jirrigwarda l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni. |
|
90 |
L-istess japplika fir-rigward tas-sitwazzjoni, invokata mill-qorti tar-rinviju, li fiha l-missier jirċievi l-ogħla pensjoni u fejn dan is-suppliment jingħata, għal din ir-raġuni, biss lill-omm. |
|
91 |
Hija din il-qorti li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha u tevalwa jekk dan id-dritt jippermettix jew le ż-żamma tas-suppliment għall-pensjoni diġà mogħti lill-omm meta l-missier jista’ jitlob is-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għall-ommijiet, filwaqt li jiġi ppreċiżat li l-imsemmija qorti tidher li tqis li l-kundizzjoni li tipprevedi li dan is-suppliment jingħata biss lill-ġenitur li jirċievi l-pensjoni l-inqas għolja ma hijiex applikabbli “meta [l-imsemmi] suppliment jingħata lill-missier li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti minn regola nazzjonali li tintroduċi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess”. |
|
92 |
Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li d-dritt nazzjonali tagħha jippermetti tali żamma, xejn fid-dritt tal-Unjoni ma jeżiġi li tiġi mċaħħda minn suppliment għall-pensjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-kategorija tal-persuni li diġà jibbenefikaw minnu, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2011, Landtová, C‑399/09, EU:C:2011:415, punt 53). |
|
93 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑623/23 għandha tkun li d-Direttiva 79/7 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, fil-każ fejn tiġi miċħuda applikazzjoni għas-suppliment għall-pensjoni mressqa minn missier skont leġiżlazzjoni nazzjonali meqjusa li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens ta’ din id-direttiva, u fejn il-missier għandu, għaldaqstant, jingħata dan is-suppliment b’applikazzjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli għall-ommijiet, tali għoti jwassal għat-tneħħija tas-suppliment għall-pensjoni diġà mogħti lill-omm, peress li, skont din il-leġiżlazzjoni, l-imsemmi suppliment jista’ jingħata biss lill-ġenitur li jirċievi pensjoni tal-irtirar li l-ammont tagħha huwa l-inqas għoli u li dan il-ġenitur huwa l-missier. |
Fuq l-ispejjeż
|
94 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.