|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1803 |
25.6.2024 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1803
tal-24 ta’ Ġunju 2024
li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2309 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1804 tal-24 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/319 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (1),
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-25 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/2309 (2), li jikkonċerna miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti. |
|
(2) |
Ir-Regolament (UE) 2022/2309 jagħti effett lid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2319 (3) u jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni ddeżinjati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti rilevanti bħala responsabbli għall-involviment jew l-appoġġ tagħhom fil-konfront ta’ vjolenza ta’ gruppi kriminali, ta’ attivitajiet kriminali jew abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem, jew għal azzjoni li thedded il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Haiti u fir-reġjun. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1574 (4) tistabbilixxi kriterji kumplimentari li abbażi tagħhom l-Unjoni tista’ tapplika projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet fuq id-disponibbiltà ta’ riżorsi lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi (“miżuri kumplimentari”). Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1574 tistabbilixxi wkoll li l-eżenzjoni umanitarja mill-miżuri ta’ ffriżar ta’ assi skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 2664 (2022), tapplika wkoll għall-miżuri kumplimentari. |
|
(4) |
Fl-24 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1804, li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319 f’konformità mal-UNSCR 2699 (2023). Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1804 tissostitwixxi l-embargo mmirat fuq l-armi relatat ma' armi u materjal relatat li jiġi applikat għal persuni jew entitajiet b’embargo fuq l-armi relatat ma' armi żgħar, armi ħfief u munizzjon li jiġi applikat għat-territorju kollu tal-Haiti. |
|
(5) |
Uħud mill-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex tagħti effett lid-Deċiżjoni (PESK) 2024/1804, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha japplikawhom b’mod uniformi. |
|
(6) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2309 jiġi emendat skont dan, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 2022/2309 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
1. Għandu jkun ipprojbit li:
|
(a) |
tingħata assistenza teknika relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, il-komponenti, u l-aċċessorji tagħhom, u l-munizzjon, kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/38 (*1), kif ukoll armi tan-nar, il-parts u l-komponenti essenzjali tagħhom, u l-munizzjon kif definit fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 258/2012 (*2), direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Haiti jew għall-użu fil-Haiti; |
|
(b) |
jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ oġġetti msemmija fil-punt (a), jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Haiti jew għall-użu fil-Haiti. |
2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-forniment ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja kif imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), lin-NU jew lil missjoni awtorizzata min-NU jew lil unità tas-sigurtà li topera taħt il-kmand tal-Gvern tal-Ħaiti, maħsuba biex jintużaw minn jew f’koordinazzjoni ma’ dawk l-entitajiet u maħsuba biss biex imexxu ’l quddiem l-objettivi tal-paċi u l-istabbiltà fl-Haiti.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) ĠU L, 2024/1804, 25.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1804/oj
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2309 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (ĠU L 307, 28.11.2022, p. 17)
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/2309 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (ĠU L 307, 28.11.2022, p. 135).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1803/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)