IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 304 final/2 Downgraded on 4.6.2025
2025/0158(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.6.2025
COM(2025) 304 final/2 Downgraded on 4.6.2025
2025/0158(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Fit-3 ta’ Mejju 1998, il-Kunsill iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, l-Awstrija u l-Finlandja ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jadottaw l-euro fl-1 ta’ Jannar 1999. Id-Danimarka u r-Renju Unit użaw il-klawżoli ta’ nonparteċipazzjoni tagħhom u għaldaqstant ma ġewx evalwati mill-Kunsill. Il-Kunsill qies il-Greċja u l-Iżvezja bħala Stati Membri b’deroga.
Fid-19 ta’ Ġunju 2000, il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2001. Il-pajjiżi li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 (iċ-Ċekja, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja) saru Stati Membri b’deroga f’konformità mal-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni rispettiv.
Fil-11 ta’ Lulju 2006, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2007.
Il-Bulgarija u r-Rumanija ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 2007 u saru Stati Membri b’deroga f’konformità mal-Artikolu 5 tal-Att tal-Adeżjoni rispettiv.
Fl-10 ta’ Lulju 2007 il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa biex jadottaw l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008.
Fit-8 ta’ Lulju 2008, il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja kienet ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2009.
Fil-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill iddeċieda li l-Estonja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2011.
Fil-9 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill iddeċieda li l-Latvja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2014.
Fil-23 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill iddeċieda li l-Litwanja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2015.
Fil-12 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill iddeċieda li l-Kroazja kienet issodisfat il-kundizzjonjiet meħtieġa biex tadotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2023.
L-Artikolu 140(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-TFUE”) jiddikjara li mill-inqas darba kull sentejn jew fuq talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandhom jirrapportaw lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar mill-Istati Membri b’deroga fit-twettiq tal-obbligi tagħhom li jiksbu unjoni ekonomika u monetarja.
Abbażi tar-rapport tagħha stess u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 140(2) tat-TFUE, biex tħassar id-deroga tal-Istati Membri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa.
Kemm ir-rapporti ta’ konverġenza tal-Kummissjoni kif ukoll tal-BĊE ġew ippubblikati fl-4 ta’ Ġunju 2025. Ir-rapporti jinkludu eżami tal-kompatibbiltà bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Bulgarija, inklużi l-istatuti tal-bank ċentrali nazzjonali tagħha, mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-BĊE.
Ir-rapporti jeżaminaw ukoll jekk intlaħaqx grad għoli ta’ konverġenza sostenibbli, billi jirreferu għall-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza, u jqisu diversi fatturi oħra meħtieġa f’konformità mal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE.
Fir-rapport ta’ konverġenza tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-Bulgarija tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-euro.
Fir-rapport ta’ konverġenza tiegħu, il-BĊE ma identifika l-ebda ostaklu għall-abrogazzjoni tad-deroga li tikkonċerna l-Bulgarija.
Abbażi tar-rapport tagħha u dak tal-BĊE, il-Kummissjoni adottat il-proposta mehmuża għal deċiżjoni tal-Kunsill biex tħassar id-deroga tal-Bulgarija, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026.
2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT
Id-diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-isfidi tal-politika ekonomika fl-Istati Membri jsiru regolarment taħt diversi intestaturi fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) u l-ECOFIN/Eurogroup. Dawn jinkludu diskussjonijiet informali dwar kwistjonijiet speċifikament rilevanti għat-tħejjija għad-dħul eventwali fiż-żona tal-euro (inklużi l-politiki tar-rati tal-kambju).
L-iżviluppi ekonomiċi fiż-żona tal-euro u fl-Istati Membri huma vvalutati permezz tad-diversi proċeduri ta’ koordinazzjoni u sorveljanza tal-politika ekonomika (speċifikament f’konformità mal-Artikolu 121 tat-TFUE), u bħala parti mill-monitoraġġ u l-analiżi regolari tal-Kummissjoni tal-iżviluppi speċifiċi għall-pajjiż u għaż-żona kollha (inklużi previżjonijiet, serje ta’ pubblikazzjonijiet regolari, u kontribut għall-KEF u l-ECOFIN/Grupp tal-Euro). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u mal-prattika tal-passat, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt formali.
3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA
3.1.Bażi legali
Il-bażi legali għal din il-proposta hija l-Artikolu 140(2) tat-TFUE, li jipprevedi l-proċedura għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tal-euro u l-abrogazzjoni tad-deroga fl-Istati Membri kkonċernati.
Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, wara diskussjoni fil-Kunsill Ewropew u wara li jkun irċieva rakkomandazzjoni ta’ maġġoranza kkwalifikata ta’ dawk fost il-membri tiegħu li jirrappreżentaw Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
3.2.Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità
Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
Din l-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha u, għalhekk, tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
3.3.Għażla tal-istrument legali
F’konformità mal-Artikolu 140(2) tat-TFUE, deċiżjoni hija l-istrument legali xieraq.
4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.
2025/0158 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Bulgarija fl-1 ta’ Jannar 2026
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 140(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-rapport mill-Kummissjoni Ewropea ( 1 )
Wara li kkunsidra r-rapport mill-Bank Ċentrali Ewropew ( 2 )
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 3 ),
Wara li kkunsidra d-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro ( 4 ),
Billi:
(1)It-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (“UEM”) beda fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kunsill, li ltaqa’ fi Brussell fit-3 ta’ Mejju 1998 fil-kompożizzjoni tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern, iddeċieda li l-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall u l-Finlandja kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 1999 ( 5 ).
(2)Permezz tad-Deċiżjoni 2000/427/KE ( 6 ), il-Kunsill iddeċieda li l-Greċja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2001. Permezz tad-Deċiżjoni 2006/495/KE ( 7 ), il-Kunsill iddeċieda li s-Slovenja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2007. Permezz tad-Deċiżjonijiet 2007/503/KE ( 8 ) u 2007/504/KE ( 9 ), il-Kunsill iddeċieda li Ċipru u Malta kienu ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2008. Permezz tad-deċiżjoni 2008/608/KE ( 10 ), il-Kunsill iddeċieda li s-Slovakkja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2010/416/UE ( 11 ), il-Kunsill iddeċieda li l-Estonja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-Deċiżjoni 2013/387/UE ( 12 ), il-Kunsill iddeċieda li l-Latvja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Permezz tad-deċiżjoni 2014/509/UE ( 13 ), il-Kunsill iddeċieda li l-Litwanja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Fl-aħħar nett, permezz tad-Deċiżjoni 2022/1211/UE ( 14 ), il-Kunsill iddeċieda li l-Kroazja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro.
(3) F’konformità mal-punt 1 tal-Protokoll Nru 16 dwar ċerti dispożizzjonijiet relatati mad-Danimarka anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u mad-Deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern f’Edinburgh f’Diċembru 1992, id-Danimarka nnotifikat lill-Kunsill li mhijiex se tipparteċipa fit-tielet stadju tal-UEM. Id-Danimarka ma talbitx li tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
(4) Bis-saħħa tad-Deċiżjoni 98/317/KE, l-Iżvezja hija Stat Membru b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) tat-TFUE. F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003 ( 15 ), iċ-Ċekja, l-Ungerija u l-Polonja huma Stati Membri b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) tat-TFUE. F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 ( 16 ), il-Bulgarija u r-Rumanija huma Stati Membri b’deroga skont it-tifsira tal-Artikolu 139(1) TFUE.
(5)Il-Bank Ċentrali Ewropew (“BĊE”) ġie stabbilit fl-1 ta’ Lulju 1998. Is-Sistema Monetarja Ewropea ġiet sostitwita minn mekkaniżmu tar-rati tal-kambju, li t-twaqqif tiegħu ġie miftiehem permezz tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu tar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja tas-16 ta’ Ġunju 1997 ( 17 ). Il-proċeduri għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) ġew stabbiliti fil-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu għar-rati tal-kambju fit-tielet fażi tal-unjoni ekonomika u monetarja ( 18 ).
(6)L-Artikolu 140(2) tat-TFUE jistabbilixxi l-proċeduri għall-abrogazzjoni tad-derogi tal-Istati Membri kkonċernati. Mill-inqas darba kull sentejn, jew fuq talba ta’ Stat Membru b’deroga, il-Kummissjoni u l-BĊE għandhom jirrapportaw lill-Kunsill f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 140(1) TFUE.
(7)Il-leġiżlazzjoni nazzjonali fl-Istati Membri, inklużi l-istatuti tal-banek ċentrali nazzjonali, għandha tiġi adattata skont il-ħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-kompatibbiltà mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u mal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (“Statut tas-SEBĊ u tal-BĊE”). Ir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE jipprovdu valutazzjoni dettaljata tal-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Bulgarija mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u mal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.
(8)F’konformità mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 13 dwar il-kriterji ta’ konverġenza anness mat-TFUE, il-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jfisser li Stat Membru għandu prestazzjoni tal-prezzijiet li tkun sostenibbli u rata medja ta’ inflazzjoni, osservata fuq perjodu ta’ sena qabel l-eżami, li ma taqbiżx b’aktar minn punt perċentwali u nofs dik ta’, l-aktar, it-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Għall-finijiet tal-kriterju dwar l-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni titkejjel permezz tal-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) definit fir-Regolament (UE) 2016/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 19 ). Għall-valutazzjoni tal-kriterju tal-istabbiltà tal-prezzijiet, l-inflazzjoni ta’ Stat Membru titkejjel permezz tal-bidla perċentwali fil-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili relattivament għall-medja aritmetika ta’ 12-il indiċi mensili mill-perjodu ta’ qabel. Fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE, intuża valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja aritmetika sempliċi tar-rati ta’ inflazzjoni tat-tliet Stati Membri bl-aħjar riżultati f’dik li hi l-istabbiltà tal-prezzijiet, bl-addizzjoni ta’ 1,5 punti perċentwali. Fil-perjodu ta’ sena li ntemm f’April 2025, il-valur referenzjarju tal-inflazzjoni ġie kkalkolat bħala 2,8 %, bl-Irlanda, il-Finlandja u l-Italja bħala t-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, b’rati ta’ inflazzjoni ta’ 1,2 %, 1,3 % u 1,4 %, rispettivament.
(9)F’konformità mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-pożizzjoni baġitarja tal-gvern imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE ifisser li fil-waqt tal-analiżi, l-Istat Membru ma jkunx is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 126(6) tat-TFUE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv.
(10)F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-parteċipazzjoni fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju tas-Sistema Monetarja Ewropea msemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 140(1) tat-TFUE jirrikjedi li Stat Membru jkun irrispetta l-marġnijiet ta’ fluttwazzjoni normali previsti mill-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju (ERM) tas-Sistema Monetarja Ewropea, mingħajr tensjonijiet severi, għal mill-inqas l-aħħar sentejn qabel l-eżami. B’mod partikolari, l-Istat Membru m’għandux ikun żvaluta r-rata bilaterali ċentrali tal-munita tiegħu kontra l-euro fuq inizjattiva tiegħu stess matul l-istess perijodu. Mill-1 ta’ Jannar 1999, l-ERM II jipprovdi l-qafas għall-valutazzjoni tat-twettiq tal-kriterju tar-rata tal-kambju. Fl-evalwazzjoni tas-sodisfar ta’ dan il-kriterju fir-rapporti tagħhom, il-Kummissjoni u l-BĊE eżaminaw il-perijodu ta’ sentejn li ntemm fid-19 ta’ Mejju 2025.
(11)F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 13, il-kriterju dwar il-konverġenza tar-rati tal-imgħax imsemmi fir-raba’ inċiż tal-Artikolu 140(1) TFUE jfisser li, osservat matul perijodu ta’ sena qabel l-eżami, Stat Membru kellu rata tal-imgħax nominali medja fit-tul li ma taqbiżx b’iktar minn żewġ punti perċentwali dik, l-iktar l-iktar, tat-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet. Il-kriterju użat biex tiġi vvalutata l-konverġenza tar-rati tal-imgħax kien kumparabbli fuq bonds tal-gvern ta’ referenza ta’ għaxar snin. Biex jiġi vvalutat l-issodisfar tal-kriterju tar-rata tal-imgħax, fir-rapporti tal-Kummissjoni u tal-BĊE tqies valur ta’ referenza kkalkulat bħala l-medja aritmetika sempliċi tar-rati tal-imgħax nominali fit-tul tat-tliet Stati Membri bl-aħjar prestazzjoni f’termini ta’ stabbiltà tal-prezzijiet, flimkien ma’ żewġ punti perċentwali. Il-valur referenzjarju huwa bbażat fuq ir-rati tal-imgħax fit-tul fl-Irlanda (2,8 %), fil-Finlandja (2,9 %) u fl-Italja (3,7 %), u fil-perjodu ta’ 12-il xahar li ntemm f’April 2025 kien ta’ 5,1 %.
(12)F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 13, id-data użata fil-valutazzjoni tal-issodisfar tal-kriterji ta’ konverġenza ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni. Id-data baġitarja ġiet ipprovduta mill-Kummissjoni wara r-rappurtar mill-Istati Membri qabel l-1 ta’ April 2025, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 ( 20 ).
(13)Abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar mill-Bulgarija fit-twettiq tal-obbligi tagħha rigward il-kisba tal-unjoni ekonomika u monetarja, ġie konkluż li fil-Bulgarija, il-leġiżlazzjoni nazzjonali, inkluż l-Istatut tal-bank ċentrali nazzjonali, hija kompatibbli mal-Artikoli 130 u 131 tat-TFUE u mal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.
(14) Abbażi tar-rapporti ppreżentati mill-Kummissjoni u l-BĊE dwar il-progress li sar mill-Bulgarija fit-twettiq tal-obbligi tagħha rigward il-kisba tal-unjoni ekonomika u monetarja, huwa konkluż li, fir-rigward tat-twettiq mill-Bulgarija tal-kriterji ta’ konverġenza msemmija fl-erba’ inċiżi tal-Artikolu 140(1) TFUE: ir-rata medja tal-inflazzjoni fil-Bulgarija fil-perjodu ta’ 12-il xahar li ntemm f’April 2025 kienet ta’ 2,7 %, li hija taħt il-valur ta’ referenza, u rieżami ta’ firxa wiesgħa ta’ indikaturi ma tidentifikax kawżi ta’ tħassib rigward is-sostenibbiltà tal-istabbiltà tal-prezzijiet; Il-Bulgarija ma hijiex is-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv. Il-Bulgarija ilha membru tal-ERM II mill-10 ta’ Lulju 2020 u matul is-sentejn ta’ qabel il-valutazzjoni, ir-rata tal-kambju tal-lev (BGN) ma kinitx soġġetta għal tensjonijiet serji u l-Bulgarija ma żvalutatx ir-rata ċentrali bilaterali tal-BGN kontra l-euro fuq inizjattiva tagħha stess. Fl-aħħar nett, fil-perjodu ta’ 12-il xahar li ntemm f’April 2025, ir-rata tal-imgħax fit-tul fil-Bulgarija kienet, bħala medja, 3,9 %, li hija ferm taħt il-valur ta’ referenza.
(15) Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà legali u tat-twettiq tal-kriterji ta’ konverġenza kif ukoll il-valutazzjoni ta’ fatturi addizzjonali, il-Bulgarija tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Bulgarija tissodisfa l-kondizzjonjiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro. Id-deroga msemmija fl-Artikolu 5 tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 hija abrogata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President