10.2.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 33/38


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/203

tad-9 ta' Frar 2015

b'appoġġ għall-proposta tal-Unjoni għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku bħala kontribut għal miżuri ta' trasparenza u bini tal-fiduċja f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-RGħ tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

L-attivitajiet fl-ispazju qed jespandu u l-importanza tagħhom hija kruċjali. L-ispazju huwa riżorsa għall-Istati kollha fid-dinja. Dawk li għad m'għandhomx attivitajiet fl-ispazju jistgħu jkollhom fil-futur. Għalhekk, l-Unjoni tikkunsidra li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku huwa objettiv importanti li ser jikkontribwixxi għall-iżvilupp u s-sigurtà tal-Istati. Dan l-objettiv huwa parti mill-politika tal-Unjoni dwar l-ispazju.

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija Ewropea ta' Sigurtà li tidentifika sfidi u theddid globali, u li ssejjaħ għal ordni internazzjonali bbażata fuq id-dritt u fuq multilateraliżmu effettiv u istituzzjonijiet internazzjonali li jiffunzjonaw tajjeb.

(3)

L-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tirrikonoxxi l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti bħala l-qafas fundamentali għar-relazzjonijiet internazzjonali u titkellem favur it-tisħiħ tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u li tiġi ekwipaġġata biex tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha u taġixxi b'mod effettiv. L-Unjoni taħdem biex ikun hemm grad għoli ta' kooperazzjoni fl-oqsma kollha ta' relazzjonijiet internazzjonali, sabiex, fost l-oħrajn, iżżomm il-paċi, tipprevjeni l-konflitti u ssaħħaħ is-sigurtà internazzjonali, f'konformità mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

(4)

L-Unjoni tinsab impenjata għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' trasparenza u ta' bini ta' fiduċja, bħala mezz biex tinkiseb sigurtà msaħħa tal-ispazju. L-Unjoni hija wkoll partikolarment sensittiva għall-kwistjoni tar-riskji maħluqa minn residwi spazjali, irrispettivament mill-oriġini tagħhom, li huma ta' ħsara għal attivitajiet fil-preżent u fil-futur.

(5)

Fit-18 ta' Settembru 2007, fit-tweġiba tagħha għar-riżoluzzjoni 61/75 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-6 ta' Diċembru 2006, l-Unjoni introduċiet il-proposta tagħha għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku (“il-Kodiċi ta' Kondotta”) u tat bidu għal konsultazzjonijiet biex tippromwovi l-iżvilupp ta' abbozz preliminari.

(6)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-8-9 ta' Diċembru 2008, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea appoġġa l-ewwel abbozz għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali, li fih jipparteċipaw Stati fuq bażi volontarja, u li inkluda miżuri ta' trasparenza u ta' bini tal-fiduċja, bħala bażi għall-konsultazzjonijiet ma' Stati terzi ewlenin li għandhom attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku jew li għandhom interessi f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, bil-għan li jinkiseb test li jkun aċċettabbli għall-ikbar għadd ta' Stati.

(7)

Fis-27 ta' Settembru 2010, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta mandat lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għal konsultazzjonijiet ulterjuri u usa' abbażi ta' verżjoni riveduta tal-abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta prodott mill-Unjoni fid-dawl ta' konsultazzjonijiet ma' Stati interessati.

(8)

Il-proposta tal-Unjoni għal abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta ġie ppreżentat formalment lill-komunità internazzjonali fi Vjenna fil-5 ta' Ġunju 2012. Sussegwentement inbeda proċess ta' konsultazzjonijiet b'data miftuħa ta' għeluq (OEC, open-ended consultations) dwar l-abbozz tal-Kodiċi ta' Kondotta, bil-għan li tiżdied it-trasparenza u l-inklużività tal-proċess. Saru tliet ċikli ta' konsultazzjonijiet, l-aħħar tnejn dwar il-verżjonijiet riveduti tal-Kodiċi ta' Kondotta: fis-16-17 ta' Mejju 2013 fi Kiev, fl-20-22 ta' Novembru 2013 f'Bangkok u, fl-aħħar nett, fis-27-28 ta' Mejju 2014 fil-Lussemburgu. Kull waħda minn dawk il-laqgħat attendew għaliha parteċipanti minn aktar minn 60 Stat, u b'kollox kien hemm parteċipanti minn aktar minn 80 Stat.

(9)

Fi tmiem l-OEC li saru fil-Lussemburgu fis-27-28 ta' Mejju 2014, il-President ikkonkluda li l-proċess ta' tliet ċikli tal-OEC li saru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bl-involviment tal-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR) fl-2013-2014 kellhom rwol importanti fl-iżvilupp ta' fehim reċiproku aħjar ta' pożizzjonijiet u ta' kwistjonijiet ta' tħassib fost l-Istati parteċipanti. Bosta mill-parteċipanti fil-Lussemburgu esprimew xewqa kbira li l-proċess jitmexxa minn fażi ta' konsultazzjoni għal fażi ta' negozjati, li fiha l-abbozz ta' test tal-Kodiċi ta' Kondotta, żviluppat fil-proċess tal-OEC, li għalih ikkontribwew ħafna Stati u li baqa' miftuħ għal aktar bidliet, għandu jservi bħala l-bażi għal negozjati multilaterali fil-ġejjieni. Għadd ta' parteċipanti fil-proċess tal-OEC kienu indikaw il-ħtieġa għal xi għamla ta' approvazzjoni tan-NU. Wara l-OEC li saru fil-Lussemburgu, l-Unjoni impenjat ruħha li tipproduċi abbozz ta' test ġdid tal-Kodiċi ta' Kondotta u indikat ir-rieda tagħha li tirrifletti u tikkonsulta dwar kif tista' tkompli tappoġġa ulterjorment in-negozjati multilaterali tal-ġejjieni, kif ukoll is-sottoskrizzjoni għall-Kodiċi ta' Kondotta futur u l-implimentazzjoni tiegħu.

(10)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/281/PESK (1), implimentata mill-UNIDIR, kienet strumentali fl-appoġġ tagħha għal dak il-proċess. Hija ppermettiet id-disseminazzjoni ta' informazzjoni, l-iskambju ta' fehmiet u l-bini tal-kapaċitajiet tal-partijiet interessati fil-Kodiċi ta' Kondotta, u rriżultat f'sensibilizzazzjoni u fehim akbar tal-Kodiċi ta' Kondotta. L-attivitajiet ewlenin taħt dik id-Deċiżjoni kienu seminars reġjonali (Kuala Lumpur, Diċembru 2012; Addis Ababa, Marzu 2013; Mexico City, Ġunju 2013; Astana, Ottubru 2013) u l-laqgħat multilaterali msemmijin hawn fuq fi Vjenna (Ġunju 2012), fi Kiev (Mejju 2013), f'Bangkok (Novembru 2013) u fil-Lussemburgu (Mejju 2014) li servew bħala pjattaforma biex il-Kodiċi ta' Kondotta jiġi ppreżentat u diskuss internazzjonalment u biex jintwera l-impenn tal-Unjoni għal proċess trasparenti u inklużiv.

(11)

Fl-“Istudju dwar miżuri ta' trasparenza u ta' bini tal-fiduċja fir-rigward tal-ispazju extra-atmosferiku” tiegħu tat-12 ta' Lulju 2013, il-Grupp ta' Esperti Governattivi (GGE), stabbilit mis-Segretarjat Ġenerali tan-NU skont ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali 65/68, innota l-preżentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta mill-Unjoni, kif ukoll l-OEC li saru fi Kiev. Fil-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju tiegħu, il-GGE approva l-isforzi biex jitwettqu l-impenji politiċi, bħal kodiċi ta' kondotta multilaterali sabiex jitħeġġu azzjonijiet responsabbli fl-ispazju extra-atmosferiku u l-użu paċifiku tiegħu.

(12)

Fil-5 ta' Diċembru 2013, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat b'kunsens ir-Riżoluzzjoni A/RES/68/50 dwar miżuri ta' trasparenza u ta' bini ta' fiduċja f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, filwaqt li laqgħet ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li fih l-istudju tal-GGE u nnotat il-preżentazzjoni mill-Unjoni tal-abbozz tal-Kodiċi ta' Kondotta. Dik ir-Riżoluzzjoni tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU biex janalizzaw u jimplimentaw il-miżuri ta' trasparenza u ta' bini ta' fiduċja (TCBMs, transparency and confidence building measures) proposti mill-GGE u titlob lis-Segretarju Ġenerali biex jiċċirkola r-rapport lill-entitajiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti tan-NU sabiex ikunu jistgħu jassistu fl-implimentazzjoni effettiva tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport. L-entitajiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti tan-NU huma mħeġġa wkoll biex jikkoordinaw dwar kwistjonijiet relatati mar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport.

(13)

Filwaqt li jiġi kkunsidrat il-momentum miksub fil-proċess tal-OEC mmexxija mill-Unjoni dwar l-abbozz tal-Kodiċi ta' Kondotta u x-xewqa ta' sħab internazzjonali li l-Unjoni tkompli tmexxi dan il-proċess lejn l-adozzjoni finali tal-Kodiċi ta' Kondotta u tipprovdi mezzi għall-implimentazzjoni tiegħu immedjatament wara l-adozzjoni, l-appoġġ għall-proċess, li nbeda b'suċċess taħt id-Deċiżjoni 2012/281/PESK, għandu jkompli fuq il-bażi ta' Deċiżjoni ġdida tal-Kunsill.

(14)

Id-Deċiżjoni ġdida tal-Kunsill għandha tappoġġa aktar ħidma biex jissaħħaħ l-għarfien dwar it-TCBMs f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, inkluża l-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali, kif ukoll negozjati dwar il-Kodiċi ta' Kondotta u l-adozzjoni formali tiegħu, waqt li tista' tingħata għajnuna għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta u l-punt ta' kuntatt tiegħu permezz ta' Deċiżjoni futura tal-Kunsill.

(15)

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) u l-UNIDIR għandhom jiġu fdati mill-Kunsill bl-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni. Filwaqt li l-UNODA diġà għandu rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet fir-rapport tal-2013 mill-GGE tan-NU dwar it-TCBMs f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, l-UNIDIR ser ikun f'pożizzjoni li juża l-esperjenza miksuba f'attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni reġjonali taħt id-Deċiżjoni 2012/281/PESK,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Sabiex tappoġġa l-proposta tagħha għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku (“il-Kodiċi ta' Kondotta”) bħala kontribut għall-ħolqien ta' TCBMs f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/68/50, l-Unjoni ssegwi l-objettiv li ġej:

—

bl-użu tal-esperjenza miksuba taħt id-Deċiżjoni 2012/281/PESK, tkompli tmexxi l-proċess multilaterali dwar il-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, waqt li tinvolvi l-Istati interessati kollha b'mod inklużiv u trasparenti bil-għan li tibni l-aktar kunsens wiesa' possibbli dwar l-abbozz tal-Kodiċi ta' Kondotta bil-ħsieb tal-adozzjoni tiegħu mill-komunità internazzjonali.

Artikolu 2

1.   Il-proġetti li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandhom ikopru l-attivitajiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

ikomplu jsaħħu s-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-fehim tal-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali u l-proċess immexxi mill-Unjoni;

(b)

ikomplu jipprovdu qafas għall-proċess multilaterali dwar il-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, li jippermetti lill-komunità internazzjonali tkompli timpenja ruħha bil-għan li tibni l-aktar kunsens wiesa' possibbli għall-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta, permezz ta' laqgħat multilaterali ta' sostenn għal negozjati dwar l-abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta, kif ukoll għall-adozzjoni formali tiegħu.

2.   Il-proġetti u l-attivitajiet speċifiċi huma deskritti fid-dettall fl-Anness.

Artikolu 3

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 2 għandha ssir mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) u l-Istitut tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Riċerka dwar id-Diżarm (UNIDIR), kif speċifikat fl-Anness. L-UNODA u l-UNIDIR għandhom iwettqu dawn il-kompiti taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dak il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UNODA u l-UNIDIR.

Artikolu 4

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 1 274 398,85. It-total stmat tal-baġit għall-proġett kollu għandu jkun ta' EUR 1 475 955,15, li għandu jiġi pprovdut permezz ta' ko-finanzjament mill-UNODA u l-UNIDIR.

2.   L-infiq iffinanzjat mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehimiet ta' finanzjament mal-UNODA u l-UNIDIR. Il-ftehimiet għandhom jistipulaw li l-UNODA u l-UNIDIR għandhom jiżguraw li l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni tkun adatta għad-daqs tagħha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehimiet ta' finanzjament imsemmijin fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill u lir-RGħ dwar kwalunkwe diffikultà fil-proċess u dwar id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament fi żmien ġimagħtejn mill-iffirmar.

Artikolu 5

1.   Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari li għandhom jitħejjew mill-UNODA u l-UNIDIR. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 2.

Artikolu 6

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.   Hija għandha tiskadi 24 xahar wara l-konklużjoni tal-ftehimiet ta' finanzjament rilevanti msemmija fl-Artikolu 4(3), jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk l-ebda ftehim ta' finanzjament ma jkun ġie konkluż f'dan il-perijodu.

Magħmul fi Brussll, id-9 ta' Frar 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/281/PESK tad-29 ta' Mejju 2012 fil-qafas tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà b'appoġġ għall-proposta tal-Unjoni għal Kodiċi ta' Kondotta Internazzjonali għall-Attivitajiet fl-Ispazju Extra-atmosferiku (ĠU L 140, 30.5.2012, p. 68).


ANNESS

1.   Qafas Ġenerali u Objettivi

L-assi spazjali, operati minn għadd dejjem jiżdied ta' entitajiet governattivi u mhux governattivi, joffru lid-dinja benefiċċji enormi li wieħed ma kienx jimmaġina ftit għexieren ta' snin ilu. Illum dawn il-benefiċċji huma akkumpanjati minn sfidi sinifikanti li jirriżultaw minn residwi orbitali perikolużi u b'hekk il-potenzjal ta' kolliżjonijiet distruttivi, l-iffullar ta' satelliti f'orbita ġeostazzjonarja, is-saturazzjoni dejjem tikber tal-ispettru tar-radju-frekwenza, kif ukoll it-theddida ta' interruzzjoni bi skop. Dawn l-isfidi jirrikjedu l-involviment serju tal-Istati kollha biex jiġu żgurati aktar sikurezza u sigurtà fl-ispazju extra-atmosferiku.

Wara r-riżoluzzjonijiet 61/75 tas-6 ta' Diċembru 2006 u 62/43 tal-5 ta' Diċembru 2007 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar miżuri ta' trasparenza u ta' bini tal-fiduċja f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku u bi tweġiba għat-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-membri tan-NU għal “proposti konkreti” dwar TCBMs, f'Settembru 2007 l-Unjoni introduċiet il-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta volontarju. Inbdew konsultazzjonijiet inizjali ma' Stati terzi u l-ewwel abbozz ta' “Kodiċi ta' Kondotta għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku” ġie approvat mill-Kunsill fit-8-9 ta' Diċembru 2008. Fid-dawl ta' aktar konsultazzjonijiet ma' Stati interessati, fis-27 ta' Settembru 2010 l-Kunsill approva verżjoni riveduta tal-abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta u ta mandat lir-RGħ tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għal konsultazzjonijiet ulterjuri u usa' bil-għan li jiġi stabbilit test għal Kodiċi ta' Kondotta li jkun aċċettabbli għall-akbar numru ta' Stati u l-adozzjoni tiegħu.

Fit-twettiq ta' dak il-mandat, komplew il-konsultazzjonijiet u ġiet ippreżentata verżjoni riveduta tal-Kodiċi ta' Kondotta formalment lill-komunità internazzjonali f'laqgħa multilaterali li saret fil-5 ta' Ġunju 2012 fi Vjenna. Sussegwentement, ingħata bidu għal proċess ta' OEC dwar l-abbozz tat-test, bil-għan li l-proċess isir aktar trasparenti u inklużiv. Saru tliet ċikli ta' konsultazzjonijiet, l-aħħar tnejn dwar il-verżjonijiet riveduti tat-test: fis-16-17 ta' Mejju 2013 fi Kiev, fl-20-22 ta' Novembru 2013 f'Bangkok u, fl-aħħar nett, fis-27-28 ta' Mejju 2014 fil-Lussemburgu. Kull waħda minn dawn il-laqgħat attendew għaliha parteċipanti minn aktar minn 60 Stat, u b'kollox kien hemm parteċipanti minn aktar minn 80 Stat.

Fi tmiem l-OEC li saru fil-Lussemburgu fis-27-28 ta' Mejju 2014, il-Presidenza ikkonkludiet li l-proċess ta' tliet ċikli ta' OEC li sar mis-SEAE bl-involviment tal-UNIDIR fl-2013-2014 kellu rwol importanti fl-iżvilupp ta' fehim reċiproku aħjar ta' pożizzjonijiet u ta' kwistjonijiet ta' tħassib fost l-Istati parteċipanti. Ħafna mill-parteċipanti fil-Lussemburgu esprimew xewqa kbira li l-proċess jitmexxa minnufih minn fażi ta' konsultazzjoni għal fażi ta' negozjati, li fiha l-abbozz ta' test tal-Kodiċi ta' Kondotta, żviluppat fil-proċess ta' OEC, li għalih ikkontribwew ħafna Stati u li għadu miftuħ għal aktar bidliet, għandu jservi bħala l-bażi għal negozjati multilaterali futuri. Għadd ta' parteċipanti kienu indikaw il-ħtieġa għal xi forma ta' approvazzjoni tan-NU. Wara l-OEC li saru fil-Lussemburgu, l-Unjoni kellha tipproduċi abbozz ta' test ġdid tal-Kodiċi ta' Kondotta u baqgħet lesta biex tirrifletti u tikkonsulta dwar kif tista' tappoġġa aktar in-negozjati multilaterali futuri, kif ukoll is-sottoskrizzjoni għall-Kodiċi ta' Kondotta futur u l-implimentazzjoni tiegħu.

L-Assemblea Ġenerali tan-NU, fid-dawl tar-rapport tas-Segretarju Ġenerali mitlub bir-Riżoluzzjoni 61/75, ivvotat fit-8 ta' Diċembru 2010 ir-Riżoluzzjoni 65/68, fejn hija talbet lis-Segretarju Ġenerali biex jistabbilixxi Grupp ta' Esperti Governattivi (GGE) dwar miżuri ta' trasparenza u ta' bini tal-fiduċja f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku biex iħejji studju dwar it-TCBMs. L-Unjoni, li tqis li Kodiċi ta' Kondotta jista' jkun ta' kontribut għal TCBMs, infurmat lill-GGE tan-NU dwar il-progress rigward il-ħidma fuq il-Kodiċi ta' Kondotta, matul it-tliet laqgħat tal-GGE f'Lulju 2012, f'April 2013 u f'Lulju 2013. Il-GGE tan-NU ffinalizza l-istudju u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu f'Lulju 2013. Huwa rakkomanda li Stati u organizzazzjonijiet internazzjonali, fuq bażi volontarja u mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni ta' obbligi li jirriżultaw minn impenji legali eżistenti, jikkunsidraw u jimplimentaw it-TCBMs deskritti fir-rapport tal-GGE u japprovaw l-isforzi biex jitwettqu l-impenji politiċi, pereżempju, fil-għamla ta' dikjarazzjonijiet unilaterali, impenji bilaterali jew kodiċi ta' kondotta multilaterali, biex jiġu mħeġġa azzjonijiet responsabbli tal-ispazju extra-atmosferiku u l-użu paċifiku tiegħu. Il-GGE kkonkluda li miżuri politiċi volontarji jistgħu jifformaw il-bażi għall-konsiderazzjoni ta' kunċetti u proposti għal obbligi legalment vinkolanti.

Fil-5 ta' Diċembru 2013, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat b'kunsens ir-Riżoluzzjoni A/RES/68/50 dwar miżuri ta' trasparenza u ta' bini tal-fiduċja f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, li laqgħet ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li fih l-istudju tal-GGE u li nnotat il-preżentazzjoni mill-Unjoni tal-abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta. Ir-Riżoluzzjoni tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU biex janalizzaw u jimplimentaw it-TCBMs proposti mill-GGE u titlob lis-Segretarju Ġenerali biex jiċċirkola r-rapport lill-entitajiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti tan-NU sabiex ikunu jistgħu jassistu fl-implimentazzjoni effettiva tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport. L-entitajiet u l-organizzazzjonijiet rilevanti huma mħeġġa wkoll biex jikkoordinaw dwar kwistjonijiet relatati mar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport.

Mill-preżentazzjoni inizjali tal-abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta lill-komunità internazzjonali f'Ġunju 2012, l-attivitajiet taħt id-Deċiżjoni 2012/281/PESK “b'appoġġ għall-proposta tal-Unjoni għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku” kienu strumentali biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-Kodiċi ta' Kondotta u biex jingħata appoġġ lill-proċess multilaterali. Skont il-ftehim dwar il-kontribuzzjonijiet ffirmat f'Ġunju 2012, l-UNIDIR organizza għadd ta' seminars reġjonali (fi Kuala Lumpur, f'Addis Ababa, f'Mexico City u f'Astana) u appoġġa erba' laqgħat multilaterali kbar li ġew organizzati mis-SEAE fi Vjenna, fi Kiev, f'Bangkok u fil-Lussemburgu. Dawn il-laqgħat kollha kienu appoġġati minn sponsorizzazzjoni tal-ivvjaġġar biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta' uffiċjali u esperti.

Id-Deċiżjoni 2012/281/PESK appoġġat it-tixrid ta' informazzjoni u l-iskambju ta' fehmiet dwar il-Kodiċi ta' Kondotta u dan irriżulta f'sensibilizzazzjoni akbar u fehim tal-Kodiċi ta' Kondotta fir-reġjuni, kif ukoll internazzjonalment, fost l-esperti u dawk li jfasslu l-politika. Hija għenet lill-Unjoni biex turi l-impenn tagħha biex tmexxi l-proċess lejn l-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta bħala proċess trasparenti u inklużiv. Il-laqgħat organizzati taħt dik id-Deċiżjoni tal-Kunsill servew ukoll ta' pjattaforma biex dawk l-Istati li baqgħu kritiċi dwar il-Kodiċi ta' Kondotta jiġu mpenjati waqt li jitħeġġu biex jartikolaw it-tħassib tagħhom f'ambitu multilaterali bil-possibbiltà ta' argument kuntrarju u dibattitu.

Filwaqt li jitqies il-momentum miksub fil-proċess ta' diskussjonijiet dwar il-Kodiċi ta' Kondotta u, b'mod partikolari, l-iżvilupp ewlieni tal-approvazzjoni tal-GGE tan-NU, l-adozzjoni b'kunsens tar-Riżoluzzjoni tal-AĠNU A/RES/68/50 u l-eżitu tal-OEC li saru fil-Lussemburgu fis-27-28 ta' Mejju 2014, l-Unjoni għandha tkompli tappoġġa b'mod attiv il-ħolqien ta' TCBMs f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku billi tkompli tippromwovi u taħdem favur l-adozzjoni ta' Kodiċi ta' Kondotta.

Għal dan l-għan, u bl-użu tal-esperjenza taħt id-Deċiżjoni 2012/281/PESK, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet li ġejjin:

—

tkompli ssaħħaħ is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-fehim ta' TCBMs kif proposti fir-rapport tal-GGE, inkluża l-proposta ta' Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali u l-proċess immexxi mill-Unjoni Ewropea.

—

tkompli tipprovdi qafas għall-proċess multilaterali dwar il-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, li ser jippermetti lill-komunità internazzjonali tkompli timpenja ruħha bil-għan li tibni l-aktar kunsens wiesa' possibbli għall-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta, permezz ta' laqgħat multilaterali ta' sostenn għal negozjati dwar l-abbozz ta' Kodiċi ta' Kondott, kif ukoll għall-adozzjoni formali tiegħu.

2.   Proġetti

a.

Proġett 1: Komunikazzjoni: Promozzjoni ta' impenji politiċi biex jiġu mħeġġa azzjonijiet responsabbli fl-ispazju extra-atmosferiku u l-użu paċifiku tiegħu, inkluża l-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku

1.   Għan tal-Proġett

1.

Permezz tal-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' komunikazzjoni, isir kuntatt mal-partijiet interessati biex jespandu fuq is-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-fehim eżistenti ta' sforzi biex iwettqu l-impenji politiċi biex jinkoraġġixxu azzjonijiet responsabbli fl-ispazju extra-atmosferiku u l-użu paċifiku tiegħu, inkluża l-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, fil-kuntest tal-promozzjoni ta' TCBMs f'attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku.

2.   Riżultati tal-Proġett/Indikaturi tal-implimentazzjoni

1.

Ġew organizzati mill-inqas tliet avvenimenti ta' komunikazzjoni fil-marġni ta' konferenzi internazzjonali, li wasslu għal tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni, l-għarfien u l-fehim mill-partijiet interessati rilevanti ta' TCBMs, inkluż fil-Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali propost, inklużi r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni prattika.

2.

Saru erba' seminars reġjonali b'attendenza ta', mill-inqas, maġġoranza ta' Stati mir-reġjuni rilevanti.

3.

Klima msaħħa għall-progress politiku, kif riflessa fl-attendenza għal-laqgħat multilaterali previsti skont il-proġett 2 li hija ogħla mill-attendenza tal-OEC dwar il-Kodiċi ta' Kondotta (61 Stat) appoġġati taħt id- Deċiżjoni 2012/281/PESK.

3.   Deskrizzjoni tal-Proġett

1.

Huma previsti sa erba' seminars reġjonali jew subreġjonali għal diskussjoni dwar it-TCBMs b'enfasi fuq il-Kodiċi ta' Kondotta futur u t-tħaddim prattiku tiegħu, inkluż l-ippjanar nazzjonali għall-implimentazzjoni, li jwassal biex il-Kodiċi ta' Kondotta jinfetaħ għas-sottoskrizzjoni.

2.

L-organizzazzjoni ta' sa erba' avvenimenti żgħar ta' komunikazzjoni organizzati f'livell reġjonali u/jew internazzjonali, pereżempju fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-NU jew tal-Konferenza dwar id-Diżarm, biex jiġi promoss u appoġġat l-istadju li jmiss tal-proċess.

3.

Id-deċiżjoni dwar il-postijiet ser tittieħed mir-RGħ, fejn possibbli f'konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, abbażi ta' proposti mill-entità implimentattiva.

b.

Proġett 2: L-organizzazzjoni ta' sa tliet laqgħat multilaterali li jinvolvu l-Istati interessati kollha biex jiġu ffaċilitati n-negozjati abbażi tal-abbozz ta' test żviluppat permezz tal-OEC għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali bil-ħsieb li tintlaħaq il-konklużjoni u l-adozzjoni formali tiegħu

1.   Għan tal-Proġett

1.

Bħala implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-GGE tan-NU, jitlaqqgħu flimkien rappreżentanti minn Stati u partijiet oħra interessati għal negozjati dwar il-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta.

2.   Riżultati tal-Proġett/Indikaturi tal-implimentazzjoni

1.

Il-kisba ta' proċess diplomatiku li ppermetta n-negozjati dwar il-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta, inkluża l-organizzazzjoni ta' konferenza ta' negozjar u konferenza dwar is-sottoskrizzjoni.

2.

Appoġġ internazzjonali wiesa' għall-proposta għal Kodiċi ta' Kondotta li jippermetti l-adozzjoni tiegħu mill-komunità internazzjonali fl-ewwel nofs tal-2016.

3.   Deskrizzjoni tal-Proġett

1.

L-organizzazzjoni ta' sa tliet laqgħat multilaterali b'data miftuħa ta' għeluq li għalihom jiġu mistiedna l-Istati Membri tan-NU u l-organizzazzjonijiet rilevanti, inklużi:

(a)

sa żewġ konferenzi ta' negozjar li jippermettu lill-komunità internazzjonali timpenja ruħha dwar l-abbozz ta' Kodiċi ta' Kondotta, kif żviluppat fil-proċess tal-OEC, bil-ħsieb tal-finalizzazzjoni tat-test;

(b)

konferenza għas-sottoskrizzjoni għall-Kodiċi ta' Kondotta.

2.

Id-deċiżjoni dwar il-postijiet ser tittieħed mir-RGħ, fejn possibbli f'konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, abbażi ta' proposti mill-entità implimentattiva.

3.   Aspetti ta' proċedura u koordinazzjoni

a.

L-implimentazzjoni tal-proġetti ser tinbeda minn Kumitat ta' Tmexxija bl-objettiv li jiġu determinati l-proċeduri u l-modalitajiet għall-kooperazzjoni. Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jeżamina l-implimentazzjoni tal-proġetti regolarment, mill-inqas darba kull sitt xhur, inkluż bl-użu ta' mezzi elettroniċi u VTC, (video teleconferencing).

b.

Il-Kumitat ta' Tmexxija ser ikun magħmul minn rappreżentanti tar-Rappreżentant Għoli, l-UNODA, l-UNIDIR u l-istituzzjonijiet rilevanti tan-NU, skont il-każ.

c.

Abbażi ta' proposti mressqa mill-UNODA u l-UNIDIR, il-lok u l-kompożizzjoni strutturali ta' workshops u laqgħat ta' dan il-proġett ser jiġu deċiżi mir-RGħ, fejn possibbli f'konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE.

4.   Rappurtar u Valutazzjoni

a.

L-entitajiet implimentattivi għandhom jippreżentaw rapport narrattiv u finanzjarju lir-RGħ fi tmiem l-ewwel sena tal-proġett, waqt li jagħmlu ħilithom biex dan jikkoinċidi maċ-ċikli ta' rappurtar tan-NU.

b.

L-entitajiet implimentattivi għandhom jippreżentaw rapport finali lir-RGħ fi tmiem il-proġett.

c.

Ir-rapporti dwar il-progress u dwar is-sitwazzjoni, il-pubblikazzjonijiet, l-istqarrijiet għall-istampa u l-aġġornamenti ta' informazzjoni tal-entitajiet implimentattivi ser jiġu kkomunikati lir-RGħ u lill-Kummissjoni Ewropea kif u meta jinħarġu.

5.   Durata

Il-perijodu stmat ta' implimentazzjoni għal dan il-proġett huwa ta' 24 xahar.

6.   Benefiċjarji

a.

Stati Membri tan-NU.

b.

Partijiet interessati mhux governattivi inklużi s-soċjetà ċivili u l-industrija.

7.   Rappreżentanti ta' Partijiet Terzi

a.

Bil-għan li tiġi promossal-appartenenza reġjonali tal-Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għal attivitajiet fl-ispazju extra-atmosferiku, il-parteċipazzjoni ta' esperti li mhumiex tal-UE, inklużi dawk minn organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti, tista' tiġi ffinanzjata permezz ta' din id-Deċiżjoni.

b.

Il-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-UNODA, l-UNIDIR u l-UNOOSA f'attivitajiet relatati ma' din id-Deċiżjoni ser tiġi ffinanzjata, kif meħtieġ.

8.   Entità Implimentattiva

a.

L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni ser tkun fdata f'idejn l-UNODA għall-implimentazzjoni tas-subproġett 3.2 (avvenimenti ta' komunikazzjoni) tal-proġett 1, kif ukoll il-proġett 2, u lill-UNIDIR għall-implimentazzjoni tas-subproġett 3.1 (seminars reġjonali u subreġjonali) tal-proġett 1.

b.

L-UNODA u l-UNIDIR, skont il-każ, ser jaħdmu ma' istituzzjonijiet bħall-UNOOSA, organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, gruppi ta' riflessjoni, NGOs u l-industrija.