KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑13 ta’ Frar 2025 ( 1 )

Kawża C‑605/23

“Ati-19” EOOD

vs

Nachalnik na otdel “Operativni deynosti” – Sofia v Glavna direktsia “Fiskalen kontrol” pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen sad – Blagóevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagóevgrad, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 273 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 – Dritt għal rimedju effettiv – Miżura amministrattiva għall-issiġilar ta’ proprjetà – Talba għas-sospensjoni – Stħarriġ ġudizzjarju limitat għal evalwazzjoni tad-danni li jistgħu jirriżultaw mill-eżekuzzjoni tal-miżura”

1.

It-tilwima li tat lok għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda s-sospensjoni tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni tal-issiġillar ta’ proprjetà kummerċjali, maħruġa mill-awtoritajiet tat-taxxa Bulgari ( 2 ) fid-dawl tal-irregolaritajiet ikkonstatati fir-rigward tal-irkupru tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

2.

Id-deċiżjoni li l-proprjetà kummerċjali tiġi ssiġillat għal din ir-raġuni tista’, b’mod astratt, tiġi kklassifikata bħala miżura intiża sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT u sabiex tiġi evitata l-frodi (l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112/KE) ( 3 ).

3.

Għalkemm l-awtoritajiet tat-taxxa, minbarra l-issiġillar, imponew sanzjoni pekunjarja fuq l-impriża proprjetarja tal-proprjetà kummerċjali, il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju ma hijiex estiża għal din tal-aħħar.

4.

Dik il-qorti tixtieq tkun taf, fil-qosor, jekk ir-regola nazzjonali li tirregola r-rikorsi kontra l-eżekuzzjoni provviżorja tal-miżura amministrattiva ta’ ssiġillar hijiex konformi mad-dritt iggarantit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva dwar il-VAT

5.

Skont l-Artikolu 2(1)(a), hija suġġetta għall-VAT “il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

6.

L-Artikolu 273 jipprevedi li:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3”.

B.   Id-dritt nazzjonali

1. Il-Liġi dwar il-VAT ( 4 )

7.

L-Artikolu 118(1), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża, jipprevedi li:

“Kull persuna rreġistrata jew le għall-finijiet ta’ din il-liġi hija obbligata li tirreġistra u li żżomm bil-miktub il-kunsinni u l-bejgħ li hija tkun wettqet fi proprjetà kummerċjali billi toħroġ riċevuta fiskali ġġenerata permezz ta’ apparat fiskali (riċevuta tal-cash register) jew ta’ riċevuta ġġenerata permezz ta’ sistema awtomatika integrata ta’ ġestjoni tal-attività kummerċjali (riċevuta tas-sistema), u dan irrispettivament minn jekk jintalabx dokument ieħor ta’ sostenn fiskali. Id-destinatarju għandu jirċievi r-riċevuta tal-cash register jew ir-riċevuta tas-sistema u jżommhom sakemm joħroġ mill-proprjetà”.

8.

L-Artikolu 185(1) u (2) jipprovdi li:

“(1)   In-nuqqas li jinħareġ dokument ta’ sostenn imsemmi fl-Artikolu 118(1) huwa ssanzjonat, għall-persuni fiżiċi li ma humiex negozjanti, b’multa ta’ 100 sa 500 lev Bulgaru [(BGN)] u, għall-persuni ġuridiċi u n-negozjanti individwali, b’sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 500 sa BGN 2000.

(2)   Minbarra l-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull min iwettaq jew jippermetti li jitwettaq ksur imsemmi fl-Artikolu 118 jew f’att normattiv ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, huwa suġġett, fil-każ ta’ persuni fiżiċi li ma humiex negozjanti, għal multa ta’ BGN 300 sa BGN 1000, jew, fil-każ tal-persuni ġuridiċi u n-negozjanti individwali, għal sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 3000 sa BGN 10000. Fejn l-effett tal-ksur ma jkunx li ma jiġix indikat id-dħul fiskali, għandhom jiġu imposti s-sanzjonijiet previsti fil-paragrafu 1”.

9.

L-Artikolu 186 jipprevedi li:

“(1)   Il-miżura amministrattiva ta’ infurzar ta’ ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali għal perijodu massimu ta’ 30 jum, indipendentement mill-multi jew mis-sanzjonijiet pekunjarji previsti, tapplika għal persuna li:

1. tonqos milli

a)

toħroġ dokument li jservi ta’ prova tal-bejgħ konformement mal-Artikolu 118;

[…]

(3)   Il-miżura amministrattiva ta’ infurzar skont il-paragrafu 1 għandha tiġi applikata permezz ta’ ordni motivata tad-dipartiment tad-dħul jew ta’ uffiċjal awtorizzat minn dan id-dipartiment.

(4)   Mill-ordni msemmija fil-paragrafu 3 jista’, konformement mal-proċedura prevista mill-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva, isir appell”.

10.

Skont l-Artikolu 187(1) u (4):

“(1)   Fejn tiġi applikata l-miżura amministrattiva ta’ infurzar prevista fl-Artikolu 186(1), l-aċċess għall-proprjetà jew għall-proprjetajiet kummerċjali tal-persuna huwa pprojbit ukoll u l-beni li jinsabu f’din il-proprjetà u fl-imħażen tal-madwar għandhom jitneħħew mill-persuna jew mir-rappreżentant tagħha. […]

[…]

(4)   Fuq talba tal-persuna li tkun wettqet il-ksur, u bil-kundizzjoni li din tipproduċi l-prova tal-ħlas tal-multa kollha jew tas-sanzjoni pekunjarja, l-awtorità għandha ġġib fi tmiem il-miżura amministrattiva ta’ infurzar li hija tkun imponiet. It-tneħħija tas-siġilli huwa suġġett għall-obbligu ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-persuna li tkun wettqet il-ksur. F’każ ta’ reċidiva, it-tneħħija tas-siġill mill-proprjetà ma għandhiex issir qabel xahar minn meta tiġi ssiġillata”.

11.

L-Artikolu 188 ( 5 ) jipprevedi li:

“(1)   Il-miżura amministrattiva ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 186(1) hija suġġetta għal eżekuzzjoni provviżorja fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 60(1) sa (7) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Amministrattiva.

(2)   Id-deċiżjoni tal-qorti ma tistax tiġi appellata”.

12.

L-Artikolu 193 jipprovdi li:

“(1)   Il-Liġi dwar il-Ksur u s-Sanzjonijiet Amministrattivi tirregola l-konstatazzjoni tal-ksur ta’ din il-liġi u tal-atti normattivi ta’ applikazzjoni tagħha, l-adozzjoni u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi, kif ukoll l-appelli li jistgħu jsiru minn dawn id-deċiżjonijiet.

(2)   Is-sejbiet ta’ ksur għandhom jinħarġu mid-dipartimenti tad-dħul u d-deċiżjonijiet li jimponu sanzjonijiet amministrattivi għandhom jittieħdu mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku jew mill-uffiċjal li huwa jkun awtorizza għal dan l-għan”.

2. Il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva ( 6 )

13.

Skont l-Artikolu 6(5), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti tal-kawża, l-awtoritajiet amministrattivi għandhom iżommu lura milli jadottaw atti u aġiri li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju manifestament sproporzjonat fid-dawl tal-għan imfittex.

14.

L-Artikolu 60 jipprovdi li:

“(1)   L-att amministrattiv jinkludi digriet dwar l-eżekuzzjoni provviżorja tiegħu fejn il-ħajja jew is-saħħa taċ-ċittadini titlob dan, bil-għan li jiġu protetti l-interessi tal-Istat jew tal-pubbliku li jkunu ta’ importanza partikolari, fejn hemm riskju li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tiġi fix-xejn jew li tiġi mfixkla b’mod konsiderevoli, jew ir-riskju li d-dewmien fl-eżekuzzjoni jikkawża dannu gravi jew diffiċilment reparabbli, jew ukoll, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, li jiġi protett wieħed mill-interessi tagħha li huwa ta’ importanza partikolari għaliha F’din l-aħħar ipoteżi, l-awtorità amministrattiva għandha teżiġi l-garanzija korrispondenti.

(2)   Id-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni għandu jkun motivat.

[…]

(5)   Mid-digriet li jawtorizza jew jirrifjuta l-eżekuzzjoni provviżorja jista’ jsir appell quddiem il-qorti permezz tal-awtorità amministrattiva f’terminu ta’ tlett ijiem mid-data tan-notifika tad-digriet, irrispettivament minn jekk l-att amministrattiv ikunx ġie kkontestat jew le.

(6)   L-appell għandu jiġi eżaminat kemm jista’ jkun malajr bil-magħluq mingħajr ma jiġu nnotifikati kopji tal-appell lill-partijiet. L-appell ma jissospendix l-eżekuzzjoni provviżorja, iżda l-qorti tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni provviżorja sakemm tiddeċiedi l-appell b’mod definittiv.

(7)   Fejn tannulla d-digriet appellata, il-qorti għandha tiddeċiedi fuq il-mertu. Jekk l-eżekuzzjoni provviżorja tiġi annullata, l-awtorità amministrattiva għandha tirristawra s-sitwazzjoni kif eżistiet qabel l-eżekuzzjoni.

(8)   Mid-digriet tal-qorti jista’ jsir appell”.

15.

Skont il-punt 1 tal-Artikolu 128(1), il-qrati amministrattivi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu kawżi fejn jintalbu, b’mod partikolari, il-modifika jew l-annullament tal-atti amministrattivi.

16.

F’konformità mal-Artikolu 146, il-motivi tar-rikors kontra l-miżuri amministrattivi huma: (a) in-nuqqas ta’ kompetenza; (b) l-irregolaritajiet proċedurali; (c) il-ksur serju tar-regoli tal-proċedura amministrattiva; (d) il-ksur tar-regoli tad-dritt sostantiv; (e) l-inkompatibbiltà mal-għan imfittex mil-liġi.

17.

L-Artikolu 166 jipprevedi li:

“(1)   L-appell jissospendi l-eżekuzzjoni tal-att amministrattiv.

(2)   F’kull stadju tal-proċedura sal-mument li fih is-sentenza ssir definittiva, il-Qorti tista’, fuq talba tar-rikorrent, tissospendi l-eżekuzzjoni provviżorja, awtorizzata b’digriet finali tal-awtorità awtriċi tal-att imsemmi fl-Artikolu 60(1), jekk l-eżekuzzjoni provviżorja tista’ tikkawża dannu gravi jew diffiċilment reparabbli lir-rikorrent. […]”.

II. Il-fatti, il-kawża u d-domanda preliminari

18.

“Ati-19” EOOD hija kumpannija privata b’responsabbiltà limitata u b’membru uniku li topera proprjetà kummerċjali f’Blagóevgrad (il-Bulgarija).

19.

Fit‑3 ta’ Awwissu 2023, l-awtorità tat-taxxa Bulgara wettqet kontroll fil-proprjetà kummerċjali ta’ Ati-19, li matulu:

–

Qabel ma identifikaw ruħhom, l-ispetturi għamlu xirja li kienet tammonta għal BGN 14,80 (madwar EUR 8) mingħajr ma nħarġitilhom ebda riċevuta fiskali mill-cash register.

–

Ġie kkonstatat li r-reġistru fiskali ta’ kuljum kien jirrifletti ammont ta’ BGN 327,80 (madwar EUR 167), filwaqt li kien hemm total ta’ BGN 573,55 (madwar EUR 293) fil-cash register.

20.

Permezz tad-deċiżjoni tat‑8 ta’ Awwissu 2023, inbdiet proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva kontra Ati-19.

21.

Fid‑29 ta’ Awwissu 2023, l-awtorità tat-taxxa imponiet sanzjoni pekunjarja ta’ BGN 1000 (madwar EUR 500) fuq Ati-19.

22.

Fit‑30 ta’ Awwissu 2023, l-awtorità tat-taxxa ordnat l-issiġillar u l-projbizzjoni ta’ aċċess għall-proprjetà kummerċjali, għal perijodu ta’ erbatax-il jum.

23.

Il-miżura ta’ ssiġillar ġiet innotifikata lil Ati-19 fis‑6 ta’ Settembru 2023. Il-konferma ta’ riċevuta ffissat id-data effettiva tal-eżekuzzjoni tal-issiġillar għall‑21 ta’ Settembru 2023.

24.

Fl‑14 ta’ Settembru 2023, Ati-19 ressqet rikors quddiem l-Administrativen sad Blagóevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagóevgrad, il-Bulgarija), skont l-Artikolu 60(5) tas-CPA, kontra id-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni tal-issiġillar.

25.

Fit‑18 ta’ Settembru 2023, il-qorti ddeċidiet li r-rikors ta’ Ati-19 kien tardiv, minħabba li ma ppreżentatux fit-terminu ta’ tlett ijiem wara n-notifika tad-digriet.

26.

Fid‑19 ta’ Settembru 2023, Ati-19 talbet lill-istess qorti, skont l-Artikolu 166(2) tas-CPA, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-issiġillar tal-proprjetà.

27.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Administrativen sad Blagóevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagóevgrad, il-Bulgarija) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjoni legali nazzjonali li tipprovdi protezzjoni kontra l-eżekuzzjoni bil-quddiem ta’ miżuri, introdotti mil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jiġi ggarantit l-interess previst fl-Artikolu 273 tad-Direttiva [dwar il-VAT], li fil-kuntest tagħha l-portata tal-istħarriġ mill-qorti tkun limitata għall-materjalizzazzjoni tad-danni mġarrba?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ottubru 2023.

29.

Il-Gvern Bulgaru u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

30.

Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju kkonfermat, f’ittra rreġistrata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Diċembru 2023, li d-digriet ta’ ssiġillar kienet għadha ma ġietx eżegwita fl‑20 ta’ Diċembru 2023.

31.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qisitx li kien neċessarju li tinżamm seduta pubblika.

IV. Analiżi

A.   Ammissibbiltà

32.

Il-Gvern Bulgaru jeċċepixxi eċċezzjoni doppja ta’ inammissibbiltà kontra r-rinviju għal deċiżjoni preliminari:

–

Minn naħa, dan jiċħad l-eżistenza tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni tal-miżura ta’ ssiġillar ( 7 ).

–

Barra minn hekk, huwa jafferma li, peress li l-issiġillar ma ġiex eżegwit, il-proċedura intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni hija mingħajr skop ( 8 ).

33.

Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet għandhom jiġu miċħuda.

34.

Fir-rigward tal-ewwel waħda, il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex tiġi sospiża l-eżekuzzjoni provviżorja tal-issiġillar tal-proprjetà kummerċjali. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-digriet ta’ eżekuzzjoni jeżistix jew le u x’inhu l-kontenut tiegħu.

35.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibda mill-espożizzjoni tal-fatti li tipprovdilha l-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar espliċitament tiddikjara li, waqt l-adozzjoni tal-miżura ta’ ssiġillar, ġiet awtorizzata l-eżekuzzjoni provviżorja tagħha, “li tagħmel parti mill-kontenut tad-digriet”. Barra minn hekk, f’ittra sussegwenti indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju insistiet li l-eżekuzzjoni provviżorja tal-issiġillar kienet ġiet awtorizzata mill-awtorità amministrattiva kompetenti ( 9 ).

36.

F’dak li jirrigwarda t-tieni eċċezzjoni, kollox jidher li jindika li l-issiġillar ma kienx ġie eżegwit diversi xhur wara l-preżentata tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Madankollu, minn dan la jirriżulta li l-proċedura nazzjonali hija (allegatament) mingħajr suġġett u lanqas ma jirriżulta, konsegwentement, li r-rinviju nnifsu huwa mingħajr suġġett.

37.

Effettivament, il-fatt li l-eżekuzzjoni għadha ma twettqitx ma jċaħħadx mis-suġġett tagħha l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju, li hija preċiżament mitluba tiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li tissospendi l-eżekuzzjoni provviżorja. Sakemm il-miżura ta’ ssiġillar ma ssirx ineżegwibbli, l-eżekuzzjoni tagħha tibqa’ possibbli pendenti li r-realizzazzjoni (futura) tagħha taffettwa, fiha nnifisha, l-interessi tal-persuna kkonċernata li kontriha hija diretta. Din il-persuna għandha, għalhekk, locus standi sabiex titlob lill-qorti tar-rinviju tordna s-sospensjoni tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni tal-issiġillar, u dik il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi (jekk ikun il-każ, wara li tkun għamlet ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li hija tqis rilevanti) fil-kuntest tal-proċedura nazzjonali li hija mitluba tiddeċiedi.

B.   Effett fuq din il-kawża tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑4 ta’ Mejju 2023, MV — 98 ( 10 )

38.

Il-qorti tar-rinviju ċċitat is-sentenza MV — 98, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal rinviju għal deċiżjoni preliminari ieħor imressaq, matul is-sena 2021, minn din l-istess qorti.

39.

Fil-Kawża MV — 98, il-fatti kienu simili ta’ dawk tal-kawża preżenti: waqt kontroll imwettaq fi proprjetà kummerċjali, l-awtorità tat-taxxa Bulgara kkonstatat li MV – 98 la kienet irreġistrat il-bejgħ ta’ oġġett u lanqas ma kienet ħarġet l-irċevuta mill-cash register li tikkorrispondi għal dan il-bejgħ.

40.

Fil-qosor, abbażi ta’ dawn il-fatti, l-awtorità tat-taxxa:

–

Konformement mal-Artikolu 185 tal-Liġi dwar il-VAT, imponiet sanzjoni pekunjarja fuq MV — 98.

–

Skont l-Artikolu 186 ta’ din l-istess liġi, hija adottat miżura amministrattiva li tikkonsisti fl-issiġillar tal-proprjetà għal perijodu ta’ erbatax-il jum.

–

Permezz ta’ digriet mogħti skont l-Artikolu 60 tas-CPA, “[d]in il-miżura tal-aħħar kienet akkumpanjata minn awtorizzazzjoni ta’ eżekuzzjoni provviżorja […] peress li din l-amministrazzjoni qieset li din l-eżekuzzjoni provviżorja kienet indispensabbli sabiex jiġu protetti l-interessi tal-Istat u, b’mod partikolari, dawk tat-Teżor tal-Istat” ( 11 ).

41.

Fis-sentenza MV — 98, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat biss l-Artikolu 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u l-Artikolu 50 tal-Karta, sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-kumulu tas-sanzjoni pekunjarja u tal-miżura ta’ ssiġillar tal-proprjetà.

42.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma indirizzatx it-tielet domanda preliminari fil-Kawża MV — 98 ( 12 ), li kienet tirrigwarda r-relazzjoni bejn l-Artikolu 47 tal-Karta u d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni provviżorja tal-issiġillar ta’ proprjetà kummerċjali. Il-kontenut ta’ dik id-domanda, li baqgħet mingħajr risposta, kien analogu għal dak tal-unika domanda magħmula f’din il-kawża.

43.

Is-sentenza MV — 98, għalkemm, nirrepeti, ma ddeċidietx dwar is-sistema ta’ eżekuzzjoni provviżorja tal-issiġillar, xorta waħda għandha ċerta utilità f’din il-kawża: hija wasslet sabiex il-qorti tar-rinviju tikklassifika l-issiġillar bħala sanzjoni ta’ natura kriminali. Din il-klassifikazzjoni jista’ jkollha effett fuq it-trattament tal-kwistjoni sostantiva diskussa hawnhekk.

C.   L-applikabbiltà tal-Karta

44.

Id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, indirizzati lill-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

45.

Mill-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva dwar il-VAT, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE u mal-Artikolu 325(1) TFUE, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha xierqa sabiex jiżguraw il-ġbir tal-VAT kollu dovut fit-territorji rispettivi tagħhom u sabiex jiġġieldu kontra l-frodi ( 14 ).

46.

L-Artikolu 325 TFUE “jobbliga lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu l-attivitajiet illegali li jippreġudikaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi u b’mod partikolari, tobbligahom jadottaw l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal dawk li huma jadottaw sabiex jikkumbattu l-frodi li tippreġudika l-interessi finanzjarji tagħhom stess” ( 15 ).

47.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, sa fejn hija intiża sabiex tiżgura l-ġbir korrett tal-VAT u sabiex tiġi evitata l-frodi, hija, bħala prinċipju, konformi mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

48.

Fid-dawl ta’ dan, il-miżura amministrattiva ta’ ssiġillar ta’ proprjetà li fiha ġie kkonstatat ksur tal-Liġi dwar il-VAT tapplika l-Artikoli 2 u 273 tad-Direttiva dwar il-VAT u, għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

49.

L-impożizzjoni ta’ tali miżura ta’ ssiġillar għandha, konsegwentement, tirrispetta d-dritt fundamentali ggarantit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat il-mertu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, limitat għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

D.   Fuq il-mertu

1. Id-delimitazzjoni tat-tilwima

50.

Il-miżura ta’ ssiġillar tal-proprjetà kummerċjali ttieħdet b’applikazzjoni tal-Artikolu 186(1) tal-Liġi dwar il-VAT. Skont l-Artikolu 188(1) tal-istess liġi, din setgħet tiġi eżegwita provviżorjament skont id-dispożizzjonijiet tas-CPA.

51.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-ġurisprudenza nazzjonali ma hijiex uniformi fir-rigward tan-neċessità li f’kull każ tiġi ġġustifikata l-eżistenza ta’ interess pubbliku li jilleġittimizza l-eżekuzzjoni provviżorja. Jidher li ċerti qrati Bulgari jqisu li dan l-interess għandu dejjem jiġi preżunt ( 16 ).

52.

Fi kwalunkwe każ, skont kif spjegat fid-deċiżjoni tar-rinviju, ladarba l-eżekuzzjoni provviżorja ta’ att amministrattiv individwali tiġi ordnata, hemm żewġ mezzi kif din tista’ tiġi kkontestata:

–

Billi tiġi kkontestata l-eżekuzzjoni provviżorja, jiġifieri, billi jiġi kkontestat id-digriet li jawtorizza l-eżekuzzjoni provviżorja (l-Artikolu 60(5) tas-CPA). Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jista’ jintalab li dan id-digriet jiġi ddikjarat null.

–

Billi tintalab is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja tal-att amministrattiv, fis-sens tal-Artikolu 166 tas-CPA.

53.

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Ati-19 ippreżentat tardivament ir-rikors għall-annullament previst fl-Artikolu 60 tas-CPA. Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, din talbet is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja billi invokat ir-rimedju previst fl-Artikolu 166 tas-CPA. It-trattament ta’ dan ir-rimedju ta lok għall-proċedura li wasslet għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

54.

Skont il-kliem tal-qorti tar-rinviju, “[h]ija speċifikament il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju previst fl-Artikolu 166(2) tas-CPA li tqajjem il-kwistjoni tal-effettività ta’ din it-talba [għal sospensjoni] fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta” ( 17 ).

55.

B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tispjega li għandu jiġi ddeterminat:

–

“[…] jekk il-protezzjoni ġudizzjarja kontra din l-eżekuzzjoni qabel ma l-qorti tiddeċiedi dwar il-legalità tad-digriet innifsu għall-issiġillar tal-proprjetà toffrix garanziji suffiċjenti kontra intervent arbitrarju u sproporzjonat fl-attività tal-kumpanija” ( 18 ).

–

“[…] jekk proċedura bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża mressqa skont l-Artikolu 166(2) u (3) tas-CPA, li jeskludi l-eżami tal-fatti u jillimita l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju biss għall-eżistenza ta’ dannu mġarrab, tikkostitwixxix rimedju effettiv fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta” ( 19 ).

56.

Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari huwa limitat għal dan id-dubju, kif espress f’din il-formulazzjoni. Il-kwistjoni ta’ jekk l-impożizzjoni konġunta tal-miżura ta’ ssiġillar u ta’ sanzjoni pekunjarja hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi rinviju.

57.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw għalhekk il-limiti li l-Artikolu 166(2) u (3) tas-CPA jimponi fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tad-digrieti ta’ eżekuzzjoni provviżorja. B’mod partikolari, skont il-qorti tar-rinviju:

–

Il-qorti li għandha teżerċita dan l-istħarriġ ma twettaqx investigazzjoni dwar il-fatti li servew bħala bażi għall-adozzjoni ta’ tali digriet.

–

Din lanqas ma għandha tevalwa l-fondatezza eventwali tal-motivi ordinarji tar-rikors elenkati fl-Artikolu 146 tas-CPA (li jinkludu kemm difetti proċedurali u formali, kif ukoll il-ksur ta’ regoli tad-dritt sostantiv).

–

Id-difiża fil-kuntest tal-Artikolu 166(2) u (3) tas-CPA tista’ tkun ibbażata biss fuq id-“dannu gravi jew diffiċilment reparabbli” li l-eżekuzzjoni provviżorja tikkawża lill-persuna kkonċernata ( 20 ).

58.

Madankollu, ma huwiex għal kollox ċar liema minn dawn il-limitazzjonijiet hija rilevanti fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tidher li tiffoka fuq il-fatt li “l-eżami tal-fatti huwa eskluż” (punt 67 tad-digriet tar-rinviju), affermazzjoni li tista’ tkun irrilevanti fil-kawża ineżami, peress li, skont id-digriet tar-rinviju stess, Ati-19 ma kkontestatx il-fatti ( 21 ). Madankollu, f’partijiet suċċessivi ta’ dan l-istess digriet, il-qorti tar-rinviju tirreferi għar-restrizzjonijiet l-oħra imposti mill-Artikolu 166 tas-CPA.

59.

L-ostakoli għall-istħarriġ ġudizzjarju esposti mill-qorti tar-rinviju jistgħu, fil-fehma tagħha, jirrendu l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

60.

Għall-Kummissjoni, ir-regola nazzjonali inkwistjoni, sa fejn tillimita l-ġurisdizzjoni tal-qrati sabiex jivverifikaw l-eżistenza u n-natura tad-dannu mġarrab mid-destinatarju tal-att amministrattiv, tmur kontra l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Id-dritt għal rimedju effettiv stabbilit minn din id-dispożizzjoni jeżiġi li l-qorti nazzjonali tkun f’pożizzjoni li teżerċita stħarriġ ġudizzjarju komplet sabiex teżamina l-fatti relatati mal-adozzjoni tal-att amministrattiv ikkontestat jew tal-miżura amministrattiva ta’ infurzar ( 22 ).

61.

Il-Gvern Bulgaru jenfasizza ( 23 ) li d-destinatarji ta’ miżura amministrattiva bħall-issiġillar għandhom diversi rimedji ġudizzjarji, li permezz tagħhom huma jistgħu:

–

Jippreżentaw rikors fuq il-mertu, abbażi tal-Artikoli 145 et seq tas-CPA. Il-preżentata ta’ dan ir-rikors tissospendi l-eżekuzzjoni tal-att amministrattiv ikkontestat, skont l-Artikolu 166(1) tas-CPA.

–

Jippreżentaw rikors skont l-Artikolu 60 tas-CPA, jekk ikun inħareġ digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, id-destinatarju tad-digriet jista’ jitlob l-annullament tiegħu.

–

Jitolbu s-sospensjoni tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni, skont l-Artikolu 166(2) tas-CPA.

62.

Il-Gvern Bulgaru jirrikonoxxi li, fil-proċedura rregolata mill-Artikolu 166(2) tas-CPA, il-qorti ma tistħarriġx il-legalità tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni, iżda biss jekk din l-eżekuzzjoni tikkawża lid-destinatarju dannu gravi jew diffiċilment reparabbli. Huwa jkompli jesponi li dan huwa għaliex is-CPA tipprovdi rimedji oħra (b’mod partikolari l-Artikolu 60(5)) kontra dan d-digriet, li jinvolvu evalwazzjoni tal-legalità tiegħu ( 24 ).

2. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u protezzjoni ġudizzjarja provviżorja

63.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jiddikjara d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, billi jirriproduċi f’din il-formulazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti għall-Karta nnifisha ( 25 ).

64.

Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkludi d-dritt li tinkiseb, jekk ikun il-każ, miżura provviżorja (kemm jekk tkun is-sospensjoni ta’ att jew ta’ miżura provviżorja oħra) fil-kuntest ta’ proċeduri li jirrigwardaw drittijiet li jirriżultaw mir-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

65.

L-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn jirrigwarda l-aspett provviżorju tiegħu, tista’ tiġi kkunsidrata minn żewġ perspettivi:

–

Il-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja kontra l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Din hija previst kemm fl-Artikoli 278 u 279 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 256(1) TFUE, u din il-forma ta’ protezzjoni ġudizzjarja għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew mill-Qorti Ġenerali ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod estensiv dwar l-eżerċizzju ta’ din il-protezzjoni ( 27 ).

–

Il-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja kontra l-atti tal-awtoritajiet tal-Istat, għall-protezzjoni tad-drittijiet li joriġinaw mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Din għandha tingħata mill-qrati nazzjonali, skont ir-regoli proċedurali li kull Stat Membru jadotta, sakemm dawn ma jmorrux kontra l-Artikolu 47 tal-Karta stess.

66.

Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni t-tieni perspettiva, peress li s-suġġett tad-dibattitu huwa s-sospensjoni ta’ att amministrattiv (id-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni tal-issiġillar ta’ proprjetà kummerċjali) adottat fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni intiża għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, li tqiegħed it-tilwima fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

67.

Fir-rigward tas-setgħat tal-imħallfin nazzjonali li jagħtu protezzjoni ġudizzjarja provviżorja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

–

Bħala regola ġenerali, “qorti nazzjonali adita b’kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni trid tkun f’pożizzjoni li tagħti rimedju provviżorju sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tas-sentenza li għandha tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati skont id-dritt tal-Unjoni” ( 28 ).

–

“[I]l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dritt komunitarju għandu jkun interpretat fis-sens li jirrikjedi, fl-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru, li jkunu jistgħu jiġu awtorizzati miżuri provviżorji sakemm il-qorti kompetenti tiddeċiedi dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, fejn l-għoti ta’ dawn il-miżuri jkun neċessarju sabiex jiggarantixxi l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata dwar l-eżistenza ta’ dawn id-drittijiet” ( 29 ).

68.

Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jestendu għall-proċeduri mibdija quddiem il-qrati nazzjonali li fil-kuntest tagħhom ikunu kkontestati att individwali jew il-validità ta’ regola nazzjonali, għar-raġuni li waħda jew l-oħra tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

69.

Għalhekk, il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom jipprevedu r-rimedji proċedurali li jippermettu lill-qrati tagħhom jordnaw, jekk ikun il-każ, is-sospensjoni ta’ att amministrattiv li l-kontestazzjoni tiegħu tkun ibbażata fuq l-allegat nuqqas ta’ konformità tiegħu mad-dritt tal-Unjoni applikabbli għat-tilwima.

70.

Dawn il-premessi esposti, is-sistema ta’ protezzjoni ġudizzjarja provviżorja kkonċepita mis-CPA ikkunsidrata fl-intier tagħha, tidher li tissodisfa r-rekwiżiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn toffri lir-rikorrenti l-possibbiltà li jitolbu s-sospensjoni tal-atti kkontestati. Din il-possibbiltà testendi għad-digrieti ta’ eżekuzzjoni provviżorja ta’ miżuri bħall-issiġillar ta’ proprjetà kummerċjali.

71.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali u għalhekk tiddetermina jekk l-Artikolu 166(2) tas-CPA japplikax indipendentement mir-rimedji l-oħra li, skont il-Gvern Bulgaru, jippermettu s-sospensjoni tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni tal-issiġillar.

72.

B’mod partikolari, dik il-qorti għandha tevalwa jekk, permezz tal-mekkaniżmu proċedurali previst fl-Artikolu 60 tas-CPA, il-persuni kkonċernati minn digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni humiex f’pożizzjoni li jikkontestawh b’mod utli, billi jinvokaw motivi ta’ natura li jqiegħdu f’dubju l-legalità ta’ dan l-att amministrattiv. Il-kunsiderazzjonijiet li l-qorti tar-rinviju tagħmel, fil-punt 60 tad-deċiżjoni tar-rinviju ( 30 ), f’dan ir-rigward, ma jippermettux li dan il-punt jiġi ċċarat b’ċertezza.

73.

Il-Gvern Bulgaru, min-naħa tiegħu, isostni li “ċ-ċirkustanzi kollha suġġetti għall-evalwazzjoni tal-qorti skont l-Artikolu 60(1) tas-CPA jippermettu stħarriġ kumpless u fl-istess ħin approssimazzjoni individwali tal-każ inkwistjoni” ( 31 ). Fl-istess sens, huwa jirrileva li, waqt l-eżami tar-rikors għal annullament tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 60 tas-CPA, il-qorti għandha “teżamina l-ammissibbiltà u l-fondatezza tar-rikors, ir-rekwiżiti proċedurali u sostantivi tal-espressjoni tar-rieda amministrattiva li ħarġet id-digriet u jekk il-kundizzjonijiet sabiex tiġi awtorizzata l-eżekuzzjoni provviżorja humiex issodisfatti […]” ( 32 ).

74.

Jekk tiġi segwita t-teżi tal-Gvern Bulgaru, l-ordinament ġuridiku tiegħu joffri lir-rikorrent rimedju proċedurali adattat sabiex jippermetti lill-qorti teżerċita stħarriġ mingħajr restrizzjoni tal-validità tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni ( 33 ).

75.

Jekk, kif jindika d-digriet tar-rinviju, l-analiżi kellha tirrigwarda esklużivament l-Artikolu 166(2) tas-CPA meqjus fih innifsu, il-formulazzjoni tiegħu ċertament tnaqqas il-possibbiltà ta’ sospensjoni għall-okkorrenza ta’ “dannu gravi jew diffiċilment reparabbli”.

76.

Issa, anki f’din il-perspettiva iżolata, ma neskludix li l-Artikolu 166(2) tas-CPA jista’ jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tista’ teżamina d-danni msemmija minn din id-dispożizzjoni billi tintegra fl-evalwazzjoni tagħha fatturi ta’ natura oħra. B’mod partikolari, meta jiġu invokati nuqqasijiet kbar fid-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni (bħan-nuqqas manifest ta’ kompetenza tal-awtorità li ħarġitu jew li l-bażi fattwali tiegħu tkun assenti jew imsejsa fuq dikjarazzjonijiet żbaljati magħrufa), jidhirli li huwa diffiċli li jiġi aċċettat li l-qorti tista’ tagħlaq għajnejha fuq dawn l-allegazzjonijiet.

77.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni l-qorti tista’ tevalwa jekk il-kriterju ġenerali, previst fl-Artikolu 6(5) tas-CPA stess, li jgħid li l-att amministrattiv ma għandux jikkawża danni manifestament sproporzjonati meta mqabbel mal-għan imfittex, ġiex osservat.

78.

Dak li ġie espost sa issa japplika iktar u iktar jekk, kif jidher li jirriżulta mill-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tagħti tas-sentenza MV — 98, id-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni kien ingħata fir-rigward ta’ att (il-miżura ta’ ssiġillar tal-proprjetà) li, materjalment, għandu l-kwalità ta’ sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali.

79.

F’dan il-kuntest, is-sempliċi possibbiltà li att ta’ sanzjoni ta’ natura kriminali, maħruġ minn awtorità li manifestament ma hijiex kompetenti jew abbażi ta’ fatti ineżistenti, jew manifestament żnaturati, jiġi eżegwit, hija, fiha nnifisha, ta’ natura li tikkawża lil min ibatih, dannu suffiċjentement gravi sabiex l-awtorità ġudizzjarja ma tkunx tista’ tastjeni ruħha milli tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

80.

Sabiex tiġi evalwata l-importanza rispettiva tal-interessi kunfliġġenti, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-interess tal-amministrazzjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt jekk l-għan imfittex mill-eżekuzzjoni provviżorja huwiex is-sempliċi prevenzjoni illustrattiva, ir-repressjoni immedjata u effettiva jew il-prevenzjoni ta’ danni iktar sinjifikattivi. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-interess tal-persuna kkonċernata, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-portata tad-dannu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni provviżorja u l-possibbiltà li dan jiġi kkumpensat effettivament. Iżda wkoll, b’mod partikolari, il-plawżibbiltà tal-motivi tal-oppożizzjoni tagħha għall-eżekuzzjoni.

81.

Huwa biss jekk il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni integrattiva tal-Artikolu 166(2) tas-CPA ma hijiex possibbli, peress li hija contra legem, li jkollha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tagħha mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tal-Karta tippermettix li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, ta’ natura provviżorja, tistax tiġi eżerċitata minn qorti li hija prekluża milli tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra (bl-eċċezzjoni tad-danni) li jaffettwaw b’mod negattiv, u manifestament, il-konformità tal-att innifsu mad-dritt tal-Unjoni.

82.

Bir-riżervi li semmejt, inqis li jista’ jkun li l-effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja meħtieġa skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiġi affettwata ħażin jekk l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, meħuda fl-intier tagħha, sa fejn din timplimenta d-dritt tal-Unjoni:

–

tillimita l-istħarriġ ġudizzjarju tal-attività li timponi sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura materjalment kriminali (fil-kuntest tal-proċedura intiża sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja tal-issiġillar ta’ proprjetà kummerċjali) biss għall-ibbilanċjar tad-danni gravi jew diffiċilment reparabbli, u

–

fl-istess ħin, teskludi kull possibbiltà li l-qorti tevalwa, sabiex tikseb il-konvinzjoni tagħha, li t-talba għal sospensjoni hija ġġustifikata, prima facie, fil-fatt u fid-dritt permezz ta’ argumenti probabbilment aċċettabbli.

83.

L-ibbilanċjar tal-interessi tal-awtorità pubblika u tar-rikorrent li jitlobhom huwa inerenti għall-għoti tal-miżuri provviżorji. Naturalment, dawn għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-danni gravi jew diffiċilment reparabbli li l-eżekuzzjoni immedjata tal-att li jimponi sanzjoni amministrattiv tikkawża lill-persuna kkonċernata. Il-qorti tista’ wkoll tevalwa jekk, minkejja kollox, jeżistix interess pubbliku superjuri li jiġġustifika din l-eżekuzzjoni provviżorja, peress li t-talba għal miżuri provviżorji tal-persuna kkonċernata ma tinsabx f’vojt, iżda f’oppożizzjoni għal dan l-interess, marbuta mal-għanijiet li għalihom isservi kull attività tal-amministrazzjoni.

84.

Madankollu, l-interess pubbliku la huwa mingħajr kundizzjonijiet u lanqas ma huwa assolut, u għandu jiġi rrikonċiljat, jekk ikun il-każ, mal-interess tal-persuna kkonċernata li d-drittijiet u l-interessi leġittimi tagħha jiġu rrispettati.

85.

Issa, sabiex tiġi osservata l-effettività tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja fl-oqsma rregolati mid-dritt tal-Unjoni, jista’ ma jkunx biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li l-għarfien tal-qorti jiġi limitat biss għall-evalwazzjoni tad-danni li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni provviżorja ta’ att amministrattiv ta’ natura materjalment sanzjonatorja.

86.

Fil-fatt, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha dwar jekk l-eżekuzzjoni għandhiex tiġi sospiża, il-qorti kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tevalwa elementi oħra potenzjalment rilevanti li, invokati mill-persuna li titlob is-sospensjoni u li ma jeħtiġux eżami fil-fond (li huwa speċifiku għall-proċedura sussegwenti dwar il-legalità tal-att), jiżvelaw, prima facie, nuqqasijiet inkompatibbli mal-allinjament ta’ dan l-att mad-dritt tal-Unjoni.

87.

Jekk dan ma jkunx il-każ, il-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja stabbilita fl-Artikolu 47 tal-Karta ma tkunx effettiva: il-qorti tkun obbligata tikkorrobora l-fondatezza tal-eżekuzzjoni provviżorja ta’ att ta’ natura sanzjonatorja, mingħajr ma tkun tista’ tevalwa, fl-istadju tas-sospensjoni, jekk dan l-att imurx manifestament kontra d-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jkun suġġett għal amputazzjoni (parzjali) li tipprekludih milli juża l-potenzjal kollu tiegħu.

88.

Permezz ta’ dawn ir-riflessjonijiet, ma għandix l-intenzjoni li nikkontesta r-regoli, komuni għal diversi Stati Membri, li jillimitaw il-konjizzjoni tal-qorti fil-kuntest ta’ mekkaniżmi proċedurali speċifiċi, bħal dawk dwar l-għoti ta’ miżuri provviżorji. Inqis biss li dawn il-limitazzjonijiet ma jistgħux iwasslu għall-estrem li l-funzjoni tal-qorti li tistħarreġ l-allinjament tal-azzjoni amministrattiva mad-dritt tal-Unjoni tiġi mċaħħda minn wieħed mill-komponenti essenzjali tagħha.

3. Il-livell ta’ protezzjoni meħtieġ mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-protezzjoni provviżorja

89.

Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-portata tad-drittijiet irrikonoxxuti fiha u li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) “għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva”.

90.

L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni timplika li, għall-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 13 tal-KEDB ( 34 ), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem, il-“QEDB”).

91.

Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal żewġ sentenzi tal-QEDB li fihom, filwaqt li jiġi ammess li l-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa jista’ jippermetti xi devjazzjonijiet ( 35 ), jiġi ddikjarat li r-rikors ippreżentat quddiem qorti għandu jippermettilha twettaq ċertu eżami kemm tal-fatti kif ukoll tal-proċedura li permezz tagħha jkunu ġew stabbiliti l-fatti ( 36 ).

92.

Il-Kummissjoni tkompli fuq l-istess linja billi ssostni li, skont il-QEDB, il-KEDB ma tipprekludix li awtorità amministrattiva timponi “piena” fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, iżda li huwa essenzjali li jkun hemm stħarriġ ulterjuri minn qorti b’ġurisdizzjoni sħiħa ( 37 ).

93.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li, anki jekk fil-każ ta’ miżuri li jistgħu jiġu eżegwiti b’mod provviżorju tista’ tiġi aċċettata sistema b’livell inqas ta’ garanziji fil-mument tal-adozzjoni tagħhom, huwa essenzjali li l-istħarriġ ġudizzjarju ulterjuri jinkludi l-evalwazzjoni tal-fatti.

94.

Fil-fehma tiegħi, billi tiċċita l-ġurisprudenza tal-QEDB, għandu jiġi ddeterminat jekk din tikkonċernax is-setgħat ġudizzjarji ta’ stħarriġ (reviżjoni) tal-attività amministrattiva, b’mod ġenerali, jew l-istħarriġ speċifiku li l-imħallfin għandhom jeżerċitaw b’mod provviżorju tat-talbiet tal-partijiet kontra id-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni ta’ att amministrattiv.

95.

Fost is-sentenzi tal-QEDB invokati mill-qorti tar-rinviju u mill-Kummissjoni:

–

Is-sentenza Al-Dulimi u Montana Management Inc. vs L-Isvizzera ( 38 ) ngħatat sabiex jiġi ddeterminat jekk qorti tal-Konfederazzjoni Svizzera kinitx ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB meta eżaminat rikors ippreżentat kontra konfiska ta’ oġġetti deċiża mill-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż b’eżekuzzjoni ta’ riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Fiha ma hemm l-ebda riferiment għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri provviżorji.

–

Is-sentenza Fazia Ali vs Ir-Renju Unit ( 39 ) tiċħad l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, f’kawża li fiha r-rikorrent allega li l-fatt li ma kienx possibbli għalih li jaċċedi għal qorti indipendenti u imparzjali sabiex tistħarreġ il-fatti kien jikkostitwixxi ksur ta’ din id-dispożizzjoni. Għal darba oħra, f’dak il-każ is-sentenza tal-QEDB ma tiddeċidix dwar il-portata tal-miżuri provviżorji. Il-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar l-istħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa għandhom kontenut ġenerali, li jista’ jiġi aġġustat skont il-każ.

–

Is-sentenza European Air Transport Leipzig Gmbh vs Il-Belġju ( 40 ) tikkonċerna eventwali ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, peress li l-qorti nazzjonali ma eżerċitatx stħarriġ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fil-kuntest tal-istħarriġ tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti fuq kumpannija. Il-QEDB, li tikkontesta l-eżistenza ta’ tali ksur, tfakkar li, meta “piena” tingħata fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva minn awtorità li ma tissodisfax, fiha nnifisha, il-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, din id-deċiżjoni għandha tkun miftuħa għal stħarriġ ulterjuri minn qorti b’ġurisdizzjoni sħiħa. F’dik is-sentenza lanqas ma hemm riferiment għall-problemi li jirriżultaw mill-miżuri provviżorji.

–

Is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Družstevní záložna Pria et vs Ir-Repubblika Ċeka ( 41 ), tafferma mill-ġdid li jkun hemm ksur tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB meta r-rikorrent ma jkunx jista’ jikkontesta, quddiem qorti, konstatazzjoni ta’ fatti li tinsab f’deċiżjoni adottata minn awtorità amministrattiva fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha ( 42 ). Madankollu, din l-affermazzjoni ta’ natura ġenerali ma tikkonċernax il-portata tal-miżuri provviżorji intiżi sabiex jipparalizzaw id-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni ta’ att amministrattiv.

96.

L-utilità ta’ dawn is-sentenzi għall-din il-kawża hija għalhekk limitata, sa fejn dawn ma jindirizzawx dak li huwa speċifikament diskuss hawnhekk. Il-fatt li sistema ġuridika għandha, fl-intier tagħha, toffri lill-persuni kkonċernati l-possibbiltà li jippreżentaw rikors ta’ ġurisdizzjoni sħiħa kontra l-atti amministrattivi, li fil-kuntest tiegħu l-qorti għandha tiddeċiedi l-kwistjonijiet kollha dwar il-mertu, ma huwiex ekwivalenti għal fatt li l-KEDB timponi li dan l-istħarriġ komplet għandu jitwettaq, dejjem u bħala prinċipju, fil-kuntest ta’ kull wieħed mir-rimedji proċedurali ta’ natura individwali, bħal dawk li jikkonċernaw il-miżuri provviżorji.

97.

Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, il-QEDB iddeċidiet li d-dritt ta’ aċċess għall-qorti ma huwiex assolut ( 43 ) u li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-attività amministrattiva, l-Artikolu 6 tal-KEDB ma jiggarantixxix l-aċċess għal livell ta’ qorti li jippermetti s-sostituzzjoni tas-sentenza amministrattiva mill-qorti ( 44 ).

98.

Fi kwalunkwe każ, il-ġurisprudenza tal-QEDB li tinsab fis-sentenzi ċċitati, ma teħtieġx neċessarjament li għandu jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju komplet tal-fatti stabbiliti mill-awtorità amministrattiva, iżda li għandu jkun hemm “ċertu eżami” ta’ dawn il-fatti u tal-proċedura li permezz tagħha dawn ikunu ġew stabbiliti.

99.

Fl-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-stħarriġ ġudizzjarju, il-QEDB tqis li, minbarra t-teħid inkunsiderazzjoni tas-setgħat tal-awtorità ġudizzjarja, għandhom jiġu evalwati fatturi bħas-suġġett tal-att amministrattiv, il-garanziji proċedurali u l-kontenut tat-tilwima bejn l-amministrazzjoni u l-persuna kkonċernata ( 45 ).

100.

Min-naħa l-oħra, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑5 ta’ Frar 2002, Čonka vs Il-Belġju ( 46 ), li ddeċidiet dwar ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tal-KEDB fil-kuntest ta’ lment dwar il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u ta’ tkeċċija lejn is-Slovakkja ta’ ċittadini ta’ dan il-pajjiż, applikanti għall-ażil fil-Belġju, hija iktar relatata mal-kwistjoni diskussa fil-kawża preżenti.

101.

F’dik is-sentenza, il-QEDB teżamina l-effett tal-Artikolu 13 tal-KEDB fuq l-eżekuzzjoni ta’ atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali. B’mod partikolari, peress li l-persuni mkeċċija kienu allegaw li huma ma kellhom ebda rimedju konformi mir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tal-KEDB, il-QEDB eżaminat jekk, kif sostna l-Gvern Belġjan, il-mekkaniżmi ta’ kontestazzjoni, ta’ sospensjoni ordinarja u ta’ sospensjoni b’urġenza estrema quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), kinux jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti.

102.

Wara li identifikat b’dan il-mod is-suġġett tat-tilwima, il-QEDB enfasizzat li r-rikors imsemmi fl-Artikolu 13 tal-KEDB għandu jkun effettiv, filwaqt li żiedet tgħid li dan ifisser li l-imsemmi rikors għandu jkun jista’ jipprekludi l-eżekuzzjoni ta’ miżuri kuntrarji għall-KEDB li l-konsegwenzi tagħhom ikunu potenzjalment irriversibbli. Konsegwentement, l-Artikolu 13 tal-KEDB jipprekludi li tali miżuri jiġu eżegwiti anki qabel ma l-awtoritajiet nazzjonali jeżaminaw il-kompatibbiltà tagħhom mal-KEDB. Hija kompliet tesponi li, fi kwalunkwe każ, l-Istati li huma parti għall-KEDB għandhom ċertu marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-mod kif jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom taħt din id-dispożizzjoni ( 47 ).

103.

L-applikazzjoni tas-sentenza Čonka vs Il-Belġju għal każ bħal dak li wassal għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tista’, l-iktar l-iktar, twassal sabiex id-dritt Bulgaru jkollu rimedju effettiv sabiex jissospendi d-deċiżjonijiet amministrattivi li l-konsegwenzi tagħhom ikunu potenzjalment irriversibbli. Anki jekk jitqies li jkun hemm tali irriversibbiltà fil-każ tal-issiġillar għal żmien limitat ta’ propjetajiet kummerċjali (li huwa dubjuż), għandu jiġi rrilevat li id-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-miżura jista’, skont is-CPA, jiġi kkontestata fit-termini diġà esposti.

104.

Fil-qosor, jidhirli li huwa diffiċli li tinstab, f’qasam daqshekk speċifiku bħal dak li huwa s-suġġett ta’ din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, linja ġurisprudenzjali ċara tal-QEDB li tista’ sservi ta’ gwida għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

105.

Finalment, jekk tiġi adottata s-soluzzjoni li nirrakkomanda fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-livell ta’ protezzjoni mogħti taħt din id-dispożizzjoni mid-dritt tal-Unjoni jsir iktar wiesa’ minn dak tal-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, kif interpretati mill-QEDB.

V. Konklużjoni

106.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Administrativen sad – Blagóevgrad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Blagóevgrad, il-Bulgarija) kif ġej:

“L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Bħala prinċipju, ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, fl-intier tagħha, tippermetti lill-qorti tordna s-sospensjoni tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni ta’ miżura amministrattiva ta’ ssiġillar ta’ proprjetà kummerċjali, mogħti wara l-konstatazzjoni ta’ irregolaritajiet li jaffettwaw it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), meta din l-eżekuzzjoni provviżorja tkun ta’ natura li tikkawża dannu gravi jew diffiċilment reparabbli lir-rikorrent.

Madankollu, jipprekludi li l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-kuntest tal-proċedura intiża għas-sospensjoni tad-digriet provviżorju ta’ eżekuzzjoni, tkun limitata biss għall-eżistenza ta’ danni gravi jew diffiċilment reparabbli, bl-esklużjoni ta’ kull possibbiltà li l-qorti tevalwa, sabiex tikseb il-konvinzjoni tagħha, jekk it-talba għal sospensjoni hijiex iġġustifikata, fil-liġi u fil-fatt, minn argumenti probabbilment aċċettabbli li juru, prima facie, nuqqasijiet li jagħmlu dan l-att inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, il-konvenut huwa n-Nachalnik na otdel Operativni deynosti – grad Sofia v Glavna direktsia Fiskalen kontrol pri Tsentralno upravlenie na Natsionalna agentsia za prihodite (il-Kap tad-Diviżjoni “Attivitajiet tal-Operat” – il-Belt ta’ Sofija, għad-Direttorat Ġenerali “Kontroll Fiskali” tal-Amministrazzjoni Ċentrali tal-Aġenzija Nazzjonali tad-Dħul Pubbliku, il-Bulgarija).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60; iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

( 4 ) Zakon za danak varhu dobavenata stoynost (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tal‑21 ta’ Lulju 2006 (DV Nru 63, tal‑4 ta’ Awwissu 2006, p. 8; iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”).

( 5 ) Fil-verżjoni tagħha applikabbli f’din il-kawża, emendata u ppubblikata fid-DV Nru 100, tal‑20 ta’ Diċembru 2019.

( 6 ) Administrativnoprotsetsualen kodeks (il-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva) (DV Nru 30, tal‑11 ta’ April 2006; iktar ’il quddiem is-“CPA”).

( 7 ) Skont il-Gvern Bulgaru, id-dikjarazzjoni ta’ riċevuta tad-digriet ta’ ssiġillar tiċċertifika biss id-data tan-notifika ta’ dan id-digriet, li fiha ma jidhirx li ġiet ordnata l-eżekuzzjoni provviżorja tagħha.

( 8 ) Punt 47 tan-nota ta’ osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Bulgaru.

( 9 ) Punt 44 tad-deċiżjoni tar-rinviju u l-punt 3 tal-ittra tal-qorti tar-rinviju rreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Diċembru 2023, rispettivament.

( 10 ) Kawża C‑97/21 (EU:C:2023:371; iktar ’il quddiem is-“sentenza MV — 98”).

( 11 ) Is-sentenza MV — 98, punt 20.

( 12 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tiddeċiedi dwar it-tielet domanda preliminari fil-Kawża MV — 98, peress li r-rekwiżiti tal-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura ma kinux issodisfatti. Is-sentenza MV — 98, punti 65 sa 70.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), punt 17.

( 14 ) Sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno-osiguritelna praktika (C‑1/21, EU:C:2022:788), punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 15 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105), punt 26.

( 16 ) Punti 61 sa 63 tad-digriet tar-rinviju.

( 17 ) Punt 51 tad-digriet tar-rinviju.

( 18 ) Punt 52 tad-digriet tar-rinviju.

( 19 ) Punt 67 tad-digriet tar-rinviju.

( 20 ) Punt 58 tad-digriet tar-rinviju.

( 21 ) Is-sommarju tal-argumenti ta’ Ati-19, li jinsab fil-punti 19 u 20 tad-digriet tar-rinviju, ma jurix li din l-impriża kkontestat ir-realtà tal-fatti kkonstatati waqt il-kontroll fiskali fuq il-post.

( 22 ) Punt 40 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 23 ) Punt 59 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru.

( 24 ) Punt 68 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru.

( 25 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163), punt 37: “il-prinċipju ta’ protezzjoni legali effettiva huwa prinċipju ġenerali tad-dritt komunitarju, li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri […] u li ġie affermat mill-ġdid permezz [tal-]Artikolu 47 tal-Karta […]”. Enfasi miżjuda minni.

( 26 ) Bla ħsara għas-setgħa tal-qrati nazzjonali li jordnaw is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att amministrattiv adottat skont regolament, li għaliha jsir riferiment fis-sentenza tal‑21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C‑143/88 u C‑92/89, EU:C:1991:65), dispożittiv, punt 1.

( 27 ) Ara, b’mod partikolari, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Marzu 2024, Il‑Kummissjoni vs Amazon Services Europe (C‑639/23 P(R), EU:C:2024:277), punt 66: “is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u l-miżuri provviżorji l-oħra jistgħu jingħataw mill-Imħallef għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun prima facie ġġustifikat fil-fatt u fil-liġi (fumus boni juris) u li dawn ikunu urġenti, fis-sens li jkun neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu gravi u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li jiġu deċiżi u li jipproduċu l-effetti tagħhom sa minn qabel id-deċiżjoni tar-rikors fuq il-mertu. […] L-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jipproċedi wkoll, jekk ikun il-każ, għall-ibbilanċjar tal-interessi involuti”.

( 28 ) Sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság (C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367), punt 297, li tiċċita s-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257), punt 21, u tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8), punt 107.

( 29 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163), punt 77 u d-dispożittiv, punt 2.

( 30 ) “Il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju previst fil-punti 5 sa 7 tal-Artikolu 60 tas-[CPA] kontra d-dispożizzjoni ta’ eżekuzzjoni provviżorja skont l-Artikolu 188(1) tal-[Liġi dwar il-VAT] ma hijiex sostanzjalment differenti minn dik prevista fl-Artikolu 166(2) tas-[CPA]. Jekk jeżistu xi differenzi, dawn jinsabu fil-portata iktar wiesgħa tal-istħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 60(5) tas-[CPA], li, fil-kuntest tiegħu, il-qorti tista’ tistħarreġ l-evalwazzjoni tal-awtorità fir-rigward tal-issodisfar tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 60(1) (l-adozzjoni tad-dispożizzjoni ta’ eżekuzzjoni provviżorja). Madankollu, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 188(1) tal-[Liġi dwar il-VAT] la hija interpretata u lanqas ma hija applikata b’mod uniformi.” Enfasi miżjuda minni.

( 31 ) Osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru, punt 22.

( 32 ) Osservazzjonijiet tal-Gvern Bulgaru, punt 65.

( 33 ) Dan ma jkunx il-każ jekk il-persuna tardivament tinvoka dan ir-rimedju proċedurali. Kif diġà ġie espost, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li Ati-19 tardivament użat dan il-mekkaniżmu, b’tali mod li t-talba tagħha ġiet miċħuda. Il-qosor tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 60(5) tas-CPA (tlett ijiem) jista’ eventwalment ikun eċċessiv, iżda din il-problema ma tqajjem l-ebda dubju fid-digriet tar-rinviju.

( 34 ) Ara l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, imfassla taħt l-awtorità tal-Presidju tal-Konvenzjoni li fasslet il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17). Fir-rigward tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 13 tal-KEDB, isir riferiment għas-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235), punt 116.

( 35 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Al-Dulimi u Montana Management Inc. vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2016:0621JUD000580908), punt 130.

( 36 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2015, Fazia Ali vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2015:1020JUD004037810), punti 83 u 84.

( 37 ) Punt 35 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li jiċċita b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti EDB tal‑11 ta’ Lulju 2023, European Air Transport Leipzig Gmbh vs Il-Belġju (CE:ECHR:2023:0711JUD000126913), punt 49.

( 38 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Al-Dulimi u Montana Management Inc. vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2016:0621JUD000580908), punti 128 sa 130. F’dik is-sentenza il-Qorti EDB tiddikjara li, bħala prinċipju, l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jimponi l-eżistenza ta’ rimedju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa (jiġifieri, rimedju li fil-kuntest tiegħu l-qorti jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi inkwistjoni), għalkemm dan id-dritt ma huwiex assolut u “l-prinċipju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa ġie mmoderat kemm-il darba mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB”, li interpretatu b’mod inqas strett, speċjalment f’xi kawżi li jinvolvu d-dritt amministrattiv.

( 39 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2015, Fazia Ali vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2015:1020JUD004037810).

( 40 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2023, European Air Transport Leipzig Gmbh vs Il-Belġju (CE:ECHR:2023:0711JUD000126913).

( 41 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Družstevní záložna Pria et vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2008:0731JUD007203401).

( 42 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2008, Družstevní záložna Pria et vs Ir-Repubblika Ċeka (CE:ECHR:2008:0731JUD007203401), punt 111.

( 43 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2016, Al-Dulimi u Montana Management Inc. vs L-Isvizzera (CE:ECHR:2016:0621JUD000580908), punt 129.

( 44 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2015, Fazia Ali vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2015:1020JUD004037810), punt 77.

( 45 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2015, Fazia Ali vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:2015:1020JUD004037810), punt 78.

( 46 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2002, Čonka vs Il-Belġju (CE:ECHR:2002:0205JUD005156499).

( 47 ) Il-Qorti EDB, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 2002, Čonka vs Il-Belġju (CE:ECHR:2002:0205JUD005156499), punt 79.