|
22.3.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 83/7 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/658
tat-23 ta’ Jannar 2023
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea (1) (“il-Ftehim tal-2014”) ġie ffirmat fl-20 ta’ Mejju 2014, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/331/UE (2). |
|
(2) |
Il-Ftehim tal-2014 stabbilixxa, għal perjodu ta’ sitt snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tas-Seychelles fiż-żona tas-sajd taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni f’Mayotte. Il-perjodu tal-applikazzjoni tal-Ftehim tal-2014 skada fl-20 ta’ Mejju 2020. |
|
(3) |
Il-Ftehim tal-2014, abbażi tal-Artikolu 17 tiegħu, ġie mġedded b’mod taċitu għal perjodu addizzjonali ta’ sitt snin. |
|
(4) |
Fl-24 ta’ Ottubru 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mas-Seychelles sabiex tikkonkludi ftehim ġdid. Dawk in-negozjati ġew konklużi b’suċċess u l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte (“il-Ftehim”) ġie inizjalat fl-10 ta’ Ġunju 2022. |
|
(5) |
L-għan tal-Ftehim huwa li jippermetti lill-Unjoni u lis-Seychelles isaħħu aktar is-sħubija strateġika tagħhom u li jallinja l-kundizzjonijiet tekniċi u finanzjarji tal-Ftehim mal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (3) u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ffirmat fl-2020, kif ukoll li jikkontribwixxi għal sajd responsabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u li jiżviluppa l-politika tas-sajd f’Mayotte. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. |
|
(7) |
Sabiex jippermetti, malajr kemm jista’ jkun, il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd mill-bastimenti tas-Seychelles, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju mal-iffirmar tiegħu. |
|
(8) |
Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni tagħha għal raġunijiet ta’ ġestjoni amministrattiva aħjar tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd. |
|
(9) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u ta opinjoni tiegħu fit-12 ta’ Diċembru 2022, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte (“il-Ftehim”) b’dan qed jiġi awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tat-tali Ftehim (5).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mid-data li jiġi ffirmat (6), sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data li tiġi adottata.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Jannar 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/331/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Majott, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 167, 6.6.2014, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(5) Ara l-paġna 9 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(6) Id-data li minnha l-Ftehim għandu japplika b’mod proviżorju ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.