52005DC0348

Rapport mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni matul is-sena 2004 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku lid-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni {SEG(2005) 1025} /* KUMM/2005/0348 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 29.07.2005

KUMM(2005) 348 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

dwar l-applikazzjoni matul is-sena 2004 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku lid-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni {SEG(2005) 1025}

KELMTEJN TA’ QABEL

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku lid-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[1], applikabbli wara t-3 ta’ Diċembru 2001, jistipula fl-Artikolu 17(1), li kull istituzzjoni għandha tippubblika rapport annwali dwar is-sena ta’ qabel. F’dan ir-rapport, l-istituzzjonijiet juru n-numru ta’ każijiet fejn huma irrifjutaw li jikkomunikaw dokumenti wara talba u fejn jispjegaw ir-raġunijiet għal dawn ir-rifjuti. Ir-rapport għandu wkoll isemmi n-numru ta' dokumenti sensittivi li r-referenzi tagħhom ma ġewx imdaħħla fir-reġistru pubbliku tad-dokumenti.

Dan ir-rapport, li jkopri s-sena 2004, hu t-tielet rapport ppreżentat b’dan il-mod mill-Kummissjoni permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

L-anness ta’ dan ir-rapport fih data ta’ l-istatistika dwar it-trattament tat-talbiet għall-aċċess. Serje ta’ tabelli juru l-figuri għat-tliet snin ta’ applikazzjoni tar-Regolament, li jippermettu b’hekk li tiġi segwita l-evoluzzjoni ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-istatistika hi biss dwar it-talbiet ta' aċċess għal dokumenti li ma kinux ippubblikati u ma tinkludix la l-ordnijiet tad-dokumenti diġà ppubblikati u lanqas it-talbiet għal informazzjoni.

L-anness jinkludi wkoll analiżi dettaljata tat-talbiet ta’ aċċess u ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eċċezzjonijiet kif ukoll rendikont ta’ l-ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman u tar-rikorsi ġurisdizzjonali.

1. AZZJONIJIET SPEċIFIċI MARBUTA MA' L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT

1.1. Fit-30 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni adottat ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipji tar-Regolament 1049/2001, previst fl-Artikolu 17(2) ta’ dan ir-Regolament.

1.2. Fl-1 ta’ Ottubru 2003, ir-Regolament 1049/2001 sar applikabbli lill-aġenziji komunitarji eżistenti f’dik id-data. Matul is-sena 2004, dawn adottaw regoli dwar l-applikazzjoni tar-Regolament. Għall-aġenziji maħluqa mill-ġdid, l-applikabilità tar-Regolament 1049/2001 hi prevista b’mod sistematika f’dispożizzjoni ta’ l-att konsultattiv.

1.3. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni lill-istituzzjonijiet u l-organi komunitarji tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Århus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjoni u l-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam ta’ l-ambjent[2] kienet is-suġġett ta’ opinjoni tal-Parlament Ewropew fl-ewwel qari u ta’ ftehim politiku fi ħdan il-Kunsill.

2. L-INFORMAZZJONI LILL-PUBBLIKU

2.1. Wara t-tkabbir ta’ l-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004, ir-reġistru tad-dokumenti interni tal-Kummissjoni ġie adattat sabiex ikopri l-għoxrin lingwa uffiċjali. Id-dokumenti finalizzati tas-serje COM, kif ukoll l-ordnijiet tal-ġurnata u l-proċessi verbali tal-laqgħat tal-Kummissjoni huma aċċessibbli b’mod dirett fil-format tat-test sħiħ. Il-Kummissjoni segwiet l-iżvilupp tekniku tar-reġistru li għandu jippermetti li serje oħra ta’ dokumenti jsiru aċċessibbli b’mod dirett.

2.2. Wara Diċembru 2003, reġistru speċifiku li jkopri x-xogħlijiet tal-kumitati li jassistu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni tagħha, jikkompleta r-reġistru ta’ dokumenti interni. Dan ikopri d-dokumenti li jirrigwardaw ix-xogħlijiet tal-kumitati trażmessi lill-Parlament Ewropew bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni "komitoloġija"[3].

2.3. Is-sit speċifiku "Trasparenza u aċċess għad-dokumenti", li hu aċċessibbli fuq is- server EUROPA irreġistra, matul is-sena 2004, total ta’ 1.384.108 żjarat, ikkalkulat f’numru ta’ paġni vviżwalizzati, jiġifieri medja fix-xahar ta’ 115.342 u medja fil-ġurnata ta’ xogħol ta’ kważi 5.250 żjara. Dan jikkorrispondi għal triplikazzjoni meta mqabbel mas-sena 2003.

2.4. Il-fuljett komuni għat-tliet istituzzjonijiet, ippubblikat fl-2002 fil-ħdax il-lingwa ta’ dak iż-żmien[4], ġie tradott għad-disa’ lingwi komunitarji l-ġodda. Dawn il-fuljetti għandhom ikunu disponibbli fir-rappreżentanzi, delegazzjonijiet, uffiċċji u networks .

2.5. It-tliet istituzzjonijiet segwew l-istudju ta’ vijabilità dwar it-twaqqif ta’ mezz ta’ informazzjoni fil-qasam "ġustizzja, libertà, sigurtà".

3. KOOPERAZZJONI MA’ L-ISTITUZZJONIJIET L-OħRA U L-ISTATI MEMBRI

3.1. Il-Kumitat interistituzzjonali, previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament, ma ħejjietx laqgħa matul is-sena 2004. Madankollu, is-servizzi inkarigati mill-applikazzjoni tar-Regolament 1049/2001 fi ħdan is-Segretarjati Ġenerali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni komplew l-iskambju ta’ informazzjoni u ta’ esperjenzi tagħhom sabiex jidentifikaw l-aħjar prattiki u sabiex jassiguraw applikazzjoni koerenti tar-Regolament.

3.2. Fil-25 u s-26 ta’ Novembru 2004, il-Presidenza Olandiża organizzat, fl-Aja, it-tieni konferenza ddedikata għat-trasparenza fl-Ewropa bil-ħsieb li jiġbed l-ewwel bilanċ ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament 1049/2001 fil-mument tat-tkabbir b’għaxar pajjiżi ġodda.

4. ANALIżI TAT-TALBIET GħALL-AċċESS

4.1. It-tendenza għal żieda kostanti tan-numru ta’ talbiet osservata wara l-adozzjoni tar-Regolament ġiet ikkonfermata matul is-sena li għaddiet:

- mill-2002 sa l-2003, in-numru ta’ talbiet iniżjali għadda minn 991 għal 1523, jiġifieri żieda ta’ 53,7 % ;

- fl-2004, ġew irreġistrati 2600 talba iniżjali, jiġifieri 1077 talba aktar mill-2003, li jirrappreżenta żieda ta’ 70,72 %.

4.2. Iż-żieda hi anqas f’dak li għandu x’jaqsam mat-talbiet konfermattivi :

- mill-2002 sa l-2003, in-numru għadda minn 96 għal 143, jiġifieri żieda ta’ 48.96 % ;

- fl-2004, in-numru ta’ talbiet konfermattivi żdied għal 162, jiġifieri 19 aktar mill-2003, li jikkorrispondi għal żieda ta’ 13,29 %.

4.3. Il-qasma tat-talbiet f'oqsma ta' interess baqa' simili għal dik osservata matul is-snin ta' qabel. L-oqsma tal-kompetizzjoni, tad-drittijiet doganali u tat-tassazzjoni indiretta, tas-suq intern u ta’ l-ambjent qed ikomplu jqajjmu aktar interess, għal total ta’ 40 % tat-talbiet.

4.4. Il-qasma tat-talbiet f'kategoriji soċjo-professjonali ma nbidlitx b'mod sinifikanti. Il-gruppi ta’ interess differenti, l-NGOs u l-intrapriżi jirrappreżentaw aktar minn kwart mit-talbiet.

4.5. Aktar minn kwart mit-talbiet (26,42 %) jiġu minn persuni jew minn organizzazzjonijiet mwaqqfa fi Brussell, minħabba fin-numru ta’ intrapriżi multinazzjonali, minn uffiċċji ta’ avukati internazzjonali u minn assoċjazzjonijiet jew NGOs li joperaw fuq livell Ewropew u li għandhom uffiċċji fi Brussell. Barra minn hekk, il-parti l-kbira mit-talbiet jiġu mill-Ġermanja, mill-Italja, minn Franza, mir-Renju Unit, minn Spanja u mill-Olanda, li jagħmlu total ta’ ftit aktar minn nofs it-talbiet. Il-parti ta’ l-Istati Membri l-ġodda għadha modesta (4,31 %).

5. L-APPLIKAZZJONI TA’ EċċEZZJONIJIET GħAD-DRITT TA’ AċċESS

5.1. Il-persentaġġ ta’ tweġibiet pożittivi fil-fażi inizjali tat-talbiet tinsab pratikament fuq l-istess livell ta’ l-2003, billi għadda minn 69,31 % għal 68,19 %. F’64,8 % tal-każijiet, id-dokument ingħata b’mod sħiħ u f’3,39 % tal-każijiet, ingħata aċċess partzjali għad-dokumenti mitluba.

Il-persentaġġ ta’ tweġibiet pożittivi ma jieħdux f’kunsiderazzjoni n-numru kbir ta’ talbiet għall-aċċess fir-rigward ta’ dokumenti li kienu diġà tqassmu (kważi talba waħda għal kull ħamsa). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, f’madwar 2 % tal-każijiet, it-talba kienet tikkonċerna dokument ineżistenti.

5.2. Il-persentaġġ mill-konfermi ta’ deċiżjonijiet inizjali kellu żieda netta, billi għadda minn 61 ,57 % għal 73,21 % tal-każijiet.

Il-persentaġġ tat-tweġibiet totalment pożittivi wara rifjut inizjali jgħaddi minn 30,13 % għal 9,09 %. Min-naħa l-oħra, il-persentaġġ ta’ deċiżjonijiet li taw aċċess parzjali wara rifjut inizjali irdoppja u aktar, billi għadda minn 8,29 % għal 17,7 %.

Fl-aħħar tal-proċess ta’ trattament tat-talbiet, ir-rata ta’ tweġibiet pożittivi hi ta’ 70 % (meta mqabbla mat-72,82 % fl-2003) ; f’65,45 % mill-każijiet, id-dokumenti ingħataw f’format sħiħ u f’4,85 % mill-każijiet ingħata aċċess parzjali.

5.3. Fl-istadju inizjali, il-mottiv prinċipali għar-rifjut kien il-protezzjoni ta’ l-obbjettiv ta’ l-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ inkjesta u ta’ verifika (l-Artikolu 4(2), it-tielet inċiż), anki jekk il-persentaġġ tar-rifjut ibbażat fuq din l-eċċezzjoni naqqset xi ftit, billi għaddiet minn 37,55 % għal 31,81 %. F’bosta mill-każijiet, dan jikkonċerna talbiet ta’ aċċess għal ittri ta’ tqegħid fil-mora, għal opinjonijiet motivati jew għal dokumenti oħra dwar proċeduri ta’ ksur li għadhom ma għalqux jew għal dokumenti dwar inkjesti fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni.

It-tieni raġuni għar-rifjut jikkonċerna l-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni (l-Artikolu 4(3). Il-persentaġġ ta’ rifjuti bbażati fuq din l-eċċezzjoni għadda minn 20,92 % għal 25,44 %.

5.4. Ir-raġunijiet ewlenin li jiġġustifikaw il-konferma ta’ rifjut għall-aċċess huma l-istess bħal fl-istadju inizjali:

- il-protezzjoni ta’ l-objettiv ta’ l-attivitajiet ta’ l-inkjesta (26,32 %) ;

- il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali (21,75 %).

Barra minn hekk, għandu jiġi rrimarkat li l-protezzjoni ta’ l-interessi kummerċjali ġġustifikat numru daqsxejn akbar ta’ rifjuti fl-istadju ta’ konferma milli fl-2003, billi għaddiet minn 11,87 % għal 15,79 %. Il-persentaġġ ta’ rifjuti bbażati fuq din ir-raġuni għall-eċċezzjoni hu konsiderevolment akbar minn dak fl-istadju inizjali (8,33 %).

6. ILMENTI PPREżENTATI LILL-OMBUDSMAN EWROPEW

6.1. Matul is-sena 2004, l-Ombudsman għalaq tlettax-il fajl ta’ ilmenti kontra l-Kummissjoni dwar rifjuti ta’ l-għoti ta’ dokumenti. F’ħames każijiet, l-Ombudsman ikkonkluda li ma kienx hemm amministrazzjoni ħażina. Fħames każijiet oħra, instabet soluzzjoni amikevoli jew it-tilwima ġiet riżolta fil-frattemp. Tliet ilmenti wasslu għal rimarka kritika mill-Ombudsman.

6.2. Matul is-sena 2004, ġew iddepożitati ma’ l-Ombudsman ħdax-il ilment ġdid. Erbgħa minn dawn kienu jikkonċernaw ir-rifjut ta’ l-għotja ta’ dokumenti magħmula jew milqugħa fil-qafas ta’ proċedura ta’ ksur (tqegħid fil-mora, opinjoni motivata, tweġibiet ta’ l-Istati Membri).

7. RIKORSI ġURISDIZZJONALI

7.1. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tat żewġ sentenzi li jirrifjutaw rikors kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tgħaddi dokument. Barra minn hekk, billi annullat sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat deċiżjoni negattiva tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

- Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 2004, każ T-84/03, Turco vs il-Kunsill

- Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Novembru 2004, każ T-168/02, Internationaler Tierschutzfonds vs il-Kummissjoni

- Sentenza tal-Qorti tat-22 ta’ Jannar 2004, każ C-353/01 P , Mattila vs il-Kunsill u l-Kummissjoni

7.2. Fl-2004 saru disa’ rikorsi ġodda kontra deċiżjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta’ l-applikazzjoni tar-Regolament 1049/2001 :

- Association de la Presse internationale vs il-Kummissjoni, Kawża T-36/04

- Bavarian Lager vs il-Kummissjoni, Kawża T-194/04

- Co-Frutta vs il-Kummissjoni, Kawża T-446/04

- Franchet-Byk vs il-Kummissjoni, Kawża T-70/04

- Port Support Customs Agency vs il-Kummissjoni, Kawża T-319/04

- Terezakis vs il-Kummissjoni, Kawża T-380/04

- Ultradent vs il-Kummissjoni, Kawża T-237/04

- UPS vs il-Kummissjoni, Kawża T-284/04

- Valero Jordana vs il-Kummissjoni, Kawża T-161/04

8. KONKLUżJONIJIET

L-interess tal-pubbliku li qiegħed dejjem jikber sabiex jaċċedi għal dokumenti tal-Kummissjoni mhux ippubblikati ġiet ikkonfermata matul is-sena 2004. Bħal ma ġara matul is-snin preċedenti, it-talbiet jiġu l-aktar (aktar minn 40 %) minn intrapriżi, minn NGOs, minn uffiċċji ta’ avukati jew minn gruppi ta’ interess differenti.

L-impressjoni ġenerali li toħroġ mill-analiżi tat-talbiet għall-aċċess hi li proporzjon kbir minn dawn jikkonċerna l-attivitajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll ta’ l-applikazzjoni tal-liġi komunitarja. F’bosta każijiet, dawn it-talbiet għall-aċċess isiru bl-għan li jiġu akkwistati dokumenti li x’aktarx li jappoġġaw il-pożizzjoni ta’ min qed jagħmel it-talba fil-qafas ta’ ilment, per eżempju dwar ksur suspettat tad-dritt komunitarju, jew ta’ rikors amministrattiv jew ġurisdizzjonali. Għandu jiġi nnutat li dawn it-talbiet ġeneralment huma ta’ volumi kbar u li l-eżami tad-dokumenti mitluba toħloq xogħol amministrattiv kbir.

Ir-raġunijiet għar-rifjut li huma msemmija l-aktar joħorġu mill-protezzjoni ta' l-interessi li ġejjin: l-objettivi ta’ inkjesti, l-interessi kummerċjali ta’ l-intrapriżi u l-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni. Din l-eċċezzjoni ta’ l-aħħar hi invokata l-aktar sabiex tipproteġi t-teħid ta’ deċiżjonijiet individwali mill-proċess leġislattiv. Fil-qasam leġislattiv, it-tendenza hi li dokumenti jsiru aktar mingħajr ma jkun hemm bżonn talba għall-aċċess.

In-numru ta’ ilmenti ppreżentati lill-Ombudsman meta mqabbla ma’ l-applikazzjoni tar-Regolament 1049/2001 għadhom stabbli anki jekk kien hemm żieda fin-numru ta’ talbiet. Fil-maġġoranza tal-każijiet, l-Ombudsman jew ikkonkluda li ma kienx hemm każ ta’ amministrazzjoni ħażina, jew ikkonstata li l-każ ġie solvut għas-sodisfazzjoni tal-kwerelant.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-interpretazzjoni tagħha ta’ l-eċċezzjoni dwar il-possibbiltà ta’ l-Istati Membri li jopponu t-tixrid ta’ dokumenti li huma jkunu għaddew lill-Kummissjoni.

[1] ĠU L 145 tal-31.5.2001, p. 43.

[2] COM (2003) 622 finali.

[3] Id-Deċiżjoni tat-28.6.1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (1999/468/KE), ĠU L 184 tas-17.7.1999, p. 23

[4] Numru tal-katalogu KA-41-01-187-FR-C ISBN 92-894-1904-0