SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)
16 ta’ Lulju 2025 ( *1 ) ( 1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea Iceland – Raġuni assoluta ta’ invalidità – Karattru deskrittiv – Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”
Fil-Kawża T‑106/23,
Iceland Foods Ltd, stabbilita f’Deeside (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn G. Vos, avukat,
rikorrenti,
sostnuta minn
International Trademark Association (INTA), stabbilita f’New York (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn N. Parrotta, M. Perraki u A. Lubberger, avukati,
intervenjenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn V. Ruzek, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija
Icelandic Trademark Holding ehf, stabbilita f’Rejkjavik (l-Islanda), irrappreżentata minn A. von Mühlendahl u H. Hartwig, avukati,
IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),
komposta minn K. Kowalik‑Bańczyk, Presidenta, E. Buttigieg u I. Dimitrakopoulos (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: G. Mitrev, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑16 ta’ Ottubru 2024,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Iceland Foods Ltd, qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Estiż tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal‑15 ta’ Diċembru 2022 (Każ R 1613/2019‑G) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
2 |
Fit‑23 ta’ Jannar 2018, Icelandic Trademark Holding ehf ressqet quddiem l-EUIPO talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li ġiet irreġistrata wara applikazzjoni ppreżentata mir-rikorrenti fit‑12 ta’ Frar 2013 għas-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt: |
|
3 |
Il-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata li għalihom kienet intalbet dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu jaqgħu taħt il-Klassijiet 29, 30 u 35 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u tas-servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tat-trade marks tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u kienu jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
|
4 |
Ir-raġunijiet għal invalidità miġjuba insostenn tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità kienu, essenzjalment, dawk imsemmija fl-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(b), (c) u (g) tal-imsemmi regolament (li saru, rispettivament, l-Artikolu 59(1)(a) u l-Artikolu 7(1)(b), (c) u (g) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)). |
|
5 |
Fis‑27 ta’ Mejju 2019, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha msemmija fil-punt 3 iktar ’il fuq. |
|
6 |
Fl‑24 ta’ Lulju 2019 ir-rikorrenti appellat quddiem l-EUIPO mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
|
7 |
Matul il-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell Estiż, Icelandic Trademark Holding żiedet raġuni ta’ invalidità oħra ma’ dawk ippreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, ibbażata, essenzjalment, fuq l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(1)(a) u tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament 2017/1001), moqrija flimkien. |
|
8 |
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell Estiż ċaħad l-appell. Essenzjalment, fl-ewwel lok, huwa qies li t-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade mark ikkontestata, ibbażata fuq l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, kienet inammissibbli, minħabba l-preżentata tardiva tagħha fl-istadju tal-appell. |
|
9 |
Fit-tieni lok, minn naħa, il-Bord tal-Appell Estiż qies li l-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-pubbliku ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jitkellem bl-Ingliż, kien jara t-trade mark ikkontestata bħala indikazzjoni li l-prodotti u s-servizzi indikati minn din tal-aħħar kienu joriġinaw mill-Islanda. Huwa żied jgħid li dan il-mod kif il-pubbliku rilevanti jara t-trade mark ikkontestata ma kienx inbidel mill-elementi figurattivi ta’ din tal-aħħar minħabba n-natura dekorattiva tagħhom. Huwa qies, għalhekk, li t-trade mark ikkontestata kienet ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
10 |
Min-naħa l-oħra, il-Bord tal-Appell Estiż fakkar, essenzjalment, li kien biżżejjed li tapplika waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut sabiex is-sinjal inkwistjoni ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea. Fi kwalunkwe każ, li kellha l-imsemmija trade mark tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, hija jkollha titqies li ma għandhiex karattru distintiv. |
It-talbiet tal-partijiet
|
11 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
12 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
13 |
Icelandic Trademark Holding titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
14 |
International Trademark Association (INTA) titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
15 |
Ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem żewġ motivi bbażati, minn naħa, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 u, min-naħa l-oħra, fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009
|
16 |
Il-Bord tal-Appell Estiż essenzjalment qies li t-trade mark ikkontestata kienet, għall-pubbliku rilevanti, tiddeskrivi l-oriġini ġeografika tal-prodotti u tas-servizzi koperti minnha jew il-karatteristiċi tagħhom fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għarfien tassew kbir tal-isem ġeografiku “Islanda” u tal-karatteristiċi ta’ dan il-pajjiż fir-rigward tan-natura, tal-ekoloġija, tal-enerġija rinnovabbli, tal-prosperità ekonomika, tal-manodopera tas-sengħa u li jorbtu mal-industrija tagħha u mal-esportazzjonijiet effettivi. Dawn il-fatturi jagħmluha possibbli li jiġi konkluż li, għall-pubbliku rilevanti, l-Islanda kienet pajjiż li kapaċi jipproduċi diversi tipi ta’ prodotti differenti u jipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi. B’hekk, fil-fehma tal-Bord tal-Appell Estiż, il-pubbliku rilevanti jorbot il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni mat-trade mark ikkontestata fis-sens li din tal-aħħar tindika l-oriġini ġeografika tagħhom jew uħud mill-karatteristiċi tagħhom marbuta speċifikament ma’ din l-oriġini ġeografika. |
|
17 |
Ir-rikorrenti u INTA jsostnu li l-Bord tal-Appell Estiż kiser l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Huma jikkontestaw l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell Estiż u, konsegwentement, il-konklużjoni dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha inkwistjoni. |
|
18 |
B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti tqis li, minkejja n-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fil-livell tal-Unjoni li tipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ ismijiet tal-pajjiżi bħala trade marks, il-Bord tal-Appell Estiż, madankollu, effettivament impona tali projbizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, fil-fehma tar-rikorrenti, huwa qagħad fuq kriterji mhux determinanti, bħall-għarfien tal-isem ġeografiku “Iceland” mill-pubbliku rilevanti jew fuq karatteristiċi ta’ dan il-post li huma impreċiżi u mhux ikkorroborati u, fi kwalunkwe każ, irrilevanti. Barra minn hekk, huwa ma ħax inkunsiderazzjoni ċerti sondaġġi ppreżentati mir-rikorrenti. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell Estiż talli qies b’mod żbaljat li l-elementi figurattivi tat-trade mark ikkontestata kienu jservu biss sabiex jenfasizzaw l-element verbali. Anki li kellha t-trade mark verbali Iceland tiġi kkunsidrata bħala waħda deskrittiva fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, liema kunsiderazzjoni hija kkontestata mir-rikorrenti, l-elementi figurattivi tat-tipografija distintiva flimkien mal-isfond aħmar u isfar tat-trade mark ikkontestata jeskludu, mill-banda l-oħra, li din tal-aħħar tiġi kkunsidrata bħala waħda deskrittiva. |
|
19 |
L-EUIPO u Icelandic Trademark Holding jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u ta’ INTA. |
|
20 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, l-invalidità tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddikjarata, fuq talba mressqa quddiem l-EUIPO jew fuq kontrotalba f’azzjoni għal kontrafazzjoni, meta din it-trade mark tkun ġiet irreġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tal-istess regolament. |
|
21 |
Skond l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, trade marks li jkunu magħmula esklużivament minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw, fil-kummerċ, ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew iż-żmien li fih ikun ġie magħmul il-prodott jew li fih ikun ġie pprovdut is-servizz, jew karatteristiċi oħra ta’ dawn tal-aħħar ma għandhomx jiġu rreġistrati. Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 2017/1001), l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 japplika anki jekk ir-raġunijiet għal rifjut ikunu jeżistu biss f’parti tal-Unjoni. |
|
22 |
Dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet huma meqjusa li ma jistgħux ikollhom il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2003, UASI vs Wrigley,C‑191/01 P, EU:C:2003:579, punt 30, u tas‑27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs UASI (EUROCOOL),T‑34/00, EU:T:2002:41, punt 37). |
|
23 |
Sabiex sinjal jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa meħtieġ li dan ikollu relazzjoni diretta u konkreta biżżejjed mal-prodotti jew mas-servizzi inkwistjoni b’mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jara minnufih, u mingħajr ma joqgħod jaħseb, deskrizzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ xi waħda mill-karatteristiċi tagħhom (ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Jannar 2005, Deutsche Post EURO EXPRESS vs UASI (EUROPREMIUM),T‑334/03, EU:T:2005:4, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑22 ta’ Ġunju 2005, Metso Paper Automation vs UASI (PAPERLAB),T‑19/04, EU:T:2005:247, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
24 |
Barra minn hekk, għalkemm huwa irrilevanti li tali karatteristika tkun essenzjali jew anċillari fuq il-livell kummerċjali, karatteristika, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, għandha, madankollu, tkun oġġettiva u inerenti għan-natura tal-prodott jew tas-servizz, kif ukoll intrinsika u permanenti fir-rigward ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2019, Fissler vs EUIPO (vita),T‑423/18, EU:T:2019:291, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tas-sinjali jew tal-indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw l-oriġini jew id-destinazzjoni ġeografika ta’ kategoriji ta’ prodotti jew il-post ta’ provvista ta’ kategoriji ta’ servizzi li għalihom tkun intalbet trademark tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-ismijiet ġeografiċi, huwa fl-interess ġenerali li dawn jinżammu disponibbli, mhux biss għax jistgħu jindikaw il-kwalità u karatteristiċi oħra tal-kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi kkonċernati, iżda wkoll għax jinfluwenzaw b’diversi modi l-għażliet tal-konsumaturi billi, pereżempju, il-prodotti jew is-servizzi jiġu assoċjati ma’ post li jista’ jnissel sentimenti pożittivi (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO, C‑488/16 P, EU:C:2018:673, punt 37; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee,C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 26). |
|
26 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma esklużi, minn naħa, ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi bħala trade marks jekk dawn ikunu jirreferu għal postijiet ġeografiċi speċifiċi li jkunu diġà msemmija jew ikunu diġà magħrufa fir-rigward tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati u li, għalhekk, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, ikunu marbuta ma’ dak il-post u, min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni ta’ ismijiet ġeografiċi li jistgħu jintużaw mill-impriżi li għandhom ukoll jinżammu disponibbli għal dawn tal-aħħar bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee,C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punti 29, 30 u 37). |
|
27 |
Għalhekk, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal tista’ tiġi rrifjutata abbażi tal-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 biss jekk l-isem ġeografiku li għalih tkun intalbet ir-reġistrazzjoni bħala trade mark ikun jindika post li, fil-mument tat-talba, ikollu, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, rabta mal-kategorija ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati jew jekk ikun raġonevoli li wieħed iqis li tali rabta tista’ ssir fil-futur (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise vs EUIPO, C‑488/16 P, EU:C:2018:673, punt 38; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee,C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 31). |
|
28 |
Issa, anki jekk il-pubbliku rilevanti jkun jaf post ġeografiku partikolari, dan ma jfissirx awtomatikament li s-sinjal jista’ jservi, fil-kummerċ, sabiex jindika oriġini ġeografika. Sabiex ikun eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni inkwistjoni humiex issodisfatti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, bħan-natura tal-prodotti jew servizzi indikati, ir-reputazzjoni tajba jew inqas tajba, b’mod partikolari fis-settur ekonomiku inkwistjoni, tal-post ġeografiku inkwistjoni u l-għarfien kbir jew inqas kbir li l-pubbliku rilevanti jkollu ta’ dan il-post, l-użanzi tal-qasam ta’ attività kkonċernata u l-kwistjoni sa fejn l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni tista’ titqies bħala rilevanti, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, għall-evalwazzjoni tal-kwalità jew ta’ karatteristiċi oħra tal-prodotti jew servizzi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2005, Peek de Cloppenburg vs UASI (Cloppenburg),T‑379/03, EU:T:2005:373, punt 49). |
|
29 |
Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażati fuq raġuni assoluta għal rifjut, peress li t-trade mark tal-Unjoni Ewropea rreġistrata hija meqjusa valida, hija l-persuna li tkun ressqet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li għandha ġġib quddiem l-EUIPO l-provi konkreti li jikkontestaw il-validità tagħha (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2013, Fürstlich Castell’ sches Domänenamt vs UASI – Castel Frères (CASTEL), T‑320/10, EU:T:2013:424, punt 28). |
|
30 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma hijiex tikkontesta d-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, adottata mill-Bord tal-Appell Estiż fil-punti 89 sa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li dan tal-aħħar kien magħmul mill-pubbliku ġenerali tal-Unjoni li jitkellem bl-Ingliż fid-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata fit‑12 ta’ Frar 2013, li jinsab fit-territorji ta’ Ċipru, tal-Finlandja, tal-Irlanda, ta’ Malta, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-pajjiżi Skandinavi, inkluż id-Danimarka, u tar-Renju Unit. |
|
31 |
Fit-tieni lok, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell Estiż essenzjalment qies li l-kelma “Iceland” kienet magħrufa minn parti kbira tal-pubbliku rilevanti bħala isem ta’ pajjiż li, fost oħrajn, jagħmel parti miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). |
|
32 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li t-trade mark ikkontestata tindika l-isem ta’ pajjiż, mill-perspettiva ġeografika, li jinsab fl-Ewropa, magħmul minn territorju b’popolazzjoni relattivament żgħira, kif ukoll minn medda art ikbar minn dik ta’ wħud mill-Istati Membri tal-Unjoni u taż-ŻEE. |
|
33 |
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-għarfien tal-Islanda ma tqiesx mill-Bord tal-Appell Estiż bħala kriterju determinanti fl-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark inkwistjoni. Fil-fatt, dan tal-aħħar indika b’mod ċar, fil-punt 121 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv ta’ din l-istess trade mark kienet teħtieġ ukoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti oħra, bħall-għarfien tal-karatteristiċi tal-post indikat minn dan l-isem ġeografiku u r-rabta bejn il-kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi u t-trade mark ikkontestata. |
|
34 |
Fit-tielet lok, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell Estiż qies diversi karatteristiċi tal-Islanda li kienu jippermettu jagħmlu possibbli li jiġi konkluż, fil-fehma tiegħu, li l-Islanda kienet pajjiż li kapaċi jipproduċi diversi tipi ta’ prodotti differenti u jipprovdi firxa wiesgħa ta’ servizzi. |
|
35 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li r-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-argument li huwa magħruf sew il-fatt li l-Islanda hija wieħed mill-pajjiżi li l-iktar jirrispettaw l-ambjent fid-dinja, l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell Estiż dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali importanti li l-Islanda għandha mal-Istati Membri tal-Unjoni, kif ukoll il-klassifikazzjoni tal-industrija tat-turiżmu Islandiża bħala waħda li qiegħda “kulma jmur tikber”. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Bord tal-Appell Estiż qies b’mod żbaljat li d-destinazzjoni l-iktar komuni għall-esportazzjonijiet tal-prodotti tal-Islanda kienet id-Danimarka u mhux il-Pajjiżi l-Baxxi u huwa għamel żball ta’ fatt meta qies li l-Islanda kienet tipprovdi firxa raġonevolment wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi. |
|
36 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġġib ebda argument konkret jew prova konkreta sabiex twaqqa’ dubju fuq ir-rilevanza tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell Estiż. B’hekk, għandu jitqies li l-argument ġenerali u mhux iddettaljat tar-rikorrenti ma jistax iwaqqa’ dubju fuq l-evalwazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi relatati mal-Islanda. Barra minn hekk, l-analiżi tal-provi li fuqhom qagħad il-Bord tal-Appell Estiż fid-deċiżjoni kkontestata tagħmilha possibbli li jiġi kkonfermat li dawn juru b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-ewwel nett, li l-Islanda kienet pajjiż li jirrispetta l-ambjent, ħaġa li kienet tgħin, barra dan, sabiex l-Islanda tkun destinazzjoni turistika popolari (ara l-punti 108, 109, 125, 126 u 146 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar informazzjoni konsistenti mill-Collins Dictionary u mill-Encyclopedia Britannica, kif ukoll, b’mod partikolari, dwar is-sondaġġ ta’ Íslandsstofa (Promote Iceland) li sar fl‑2015 fid-Danimarka, fi Franza, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, dwar il-mod kif it-turisti jaraw l-Islanda, u dwar id-data li tirriżulta mid-dokument Tourism in Iceland in Figures, May 2016 (It-turiżmu fl-Islanda f’ċifri, Mejju 2016)]. It-tieni nett, mill-imsemmija provi jirriżulta li l-Islanda kienet toffri firxa wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi, filwaqt li kellha, b’rabta ma’ dawn tal-aħħar, relazzjonijiet kummerċjali importanti mal-pajjiżi taż-ŻEE (ara, b’mod partikolari, il-punt 127 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferi għad-Direttorju tal-Istatistika tal-Islanda tal‑2015, kif ukoll għad-Dikjarazzjoni tal-President tas-Sezzjoni tal-Kummerċ Barrani tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Islanda tas‑27 ta’ Jannar 2016 dwar l-esportazzjonijiet tal-Islanda lejn l-Unjoni bejn l‑1999 u l‑2014). Barra minn hekk, l-imsemmija provi juru li dawn ir-relazzjonijiet kummerċjali baqgħu stabbli, u saħansitra intensifikaw xi ftit, wara d-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata fit‑12 ta’ Frar 2013. |
|
37 |
Min-naħa l-oħra, f’dak li għandu x’jaqsam mal-asserzjonijiet tar-rikorrenti u ta’ INTA fir-rigward tar-rilevanza tal-karatteristiċi tal-Islanda li ttieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-rabta bejn dan il-pajjiż u l-prodotti u s-servizzi indikati mit-trade mark ikkontestata, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 26 u 27 iktar ’il fuq jirriżulta li t-trade marks ikollhom karattru deskrittiv mhux biss meta jkunu jindikaw postijiet ġeografiċi speċifiċi li jkunu diġà msemmija jew magħrufa fir-rigward ta’ kategorija ta’ prodotti u ta’ servizzi kkonċernati, iżda wkoll dawk li jkun raġonevoli li wieħed jipprevedi, fir-rigward tagħhom, li, ’il quddiem, dawn ser jintużaw mill-impriżi bħala indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi kkonċernati. |
|
38 |
Mill-premess jirriżulta li r-rikorrenti tiżbalja meta ssostni li kien meħtieġ, f’dan il-każ, li tiġi evalwata r-“reputazzjoni” li kienet tgawdi l-Islanda f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, jew li hija setgħet tgawdi ’l quddiem, b’rabta mal-prodotti u mas-servizzi indikati mit-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 iktar ’il fuq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni numru ta’ ċirkustanzi kif kienu fit‑12 ta’ Frar 2013, u dan minn perspettiva prospettika (li tħares ’il quddiem), peress li dawn tal-aħħar ma humiex limitati biss għall-kwistjoni tar-reputazzjoni. Barra minn hekk, id-diversi karatteristiċi tal-Islanda, li l-Bord tal-Appell Estiż ħa inkunsiderazzjoni, huma importanti sabiex jiġi ddeterminat sa fejn l-oriġini ġeografika tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni tista’ tkun rilevanti, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, għall-evalwazzjoni tal-kwalità jew ta’ karatteristiċi oħra tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. |
|
39 |
Għal dawn l-istess raġunijiet, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun tikkritika lill-Bord tal-Appell Estiż talli ħa inkunsiderazzjoni l-prosperità ekonomika, inkluż l-evalwazzjoni tal-prodott gross domestiku (PGD), il-manodopera tas-sengħa jew ukoll il-preżenza ta’ industriji differenti, peress li dawn il-kriterji setgħu jagħmluha possibbli li jiġi ddeterminat jekk l-Islanda setgħetx issir magħrufa jew imsemmija bħala post ta’ oriġini ġeografika fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Minn qari ġenerali tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari tal-punti 146, 147 u 176, jirriżulta li l-Bord tal-Appell Estiż irrikonoxxa n-natura rilevanti tal-ekonomija Islandiża (kemm fid-dawl ta’ aspetti kwantitattivi, bħall-PGD, kif ukoll fid-dawl ta’ aspetti kwalitattivi) sabiex jikkorrobora l-konklużjoni tiegħu dwar il-kapaċità ta’ dan il-pajjiż li jipproduċi u jipprovdi firxa wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi u dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fil-mod kif jaraha l-pubbliku rilevanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-PGD huwa rilevanti għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi ta’ post ġeografiku indikat mis-sinjal li għalih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, konsegwentement, għall-evalwazzjoni tar-rabta li teżisti bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mill-imsemmi sinjal u l-isem ġeografiku indikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Frar 2022, Govern d’Andorra vs EUIPO (Andorra), T‑806/19, mhux ippubblikata, EU:T:2022:87, punt 65). F’dan il-każ, mill-punti 118, 127 u 144 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta, barra dan, li l-Bord tal-Appell Estiż ħa inkunsiderazzjoni l-indikaturi ekonomiċi fl-intier tagħhom, flimkien mal-istatistika dwar l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-Islanda. |
|
40 |
Fid-dawl tal-premess, għandu jsir eżami konkret, relatat mal-kwistjoni dwar jekk it-trade mark ikkontestata kinitx tindika, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, fil-mument tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, post li kellu rabta mal-kategoriji ta’ prodotti u ta’ servizzi kkonċernati jew jekk kienx raġonevoli li wieħed jipprevedi li, ’il quddiem, issir tali rabta. |
Fuq il-prodotti li jaqgħu taħt il-Klassijiet 29 u 30 indikati mit-trade mark ikkontestata
|
41 |
L-ewwel nett, il-Bord tal-Appell Estiż qies li l-indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tal-prodotti tal-ikel u tal-prodotti agrikoli ma kinitx biss prassi komuni fil-kummerċ, iżda wkoll, fir-rigward ta’ ċerti prodotti, obbligu sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumaturi u sabiex jiġi ggarantit id-dritt tagħhom għall-informazzjoni. B’hekk, il-konsumaturi li jsibu quddiemhom l-isem ta’ pajjiż fuq dawn il-prodotti ikun hemm iktar ċans li jarawh bħala l-post ta’ oriġini u f’sens deskrittiv, u dan minkejja li l-pajjiż inkwistjoni ma jkunx igawdi reputazzjoni jew ma jkunx magħruf għal prodott partikolari. |
|
42 |
It-tieni nett, il-Bord tal-Appell Estiż qies li għalkemm l-Islanda setgħet tiġi assoċjata prinċipalment mal-ħut, ma’ frott il-baħar, mal-laħam u mal-prodotti tal-ħalib, hija kienet tipproduċi prodotti oħra tal-ikel, bħal frott, ħaxix u ħwawar. Barra minn hekk, wieħed jista’ raġonevolment jistenna li s-serer, imsaħħna bl-enerġija ġeotermali, ikollhom kapaċità ta’ produzzjoni tal-ikel pjuttost varjata. Fid-dawl tal-fatt li t-tjur huma mrobbija u li l-bajd u ċ-ċereali huma komunement prodotti, ippakkjati u mibjugħa fl-Ewropa, il-konsumaturi jaħsbu li dawn il-prodotti jistgħu joriġinaw mill-Islanda. Dan huwa wkoll il-każ fir-rigward tax-xaħmijiet u taż-żjut li jittieklu u, b’mod partikolari, taż-żejt tal-kolza li jista’ jiġi kkultivat fi klimi iktar kesħin. |
|
43 |
It-tielet nett, il-Bord tal-Appell Estiż iddeċieda li għalkemm, min-natura tagħhom stess, ċerti prodotti li jaqgħu taħt il-Klassi 30 ma kinux ikkultivati fl-Islanda, bħall-kawkaw, il-kafè, it-te, ir-ross, is-sagu u t-tapjoka, dawn setgħu, madankollu, jiġu pproċessati u adattati għat-togħma lokali. |
|
44 |
Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-Bord tal-Appell Estiż, huwa u jevalwa r-rabta bejn il-prodotti li jaqgħu taħt il-Klassijiet 29 u 30 u l-isem ġeografiku inkwistjoni, żbalja billi ffoka wisq fuq il-fatt li l-Islanda kienet tipproduċi, sa ċertu punt, prodotti tal-ikel, minkejja li dawn kienu jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna mill-prodotti esportati minn dan il-pajjiż. Barra minn hekk, għal ċerti prodotti “eżotiċi”, l-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell Estiż huma purament teoretiċi u irrelevanti. Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-obbligu legali li jiġi indikat il-pajjiż ta’ oriġini fuq prodott ma għandu l-ebda influwenza fuq l-użu ta’ isem dan il-pajjiż bħala trade mark. |
|
45 |
F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-prodotti li jaqgħu taħt il-Klassijiet 29 u 30, indikati mit-trade mark ikkontestata, jinkludu prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-pjanti u mill-annimali u likwidi għall-konsum mill-bniedem, li lkoll jagħmlu parti mis-settur tal-ikel. |
|
46 |
Skont il-ġurisprudenza, huwa konformi mal-prassi tas-soltu fir-rigward ta’ prodotti agroalimentari li dawn jiġu indikati b’terminu ġeografiku li jkun jindika, jew li jkun jista’ jindika, l-oriġini ġeografika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2003, Nordmilch vs UASI (OLDENBURGER),T‑295/01, EU:T:2003:267, punti 42 sa 45). L-oriġini ġeografika tal-prodotti inkwistjoni tista’ titqies li hemm mnejn tkun partikolarment rilevanti, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti, għall-evalwazzjoni tal-kwalità jew ta’ karatteristiċi oħra tal-prodotti kkonċernati, fid-dawl ukoll ta’ kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ natura sanitarja, ekonomika, ambjentali, soċjali jew etika. |
|
47 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-provi fil-proċess tal-proċedura amministrattiva quddiem l-EUIPO, l-Islanda tipproduċi u tesporta diversi tipi ta’ prodotti agroalimentari, b’mod partikolari ħut u prodotti tal-ħut, diversi tipi ta’ laħam, prodotti tal-ħalib, frott u ħaxix. B’mod partikolari, mill-imsemmija provi fil-proċess jirriżulta li l-Islanda kienet tipproduċi u tesporta dawn il-prodotti bejn l‑1999 u l‑2014, jiġifieri qabel kif ukoll wara d-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata (ara, b’mod partikolari, il-punt 127 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferi għad-Direttorju tal-Istatistika tal-Islanda tal‑2015, kif ukoll għad-Dikjarazzjoni tal-President tas-Sezzjoni tal-Kummerċ Barrani tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Islanda tas‑27 ta’ Jannar 2016 dwar l-esportazzjonijiet tal-Islanda lejn l-Unjoni bejn l‑1999 u l‑2014). |
|
48 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell Estiż ġustament iddikjara, fil-punt 154 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 42 iktar ’il fuq), fir-rigward ta’ wħud mill-prodotti l-oħra inkwistjoni, bħat-tjur u l-bajd, li dawn setgħu jitrabbew u jiġu prodotti fl-Ewropa kollha u setgħu għalhekk jitrabbew u jiġu prodotti wkoll fl-Islanda. Bl-istess mod, xaħmijiet u żjut li jittieklu, b’mod partikolari ż-żejt tal-kolza, setgħu jiġu prodotti jew ikkultivati anki fi klimi kesħin, bħal fl-Islanda. B’hekk, b’mod ġenerali, dawn il-prodotti li jaqgħu taħt il-Klassijiet 29 u 30, indikati mit-trade mark ikkontestata, jistgħu jiġu prodotti, ippakkjati u mibjugħa fl-Islanda u esportati lejn il-pajjiżi taż-ŻEE. |
|
49 |
Minn dan jirriżulta li l-Islanda, fid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata, kienet tipproduċi firxa wiesgħa ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-Klassijiet 29 u 30, indikati mit-trade mark ikkontestata, li hija kienet tesporta wkoll dawn il-prodotti u li hija setgħet tipproduċi oħrajn. Fid-dawl tal-kapaċità, attwali jew potenzjali, ta’ manifattura u ta’ esportazzjoni ta’ dawn il-prodotti mill-Islanda, għandu jitqies li meta wieħed mill-prodotti, li jkun jaqa’ taħt il-Klassijiet 29 u 30, jinbiegħ bit-trade mark ikkontestata, wieħed jista’ jaħseb li dan il-prodott joriġina minn dan il-pajjiż. F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell Estiż ma jistax jiġi kkritikat talli ma ħax inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza marbuta mal-allegata parti “żgħira ħafna” mill-prodotti tal-ikel esportati mill-Islanda. Li kellu jitqies li l-esportazzjoni attwali tal-prodotti tal-ikel mill-Islanda ma tikkostitwixxix parti relattivament kbira mill-esportazzjonijiet tagħha b’mod ġenerali, tali allegazzjoni ma tistax twaqqa’ dubju fuq ir-rabta deskrittiva bejn it-trade mark u l-prodotti li jaqgħu taħt il-Klassijiet 29 u 30 sa fejn hija ma tiħux inkunsiderazzjoni perspettiva prospettika tar-rabta li tista’ raġonevolment issir bejn it-trade mark ikkontestata u l-prodotti koperti. |
|
50 |
Barra minn hekk, sa fejn ir-rikorrenti tippreżenta argumenti intiżi li jikkontestaw l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark ikkontestata u l-laħam tal-bumerin, għandu jiġi rrilevat li hija ma tikkontestax il-fatt li tipi oħra ta’ laħam, bħal-laħam taċ-ċanga, tan-nagħaġ u tal-majjal, huma prodotti fl-Islanda u, skont il-provi prodotti matul il-proċedura amministrattiva, huma esportati mill-Islanda. B’hekk, l-argument tagħha ma jistax iwaqqa’ dubju fuq il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-kategorija usa’ tal-“laħam” li taqa’ taħt il-Klassi 29. |
|
51 |
Fir-rigward tal-kawkaw, tal-kafè u tat-te, li jaqgħu taħt il-Klassi 30, huwa minnu, kif issostni r-rikorrenti, li dawn il-prodotti, minħabba n-natura tagħhom, ma humiex ikkultivati l-Islanda u li ma tantx huwa probabbli li dawn ser jiġu kkultivati l-Islanda ’il quddiem. Madankollu, il-Bord tal-Appell Estiż ġustament sostna, fil-punti 152 u 155 tad-deċiżjoni kkontestata, li dawn setgħu jiġu ttrasformati u adattati għat-togħma lokali. L-eżempji ta’ għażliet tat-te li joriġinaw mill-Irlanda, mill-Ingilterra jew mill-Iskozja, fejn dan il-prodott ma jiġix, madankollu, ikkultivat, li kienu offruti għall-bejgħ bl-imnut fl-Unjoni, invokati mill-Bord tal-Appell Estiż, huma wkoll eżempji rilevanti. Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għal prodotti oħra tal-klassijiet inkwistjoni, bħaz-zokkor, iċ-ċikkulata u l-prodotti taċ-ċikkulata jew id-diversi prodotti bil-frott, peress li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kkultivati u mnixxfa, ippreżervati jew ipproċessati b’mod ieħor fl-Islanda, b’mod partikolari fil-każ ta’ prodotti bil-mirtilli, bit-tut tal-għolliq mhux ikkultivat jew bil-passolina (ara l-punt 152 tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
52 |
Għalkemm l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti kellhom jinftiehmu fis-sens li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ provi li jikkorroboraw l-eżistenza ta’ prassi ta’ pproċessar jew ta’ adattament għall-preferenzi lokali, fl-Islanda, ta’ prodotti bħalma huwa l-kawkaw, il-kafè jew it-te u ta’ prodotti oħra msemmija fil-punt 51 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat, madankollu, li l-imsemmija possibbiltà tibqa’ waħda raġonevoli, f’għajnejn il-pubbliku rilevanti. Fil-fatt, dan it-tip ta’ prodotti jista’ jaqa’ taħt marketing partikolari, li jenfasizza prodott b’togħmiet adattati għat-togħma lokali jew bi kwalitajiet partikolari oħra, marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom. |
|
53 |
Għandu jiġi rrilevat li dawn il-prodotti, kif ukoll ċerti prodotti oħra li jaqgħu taħt il-Klassijiet 29 u 30, bħall-ħwawar, iz-zlazi, il-ketchup u numru ta’ prodotti oħra, jistgħu, wara li jiġi adattati, ikollhom karatteristiċi speċifiċi għall-Islanda fid-dawl, pereżempju, tal-metodi ta’ trattament li jagħmluha possibbli li jiġu enfasizzati togħmiet partikolari u l-pubbliku rilevanti jkun jista’ jarahom b’dan il-mod. |
|
54 |
Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi konkluż li l-Bord tal-Appell Estiż ġustament qies li t-trade mark ikkontestata kellha karattru deskrittiv fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu taħt il-Klassijiet 29 u 30. |
Fuq is-servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 35 indikati mit-trade mark ikkontestata
|
55 |
Is-servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 35, indikati mit-trade mark ikkontestata, minn naħa, essenzjalment jirreferu għall-bejgħ bl-imnut fi ħwienet u online. Min-naħa l-oħra, dawn huma servizzi ta’ reklamar, ta’ marketing u ta’ promozzjoni, kif ukoll servizzi ta’ organizzazzjoni u ta’ operat kummerċjali ta’ impriża. |
|
56 |
Il-Bord tal-Appell Estiż essenzjalment qies li t-trade mark ikkontestata setgħet tintuża bħala riferiment għall-post li minnu s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut li jaqgħu taħt il-Klassi 35 kienu ġeneralment jiġu pprovduti. Barra minn hekk, il-pubbliku rilevanti jista’ jara din it-trade mark bħala riferiment għal kwalità speċifika tal-prodotti mibjugħa fil-kuntest tal-imsemmija servizzi. |
|
57 |
Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li ma tantx huwa probabbli li s-servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 35 joriġinaw mill-Islanda, u dan meta wieħed iqis id-densità baxxa tal-popolazzjoni tagħha u t-territorju tagħha li fil-biċċa l-kbira tiegħu ma huwiex abitabbli, li ma jippermettux li wieħed iżomm sensiela ħwienet tal-ikel. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li l-Islanda ma “tesporta” ebda servizz ta’ bejgħ bl-imnut. |
|
58 |
Preliminarjament, minkejja li dan ma huwiex ikkontestat mill-partijiet, għandu jiġi nnotat li, fil-punt 160 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell Estiż fakkar li s-servizzi kkonċernati kienu “essenzjalment servizzi ta’ bejgħ bl-imnut”. Fil-punt 161 tal-imsemmija deċiżjoni, dan l-istess bord analizza r-rabta bejn dawn is-servizzi u l-isem ġeografiku inkwistjoni, billi rrefera b’mod espliċitu għal “ħwienet bl-imnut”. Madankollu, fil-punti 162 sa 164 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Bord tal-Appell Estiż, huwa u janalizza l-imsemmija rabta, injora s-servizzi msemmija b’mod espliċitu, billi rrefera għall-“kategoriji ta’ servizzi indikati mit-trade mark ikkontestata” (punt 162), “[għall-imsemmija] servizzi” jew għal “dawn is-servizzi” (punt 163), għas-“servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata” u għas-“servizzi kkonċernati” (punt 164), liema punti tad-deċiżjoni kkontestata jiċċitaw, barra minn hekk, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2016, Internet Consulting vs EUIPO – Provincia Autonoma di Bolzano‑Alto Adige (SUEDTIROL) (T‑11/15, EU:T:2016:422), li kienet tikkonċerna, essenzjalment, servizzi ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni kummerċjali. |
|
59 |
B’hekk, minkejja li, fir-raġunament tiegħu, il-Bord tal-Appell Estiż la rrefera b’mod espliċitu għal servizzi ta’ reklamar, ta’ marketing u ta’ promozzjoni u lanqas għal servizzi ta’ organizzazzjoni u ta’ operat kummerċjali ta’ impriża, minn qari ġenerali tal-motivi mfissra fil-punti 162 sa 164 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dawn għandhom jinftiehmu fis-sens li jkopru s-servizzi kollha indikati mit-trade mark ikkontestata u mhux biss dawk relatati mal-bejgħ bl-imnut. Fil-fatt, il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-kwalitajiet speċifiċi tas-servizzi, li jistgħu jiġu deskritti bl-isem ġeografiku “Islanda” sa fejn huma jkunu, “pereżempju, adattati għar-rekwiżiti partikolari tal-impriżi li joperaw f’dan ir-reġjun, ikkaratterizzat minn kuntest politiku, amministrattiv u lingwistiku partikolari”, japplikaw biss, bħala prinċipju, għas-servizzi, essenzjalment, ta’ reklamar, ta’ marketing u ta’ promozzjoni kif ukoll għas-servizzi ta’ organizzazzjoni u ta’ użu kummerċjali ta’ impriża, u dan iktar u iktar peress li din id-dikjarazzjoni tirreferi għall-pubbliku professjonali, li għalih huma maħsuba dawn is-servizzi. |
|
60 |
Fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta’ argumenti tar-rikorrenti u ta’ INTA dwar l-evalwazzjoni tar-rabta futura bejn is-servizzi ċċitati fil-punti 58 u 59 iktar ’il fuq u l-isem ġeografiku indikat mit-trade mark ikkontestata, din l-analiżi tal-Qorti Ġenerali ser tiffoka fuq l-imsemmija evalwazzjoni fid-dawl biss tas-servizzi, essenzjalment, ta’ bejgħ bl-imnut kif ukoll tal-isem ġeografiku inkwistjoni. |
|
61 |
Għandu jiġi enfasizzat li s-servizzi ta’ bejgħ bl-imnut, indikati mit-trade mark ikkontestata, jirrigwardaw prodotti tal-ikel, xorb u prodotti tad-dar li huma kollha prodotti l-Islanda. Barra minn hekk, dawn jistgħu jkunu prodotti, bħall-ħut, frott il-baħar jew prodotti oħra tal-baħar, li, fir-rigward tagħhom, ir-rikorrenti ma tikkontestax li l-Islanda hija magħrufa bħala l-pajjiż ta’ oriġini. |
|
62 |
F’dak li għandu x’jaqsam mal-argumenti tar-rikorrenti relatati man-nuqqas ta’ esportazzjoni tas-servizzi indikati mit-trade mark ikkontestata u man-nuqqas ta’ reputazzjoni tal-Islanda għal dawn is-servizzi u mal-argumenti bbażati fuq l-allegazzjoni li d-daqs tal-popolazzjoni Islandiża jipprekludi l-kapaċità ta’ dan il-pajjiż li jżomm sensiela ħwienet tal-ikel, dawn ma jistgħux jintlaqgħu, għall-istess raġunijiet bħal dawk imfissra fil-punti 37 u 38 iktar ’il fuq, mingħajr, barra dan, ma hija rilevanti distinzjoni skont l-importanza demografika tal-post ġeografiku inkwistjoni. Fil-fatt, huwa raġonevoli li jitqies li, meta s-servizzi inkwistjoni jkunu jġibu t-trade mark ikkontestata, dak li jkun jaħseb li huma pprovduti fi ħwienet li jinsabu f’dan il-pajjiż. |
|
63 |
Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi rrilevat li l-Bord tal-Appell Estiż qies, ġustament, li t-trade mark ikkontestata kellha karattru deskrittiv fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt il-Klassi 35. |
Fuq ċerti allegazzjonijiet trażversali tar-rikorrenti u ta’ INTA
|
64 |
Ebda wieħed mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti u ta’ INTA ma jista’ jikkontradixxi l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell Estiż dwar il-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u s-servizzi li hija tkopri. |
|
65 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti u INTA jsostnu li l-Bord tal-Appell Estiż għamel żball ta’ liġi meta essenzjalment qies li r-reġistrazzjoni tal-ismijiet tal-pajjiż kienet neċessarjament tmur kontra r-raġuni assoluta għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(c) u (f) tar-Regolament Nru 207/2009, ikunu xi jkunu l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati. |
|
66 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali allegazzjoni tirriżulta minn qari żbaljat tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif jirriżulta minn qari ġenerali ta’ din l-istess deċiżjoni, b’mod partikolari tal-punti 94 sa 214 tagħha, il-Bord tal-Appell Estiż għamel analiżi ddettaljata tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti u tas-servizzi kollha inkwistjoni. |
|
67 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-rikorrenti, la t-tipografija u lanqas il-kulur tat-trade mark ikkontestata ma jagħtuha effett mhux tas-soltu jew li jiġbed l-għajn. Fil-fatt, l-element verbali tal-imsemmija trade mark huwa rrappreżentat b’tipa ta’ ittri bojod standard, mingħajr ebda partikolarità tipografika. Għalkemm huwa minnu li dan huwa mqiegħed fuq sfond rettangolari aħmar, oranġjo u isfar, li l-effett isfar u oranġjo tiegħu jagħti l-impressjoni ta’ dehra kemxejn mitfija, l-isfond ikkulurit, b’mod partikolari bl-oranġjo u bl-isfar, huwa, essenzjalment, komuni fir-reklamar jew fuq l-imballaġġ, b’mod li l-konsumatur jarah bħala element dekorattiv. |
|
68 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bord tal-Appell Estiż ġustament qies li l-elementi figurattivi tat-trade mark ikkontestata kienu jservu biss sabiex jenfasizzaw l-element verbali tal-imsemmija trade mark u b’ebda mod ma kienu jbiddlu l-kontenut deskrittiv li kien iwassal dan l-element tal-aħħar. |
|
69 |
Fit-tielet lok, f’dak li għandu x’jaqsam mal-argument tar-rikorrenti li l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 14(b) tar-Regolament 2017/1001) jagħmilha possibbli li jiġi żgurat l-użu tal-isem “Iceland” għall-entitajiet Islandiżi, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni, intitolata “Limitazzjoni tal-effetti ta’ trade mark [tal-Unjoni Ewropea]”, hija fformulata kif ġej: “It-trade mark [tal-Unjoni Ewropea] ma tagħtix jedd lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fil-kummerċ: [...] (b) indikazzjonijiet li jirrigwardaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografiku jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew tas-servizzi; [...] sakemm dan l-użu jsir f’konformità mal-użi tajba fl-oqsma industrijali u kummerċjali.” |
|
70 |
Id-dispożizzjoni mfakkra fil-punt 69 iktar ’il fuq hija intiża, b’mod partikolari, li ssolvi l-problemi li jqumu meta tkun ġiet irreġistrata trade mark magħmula totalment jew parzjalment minn isem ġeografiku, u ma tkun tagħti ebda dritt lil terzi li jużaw tali isem bħala trade mark, iżda sempliċement tiżgura li dawn ikunu jistgħu jużawha b’mod deskrittiv, jiġifieri bħala indikazzjoni marbuta mal-oriġini ġeografika, kemm‑il darba l-użu isir bi qbil ma’ prassi onesti fi kwistjonijiet industrijali jew kummerċjali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee,C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punti 26 sa 28). |
|
71 |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qiegħda tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-fatt li l-Artikolu 12(b) tar-Regolament Nru 207/2009 jiżgura li kull operatur ekonomiku jkun jista’ liberament juża indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi ta’ prodotti u ta’ servizzi ma jippermettix li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interess ġenerali li l-Artikolu 7(1)(ċ) tal-imsemmi regolament huwa bbażat fuqu. Għall-kuntrarju, l-imsemmi fatt jixħet dawl fuq l-interess li r-raġuni assoluta għal invalidità, stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 tiġi effettivament applikata għal kull sinjal li jista’ jindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom it-trade mark tkun irreġistrata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI,C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat. |
|
72 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, jidher li r-rikorrenti qiegħda tikkritika lill-Bord tal-Appell Estiż talli ċaħad, bħala inammissibbli, is-sondaġġ tat‑2 ta’ Awwissu 2019 li sar permezz ta’ telefonati f’Ġunju 2019. |
|
73 |
Madankollu, meta jinqraw flimkien, b’mod partikolari, il-punti 137, 138, 157 u 196 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jiġi kkonstatat li ma hijiex il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tas-sondaġġ tat‑2 ta’ Awwissu 2019 li ġiet analizzata mill-Bord tal-Appell Estiż, iżda dik tal-valur probatorju tiegħu. |
|
74 |
Barra minn hekk, anki li kellu jitqies li r-rikorrenti biħsiebha tikkontesta l-evalwazzjoni tan-natura probatorja ta’ dan is-sondaġġ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li hija ma tidentifika ebda konsegwenza konkreta li l-imsemmi sondaġġ kellu fuq l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark ikkontestata. Fi kwalunkwe każ, kif qies ġustament il-Bord tal-Appell Estiż fil-punt 157 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sempliċi fatt li l-persuni intervistati jiġu mistoqsija liema prodotti jiġuhom f’moħħhom meta jaraw it-trade mark ikkontestata ma huwiex test infallibbli u xieraq li jagħmilha possibbli li jiġi evalwat il-karattru deskrittiv ta’ din tal-aħħar, peress li din l-evalwazzjoni għandha dejjem issir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-prodotti u s-servizzi koperti minn din it-trade mark (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 23 iktar ’il fuq). |
|
75 |
Fid-dawl ta’ dak kollu premess, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009
|
76 |
Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti, sostnuta minn INTA, tallega, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
77 |
L-EUIPO u Icelandic Trademark Holding jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti u ta’ INTA. |
|
78 |
Peress li mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta li huwa biżżejjed li tkun tapplika waħda mir-raġunijiet assoluti għal rifjut elenkati fih sabiex is-sinjal ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, u fid-dawl tal-fatt li l-ewwel motiv tar-rikorrenti ġie miċħud, liema motiv jirrigwarda l-konklużjoni tal-Bord tal-Appell Estiż li kien japplika l-Artikolu 7(1)(c) ta’ dan ir-regolament sabiex tiġi ddikjarata l-invalidità tat-trade mark ikkontestata għall-prodotti u għas-servizzi kollha li hija tkopri, ma huwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-fondatezza tat-tieni motiv invokat mir-rikorrenti, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tal-imsemmi regolament. |
|
79 |
Fid-dawl tal-premess, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ir-rikors fl-intier tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
|
80 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti sokkombenti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kemm‑il darba dawn ikunu ntalbu. |
|
81 |
Peress li saret seduta u peress li r-rikorrenti ħarġet telliefa, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, u dan skont it-talbiet tal-EUIPO u ta’ Icelandic Trademark Holding. |
|
82 |
INTA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u dan skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Kowalik‑Bańczyk Buttigieg Dimitrakopoulos Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Lulju 2025. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Għandha tiddaħħal il-kelma “Ġabra” fil-verżjoni finali.