|
12.4.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 103/29 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/598
tad-9 ta' April 2019
dwar ir-regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perijodu ta' mandat u matulu, previsti fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 16(4) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F'konformità mal-Artikolu 16(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-Prosekuturi Ewropej iridu jinħatru mill-Kunsill għal mandat mhux rinnovabbli ta' sitt snin, li jista' jiġi estiż għal massimu ta' tliet snin fi tmiem il-perijodu ta' sitt snin. |
|
(2) |
F'konformità mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) 2017/1939, kull tliet snin irid ikun hemm sostituzzjoni parzjali ta' terz tal-Prosekuturi Ewropej. Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza sempliċi, irid jadotta regoli tranżizzjonali għall-ħatra ta' Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perijodu tal-mandat u matulu. |
|
(3) |
Dawk ir-regoli tranżizzjonali jenħtieġ li jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tal-prinċipju ta' sostituzzjoni perjodika tal-Prosekuturi Ewropej maħtura għall-ewwel darba fuq l-UPPE, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-Kulleġġ ta' Prosekuturi Ewropej. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jitqiesu l-bżonnijiet speċjali tal-UPPE fl-ewwel snin wara l-istabbiliment tiegħu u fil-bidu tal-operazzjonijiet. |
|
(4) |
Għal dawk il-finijiet, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi dwar it-tul ta' żmien ta' kariga tal-Prosekuturi Ewropej maħtura għall-ewwel darba wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/1939. |
|
(5) |
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa u l-imparzjalità fid-determinazzjoni ta' dawk il-Prosekuturi Ewropej matul l-ewwel perijodu ta' mandat li l-kariga tagħhom ser tkun ta' tliet snin minflok ta' sitt snin, jenħtieġ li tiġi segwita sistema bbażata fuq it-tlugħ bil-polza. Din is-sistema tiżgura wkoll li l-għażla tal-Prosekuturi Ewropej li l-mandat tagħhom ser ikun iqsar ikun newtrali f'termini ġeografiċi. |
|
(6) |
Fil-15 ta' Jannar 2019, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perijodu tal-mandat u matulu, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli tranżizzjonali għall-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej għall-ewwel perijodu tal-mandat u matulu wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2017/1939.
Artikolu 2
1. Qabel il-ħatra tal-Prosekuturi Ewropej, grupp li jinkludi terz min-numru tal-Istati Membri parteċipanti fil-mument tal-applikazzjoni ta' dawk ir-regoli tranżizzjonali għandhom ikunu determinati bit-tlugħ tal-polza.
2. Jekk in-numru ta' Stati Membri parteċipanti fil-mument tal-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli tranżizzjonali ma jkunx diviżibbli bi tlieta, in-numru ta' Stati Membri li jrid jiġu inkluż fil-grupp għandu jkun aġġustat 'il fuq lejn l-eqreb u l-ogħla numru sħiħ.
3. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jimplimenta l-proċedura ta' tlugħ bil-polza, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.
Artikolu 3
Il-mandat tal-Prosekuturi Ewropej mill-Istati Membri inklużi fil-grupp stabbilit f'konformità mal-Artikolu 2 għandu jkun ta' tliet snin. Dan il-mandat ma għandux jiġġedded.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fil-Lussemburgu, id-9 ta' April 2019.
Għall-Kunsill
Il-President
G. CIAMBA