European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2524

27.9.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2524

tal-25 ta’ Settembru 2024

li temenda d-Deċiżjoni 2011/166/UE li tistabbilixxi x-SHARE-ERIC

(notifikata bid-dokument C(2024) 6621)

(It-testi bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Pollakk, bis-Sloven, u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

(2)

L-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa bħala Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (SHARE-ERIC) ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/166/UE (3).

(3)

L-Istatuti tal-Istħarriġ dwar is-Saħħa, it-Tixjiħ u l-Irtirar fl-Ewropa bħala Konsorzju Ewropew għal Infrastruttura ta’ Riċerka (SHARE-ERIC) ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/302/UE (4).

(4)

Fit-18 ta’ April 2023 u fil-15 ta’ Jannar 2024, ix-SHARE-ERIC ressaq proposta lill-Kummissjoni biex jemenda l-Istatuti tiegħu f’konformità mal-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(5)

Uħud mill-emendi, li jtejbu l-governanza u l-kontribuzzjonijiet tax-SHARE-ERIC, u li jaġġornaw xi Annessi, daħlu fis-seħħ f’konformità mal-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009.

(6)

Uħud mill-emendi li jestendu t-tul ta’ żmien tax-SHARE-ERIC, li jintroduċu bidliet żgħar fis-sede statutorja mill-1 ta’ Jannar 2025, fil-kompiti, fil-politiki tal-Evalwazzjoni Xjentifika, tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali u tad-Disseminazzjoni, li jaġġornaw ir-referenzi għad-direttivi dwar l-akkwist u l-eżenzjonijiet mit-taxxa, jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

(7)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(8)

Il-miżuri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilita bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istatuti tax-SHARE-ERIC annessi mad-Deċiżjoni 2011/166/UE huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju, lir-Repubblika tal-Bulgarija, lir-Repubblika Ċeka, lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, lir-Repubblika Ellenika, lir-Repubblika Franċiża, lir-Repubblika tal-Kroazja, lir-Repubblika Taljana, lir-Repubblika ta’ Ċipru, lill-Ungerija, lir-Renju tan-Netherlands, lir-Repubblika tal-Awstrija, lir-Repubblika tal-Polonja, lir-Repubblika tas-Slovenja, lir-Renju tal-Iżvezja, lill-Istat ta’ Iżrael u lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Iliana IVANOVA

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/723/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta’ Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet [2016/755] (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/755/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/166/UE tas-17 ta’ Marzu 2011 li tistabbilixxi x-SHARE-ERIC (ĠU L 71, 18.3.2011, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/166/oj).

(4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/302/UE tas-27 ta’ Mejju 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2011/166/UE li tistabbilixxi x-SHARE-ERIC (ĠU L 159, 28.5.2014, p. 52, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/302/oj).


ANNESS

L-Istatuti tax-SHARE-ERIC annessi mad-Deċiżjoni 2011/166/UE huma emendati kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1)   Is-Sede Statutorja tal-Organizzazzjoni għandha tkun f’Berlin, il-Ġermanja.”

(2)

l-Artikolu 3(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)   id-disinn preżenti tax-SHARE għandu jiġi aġġornat kontinwament skont id-dimensjonijiet li ġejjin:

(a)

jestendi x-SHARE maż-żmien sabiex jiġi ġġenerat panel awtentiku li jsegwi l-individwi waqt li jixjieħu u jirreaġixxi għall-bidliet fl-ambjent soċjali u ekonomiku.

(b)

jespandi x-SHARE biex jinkludi l-Istati Membri kollha tal-UE.

(c)

iżid id-daqs tal-kampjun tax-SHARE sabiex ikun possibbli li l-Istħarriġ jintuża wkoll għal analiżijiet fil-limiti ta’ pajjiż. Ġeneralment, id-daqs tal-kampjun fil-mira għandu jkun ta’ 6 000 individwu li l-età tiegħu tvarja bejn 50 sena u aktar f’kull pajjiż membru.

(d)

jibqa’ tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku f’dak li jikkonċerna l-kontenut u l-metodoloġija tal-istħarriġ.”

(3)

l-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Politika tal-Evalwazzjoni Xjentifika

(1)   Kull 6 snin, għandha ssir evalwazzjoni xjentifika tal-attivitajiet u s-servizzi tax-SHARE-ERIC. L-evalwazzjoni għandha ssir minn panel ta’ evalwaturi esterni internazzjonali u indipendenti tal-ogħla kwalità. Dan il-panel se jipproduċi u jippreżenta r-rapport tal-evalwazzjoni lill-Kunsill.

(2)   Il-Politika tal-Evalwazzjoni Xjentifika se tiġi stabbilita fil-Liġiġjiet sekondarji tax-SHARE li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill.”

(4)

l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(2)   Ix-SHARE-ERIC huwa s-sid tal-Istħarriġ u tad-data kollha tiegħu, inklużi ż-żidiet iċċertifikati mix-SHARE, tal-metadata u paradata, ta’ kull fajl tal-indirizzi u tal-links, tal-pubblikazzjonijiet kollha maħruġa mix-SHARE-ERIC inklużi s-siti web tiegħu, u tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kollha li joħorġu mit-tħejjija u mit-tmexxija tal-Istħarriġ.”

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar.

(5)

L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(1)   Ix-SHARE-ERIC għandu jxerred id-data miġbura wara t-tindif, l-imputazzjoni u d-dokumentazzjoni tad-data skont l-Artikolu 4(e) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka, wara li jitqiesu l-liġijiet internazzjonali u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data, mingħajr dewmien lill-komunità xjentifika.”

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(3)   L-użu u l-ġbir tad-data tax-SHARE huma suġġetti għal-liġijiet Ewropej u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data. Fir-rigward tal-ġbir tad-data nazzjonali, l-ipproċessar u t-tixrid sussegwenti tad-data, ix-SHARE-ERIC u l-Istituzzjonijiet Imsieħba Xjentifiċi jaġixxu bħala “kontrolluri konġunti” skont l-Artikolu 26 tar-Regolament Ġenerali Ewropew dwar il-Protezzjoni tad-Data. L-użu tad-data tax-SHARE minn utenti li mhumiex soġġetti għal-leġiżlazzjoni Komunitarja għandu jsir bil-kundizzjoni li tiġi ffirmata dikjarazzjoni tal-kunfidenzjalità tad-data skont il-formola pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/914 tal-4 ta’ Ġunju 2021 dwar klawżoli kuntrattwali standard għat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi skont ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).”

(6)

l-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(4)   Eżenzjonijiet mit-taxxa bbażati fuq Artikoli 143(1)(g) u 151(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (*1), u fuq l-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 (*2), għandhom japplikaw għal xiri ta’ oġġetti u servizzi li huma għall-użu uffiċjali mix-SHARE-ERIC, li jiġu akkwistati u jitħallsu minnu u li għalihom l-ammont tal-VAT li għandu jiġi rrimborżat jaqbeż total ta’ EUR 25 għal kull fattura. L-akkwist li jsir mill-membri individwali ma għandux jibbenefika minn dawn l-eżenzjonijiet.

L-ewwel subparagrafu m’għandux japplika, madankollu, jekk ikollu effett li jikkaġuna distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj)."

(*2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/282/oj).” "

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(5)   L-oġġetti soġġetti għas-sisa kif definiti fl-Artikolu 1(1)(b) u (c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2020/262/KE (*3), jistgħu jingħataw eżenzjoni mill-ħlas tad-dazju tas-sisa f’konformità mal-Artikolu 11(1)(b) ta’ dik id-Direttiva sakemm dawk l-oġġetti soġġetti għas-sisa jkunu maħsuba esklussivament għall-użu uffiċjali tax-SHARE-ERIC u huma akkwistati u mħallsa minnu.

L-ebda eżenzjoni minn ħlas ta’ dazji tas-sisa ma għandha tingħata għall-oġġetti soġġetti għas-sisa maħsuba għall-użu personali tal-impjegati tax-SHARE-ERIC jew ta’ partijiet terzi.

(*3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).” "

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(6)   Id-dazji mħallsa fuq prodotti tal-enerġija u l-elettriku kif definit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2020/262/KE jistgħu jiġu rimborżati f’konformità mal-Artikolu 11(1)(b) u mal-Artikolu 11(2) ta’ dik id-Direttiva sakemm dawk il-prodotti tal-enerġija u l-elettriku jkunu maħsuba esklussivament għall-użu uffiċjali tax-SHARE-ERIC u huma akkwistati u mħallsa minnu, u li l-ammont tad-dazju jaqbeż total ta’ EUR 25 għal kull fattura.

L-ebda eżenzjoni mid-dazju ma għandha tingħata fuq il-prodotti tal-enerġija jew l-elettriku maħsuba għall-użu personali tal-impjegati tax-SHARE-ERIC jew ta’ partijiet terzi.”

(7)

l-Artikolu 19 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 19

Tul ta’ żmien tal-Organizzazzjoni

(1)   L-Organizzazzjoni hija stabbilita għal perjodu ta’ żmien indefinit.

(2)   Parti Kontraenti tista’ tirtira mix-SHARE-ERIC billi tagħti avviż bil-miktub lill-President 24 xahar bil-quddiem. Id-data tal-irtirar għandha taħbat mat-tmiem ta’ SHARE Wave wieħed.

(3)   Mozzjoni, li tispeċifika l-proċedura u l-iskeda ta’ żmien, jekk tiġi approvata mill-Kunsill b’maġġoranza ta’ żewġ terzi, tista’ ttemm l-Organizzazzjoni.

(4)   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi nnotifikata bi kwalunkwe deċiżjoni ta’ dan it-tip fi żmien 10 ijiem minn meta tittieħed, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka. L-ERIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bl-għeluq tal-proċedura tat-tmiem mingħajr dewmien żejjed, u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 ijiem minn dan l-għeluq.”


(*1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).

(*2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 77, 23.3.2011, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/282/oj).”

(*3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).” ”


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2524/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)