5.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/159


P9_TA(2021)0440

Is-sitwazzjoni fit-Tuneżija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni fit-Tuneżija (2021/2903(RSP))

(2022/C 184/12)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija (1),

—

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE dwar l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari fit-Tuneżija li saru fil-15 ta' Settembru u fis-6 ta' Ottubru 2019,

—

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, u d-diversi laqgħat tematiċi li saru skont il-qafas tiegħu fl-2019 u l-2020,

—

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Bord Eżekuttiv tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) tas-26 ta' Frar 2021 skont il-Konsultazzjoni tal-Artikolu IV mat-Tuneżija,

—

wara li kkunsidra l-Komunikat Konġunt dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Tuneżija tal-4 ta' Ġunju 2021: “Għal sħubija mġedda”,

—

wara li kkunsidra d-Digriet Presidenzjali tat-Tuneżija Nru 2021-69 tas-26 ta' Lulju 2021 li jtemm il-funzjonijiet tal-Kap tal-Gvern u tal-membri tal-Gvern, id-Digriet Presidenzjali tat-Tuneżija Nru 2021-80 tad-29 ta' Lulju 2021 relatat mas-sospensjoni tas-setgħat tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu, id-Digriet Presidenzjali tat-Tuneżija Nru 2021-109 tal-24 ta' Awwissu 2021 relatat mal-estensjoni ta' miżuri eċċezzjonali relatati mas-sospensjoni tas-setgħat tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu, u d-Digriet Presidenzjali tat-Tuneżija Nru 2021-117 tat-22 ta' Settembru 2021 relatat ma' miżuri eċċezzjonali,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea tas-27 ta' Lulju 2021 u d-dikjarazzjonijiet tiegħu lill-istampa f'Tuneż fl-10 ta' Settembru 2021,

—

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tat-Tuneżija tal-2014,

—

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-Tuneżija hija parti għalih,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li t-Tuneżija rratifikat fl-1985 u li rtirat ir-riżervi tagħha għaliha fl-2014,

—

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali (NAP) dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà 2018-2022, adottat fl-2018,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi t-Tuneżija għandha sħubija privileġġjata mal-UE, u l-appoġġ u s-sostenn kontinwi kien prijorità, b'missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali fl-2011, fl-2014 u fl-2019 li jikkonfermaw l-impenn sod tal-UE għad-demokrazija fit-Tuneżija; billi l-10 anniversarju mir-Rivoluzzjoni Tuneżina ta' din is-sena jimmarka mument importanti fl-iżvilupp demokratiku tat-Tuneżija;

B.

billi s-sitwazzjoni soċjoekonomika kienet ikkaratterizzata minn staġnar ekonomiku mifrux, relatat mal-kuntest politiku intern, u kriżi sanitarja bit-tieni l-ogħla rata ta' mwiet tal-COVID-19 fid-dinja; billi l-pandemija tal-COVID-19, in-nuqqas ta' turiżmu, il-livelli għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inflazzjoni aggravaw il-fraġilità tal-ekonomija tat-Tuneżija; billi l-korruzzjoni endemika, il-ġustizzja tranżitorja mhux kompluta u l-isfidi ekonomiċi u ta' sigurtà serji għadhom ostakoli sostanzjali għall-konsolidazzjoni demokratika sħiħa tat-Tuneżija;

C.

billi, f'dan il-kuntest, fil-25 ta' Lulju 2021 il-President, Kais Saied, invoka l-Artikolu 80 tal-Kostituzzjoni Tuneżina, li jagħtih il-poter li jippromulga miżuri eċċezzjonali sabiex jindirizza periklu imminenti għall-Istat, u ħabbar it-tkeċċija tal-Prim Ministru Hichem Mechichi, is-sospensjoni tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu (ARP) għal perjodu estendibbli ta' 30 jum u t-tneħħija tal-immunità parlamentari tad-deputati tal-Membri kollha tagħha; billi fl-24 ta' Awwissu 2021, il-President estenda s-sospensjoni tal-Parlament;

D.

billi l-gvernijiet tal-Emirati Għarab Magħquda, tal-Arabja Sawdija u tal-Eġittu immedjatament faħħru u esprimew appoġġ retoriku għall-inizjattiva tal-President Saied;

E.

billi l-assenza ta' formazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, u n-nuqqas ta' kapaċità li tirriżulta għall-Membri tal-Parlament li jappellaw kontra kwalunkwe estensjoni unilaterali tas-sitwazzjoni ta' emerġenza mill-President, kif stabbilit fl-artikolu rilevanti tal-Kostituzzjoni, qajmu tħassib serju dwar it-tranżizzjoni demokratika Tuneżina u d-drittijiet fundamentali fil-pajjiż;

F.

billi fit-22 ta' Settembru 2021, il-President ħareġ id-Digriet Presidenzjali Nru 2021-117, li fih dispożizzjonijiet li jaffermaw l-awtosupremazija u l-primat tad-digriet fuq il-Kostituzzjoni, u b'hekk jimminaw il-Kostituzzjoni, u jikkonċentra l-poteri kollha tal-Istat fil-figura tal-President Kais Saied; billi d-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni dwar id-drittijiet u l-libertajiet se jiġu rrispettati u ggarantiti biss meta ma jiksrux il-liġijiet ibbażati fuq digrieti-liġi presidenzjali u miżuri eċċezzjonali; billi d-Digriet Presidenzjali 117 ma jippermettix li xi deċiżjoni presidenzjali tiġi appellata f'qorti tal-ġustizzja, inkluż quddiem l-ogħla Qorti Amministrattiva tat-Tuneżija u l-Qorti tal-Kassazzjoni tagħha;

G.

billi din il-konċentrazzjoni tas-setgħat ingħatat f'idejn il-President mingħajr ebda limitu ta' żmien; billi l-President ta setgħa leġiżlattiva sħiħa lilu nnifsu biex jimmodifika b'digriet il-liġijiet li jirregolaw il-partiti politiċi, l-elezzjonijiet, is-sistema ġudizzjarja, l-unions u l-assoċjazzjonijiet, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-informazzjoni, l-organizzazzjoni tad-dipartiment tal-ġustizzja, id-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem, il-Kodiċi tal-Istatus Personali, il-forzi tas-sigurtà interna, id-dwana u l-baġit tal-Istat;

H.

billi minkejja li s-soċjetà ċivili Tuneżina esprimiet pubblikament it-tħassib serju tagħha dwar restrizzjonijiet ġodda, il-miżuri ta' Lulju tal-President Kais Saied gawdew appoġġ pubbliku sinifikanti, li juri l-iskuntentizza pubblika bis-sitwazzjoni soċjoekonomika serja u d-disfunzjoni governattiva severa li qed jiffaċċja l-pajjiż; billi 18-il NGO lokali u internazzjonali ħarġu dikjarazzjoni konġunta ta' twissija dwar is-sitwazzjoni tad-demokrazija fit-Tuneżija; billi l-pajjiżi tal-G7 talbu lit-Tuneżija tirritorna lejn ordni kostituzzjonali u biex jitkomplew l-attivitajiet parlamentari;

I.

billi fis-26 ta' Lulju 2021 il-pulizija Tuneżina għalqet l-uffiċċji ta' Al Jazeera f'Tuneż mingħajr ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni;

J.

billi s-soċjetà ċivili fit-Tuneżija hija żviluppata sew u kkonsolidata, u kellha rwol fundamentali fit-tiswir u t-tisħiħ tat-tranżizzjoni demokratika tat-Tuneżija sa mill-2011, b'għadd kbir ta' attivisti li jitolbu riformi urġenti, inklużi miżuri kontra l-korruzzjoni, u billi d-djalogu nazzjonali huwa waħda mill-karatteristiċi partikolari tal-pajjiż; billi l-libertà tal-istampa u l-libertà ta' pubblikazzjoni huma komponenti essenzjali ta' soċjetà miftuħa, libera u demokratika; billi mis-26 ta' Lulju 2021, is-soċjetà ċivili la ġiet inkluża fid-djalogu nazzjonali u lanqas ma ġiet ikkonsultata fil-passi meħuda mill-President Kais Saied;

K.

billi, fl-10 ta' Settembru 2021, l-Unjoni Ġenerali tax-Xogħol Tuneżina (UGTT) ressqet il-pjan direzzjonali tagħha li jitlob l-istabbiliment ta' kumitat konsultattiv nazzjonali sabiex jiġi żgurat qafas legali għal riformi soċjali u politiċi inklużivi fil-pajjiż, b'mod partikolari r-riforma tas-sistema politika u l-liġi elettorali, kif ukoll l-emenda tal-Kostituzzjoni;

L.

billi l-ekonomija Tuneżina tiddependi ħafna mill-investiment barrani, mit-turiżmu u mill-esportazzjonijiet ta' prodotti lejn l-UE; billi, skont il-Bank Dinji, id-defiċit tal-kont kurrenti u d-defiċit fiskali tat-Tuneżija jirrikjedu riformi strutturali sodi; billi l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tat-Tuneżija u fl-2020 irrappreżentat 57,9 % tal-kummerċ tagħha, hekk kif 70,9 % tal-esportazzjonijiet tat-Tuneżija marru lejn l-UE u 48,3 % tal-importazzjonijiet tagħha ġew mill-UE; billi l-ekonomija tista' tiffjorixxi biss jekk terġa' tiġi stabbilita d-demokrazija u jiġu żgurati s-sigurtà u l-istabbiltà;

M.

billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat is-sitwazzjoni diġà fraġli fit-Tuneżija; billi kien hemm skarsezzi f'dak li jirrigwarda l-provvisti ta' ossiġenu u l-vaċċini meħtieġa biex il-kriżi tas-saħħa tingħata rispons effettiv;

N.

billi għadd dejjem jikber ta' Tuneżini qed jitilqu minn pajjiżhom u xi drabi qed jissugraw ħajjithom jaqsmu l-Mediterran; billi t-Tuneżija tbati minn waħda mill-ogħla rati ta' eżodu ta' mħuħ fost il-pajjiżi Għarab;

O.

billi, mill-2011 'l hawn, l-UE għamlet sforzi sostanzjali u kontinwi b'appoġġ għat-Tuneżija u pprovdiet aktar minn EUR 2 biljun f'għotjiet biex tappoġġja l-impenn iddikjarat tat-Tuneżija li tilqa' t-tranżizzjoni lejn id-demokrazija, inklużi EUR 260 miljun fl-2020 u EUR 200 miljun minn Ġunju 2021 'l hawn bħala parti mill-assistenza makrofinanzjarja tagħha; billi, f'Mejju 2021, sar disponibbli pagament ta' EUR 600 miljun fl-ambitu tal-programm ta' assistenza makrofinanzjarja għat-Tuneżija bl-objettiv speċifiku li jtaffi r-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19 fil-pajjiż; billi, għall-perjodu mill-2021 sal-2027, l-UE se tissostitwixxi l-varji strumenti bl-Istrument il-ġdid ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali, u billi l-konsolidazzjoni, l-appoġġ u l-promozzjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huma wieħed mill-objettivi ewlenin tal-assistenza esterna tal-UE pprovduta fl-ambitu tal-istrument;

P.

billi l-impenn tal-UE biex iżżid l-isforzi tagħha ħalli tippromwovi d-demokrazija reġa' deher fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat mill-Kunsill f'Novembru 2020;

Q.

billi l-Kostituzzjoni tat-Tuneżija tal-2014 titlob il-libertà tat-twemmin u tal-kuxjenza;

1.   

Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għas-sħubija privileġġjata bejn l-UE u t-Tuneżija u għall-proċess demokratiku tat-Tuneżija; jinsab, madankollu, imħasseb ferm li d-Digriet Presidenzjali 2021-117 stabbilixxa l-konċentrazzjoni indefinita tal-poteri f'idejn il-President; itenni li r-rispett għall-istat tad-dritt, għall-Kostituzzjoni u għall-qafas leġiżlattiv irid jiġi ppreservat u li hemm bżonn parlament leġittimu u li jiffunzjona tajjeb, peress li huwa l-istituzzjoni li tirrappreżenta lill-poplu; jiddeplora, għalhekk, is-sospensjoni għal perjodu indeterminat tal-Parlament Tuneżin mill-President Saied mill-24 ta' Awwissu 2021 'l hawn;

2.   

Jitlob li l-istituzzjonijiet tal-Istat jerġgħu lura għall-funzjonament normali tagħhom, inkluż ritorn lejn demokrazija sħiħa u l-issoktar tal-attività parlamentari mill-aktar fis possibbli, bħala parti minn djalogu nazzjonali, u li jitħabbar pjan direzzjonali ċar;

3.   

Jissottolinja bil-qawwa li parlament huwa istituzzjoni essenzjali tad-demokrazija u huwa neċessarju għal kwalunkwe riforma kostituzzjonali; jissottolinja li n-nuqqas ta' Qorti Kostituzzjonali fit-Tuneżija jippermetti interpretazzjoni u applikazzjoni estensivi tal-Artikolu 80 tal-Kostituzzjoni u jimpedixxi lill-Membri tal-Parlament milli jagħmlu appell biex jiksbu sentenza legali dwar is-sospensjoni tiegħu u l-miżuri addizzjonali meħuda mill-President abbażi tal-Artikolu 80; jistieden lit-Tuneżija tistabbilixxi qorti kostituzzjonali bil-għan li jiġu evitati interpretazzjonijiet ħżiena u użu ħażin tal-Kostituzzjoni tagħha;

4.   

Itenni t-talba tal-VP/RGħ biex jerġa' jkun hemm stabbiltà istituzzjonali mill-aktar fis possibbli u, b'mod partikolari, biex id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali minquxa fil-Kostituzzjoni tat-Tuneżija tal-2014 jiġu rrispettati u biex ma tintuża l-ebda forma ta' vjolenza;

5.   

Jinnota l-ħatra ta' Najla Bouden Ramadhan bħala Prim Ministru fid-29 ta' Settembru 2021 u l-ħatra tal-Kabinett tal-Ministri fil-11 ta' Ottubru 2021; jilqa' l-ħatra ta' għaxar nisa bħala Ministri;

6.   

Jistieden lill-President jerġa' jikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu u jistiednu jappoġġja b'mod attiv il-passi kollha li jiggarantixxu drittijiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha, speċjalment fil-liġijiet li jiddiskriminaw kontra n-nisa fejn jidħlu d-drittijiet ta' suċċessjoni, id-drittijiet tal-kustodja tat-tfal, id-drittijiet mogħtija lill-kap tal-familja, id-dritt għal-liv tal-ġenituri u d-drittijiet tax-xogħol, b'mod partikolari għall-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema agrikoli nisa;

7.   

Jistieden lill-awtoritajiet Tuneżini jirrispettaw il-Kostituzzjoni u jiżguraw li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha jiġu rrispettati; ifakkar fil-karattru inaljenabbli tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll fis-supremazija bla kundizzjoni tagħhom, u jitlob li l-Kostituzzjoni tiġi stabbilita mill-ġdid bħala liġi primarja; jistieden lit-Tuneżija tabolixxi kompletament il-piena tal-mewt;

8.   

Jistieden lill-awtoritajiet jevitaw l-inċertezza tad-dritt maħluqa mill-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, mis-sorveljanza mill-Istat u mid-detenzjonijiet domiċiljari; iqis li l-proċessi ta' persuni ċivili mill-qrati militari huma problematiċi ħafna u jitlob li tiġi stabbilita mill-ġdid ġudikatura indipendenti, li twassal għar-riforma tal-qrati militari fit-Tuneżija b'tali mod li jitneħħew il-proċessi militari tal-persuni ċivili;

9.   

Jinsisti li kwalunkwe bidla fil-Kostituzzjoni u fis-sistema politika tista' sseħħ biss fil-limiti tal-Kostituzzjoni; jieħu nota tal-kritika mil-Lega Tuneżina għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem u minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili dwar il-konċentrazzjoni tal-poteri f'idejn il-President; jissottolinja li, f'demokrazija, il-bilanċ tal-poteri u s-separazzjoni tal-poteri jridu jipprevalu;

10.   

Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Kwartett għad-Djalogu Nazzjonali, li jikkonsisti mill-UGTT, il-Konfederazzjoni Tuneżina tal-Industrija, il-Kummerċ u l-Artiġjanat (UTICA), il-Lega Tuneżina għad-Drittijiet tal-Bniedem (LTDH) u l-Ordni Tuneżina tal-Avukati, biex jaġevola djalogu nazzjonali inklużiv, li għalih ingħata l-Premju Nobel għall-Paċi fl-2015; jistieden lill-President jikkontribwixxi għal qafas nazzjonali għall-partijiet ikkonċernati kollha biex dan id-djalogu jerġa' jibda b'mod effettiv; ifakkar fir-rwol ewlieni tal-Grupp għas-Sostenn għad-Demokrazija u Koordinazzjoni tal-Elezzjonijiet (DEG) tal-Parlament Ewropew biex jippromwovi djalogu bejn is-soċjetà ċivili u l-mexxejja politiċi tat-Tuneżija;

11.   

Jissottolinja l-ħtieġa urġenti li l-kriżi soċjoekonomika li qed jiffaċċja l-pajjiż tingħeleb b'riformi u politiki strutturali;

12.   

Jafferma mill-ġdid l-impenn sod tal-UE li tappoġġja lit-Tuneżija fl-isforzi biex tegħleb il-kriżi finanzjarja u ekonomika, kif ukoll fi triqitha lejn aktar konsolidazzjoni demokratika; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iżidu d-djalogu tagħhom mal-awtoritajiet Tuneżini, l-entitajiet ekonomiċi u s-soċjetà ċivili Tuneżina; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' istituzzjonijiet stabbli u funzjonali sabiex isir progress fir-riformi strutturali li huma neċessarji biex jinkiseb self ta' salvataġġ tal-FMI;

13.   

Jissottolinja li fehim komuni tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem huwa l-pedament primarju ta' sħubija b'saħħitha bejn l-UE u t-Tuneżija; iħeġġeġ lill-President jippermetti l-funzjonament sħiħ u kif suppost tal-korpi regolatorji indipendenti tal-Istat, inklużi l-korp proviżorju għar-rieżami tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet u l-Awtorità Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni;

14.   

Jinsab imħasseb dwar l-indħil barrani li jdgħajjef id-demokrazija Tuneżina;

15.   

Jistieden lill-UE tkompli bil-programmi li jappoġġjaw direttament liċ-ċittadini Tuneżini u żżid l-assistenza fejn meħtieġ fid-dawl tal-kriżi attwali, inkluż bl-appoġġ għall-kura tas-saħħa permezz tas-sistema COVAX biex tgħin lill-pajjiż jimmaniġġja l-impatt serju tal-pandemija tal-COVID-19;

16.   

Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fit-Tuneżija u jistieden lill-VP/RGħ jirrapporta lura lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament fuq bażi regolari sabiex jiġi żgurat djalogu parlamentari adegwat dwar din is-sitwazzjoni importanti u inkwetanti;

17.   

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tat-Tuneżija, lill-Gvern tat-Tuneżija u lill-Parlament tat-Tuneżija.


(1)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 117.