European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/813

28.4.2025

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2025/813

tal-25 ta’ April 2025

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2025/814 tal-25 ta’ April 2025 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 (2) jagħti effett lill-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 (3).

(2)

Fis-16 ta’ Jannar 2025, il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”) stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1970 (2011) dwar il-Libja adotta r-Riżoluzzjoni 2769 (2025), li tintroduċi żewġ eżenzjonijiet għall-embargo fuq l-armi impost bir-Riżoluzzjoni 1970 (2011).

(3)

Barra minn hekk, ir-Riżoluzzjoni 2769 (2025) tintroduċi kriterju ġdid ta’ elenkar għall-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni li fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli. Hija timmodifika wkoll l-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri imposti fuq l-Awtorità tal-Investiment Libjana (LIA).

(4)

Dawk l-emendi jidħlu fi ħdan l-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant hija neċessarja azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/44 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2016/44 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(j)

‘servizzi ta’ senserija’ tfisser:

(i)

in-negozjar jew l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-provvista ta’ beni u teknoloġija, jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, minn pajjiż terz lil kull pajjiż terz ieħor; jew

(ii)

il-bejgħ jew ix-xiri ta’ beni u teknoloġija jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, li jkunu f’pajjiżi terzi biex jiġu ttrasferiti lejn xi pajjiż terz ieħor;

(k)

‘finanzjament jew assistenza finanzjarja’ tfisser kwalunkwe azzjoni, irrispettivament mill-mezzi partikolari magħżula, li biha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati, kondizzjonalment jew inkondizzjonalment, jiżborżaw jew jimpenjaw ruħhom li jiżborżaw fondi jew riżorsi ekonomiċi tagħhom stess, inklużi, iżda mhux limitatament għal, għotjiet, self, garanziji, rahan, bonds, ittri ta’ kreditu, krediti tal-fornitur, krediti tax-xerrej, avvanzi fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni u t-tipi kollha ta’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni, inkluża assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni. Il-ħlas kif ukoll it-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħlas tal-prezz miftiehem għal oġġett jew servizz, li jsiru skont il-prattika normali tan-negozju, ma jikkostitwux finanzjament jew assistenza finanzjarja;

(l)

‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness IV.”

;

(2)

L-Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

1.   Għandu jiġi pprojbit:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Libja jew għall-użu fil-Libja;

(b)

l-għoti, b’mod dirett jew indirett, ta’ għajnuna teknika jew servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(c)

l-għoti, b’mod dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati ma’ apparat li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti, jew għal kull għoti ta’ għajnuna teknika relatata lil kull persuna fiżika u ġuridika, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(d)

il-parteċipazzjoni, b’mod konxju u b’mod intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).

2.   Għandu jiġi pprojbit ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport ta’ tagħmir mil-Libja li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, kemm jekk it-tagħmir joriġina mil-Libja kif ukoll jekk le.

3.   Il-paragrafu 1 ma japplikax għall-ħwejjeġ protettivi, inklużi sdieri rinfurzati bil-metall u elmi militari, esportati b’mod temporanju fil-Libja mill-persunal tan-NU, persunal tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u ta’ żvilupp u persunal assoċjat għall-użu tagħhom personali biss.

4.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna, taħt tali kundizzjonijiet li jqisu xierqa, jekk jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.

5.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta’ assistenza teknika, finanzjament u assistenza finanzjarja relatati ma’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna, skont ċerti kondizzjonijiet li huma jqisu opportuni, jekk jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv.”

;

(3)

L-Artikolu 3 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 3

1.   Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, tal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (*1) (il-Lista Militari Komuni), kif ukoll ta’ armi tan-nar, partijiet u komponenti essenzjali tagħhom, u ta’ ammunizzjoni kif definit fir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Libja jew għall-użu fil-Libja.

2.   Għandu jiġi pprojbit:

(a)

l-għoti, b’mod dirett jew indirett, ta’ għajnuna teknika jew ta’ servizzi ta’ senserija relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew ta’ armi tan-nar, ta’ partijiet u komponenti essenzjali tagħhom, kif ukoll ta’ ammunizjoni kif definit fir-Regolament (UE) Nru 258/2012, jew li jkunu relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(b)

l-għoti, b’mod dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew ta’ armi tan-nar, ta’ partijiet u komponenti essenzjali tagħhom, kif ukoll ta’ ammunizzjon, kif definit fir-Regolament (UE) Nru 258/2012 għal kull bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għal kull għoti ta’ għajnuna teknika jew ta’ servizzi ta’ senserija relatata lil xi persuna, entità jew korp fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(c)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-provvista ta’ persunal merċenarju armat fil-Libja jew għal użu fil-Libja;

(d)

il-parteċipazzjoni, b’mod konxju u b’mod intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali jew il-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja maħsuba biss għal finijiet umanitarji jew għal użu protettiv;

(b)

ilbies protettiv, inklużi sdieri rinfurzati bil-metall u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Libja minn persunal tan-NU, minn persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u dawk impjegati fl-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss;

(c)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir militari mhux letali jew l-għoti ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja maħsuba biss għall-assistenza ta’ sigurtà jew ta’ diżarm lill-gvern Libjan.

4.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija kif imsemmi fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja kif imsemmi fil-paragrafu 2, dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun approva tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, jew l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati minn qabel.

5.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 jew l-għoti ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja msemmija fil-paragafu 2 maħsuba biss għall-assistenza ta’ sigurtà jew ta’ diżarm lill-gvern Libjan, dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun approva tali bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni, jew l-għoti ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja bil-quddiem.

6.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi, armi ħfief u materjal relatat, esportati temporanjament lejn il-Libja għall-użu uniku tal-persunal tan-NU, rappreżentant tal-medja u ħaddiema umanitarji u tal-iżvilupp u persunal assoċjat, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn qabel u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal dik l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn tali notifika.

7.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għall-għoti ta’ assistenza teknika msemmija fil-paragrafu 2 mill-Istati Membri lill-forzi tas-sigurtà Libjani maħsuba biss biex jippromwovu l-proċess ta’ riunifikazzjoni tal-istituzzjonijiet militari u ta’ sigurtà Libjani, kif ukoll id-dħul temporanju fil-Libja ta’ oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 maħsuba biss għall-użu minn fornituri mhux Libjani ta’ tali assistenza teknika, għat-twassil ta’ tali assistenza jew għall-użu protettiv tagħhom, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn qabel.

8.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal inġenji tal-ajru militari jew bastimenti navali, introdotti temporanjament fit-territorju tal-Libja minn xi Stat Membru, unikament biex iwasslu oġġetti jew jiffaċilitaw attivitajiet eżentati b’mod ieħor jew mhux koperti mill-paragrafi 1 u 2, inkluża assistenza umanitarja, kif ukoll oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 għal finijiet difensivi li jibqgħu f’kull ħin abbord il-bastiment jew l-inġenju tal-ajru waqt li jkunu temporanjament fil-Libja, jew fuq il-persuna ta’ kwalunkwe persunal mhux Libjan żbarkat temporanjament minn tali bastiment jew inġenju tal-ajru.

(*1)  L-aħħar verżjoni ppubblikata fil-ĠU C, C/2024/1945, 1.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/1945/oj."

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu tal-armi tan-nar u t-traffikar tagħhom, il-partijiet, komponenti u l-ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/258/oj).”;"

(4)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

Għandu jkun ipprojbit l-importazzjoni, ix-xiri jew it-trasferiment, direttament jew indirettament, tal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, kif ukoll ta’ armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti essenzjali tagħhom, u tal-ammunizzjoni kif definit fir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, mil-Libja, kemm jekk joriġinaw fit-territorju tal-Libja kif ukoll jekk le.”

;

(5)

Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Anness II għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi ddeżinjati mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet f’konformità mal-paragrafu 22 tal-UNSCR 1970 (2011), il-paragrafu 19, 22 jew 23 tal-UNSCR 1973 (2011), il-paragrafu 4 tal-UNSCR 2174 (2014), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2213 (2015), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2362(2017), il-paragrafu 11 tal-UNSCR 2441 (2018) jew il-paragrafu 18 tal-UNSCR 2769 (2025).”

;

(6)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

1.   Wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet jkun approva l-użu ta’ riżervi ta’ fondi ffriżati kif imsemmija fi, u f’konformità ma’, il-paragrafu 14 tal-UNSCR 2769(2025), li jinkludi konsultazzjoni mal-Gvern tal-Libja, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandhom jawtorizzaw l-użu ta’ riżervi ta’ fondi ffriżati li jappartjenu għall-entità elenkata taħt l-entrata numru 1 fl-Anness VI, esklużivament għal investiment fi:

(a)

depożiti b’terminu b’riskju baxx ma’ istituzzjoni finanzjarja xierqa magħżula mill-entità elenkata taħt l-entrata numru 1 fl-Anness VI u li tinsab fl-Istat Membru li fih il-fondi huma ffriżati, fil-każ ta’ riżervi ta’ flus iffriżati msemmija fir-‘rakkomandazzjoni 7.1’ imsemmija fil-UNSCR 2769(2025), jew

(b)

strumenti ta’ introjtu fiss, fil-każ ta’ riżervi ta’ flus iffriżati msemmija fir-‘rakkomandazzjoni 7.2’ imsemmija fil-UNSCR 2769(2025).

f’konformità mal-approvazzjoni tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

2.   Id-depożiti b’terminu b’riskju baxx imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 u l-imgħaxijiet akkumulati fuqhom għandhom jibqgħu ffriżati. L-istrumenti ta’ introjtu fiss imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 u l-introjtu dovut fuqhom għandhom jibqgħu ffriżati.Kull investiment mill-ġdid għandu jkun soġġett għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.

3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ April 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. SZŁAPKA


(1)   ĠU L, 2025/814, 28.4.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/814/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/44/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1333 tal-31 ta’ Lulju 2015 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar id-Deċiżjoni 2011/137/PESK (ĠU L 206, 1.8.2015, p. 34, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1333/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2025/813/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)