|
25.7.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 262/94 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex ikun stabbilit Qafas għall-Iskrinjar tal-Investimenti Diretti Barranin fl-Unjoni Ewropea”
(COM(2017) 487 final — 2017/0224 (COD))
(2018/C 262/16)
|
Relatur: |
Christian BÄUMLER |
|
Korelatur: |
Gintaras MORKIS |
|
Konsultazzjoni |
Kunsill, 15.11.2017 |
|
Bażi legali |
Artikolu 207 tat-TFUE |
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni |
|
Adottata fis-sezzjoni |
28.3.2018 |
|
Adottata fil-plenarja |
19.4.2018 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
534 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
203/1/3 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jenfasizza li l-investiment dirett barrani huwa sors importanti ta’ tkabbir, impjiegi u innovazzjoni. L-investiment dirett barrani minn dejjem kien fattur fundamentali għal żvilupp ekonomiku u soċjali pożittiv fl-Unjoni Ewropea. Il-KESE huwa favur ambjent ta’ investiment miftuħ u jilqa’ l-investiment dirett barrani. |
|
1.2. |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-investiment barrani filwaqt li huwa utli, jista’ jġib miegħu riskji u jipperikola s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku fi Stat Membru jew aktar. |
|
1.3. |
Il-KESE jitlob, li l-attitudni miftuħa tal-Unjoni fir-rigward tal-investiment dirett barrani tkun akkumpanja b’miżuri robusti u effettivi. |
|
1.4. |
Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex ikun stabbilit Qafas għall-Iskrinjar tal-Investimenti Diretti Barranin fl-Unjoni Ewropea, jinnota, madanakollu, li l-iskala tal-problema għadha mhix magħrufa kompletament, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma analizzatx il-flussi tal-investiment u l-effetti tagħhom meta tat bidu għall-proċedura leġislattiva. |
|
1.5. |
L-iskrinjar ta’ investimenti fl-impriżi u l-entitajiet, li għandhom sinifikat strateġiku għas-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku tal-UE, huwa vag u mingħajr koordinazzjoni: xi pajjiżi għandhom aċċess għal proċeduri ta’ skrinjar, oħrajn le, li jfisser li f’dawn tal-aħħar l-investimenti mhux qed jiġu skrinjati. Dan in-nuqqas irid jiġi indirizzat b’sistema fuq livell tal-UE, li tneħħi d-diverġenzi bejn l-Istati Membri u tiggarantixxi l-ħarsien tal-interessi nazzjonali u Ewropej. |
|
1.6. |
Għandu jkun żgurat, li l-Istati Membri li diġà għandhom proċeduri ta’ skrinjar tal-investiment dirett barrani, kif ukoll dawk l-Istati li m’għandhomx proċeduri bħal dawn, ikunu jistgħu jittrasferixxu u jirċievu informazzjoni affidabbli bl-istess mod, anki f’forma ta’ rapporti annwali, li jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, f’każ li Stati Membri jew il-Kummissjoni jistabbilixxu li investiment dirett barrani, pjanat jew attwat, jista’ jagħmel ħsara lis-sigurtà jew lill-ordni pubbliku. |
|
1.7. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-Regolament propost jistabbilixxi r-rekwiżiti proċedurali fundamentali għall-mekkaniżmi ta’ skrinjar, bħat-trasparenza, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn pajjiżi terzi u r-reviżjoni ġudizzjarja u permezz ta’ hekk tittejjeb is-sigurtà tal-investimenti u ċ-ċertezza legali. |
|
1.8. |
Il-KESE jinnota li l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklużiva għall-investiment dirett barrani. Kull fejn hemm sistemi ta’ skrinjar nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE, għandha tiġi stabbilita bażi legali għal dawn is-sistemi legali, biex jiġi evitat in-nuqqas tas-sigurtà legali. |
|
1.9. |
Il-KESE jinsab imħasseb, li l-Kummissjoni tal-UE tirriserva d-dritt għall-iskrinjar tal-investimenti biss meta dawn l-attivitajiet tal-investiment jista’ jkollhom impatt fuq proġetti jew programmi fl-interess tal-Unjoni. Sakemm l-investiment dirett barrani jkollu impatt transfruntier fuq l-UE kollha jew parti minnha, l-UE trid tassumi r-responsabbiltà għall-iskrinjar tal-investimenti. |
|
1.10. |
It-tifsiriet tat-termini “sigurtà” u “ordni pubbliku” ma ġewx iċċarati biżżejjed fil-proposta tal-Kummissjoni. Il-KESE jirrimarka li fis-setturi ekonomiċi, li jistgħu jkunu involuti fl-iskrinjar, teżisti inċertezza jekk is-setturi strateġiċi u t-teknoloġiji abilitanti essenzjali humiex koperti wkoll minn din it-terminoloġija. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel sforz akbar biex issolvi din il-kwistjoni. |
|
1.11. |
Il-KESE jfaħħar it-twaqqif obbligatorju ta’ punti ta’ kuntatt fl-Istati Membri u huwa favur it-twaqqif ta’ grupp ta’ koordinament tal-iskrinjar tal-investiment fl-UE. Madankollu, ir-rwoli ta’ dawn iż-żewġ korpi, il-livelli ta’ rappreżentazzjoni u r-relazzjoni ta’ bejniethom mhumiex ċari biżżejjed. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi għal kjarifika. |
|
1.12. |
Il-KESE jirrakkomanda l-inklużjoni tal-imsieħba soċjali u tas-soċjetà ċivili b’mod xieraq. |
|
1.13. |
Il-KESE jissuġġerixxi li l-iskrinjar tal-investiment għandu jkopri oqsma sensittivi tal-infrastruttura u faċilitajiet, li għandhom funzjonijiet soċjali. Dawn jinkludu l-forniment tal-enerġija u tal-ilma, it-trasport, l-infrastruttura diġitali, is-servizzi finanzjarji, is-suq finanzjarju kif ukoll is-settur tas-saħħa. |
|
1.14. |
Il-KESE jappoġġja l-estensjoni tal-iskrinjar tal-investiment fir-rigward tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali, sakemm l-investituri jkunu kontrollati mill-gvern ta’ pajjiż terz, jew ikollhom rabta mill-qrib miegħu. Il-KESE jipproponi li fir-Regolament tiġi inkluża proċedura separata għall-iskrinjar ta’ investiment barrani dirett li jkun ġej minn gvernijiet ta’ pajjiżi terzi, jew investituri li jkollhom rabtiet mill-qrib ma’ dawn il-gvernijiet. |
|
1.15. |
Il-KESE huwa konvint li l-proċess ta’ reviżjoni jkun aktar effettiv, meta dan ikun applikat fir-rigward ta’ investiment dirett barrani pjanat u mhux investiment dirett li jkun diġà sar, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi dan is-suġġeriment fil-proposta għal Regolament. Fuq kollox, il-Kumitat jirrakkomanda monitoraġġ għal wara l-investiment. |
|
1.16. |
Il-KESE jirrakkomanda, fl-interess tas-sigurtà tal-investiment, li għandhom jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien għall-kwistjoni ta’ jekk għandux isir l-iskrinjar tal-investiment u għall-proċess ta’ skrinjar innifsu. |
|
1.17. |
Il-KESE jirrimarka, li l-kunfidenzjalità tad-data kummerċjali għandha tkun garantita matul il-proċedura tal-iskrinjar, sabiex investituri potenzjali ma jkunux skoraġġuti. |
|
1.18. |
Fir-rigward tal-iskrinjar tal-investiment, il-KESE jirrakkomanda l-kollaborazzjoni mal-Istati Uniti u ma’ msieħba kummerċjali oħrajn kif ukoll l-armonizzazzjoni tar-regoli internazzjonali dwar l-iskrinjar ta’ investiment dirett barrani. F’dan ir-rigward, il-Kumitat dwar l-Investiment Barrani tal-Istati Uniti (CFIUS) jista’ jservi ta’ eżempju. |
|
1.19. |
Għalkemm il-kwistjoni tar-reċiproċità mhijiex indirizzata fil-proposta għar-Regolament, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika l-prinċipju tar-reċiproċità fil-każijiet kollha tan-negozjati tal-UE ma’ pajjiżi terzi dwar l-IDB hekk kif aktar investituri mhux mill-UE qed jixtru negozji u entitajiet tal-UE filwaqt li l-investituri tal-UE ta’ spiss qed jiffaċċjaw ostakli biex jinvestu f’pajjiżi oħrajn. Fuq kollox, il-Kumitat jappella biex jitħaffu n-negozjati dwar il-ftehim ta’ investiment maċ-Ċina. |
2. Kummenti ġenerali
|
2.1. |
Il-KESE japprova fil-prinċipju l-pożizzjonijiet ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament li jistabbilixxi proċedura għall-iskrinjar ta’ investiment dirett barrani fl-Unjoni Ewropea, li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea tkun miftuħa għall-investiment barrani u biex l-investiment dirett barrani jikkontribwixxi għat-tkabbir fl-Unjoni billi jtejjeb il-kompetittività, joħloq l-impjiegi, iġib il-kapital, it-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-kompetenzi esperti u jiftaħ swieq ġodda għall-esportazzjonijiet tal-Unjoni. |
|
2.2. |
Madankollu, hemm it-tħassib dwar il-fatt li l-investituri barranin, speċjalment l-impriżi tal-istat, qegħdin b’mod strateġiku jakkwistaw impriżi Ewropej li għandhom teknoloġiji abilitanti essenzjali, u qed jippreparaw biex jieħdu f’idejhom infrastrutturi, teknoloġiji futuri importanti kif ukoll assi oħra li huma importanti għall-iżgurar tas-sigurtà tal-Istati Membri u tal-UE kollha. |
|
2.3. |
Fl-aħħar għaxar snin, l-investiment minn pajjiżi terzi fl-UE żdied b’mod konsiderevoli. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Nilqgħu l-Investiment Dirett Barrani filwaqt li Nħarsu l-Interessi Essenzjali” tipprovdi data statistika li turi li l-parti l-kbira tal-investimenti ġejjin mill-Istati Uniti, il-Kanada, l-Iżvizzera segwiti mill-Brażil, iċ-Ċina u r-Russja. Matul il-kriżi finanzjarja tal-2008, l-investiment Ċiniż fl-Istati Membri tal-UE żdied b’għaxar darbiet! Dan żdied minn EUR 2 biljun fl-2009 għal kważi EUR 20 biljun fl-2015. Fl-2016 biss, l-investiment dirett barrani Ċiniż fl-UE ammonta għal EUR 35 biljun. Meta mqabbel mal-2015, kien hemm żieda ta’ 77 %, u meta mqabbel mal-2010 ż-żieda kienet saħansitra 1 500 %. Safrattant, fl-2016 l-investimenti ta’ impriżi Ewropej fiċ-Ċina naqsu b’ 25 %. |
|
2.4. |
Fi Frar 2017, tliet Stati Membri – Franza, il-Ġermanja u l-Italja – ħeġġew lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi r-regoli tal-investiment dirett barrani fl-Unjoni Ewropea. Ir-raġuni għal dan kienet tħassib minħabba l-fluss tal-għarfien teknoloġiku barra mill-pajjiż, billi investituri mhux mill-UE qed jixtru dejjem aktar teknoloġiji tal-UE għal għanijiet strateġiċi, filwaqt li l-investituri tal-UE ħafna drabi jħabbtu wiċċhom ma’ ostakli biex jinvestu f’pajjiżi oħrajn. It-tliet Stati membri indikaw, li l-prinċipju tar-reċiproċità għandu jiġi segwit, jekk l-investituri tal-UE qed jingħataw biss aċċess limitat għas-swieq barra l-UE. It-tliet Stati Membri stiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa strument Ewropew biex “tkun prevenuta kwalunkwe ħsara … permezz ta’ investiment dirett strateġiku unilaterali minn xerrejja barranin f’oqsma sensittivi għas-sigurtà jew għall-politika industrijali, u biex tkun żgurata r-reċiproċità. L-istrumenti statali li bħalissa huma disponibbli fil-livell tal-Istati Membri tal-UE, mhumiex biżżejjed, biex jiggarantixxu protezzjoni bħal dan”. |
|
2.5. |
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2017 stiednet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiskrinjaw l-investimenti diretti barranin ta’ pajjiżi terzi f’teknoloġiji strateġiċi tal-industrija, tal-infrastruttura, u dawk ewlenin futuri tal-UE. |
|
2.6. |
Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal Regolament li jipproponi qafas legali għall-iskrinjar ta’ investiment barrani minn pajjiżi terzi. |
|
2.7. |
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tillimita din il-proposta dwar l-oqsma tas-sigurtà u l-ordni pubbliku, biex tilħaq ftehim minimu bejn l-Istati Membri. Skont l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni dawn jinkludu pereżempju l-komunikazzjonijiet elettroniċi, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi u l-kompetittività industrijali fi prodotti u servizzi taċ-ċibersigurtà. |
|
2.8. |
It-tifsiriet stess tat-termini “sigurtà” u “ordni pubbliku” mhumiex ċari biżżejjed f’dan il-kuntest sabiex jiġu evitati l-problemi u interpretazzjonijiet differenti. Il-KESE jirrimarka li fis-setturi ekonomiċi, li jistgħu jkunu involuti fl-iskrinjar, teżisti inċertezza jekk is-setturi strateġiċi u t-teknoloġiji abilitanti essenzjali humiex koperti wkoll minn din it-terminoloġija. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel sforz akbar biex issolvi din il-kwistjoni. |
|
2.9. |
Il-KESE jinnota, li l-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi bis-sħiħ, li l-Istati Membri għandhom iżommu l-flessibilità meħtieġa fir-rigward tal-iskrinjar tal-investiment dirett barrani (ara COM (2017) 494). Dan ikun ifisser li l-Istati Membri biss jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar investiment dirett barrani minn pajjiżi terzi. |
|
2.10. |
Il-KESE minn dejjem kien tal-fehma li l-politika tal-kummerċ u l-investiment tal-UE “għandha tkun kompatibbli” u konsistenti mal-politika ekonomika u politiki oħrajn tal-Unjoni, inkluż “il-ħarsien tal-ambjent, ix-xogħol deċenti, is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol”. Madankollu strateġija tal-investiment effettiva tal-UE għandha sehem importanti fiż-żamma tal-kompetittività tal-UE fi żmien ta’ tibdil ekonomiku mgħaġġel u ċaqlieq kbir fis-setgħa ekonomika relattiva madwar id-dinja. |
|
2.11. |
Il-KESE jinnota li l-UE hija waħda mill-iktar ekonomiji miftuħin għall-investiment dirett barrani. L-influss ta’ dawn l-investimenti lejn l-UE qiegħed jiżdied b’mod kostanti. Qed ikun dejjem aktar iffokat fuq setturi magħżulin strateġikament u kumpaniji ta’ daqs akbar mill-medja, u qed jiġi dejjem aktar minn kumpaniji statali jew minn investituri b’rabtiet mill-qrib ma’ gvernijiet. |
|
2.12. |
Fuq livell globali, safrattant, il-Kummissjoni tistma li r-restrizzjonijiet fuq l-investiment dirett barrani komplew jiżdiedu mill-2016. Ħafna drabi l-investituri mill-UE ma jgawdux mill-istess drittijiet f’pajjiżi terzi, bħalma għandhom investituri fl-UE. Il-KESE diġà wera d-dispjaċir tiegħu fl-2011 dwar il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tikkummenta fir-rigward tal-proċess “Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew” dwar il-kwistjoni tal-akkwist ta’ kumpaniji strateġiċi importanti u stedinha tikkunsidra r-reċiproċità. |
|
2.13. |
Il-KESE jenfasizza li t-tliet Stati Membri msemmijin hawn fuq (li ssuġġerew l-iżvilupp ta’ strument Ewropew għall-iskrinjar tal-investiment) indikaw li ser isostnu l-prinċipju ta’ reċiproċità jekk l-investituri tal-UE jingħataw biss aċċess limitat għas-swieq barra l-UE. Il-proposta għal Regolament ma tindirizzax il-kwistjoni tar-reċiproċità. Madankollu, f’dak li jikkonċerna l-investimenti diretti barranin, il-prinċipju tar-reċiproċità għandu jiġi applikat fil-każijiet kollha tan-negozjati tal-UE ma’ pajjiżi terzi dwar l-IDB. |
|
2.14. |
Barra minn hekk, il-fokus strateġiku tal-investiment barrani fl-UE huwa fuq l-akkwist ta’ kumpaniji Ewropej li jiżviluppaw teknoloġiji abilitanti essenzjali jew iżommu infrastrutturi vitali għat-twettiq ta’ funzjonijiet soċjali u ekonomiċi essenzjali. Il-kombinament ta’ dawn l-iżviluppi wasslet għal tħassib ġustifikat fost iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-Istati Membri Ewropej. Dan it-tħassib jitlob miżuri xierqa kif imħabbra fid-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar il-Globalizzazzjoni, ippubblikat fl-10 ta’ Mejju 2017 u fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tat-13 ta’ Settembru 2017. |
|
2.15. |
Il-KESE jitlob, li l-attitudni miftuħa tal-Unjoni fir-rigward tal-investiment dirett barrani tkun akkumpanja b’miżuri robusti u effettivi. |
|
2.16. |
Il-KESE jenfasizza li xi Stati Membri ilhom li għarfu li l-investiment barrani mhux biss jista’ jkun utli, iżda jista’ jġib miegħu riskji u jipperikola s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku. Dan huwa partikolarment il-każ fejn l-investiment huwa mmirat lejn impriżi u entitajiet ta’ importanza strateġika. Għaldaqstant, dawn l-Istati Membri waqqfu sistemi nazzjonali ta’ skrinjar għall-investiment barrani. |
|
2.17. |
Il-KESE jinnota li l-iskrinjar ta’ investimenti fl-impriżi u l-entitajiet, li għandhom sinifikat strateġiku għas-sigurtà nazzjonali jew għas-sigurtà tal-UE, huwa sparpaljat u mingħajr koordinazzjoni: xi pajjiżi għandhom aċċess għal proċeduri ta’ skrinjar, oħrajn le, li jfisser li f’dawn tal-aħħar l-investimenti mhux qed jiġu skrinjati. F’ċirkostanzi bħal dawn jidher ċar li la l-Istati Membri u lanqas l-UE stess ma jistgħu jkunu protetti mill-investiment immirat lejn l-akkwist ta’ impriżi u entitajiet importanti f’każijiet fejn pajjiż terz ikun ippjana bir-reqqa u sfrutta l-opportunitajiet għall-manipulazzjoni biex jikseb l-għanijiet politiċi u ekonomiċi tiegħu. Is-sistema li trid tiġi stabbilita mill-UE għandha tneħħi d-diverġenzi bejn l-Istati Membri, u tissalvagwardja l-interessi nazzjonali u Ewropej. |
|
2.18. |
Fl-opinjoni tal-KESE, l-iskrinjar tal-investiment propost mill-Kummissjoni Ewropea huwa l-ewwel pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda mhux ser jissodisfa dawn ir-rekwiżiti. Il-proposta lanqas biss tirrikjedi li l-Istati Membri jimplimentaw l-iskrinjar tal-investiment tagħhom stess. |
|
2.19. |
Il-KESE jirrikonoxxi li permezz ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni qed tagħmel ħilitha biex tissalvagwardja ċ-ċertezza legali għal dawk l-Istati Membri li stabbilew mekkaniżmi nazzjonali ta’ skrinjar tal-investiment. |
|
2.20. |
Il-KESE jilqa’ l-fatt li r-Regolament propost jistabbilixxi r-rekwiżiti proċedurali fundamentali għall-mekkaniżmi ta’ skrinjar, bħat-trasparenza, in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni bejn pajjiżi terzi u r-reviżjoni ġudizzjarja u għaldaqstant tittejjeb is-sigurtà tal-investimenti. |
|
2.21. |
Għalkemm ir-Regolament għandu l-għan li jiġbor aktar informazzjoni dwar l-investiment dirett barrani fl-UE u li jimmonitorja l-użu tal-mekkaniżmu tas-selezzjoni, fil-prattika ser ikun diffiċli ħafna li tkun żgurata implimentazzjoni armonizzata fil-livell tal-UE. Stati Membri li għandhom proċeduri għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani, u pajjiżi li m’għandhomx proċeduri bħal dawn, iridu jipprovdu u jirċievu informazzjoni ugwalment affidabbli, inkluż f’forma ta’ rapporti annwali biex ikunu sottomessi lill-Kummissjoni Ewropea f’każijiet fejn l-Istati Membri jew il-Kummissjoni jiddeterminaw li investiment dirett barrani pjanat jew diġà attwat fi Stat Membru jista’ jaffettwa s-sigurtà jew l-ordni pubbliku. |
|
2.22. |
Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri jistabbilixxu punti ta’ kuntatt, u l-proposta biex jitwaqqaf grupp ta’ koordinazzjoni magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Madankollu, ir-rwoli ta’ dawn iż-żewġ korpi, il-livelli ta’ rappreżentazzjoni u r-relazzjoni ta’ bejniethom mhumiex ċari biżżejjed. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili jkunu involuti fil-grupp ta’ koordinazzjoni. |
|
2.23. |
Il-KESE jqis li huwa ta’ tħassib li l-Kummissjoni tal-UE tirriserva l-iskrinjar tal-investimenti għal dawk il-każi fejn investiment jista’ jaffettwa proġetti jew programmi li jkunu fl-interess tal-Unjoni. Jekk ir-responsabbiltà għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani hija fil-parti l-kbira tagħha tal-Istati Membri, hemm ir-riskju, li investitur barrani li jkollu l-intenzjoni jieħu f’idejh negozji u entitajiet importanti jagħżel il-pajjiż li jkun l-aktar vulnerabbli għal dawn l-investimenti bħala punt ta’ dħul biex jagħmel l-ewwel investiment tiegħu, u b’hekk, permezz tas-suq intern jikseb l-aċċess għall-pajjiżi bi protezzjoni aktar b’saħħitha ta’ investiment. |
|
2.24. |
Il-KESE jirrimarka li l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklużiva għall-investiment barrani dirett, li taqa’ direttament taħt il-kompetenza esklużiva għall-politika kummerċjali komuni kif stipulat fit-trattat ta’ Lisbona. Skont l-Artikolu 207 tat-TFUE, l-investiment barrani dirett huwa parti mill-politika kummerċjali komuni tal-UE. L-Artikolu 206 tat-TFUE jistipula li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi lejn “l-abolizzjoni progressiva ta’ restrizzjonijiet fuq il-kummerċ internazzjonali u fuq l-investiment barrani dirett”. |
|
2.25. |
Fil-fehma tal-KESE, l-UE għandha tagħmel użu mill-kompetenza tagħha f’termini ta’ investiment dirett barrani, fejn l-investiment ikollu impatt transkonfinali fuq l-UE kollha jew partijiet minnha. Kemm l-iskrinjar tal-investiment kif ukoll id-deċiżjoni dwar jekk dawn l-investimenti humiex permessi għandha tibqa’ f’idejn il-Kummissjoni. L-Istati Membri għandu jkollhom drittijiet ta’ konsultazzjoni obbligatorja u jridu jiġu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-investiment barrani dirett permezz tal-grupp ta’ koordinazzjoni li ser jitwaqqaf. |
|
2.26. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE, fid-Direttiva dwar l-infrastruttura kritika Ewropea (Direttiva dwar l-ECI) u fid-Direttiva dwar s-sistemi ta’ netwerks u tal-informazzjoni (Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà), tat definizzjoni tal-oqsma sensittivi li jaffettwaw l-interessi tas-sigurtà essenzjali. Infrastruttura “kritika”, kif definita fid-Direttiva dwar l-ECI tinkludi faċilitajiet u sistemi li huma essenzjali għall-kontinwità tal-funzjonijiet vitali tas-soċjetà, is-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri ekonomiku u soċjali. Id-Direttiva dwar iċ-Ċibersigurtà tikkonċerna organizzazzjonijiet li jagħtu servizz li huma essenzjali għall-attivitajiet “kritiċi” tas-soċjetà u tal-ekonomija. Dawn jinkludu l-enerġija, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u s-swieq finanzjarji, kif ukoll is-settur tas-saħħa u d-distribuzzjoni tal-ilma. |
|
2.27. |
Sa mill-2011 (1), il-KESE enfasizza li l-imsieħba kummerċjali bħall-Kanada u l-Istati Uniti għandhom mekkaniżmi ta’ skrinjar għall-investiment barrani dirett, u li l-investiment għandu jkun parti minn politika estera usa’ tal-UE. |
|
2.28. |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li l-Istati Uniti għandha sett ta’ għodod flessibbli ferm u b’kopertura wiesgħa għall-iskrinjar tal-investiment. L-analiżi tal-investiment barrani fl-Istati Uniti tal-Amerika issir fil-livell federali minn kumitat interministerjali msejjaħ CFIUS. Dan il-kumitat jista’ jissospendi, jipprojbixxi jew jimponi kundizzjonijiet fuq tranżazzjoni li jkun jixtieq jirrifjuta. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jeżamina r-riskji għas-sigurtà nazzjonali minn fużjonijiet u akkwisti li jistgħu jwasslu għal kontroll barrani ta’ kumpanija tal-Istati Uniti. Id-definizzjoni tar-riskju tas-sigurtà nazzjonali tirreferi għal meta s-sigurtà tal-Istati Uniti tiġi affettwata minħabba l-akkwist ta’ komponenti ta’ teknoloġiji jew infrastruttura kritiċi. L-iskrinjar huwa deskritt mis-CFIUS fir-regolamenti tiegħu stess, fatt li jippermettilu jaġġusta din id-definizzjoni. Din il-forma ta’ skrinjar tal-investiment tista’ tkun ta’ interess għall-UE wkoll. |
|
2.29. |
Iċ-Ċina għandha restrizzjonijiet settorjali dwar l-investiment barrani. Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riformi (NDRC) taċ-Ċina u l-Ministeru għall-Kummerċ (MOFCOM) tagħha adottaw il-Katalgu tal-Industriji tal-2017 għall-Gwida dwar l-Investiment Barrani. Dan fih “lista negattiva” nazzjonali bis-setturi fejn l-investiment barrani huwa ristrett jew projbit. “Ristrett” tfisser li hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-MOFCOM. Din il-lista hija mezz għall-gvern biex jimplimenta r-restrizzjonijiet u l-kundizzjonijiet tiegħu. Din il-lista negattiva tinkludi kemm oqsma politikament sensittivi, bħall-midja stampata, u l-manifattura ta’ karozzi sħaħ, li għalihom hemm regola speċjali dwar impriżi konġunti. Għas-setturi mingħajr ebda restrizzjoni, il-gvern jitlob biss ir-reġistrazzjoni ta’ proġetti b’investiment barrani. |
|
2.30. |
Il-KESE jinnota li l-istrateġija “Made in China 2025” telenka lista ta’ setturi ewlenin: IT tal-ġenerazzjoni li jmiss; makkinarju ta’ kontroll numeriku u robotika ta’ livell għoli; apparat tal-avjazzjoni u ajruspazjali; tagħmir tal-inġinerija marittima u manifattura ta’ bastimenti marittimi ta’ teknoloġija avvanzata; tagħmir ferrovjarju avvanzat; vetturi li jiffrankaw l-enerġija u vetturi li jaħdmu bl-enerġija ġdida (NEVs); apparat elettroniku; makkinarju u apparat agrikolu; materjali ġodda; bijomediċina u tagħmir mediku ta’ prestazzjoni għolja. Huma mistennijin aktar akkwisti ta’ kumpaniji Ewropej f’dawn is-setturi. |
|
2.31. |
Il-KESE jinnota li hemm riżervi relatati mal-investiment dirett barrani fir-rigward ta’ aktar pajjiżi, mhux biss taċ-Ċina. L-investimenti tar-Russja, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija, qed iqajmu tħassib fil-pajjiżi affettwati minħabba d-dipendenzi potenzjali f’dan is-settur strateġiku. |
|
2.32. |
Il-KESE jikkunsidra li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ applikazzjoni tal-iskrinjar tal-investiment kif propost huwa limitat wisq u jipproponi li dan l-iskrinjar jiġi estiż għal oqsma strateġiċi u b’mod partikolari għal teknoloġiji ewlenin. L-istrateġija “Made in China 2025” għandha tittieħed inkunsiderazzjoni waqt id-deċiżjonijiet dwar dawn l-oqsma strateġiċi. |
|
2.33. |
Il-KESE jemmen li dan it-tip ta’ skrinjar ta’ investiment – li jkopri wkoll teknoloġiji ewlenin li huma ta’ sinifikat strateġiku – huwa kompatibbli mar-regoli tad-WTO. L-UE ppromulgat il-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens (Ftehim SCM). Għalhekk, huwa possibbli li jiġi rrifjutat investiment dirett barrani jekk l-interessi essenzjali tas-sigurtà jkunu f’riskju, li jiġri, fil-fehma tal-KESE, meta l-valuri tas-soċjetà għandhom jiġu mħarsa. L-investiment barrani dirett jista’ jiġi ristrett b’mod aktar komprensiv jekk investitur ikun kontrollat mill-gvern jew ikollu rabtiet mill-qrib mal-gvern. |
|
2.34. |
Il-KESE huwa tal-istess fehma tal-Kummissjoni li l-proċeduri tal-iskrinjar għandhom iqisu jekk investitur barrani huwiex ikkontrollat mill-gvern ta’ pajjiż terz, anke permezz ta’ riżorsi finanzjarji sostanzjali. Il-KESE jipproponi li fir-Regolament tiġi inkluża proċedura separata għall-iskrinjar ta’ investiment barrani dirett li jkun ġej minn gvernijiet ta’ pajjiżi terzi, jew investituri li jkollhom rabtiet mill-qrib ma’ dawn il-gvernijiet. |
|
2.35. |
Il-KESE huwa konvint li l-proċess ta’ reviżjoni jkun aktar effettiv, meta dan ikun applikat fir-rigward ta’ investiment dirett barrani pjanat u mhux investiment dirett li jkun diġà sar, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi dan is-suġġeriment fil-proposta għal Regolament. Fuq kollox, il-Kumitat jirrakkomanda monitoraġġ għal wara l-investiment. |
|
2.36. |
Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament, iżda huwa evidenti li l-iskala tal-problema għadha mhix magħrufa kompletament. Il-Kummissjoni ma analizzatx il-flussi tal-investiment u l-impatt tagħhom meta tat bidu għall-proċedura leġislattiva; kien biss aktar tard li bdiet tanalizza l-flussi tal-investiment. |
3. Kummenti speċifiċi
|
3.1. |
Il-KESE jirrakkomanda ħidma ta’ kooperazzjoni mal-Istati Uniti u msieħba kummerċjali oħrajn. L-approssimazzjoni ta’ regoli internazzjonali dwar l-iskrinjar ta’ investiment dirett barrani tillimita l-kunflitti u tippromovi ċ-ċertezza tal-investiment; Għandhom isiru sforzi biex tal-anqas jinbeda djalogu ma’ pajjiżi bħaċ-Ċina dwar il-politika ta’ investiment internazzjonali u domestika tagħhom. L-għan għandu jkun ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment, li jkunu gwidati mill-istandards tal-UE u l-prinċipju tar-reċiproċità. Fuq kollox, il-Kumitat jappella biex jitħaffu n-negozjati dwar il-ftehim ta’ investiment maċ-Ċina. |
|
3.2. |
It-tul ta’ żmien li jieħu skrinjar kontinwu jista’ jsir ostaklu sinifikanti għall-investituri potenzjali, u jista’ jkun ta’ xkiel għall-kompetittività ġenerali tal-pajjiż. Sabiex jitnaqqsu dawn l-effetti negattivi, l-iskrinjar tal-investiment tal-UE m’għandux idum aktar miż-żmien speċifikat mill-proċeduri nazzjonali. |
|
3.3. |
Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv addizzjonali, hemm il-ħtieġa li jkun eżaminat jekk għandux jiġi stabbilit ammont ta’ investiment minimu – fejn investimenti li jkunu ogħla minn dan l-ammont iridu jiġu skrinjati. Irid jitqies il-fatt li n-negozji l-ġodda jistgħu jkunu ta’ sinifikat konsiderevoli għal teknoloġiji ewlenin. |
|
3.4. |
Għalkemm ir-Regolament għandu l-għan li jiġbor aktar informazzjoni dwar l-investiment dirett barrani fl-UE, u biex jimmonitorja l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ skrinjar mill-Istati Membri, fil-prattika ser ikun diffiċli ħafna li tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata fil-livell tal-UE. Dan huwa dovut għall-fatt li hemm differenzi bejn l-Istati Membri li għandhom mekkaniżmi għall-iskrinjar tal-investiment barrani dirett, u dawk li ma għandhomx. Is-sistema m’għandhiex toħloq drittijiet u obbligi mhux indaqs fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi u l-Kummissjoni Ewropea dwar l-iskambju ta’ informazzjoni f’każijiet fejn ċerti investimenti barranin, ippjanati jew attwati, jista’ jkollhom effett fuq is-sigurtà jew l-ordni pubbliku. |
|
3.5. |
Ir-Regolament ma jirrikjedix li l-Istati Membri jqisu b’mod xieraq il-kummenti li jistgħu jirċievu mingħand Stati Membri oħrajn. L-istess japplika għal opinjonijiet tal-Kummissjoni dwar Stat Membri li ma jkunx konformi għalkollox ma’ dawn l-opinjonijiet tal-Kummissjoni. Dawn il-każijiet għandhom bżonn ta’ spjegazzjoni aktar dettaljata. Mhuwiex ċar x’konsegwenzi (jekk hemm) huma mistennija f’każ li l-Kummissjoni tikkunsidra li l-ispjegazzjoni ta’ Stat Membru ma tkunx adegwata. |
|
3.6. |
Għall-iżvilupp futur tal-istrument għall-iskrinjar tal-investimenti għandhom mill-anqas jitqiesu wkoll fatturi oħrajn, li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà u l-ordni pubbliku: prattiki li jxekklu l-kummerċ ġust; restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni; nuqqas ta’ trasparenza tal-investimenti. Il-politika ta’ kummerċ u ta’ investiment għandha tkunu parti mill-politika industrijali tal-UE. |
Brussell, id-19 ta’ April 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) Opinjoni tal-KESE dwar Lejn politika komprensiva ta’ investiment internazzjonali Ewropew, relatur: is-Sur Peel (ĠU C 318, 29.10.2011, p. 150).