|
28.6.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 162/3 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1309
tas-26 ta’ April 2023
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2022/127 fir-rigward tar-regoli tranżizzjonali u li jikkoreġi dak ir-Regolament fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet għall-FAEG u għall-FAEŻR
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 38(2), l-Artikolu 47(1), l-Artikolu 55(6), l-Artikolu 76(2), l-Artikolu 94(5) u (6) u l-Artikolu 105 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro. |
|
(2) |
It-Titolu IV, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2116 jipprevedi l-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet ta’ dawk l-entitajiet li jkunu jirċievu jew iħallsu pagamenti relatati direttament jew indirettament mas-sistema tal-iffinanzjar tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), biex jiġi aċċertat jekk it-tranżazzjonijiet li jifformaw parti mis-sistema tal-ffinanzjar mill-FAEG ikunux effettivament saru u ġew eżegwiti sew. Il-miżuri li min-natura tagħhom ma jkunux adattati għal kontroll ex post permezz ta’ verifiki ta’ skrutinju tad-dokumenti kummerċjali, u l-miżuri li jikkonċernaw il-pagamenti relatati ma’ żona jew mhux relatati ma’ dokumenti kummerċjali li jistgħu jkunu soġġetti għal skrutinju, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu tal-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet. Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 (3), li jistipula li l-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet ikopri s-sena finanzjarja tal-FAEG ta’ qabel il-bidu tal-perjodu tal-iskrutinju, li tibda kull sena mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara, l-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet ikopri t-tranżazzjonijiet minn qabel beda japplika r-Regolament (UE) 2021/2116. Biex tkun żgurata tranżizzjoni bla xkiel mill-arranġamenti previsti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jixraq jiġu previsti regoli tranżizzjonali li jeskludu mill-ambitu tal-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet dawk il-miżuri li qabel kienu eżentati bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (5). Billi dawk il-miżuri qatt ma kienu adattati għall-kontroll tal-iskrutinju tat-tranżazzjonijiet, din l-emenda jenħtieġ li tapplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2023, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127. |
|
(3) |
Ir-Regolament (UE) 2022/127 ħassar ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014 b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023. Madankollu, l-Artikolu 40, it-tieni paragrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127 li jelenka d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014 li jibqgħu japplikaw, ma qiesx li ċerti dispożizzjonijiet jeħtieġ jibqgħu japplikaw fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti mħallsa għall-iskemi ta’ għajnuna skont ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) fis-sena kalendarja 2022 u qabel, għall-miżuri implimentati skont ir-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 228/2013 (7), (UE) Nru 229/2013 (8), (UE) Nru 1308/2013 (9) u (UE) Nru 1144/2014 (10) sal-31 ta’ Diċembru 2022, fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti mħallsa għall-operazzjonijiet implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 wara l-31 ta’ Diċembru 2022 u sa tmiem dawn l-iskemi ta’ għajnuna, u fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-iżvilupp rurali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Dan ħoloq lakuna legali. Għalhekk, l-Artikolu 40, it-tieni paragrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127 jenħtieġ li jiġi kkoreġut billi jiżdiedu d-dispożizzjonijiet ikkonċernati fil-lista. Din il-korrezzjoni jenħtieġ li tapplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Jannar 2023, id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127. |
|
(4) |
Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) 2022/127 jenħtieġ li jiġi emendat u kkoreġut skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2022/127
L-Artikolu 39 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 39
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. Meta aġenzija tal-pagamenti, akkreditata f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, tassumi r-responsabbiltà għal nefqa li ma kinitx responsabbli għaliha qabel, din għandha tiġi akkreditata bir-responsabbiltajiet il-ġodda qabel l-1 ta’ Jannar 2023.
2. Il-miżuri elenkati fl-Anness VI tar-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014 ma għandhomx ikunu soġġetti għas-sistema tal-iskrutinju stabbilita mit-Titolu IV, il-Kapitolu III, tar-Regolament (UE) 2021/2116.”.
Artikolu 2
Korrezzjoni għar-Regolament Delegat (UE) 2022/127
Fl-Artikolu 40, it-tieni subparagrafu, tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
|
“(a) |
L-Artikoli 5 u 5a, l-Artikolu 7(3) u (4), l-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 12, l-Artikolu 13 u l-Artikolu 41(5) ta’ dak ir-Regolament Delegat għandhom jibqgħu japplikaw:
|
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ April 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/128 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-verifiki, il-garanziji u t-trasparenza (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 131).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549).
(5) Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).
(6) Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).
(9) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f’pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008 (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56).
(11) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).