|
9.10.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 264/13 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1817
tas-6 ta' Ottubru 2015
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea fis-sitta u sittin sessjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Programm tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 78(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni hija attur ewlieni fil-mandat tal-oqsma tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (“UNHCR”), kemm permezz tal-attivitajiet tagħha fil-protezzjoni internazzjonali, inkluża l-politika tal-Unjoni dwar ir-risistemazzjoni u t-twaqqif ta' sistema Ewropea komuni tal-ażil, u bħala donatur ewlieni fl-għajnuna umanitarja u l-assistenza għall-iżvilupp. Madankollu, l-arranġamenti attwalment fis-seħħ li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Programm tal-Kummissarju Għoli (“Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR”) ma jikkorrispondux mar-rwol sinifikanti tal-Unjoni f'dawk l-oqsma. |
|
(2) |
L-Istati Membri kollha ħlief il-Litwanja u Malta huma membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR. |
|
(3) |
Fil-25 u s-26 ta' Settembru 2014, il-Kunsill qabel dwar pożizzjoni (1) dwar l-arranġamenti għal drittijiet parteċipatorji addizzjonali għall-Unjoni fi ħdan il-korpi formali u informali tal-UNHCR, fejn stieden lill-Kummissjoni, f'koordinazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli, biex jindirizza lill-UNHCR u l-Istati Membri bħala membri jew osservaturi tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR biex jappoġġaw din l-inizjattiva. |
|
(4) |
Konsegwentement, permezz ta' ittra tas-7 ta' Settembru 2015 lill-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra talab li jiġu eżaminati l-modi u l-mezzi ta' aġġornament tal-arranġamenti rilevanti li jikkonċernaw il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fil-korpi ta' tmexxija tal-UNHCR, bil-ħsieb tal-parteċipazzjoni potenzjali tal-Unjoni f'konsultazzjonijiet preparatorji informali tal-UNHCR. |
|
(5) |
Permezz tal-ittra tal-11 ta' Settembru 2015 lill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR, il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR, fuq talba tal-Bureau tal-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR, ipproponew li jiġu emendati r-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Programm tal-Kummissarju Għoli (“Regoli ta' Proċeduri tal-UNHCR”) sabiex jakkomodaw it-talba tal-Unjoni. |
|
(6) |
Ir-Regola 46 tar-Regoli ta' Proċedura tal-UNHCR tiddikjara li kwalunkwe waħda minn dawk ir-regoli tista' tiġi emendata mill-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR. |
|
(7) |
Huwa mistenni li l-Kumitat Eżekuttiv tal-UNHCR se jintalab jadotta l-emendi proposti matul is-sitta u sittin sessjoni tiegħu bejn il-5 u d-9 ta' Ottubru 2015. |
|
(8) |
Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta' dawk l-emendi għar-Regoli ta' Proċedura tal-UNHCR. |
|
(9) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, dawk l-Istati Membri mhumiex qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(10) |
F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22, dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi għar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Programm tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, li ser tiġi espressa, u li taġixxi b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni Ewropea, mill-Istati Membri, hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
2. Emendi minuri għall-emenda fl-anness jistgħu jiġu maqbula mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, is-6 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
P. GRAMEGNA
(1) Id-dokument ST 13046/1/14 REV 1, huwa disponibbli fuq: http://www.consilium.europa.eu/register/en/content/int/?lang=EN&typ=ADV
ANNESS
L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-adozzjoni tal-emenda li ġejja għar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Programm tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati:
“Ir-Regola 33 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Programm tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (A/AC.96/187/Rev.7) hija b'dan emendata biex taqra kif ġej:
‘Il-laqgħat tal-Kumitat għandhom iseħħu fil-pubbliku sakemm il-Kumitat ma jiddeċidix mod ieħor. Il-President, b'konsultazzjoni mal-Kumitat, jista' jistieden lil aġenziji speċjalizzati, lil fondi u programmi tan-NU u lil organizzazzjonijiet intergovernattivi biex jipparteċipaw f'laqgħat privati fuq il-bażi tal-kompetenza u tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-ħidma tal-Kumitat.’ ”.