SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
15 ta’ Mejju 2025 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ tal-prodotti tat-tabakk – Direttiva 2014/40/UE – Il-punt 40 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘tqegħid fis-suq’ – Artikolu 23(2) – Kontroll tal-implimentazzjoni – Kamp ta’ applikazzjoni – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li l-imballaġġ tagħhom jinkludi elementi mhux konformi – Provvista ta’ prodotti tat-tabakk minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut – Multa imposta fuq l-amministratur ta’ kumpannija li taġixxi bħala bejjiegħ bl-ingrossa”
Fil-Kawża C‑717/23,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Novembru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Novembru 2023, fil-proċedura
Bundesminister für Soziales, Gesundheit, Pflege und Konsumentenschutz
vs
MM
fil-preżenza ta’:
Bezirkshauptmannschaft Grieskirchen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, M. Gavalec, Z. Csehi u F. Schalin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Ottubru 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal MM, minn C. Schneider, Rechtsanwalt, |
|
– |
għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Belġjan, minn C. Jacob u L. Van den Broeck, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u P. P. Huurnink, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Schmidt u F. van Schaik, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Jannar 2025,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 40 tal-Artikolu 2, tal-Artikolu 13(1)(c) u tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (ĠU 2014, L 127, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 150, p. 24). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Bundesminister für Soziales, Gesundheit, Pflege und Konsumentenschutz (il-Ministru Federali għas-Saħħa, għall-Affarijiet Soċjali, għall-Kura u għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“Ministru”) u MM, l-amministratur ta’ kumpannija tat-tabakk li tbigħ bl-ingrossa, dwar multa imposta mill-Bezirkshauptmannschaft Grieskirchen (l-Awtorità Amministrattiva tad-Distrett ta’ Grieskirchen, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità Amministrattiva”) fuq MM wara t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li l-ittikkettjar tal-pakkett individwali tagħhom ma josservax ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2014/40
|
3 |
Il-premessi 8 u 59 tad-Direttiva 2014/40 jistabbilixxu:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, huwa fformulat kif ġej: “L-objettiv ta’ din id-Direttiva hu li tapprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward: […]
[…] sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern għat-tabakk u prodotti relatati, billi jittieħed bħala bażi l-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, speċjalment għaż-żgħażagħ, u biex jintlaħqu l-obbligi tal-Unjoni [Ewropea] taħt il-[Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Kontroll tat-Tabakk].” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
|
6 |
L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Preżentazzjoni tal-prodott”, jipprovdi: “1. It-tikkettar ta’ pakketti individwali u kull ippakkjar estern u l-prodott tat-tabakk innifsu ma għandhom jinkludu ebda element jew karatteristika li: […]
[…]” |
|
7 |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2014/40, intitolat “Kooperazzjoni u infurzar”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu: “2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi t-tabakk u l-prodotti relatati li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva, inklużi l-implimentazzjoni u l-atti ddelegati previsti hemmhekk, ma jitqegħdux fis-suq. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li prodotti tat-tabakk u prodotti relatati ma jitqegħdux fis-suq jekk ma jkunx hemm konformità mal-obbligi ta’ rappurtar li jinsabu f’din id-Direttiva. 3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn il-pieni jiġu infurzati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Kwalunkwe piena amministrattiva finanzjarja li tista’ tiġi imposta bħala riżultat ta’ ksur intenzjonat tista’ tkun tali li tinnewtralizza l-vantaġġ ekonomiku mfittex permezz tal-ksur.” |
Ir‑Regolament (UE) 2019/1020
|
8 |
Il-premessi 12, 14 u 43 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU 2019, L 169, p. 1), jistabbilixxu:
[…]
[…]
|
|
9 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament 2019/1020, intitolat “Suġġett”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jsaħħaħ is-sorveljanza tas-suq tal-prodotti koperti mil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 2, bl-għan li jiżgura li fis-suq tal-Unjoni jkunu disponibbli biss il-prodotti konformi li jissodisfaw rekwiżiti li jipprovdu għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ interessi pubbliċi, bħas-saħħa u s-sikurezza ġenerali, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-protezzjoni tal-ambjent u tas-sigurtà pubblika u ta’ kwalunkwe interess ieħor kopert b’dik il-leġislazzjoni.” |
|
10 |
L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal prodotti li huma soġġetti għal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni elenkata fl-Anness I (‘leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni’), dment li ma jkun hemm ebda dispożizzjoni speċifika bl-istess objettiv fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, li tirregola b’mod aktar speċifiku aspetti partikolari tal-infurzar u tas-sorveljanza tas-suq.” |
|
11 |
Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
|
12 |
L-Artikolu 16 tal-istess regolament, intitolat “Miżuri ta’ sorveljanza tas-suq”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-azzjoni korrettiva rikjesta li trid tittieħed mill-operatur ekonomiku tista’ tinkludi, fost l-oħrajn: […]
[…]” |
|
13 |
L-Anness I tar-Regolament 2019/1020, intitolat “Lista ta’ leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni”, jelenka l-atti tal-Unjoni li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Fost dawn l-atti hemm, fil-punt 55 ta’ dan l-anness, id-Direttiva 2014/40. |
Id-dritt Awstrijak
|
14 |
L-Artikolu 1 tat-Tabak- und Nichtraucherinnen- bzw. Nichtraucherschutzgesetz (il-Liġi dwar it-Tabakk u l-Protezzjoni tal-Persuni li Ma Jpejpux) (BGBl. I, 431/1995), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (BGBl. I, 66/2019) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Tabakk”), jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi: […]
[…]” |
|
15 |
Skont il-punt 1 tal-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar it-Tabakk, it-tqegħid fis-suq ta’ “prodotti tat-tabakk u prodotti relatati li ma josservawx l-Artikoli 4 sa 10e jew ir-regolamenti stabbiliti” bis-saħħa ta’ din il-liġi huwa pprojbit. |
|
16 |
L-Artikolu 5d tal-Liġi dwar it-Tabakk huwa fformulat kif ġej: “(1) L-ittikkettjar tal-pakketti individwali, kull imballaġġ estern kif ukoll il-prodott tat-tabakk innifsu ma jistgħu jinkludu ebda element jew karatteristika li: […]
[…] (3) L-elementi u l-karatteristiċi li huma pprojbiti skont il-paragrafi 1 u 2 huma b’mod partikolari l-messaġġi, is-simboli, l-ismijiet, it-trade marks kummerċjali, is-sinjali figurattivi jew oħrajn.” […]” |
|
17 |
L-Artikolu 14 tal-Liġi dwar it-Tabakk jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kwalunkwe persuna li
[…] twettaq reat amministrattiv, sakemm l-atti ma jkunux suġġetti għal sanzjoni iktar severa skont dispożizzjonijiet amministrattivi oħra, u għandha tiġi kkundannata għal multa amministrattiva sa EUR 7500, jew EUR 15000 fil-każ ta’ reċidiva. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
18 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2022, l-Awtorità Amministrattiva imponiet fuq MM, l-amministratur ta’ kumpannija li taġixxi bħala bejjiegħ bl-ingrossa tat-tabakk, multa amministrattiva ta’ EUR 1000, li tista’, fil-każ tan-nuqqas ta’ rkupru tagħha, tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija li tissostitwixxi multa, minħabba li din il-kumpannija kkunsinnat sigaretti lil bejjiegħ tat-tabakk f’pakkett individwali li fuqu kien hemm l-indikazzjonijiet “perfettament arrotondati” u “bi slow curing”, li jirreferu għal togħma, bi ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 14(1) tal-Liġi dwar it-Tabakk, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2(1) u mal-punt 3 tal-Artikolu 5d(1) ta’ din il-liġi. |
|
19 |
MM ippreżenta rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Land ta’ Oberösterreich, l-Awstrija). Dik il-qorti, permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Settembru 2022, laqgħet dak ir-rikors, annullat id-deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2022 u temmet il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva mibdija kontra MM. |
|
20 |
Hija qieset li, fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità Amministrattiva kienet ibbażat ruħha fuq il-fatt li l-kunsinna tal-prodott tat-tabakk lill-bejjiegħ tat-tabakk kienet wasslet għat-“tqegħid fis-suq” tiegħu, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-Tabakk. Issa, peress li din id-dispożizzjoni tirriproduċi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” li tinsab fil-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, l-imsemmija qorti qieset li dan il-kunċett kellu jiġi interpretat b’mod restrittiv, bħala li jirreferi għall-fatt li prodotti, irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, bi ħlas jew mingħajr ħlas. Peress li din id-direttiva ma tiddefinixxix dak li għandu jinftiehem b’tali “tqegħid għad-dispożizzjoni”, l-istess qorti qieset li wieħed kellu jibbaża ruħu fuq id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “bejjiegħ bl-imnut”, li jinsab fil-punt 41 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva. |
|
21 |
Minn dan isegwi li prodott għandu jitqies li huwa “mqiegħed fis-suq” meta jkun disponibbli għand il-bejjiegħa bl-imnut jew permezz ta’ bejgħ mill-bogħod. B’hekk, iż-żamma ta’ stokk ta’ prodotti tat-tabakk bl-għan li dawn jiġu pprovduti direttament lill-konsumaturi, jiġifieri fl-aħħar stadju qabel il-bejgħ lill-konsumaturi, li ġeneralment iseħħ għand bejjiegħ tat-tabakk, taqa’ taħt “tqegħid għad-dispożizzjoni”. |
|
22 |
Minn dan, il-Landesverwaltungsgericht Oberösterreich (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Land ta’ Oberösterreich) ikkonkludiet li l-kumpannija li MM huwa l-amministratur tagħha ma kinitx “qiegħdet fis-suq” il-prodott tat-tabakk inkwistjoni, peress li hija kienet ikkunsinnathom lil bejjiegħ bl-imnut li huwa impriża u mhux konsumatur. |
|
23 |
L-Awtorità Amministrattiva ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra s-sentenza tal‑1 ta’ Settembru 2022 quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), li hija l-qorti tar-rinviju. Il-Ministru mbagħad intervjena minflok l-Awtorità Amministrattiva f’din il-proċedura. |
|
24 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tagħti deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali, hija għandha tiddeċiedi jekk il-projbizzjoni li jitqiegħed fis-suq prodott tat-tabakk, li l-pakkett individwali tiegħu għandu ttikkettjar li ma josservax ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni ta’ dan il-prodott, previsti kemm mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mid-dritt nazzjonali, tapplikax sa mill-istadju tal-provvista tal-imsemmi prodott minn bejjiegħ bl-ingrossa lil bejjiegħ bl-imnut, jew biss għal dak tal-provvista tiegħu minn dan il-bejjiegħ bl-imnut lil konsumatur. |
|
25 |
Dik il-qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk u l-prodotti relatati li ma jkunux konformi ma’ din id-direttiva ma jitqegħdux fis-suq. Skont il-punt 40 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” jindika l-fatt li l-prodotti, irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi tal-Unjoni, bi ħlas jew mingħajr ħlas, inkluż permezz ta’ bejgħ mill-bogħod. Madankollu, l-istess direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodotti”, li hija madankollu essenzjali għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” iċċitat iktar ’il fuq. |
|
26 |
F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tenfasizza, l-ewwel, li l-verżjoni bil-Ġermaniż tal-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40 ma teskludix interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” li tinkludi t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-prodott lil bejjiegħ bl-imnut. |
|
27 |
It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 20 tas-sentenza tagħha tad‑9 ta’ Marzu 2023, Pro Rauchfrei II (C‑356/22, EU:C:2023:174), li, konformement mat-tifsira normali tal-kliem “isiru disponibbli” użati f’din id-dispożizzjoni, prodott tat-tabakk għandu jitqies li kien is-suġġett ta’ “tqegħid fis-suq” meta l-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbuh. Dan ikun il-każ biss meta dan il-prodott ikun disponibbli għall-bejgħ, anki qabel ma jkun inxtara u tħallas. |
|
28 |
Madankollu, il-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva, kienet tirrigwarda l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” għal forma speċifika ta’ bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lill-konsumaturi mingħand bejjiegħ bl-imnut u mhux, bħal fil-kawża prinċipali, għat-tqegħid għad-dispożizzjoni minn bejjiegħ bl-ingrossa ta’ prodotti tat-tabakk lil bejjiegħ bl-imnut. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għaldaqstant, jekk l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza għandhiex tinftiehem fis-sens li t-“tqegħid fis-suq” ta’ prodotti tat-tabakk jippreżumix dejjem, indipendentement mid-dispożizzjoni kkonċernata tal-imsemmija direttiva, li l-prodott tat-tabakk jitqiegħed direttament għad-dispożizzjoni ta’ konsumatur, u mhux fi stadju preċedenti tal-katina ta’ provvista. |
|
29 |
It-tielet, dik il-qorti tirrileva li, b’differenza mil-leġiżlatur Awstrijak, il-leġiżlatur Ġermaniż ippreċiża, għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prodotti jinkludi kull provvista ta’ prodott intiż li jiġi ddistribwit, ikkonsmat jew użat fis-suq tal-Unjoni fil-kuntest ta’ attività kummerċjali. Għaldaqstant, il-leġiżlatur Ġermaniż adotta d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” li issa jinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/1020, sabiex jiżgura koerenza bejn id-dispożizzjonijiet sostantivi u l-miżuri ta’ sorveljanza tas-suq. |
|
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 23(2) u tal-punt 40 tal-Artikolu 2, kif ukoll tal-Artikolu 13(1)(c) tad-[Direttiva 2014/40] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-projbizzjoni li jitqiegħed fis-suq prodott tat-tabakk li l-pakkett individwali tiegħu jinkludi elementi jew karatteristiċi li jirreferu għal togħma, tapplika sa mill-istadju tal-provvista tal-imsemmi prodott tat-tabakk minn bejjiegħ bil-grossa lil bejjiegħ bl-imnut, jew fis-sens li tapplika biss għall-bejgħ lill-konsumaturi minn bejjiegħ bl-imnut?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
31 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li tkun tressqet quddiemha. Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. F’dan ir-rigward, hija din il-qorti li għandha toħroġ mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu interpretati fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 1978, Redmond, 83/78, EU:C:1978:214, punt 26; tat‑28 ta’ Novembru 2000, Roquette Frères, C‑88/99, EU:C:2000:652, punt 18, u tat‑30 ta’ April 2024, M.N. (EncroChat), C‑670/22, EU:C:2024:372, punt 78). |
|
32 |
F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa stabbilit li l-kumpannija li MM huwa l-amministratur tagħha kkunsinnat lil bejgħ bl-imnut prodotti tat-tabakk li l-ittikkettjar tal-pakketti individwali tagħhom kien jinkludi element jew karatteristika li jirreferu għal togħma, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40. Madankollu, minn dik id-deċiżjoni ma jirriżultax li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tagħti deċiżjoni dwar il-kawża prinċipali. |
|
33 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 40 tal-Artikolu 2 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li ma jitqegħdux fis-suq prodotti tat-tabakk li l-ittikkettjar tal-pakkett individwali tagħhom ma josservax ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti, huwa limitat għall-istadju tal-provvista tagħhom minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur. |
|
34 |
Skont l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk u l-prodotti relatati li ma jkunux konformi ma’ din id-direttiva, kif ukoll mal-atti ta’ implimentazzjoni u mal-atti ddelegati previsti fiha, ma jitqegħdux fis-suq. Il-punt 40 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” bħala l-fatt li l-prodotti, irrispettivament mill-post tal-manifattura tagħhom, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi tal-Unjoni, bi ħlas jew mingħajr ħlas, inkluż permezz ta’ bejgħ mill-bogħod. |
|
35 |
Fuq il-bażi ta’ din id-definizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hemm lok li jitqies li prodott tat-tabakk kien is-suġġett ta’ “tqegħid fis-suq” meta l-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbuh, jiġifieri hekk kif dan il-prodott ikun disponibbli għall-bejgħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, Pro Rauchfrei II, C‑356/22, EU:C:2023:174, punt 20). |
|
36 |
Madankollu, din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq”, ibbażata fuq it-tifsira normali tal-kliem “isiru disponibbli” li jinsab fil-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, ma tippermettix, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 46 u 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri humiex obbligati, sabiex josservaw l-obbligu impost fl-Artikolu 23(2) ta’ din id-direttiva, li jeżerċitaw kontroll biss fl-istadju tal-bejgħ mill-bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur jew ukoll fi stadju preċedenti tal-katina ta’ provvista. |
|
37 |
Barra minn hekk, il-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni bil-Ġermaniż, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, li hija differenti b’mod partikolari mill-verżjonijiet tal-imsemmija dispożizzjoni bil-Franċiż jew bl-Ingliż, lanqas ma tista’ tkun determinanti. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fuq verżjonijiet lingwistiċi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Novembru 1969, Stauder, 29/69, EU:C:1969:57, punt 3, u tal‑21 ta’ Marzu 2024, Cobult, C‑76/23, EU:C:2024:253, punt 25). |
|
38 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 60). |
|
39 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li din id-dispożizzjoni għandha portata trażversali sa fejn hija intiża sabiex il-prodotti tat-tabakk u l-prodotti relatati mhux konformi ma’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, inkluż mal-atti ta’ implimentazzjoni u mal-atti ddelegati li huma previsti fiha, ma jitqegħdux fis-suq. |
|
40 |
It-tieni, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-imsemmija dispożizzjoni, l-Artikolu 23(3) tal-imsemmija direttiva jimponi fuq l-Istati Membri li jiddeterminaw is-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-istess direttiva u li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ sanzjonijiet tikkonċerna d-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2014/40, ikun xi jkun l-istadju tal-katina ta’ provvista li fih dawn japplikaw, u għalhekk ma hijiex limitata għall-istadju tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk mhux konformi minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi. |
|
41 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, interpretazzjoni tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, li hija limitata għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-prodotti tat-tabakk lill-konsumaturi, mhux biss tkun inkoerenti mal-possibbiltà, prevista fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 23, li jiġi ssanzjonat kull aġir mhux konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, irrispettivament mill-istadju tal-katina ta’ provvista li għalih japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet, iżda tippreġudika wkoll l-effettività tal-obbligu ta’ kontroll impost fuq l-Istati Membri u, għaldaqstant, tal-imsemmija direttiva nnifisha. |
|
42 |
It-tielet, l-interpretazzjoni ta’ dan l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, li l-imsemmi obbligu jkopri l-istadji differenti tal-katina ta’ provvista mingħajr ma jkun limitat biss għall-istadju tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi, hija kkorroborata wkoll mill-kuntest leġiżlattiv iktar wiesa’ li fih taqa’ d-Direttiva 2014/40. |
|
43 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/1020 u mill-punt 55 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-imsemmi regolament japplika għall-prodotti li jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/40. Skont l-Artikolu 1 tal-istess regolament, l-għan tar-Regolament 2019/1020 jikkonsisti fit-tisħiħ tas-sorveljanza fis-suq tal-prodotti koperti minn leġiżlazzjoni ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu sabiex jiġi żgurat li l-prodotti konformi biss jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. |
|
44 |
Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2019/1020, il-kunċett ta’ “tqegħid fis-suq” għandu jinftiehem bħala “li prodott isir disponibbli għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni”, jiġifieri, skont il-punt 1 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, l-ewwel “forniment ta’ prodott għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali, kemm jekk isir bi ħlas kif ukoll jekk ikun mingħajr ħlas”. |
|
45 |
Issa, interpretazzjoni tal-obbligu impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 li hija limitata għall-provvista minn bejjiegħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk lill-konsumaturi ma hijiex koerenti mal-għan tar-Regolament 2019/1020. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li, kif jirriżulta mill-premessi 12 u 14 ta’ dan ir-regolament, l-imsemmi regolament għandu jiġi applikat għall-operaturi ekonomiċi kollha li jintervjenu fil-ktajjen ta’ provvista u li huma direttament ikkonċernati mil-leġiżlazzjonijiet ta’ armonizzazzjoni tal-Unjoni msemmija fih. |
|
46 |
Barra minn hekk, il-premessa 43 tal-istess regolament tistabbilixxi li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq jaġixxu fl-interess tal-operaturi ekonomiċi, tal-utenti finali u tal-pubbliku sabiex l-osservanza tal-imsemmija leġiżlazzjonijiet tiġi ggarantita matul il-katina tal-provvista kollha permezz ta’ kontrolli xierqa. Issa, fost il-miżuri ta’ sorveljanza tas-suq li jistgħu jiġu imposti minn dawn l-awtoritajiet hemm, fl-Artikolu 16(3)(b) tar-Regolament 2019/1020, il-possibbiltà li jiġi prekluż li prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq. |
|
47 |
Għalhekk, mill-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 jirriżulta li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri msemmi f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi interpretat bħala limitat għall-istadju tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi. |
|
48 |
Fit-tieni lok, l-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumaturi mfittex minn din id-direttiva jsostni tali interpretazzjoni. |
|
49 |
Abbażi tal-Artikolu 114 TFUE, l-imsemmija direttiva għandha, skont l-Artikolu 1 tagħha, għan doppju, li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-prodotti tat-tabakk u tal-prodotti relatati, billi tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ (sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 80, kif ukoll tat‑30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 38). Ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumaturi hija espressa mingħajr ambigwità fil-premessi 8 u 59 tad-Direttiva 2014/40. |
|
50 |
Jekk l-obbligu ta’ kontroll impost fuq l-Istati Membri fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40 kellu jiġi limitat għall-istadju tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumaturi, minn dan jirriżulta, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 69 tal-konklużjonijiet tiegħu, riskju mhux negliġibbli li prodotti mhux konformi ma’ din id-direttiva, u għalhekk ta’ ħsara għas-saħħa tal-konsumaturi, ikunu jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom. |
|
51 |
Sabiex jintlaħaq l-għan li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tal-konsumaturi, dan l-obbligu ta’ kontroll jippreżumi l-eżerċizzju ta’ sorveljanza fl-istadji differenti tal-katina ta’ provvista, billi jiġi żgurat li, għal kull tranżazzjoni li twassal sabiex il-prodott fl-aħħar mill-aħħar jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi, l-Istati Membri jiżguraw l-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/40. |
|
52 |
Fid-dawl tal-motivi preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40, moqri flimkien mal-punt 40 tal-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li ma jitqegħdux fis-suq prodotti tat-tabakk li l-ittikkettjar tal-pakkett individwali tagħhom ma josservax ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti, ma huwiex limitat għall-istadju tal-provvista tagħhom minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur. |
Fuq l-ispejjeż
|
53 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE, moqri flimkien mal-punt 40 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/40, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
l-obbligu impost fuq l-Istati Membri li jiżguraw li ma jitqegħdux fis-suq prodotti tat-tabakk li l-ittikkettjar tal-pakkett individwali tagħhom ma josservax ir-rekwiżiti dwar il-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti, ma huwiex limitat għall-istadju tal-provvista tagħhom minn bejjiegħ bl-imnut lill-konsumatur. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.