27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/196


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2009

(2011/592/UE)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2009,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Fondazzjoni (1),

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7-0052/2011),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0109/2011),

1.

Jagħti l-kwittanza lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2009;

2.

Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-Deciżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)   ĠU C 338, 14.12.2010, p. 149.

(2)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82.

(4)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

li tinkludi kummenti li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2009

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2009,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Fondazzjoni (1),

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 (05892/2011 — C7–0052/2011),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 276 tat-Trattat KE, u l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1339/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 94 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0109/2011),

A.

billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tistqarr li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali għas-sena finanzjarja 2009 huma affidabbli, u li l-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom huma legali u regolari,

B.

billi, fil-5 Mejju 2010, il-Parlament ta l-kwittanza lid-Direttur tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2008 (5) u billi fir-riżoluzzjoni tiegħu li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ kwittanza, il-Parlament, inter alia:

—

innota li, wara t-tfassil mill-ġdid, fl-2008, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 tas-7 ta’ Mejju 1990 li jistabbilixxi Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (6), il-Fondazzjoni issa għandha l-għażla li tiżviluppa l-kompetenza tagħha f'setturi differenti minn dawk meqjusa fis-snin preċedenti,

—

esprima tħassib dwar is-sejbiet tal-Qorti tal-Awdituri rigward in-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċeduri tar-reklutaġġ u l-intervent tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), li fetaħ inkjesta (OF/2009/0370),

—

ħeġġeġ lill-Fondazzjoni biex tirrapporta dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi umani tagħha, irrimarka, b'mod partikolari, li kunsiderazzjoni inadegwata tar-riżorsi umani fil-kuntest tal-ippjanar annwali u tar-rappurtar annwali tal-attività tinvolvi riskju ta’ ineffiċjenza,

C.

billi l-baġit tal-Fondazzjoni għas-sena 2009 kien ta’ EUR 19 100 000, jiġifieri 0,5 % inqas mill-baġit tagħha għall-2008,

1.   

Jirreferi għall-konferma tal-Qorti tal-Awdituri li l-kontijiet annwali għal baġit ta’ EUR 19 100 000 jikkorrispondi għas-sitwazzjoni finanzjarja reali tal-Fondazzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2009, u li t-tranżazzjonijiet u l-flussi tal-kontanti tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2009 huma konformi mar-regoli finanzjarji tagħha;

Prestazzjoni

2.

Jilqa' l-intenzjoni tal-Fondazzjoni li ttejjeb il-prestazzjoni tas-sistemi ta’ Edukazzjoni u Taħriġ Vokazzjonali (VET) fil-pajjiżi sħab tal-Fondazzjoni (“il-Proċess ta’ Turin”) u li tiżviluppa metodoloġija komuni ma’ Organizzazzjonijiet Internazzjonali u ma’ Donaturi Bilaterali biex ittejjeb ir-rwol tagħha;

3.

Jistieden għal darba oħra lill-Fondazzjoni biex, f'tabella li għandha tiġi annessa mar-rapport li jmiss tal-Qorti tal-Awdituri, tippreżenta tqabbil tal-operazzjonijiet li twettqu matul is-sena li għaliha għandha tingħata l-kwittanza u dawk imwettqa matul is-sena finanzjarja preċedenti, sabiex l-awtorità ta’ kwittanza tkun tista' tevalwa b'mod aktar effikaċi l-prestazzjoni tal-Fondazzjoni minn sena għal oħra;

Kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħrig Vokazzjonali (Cedefop)

4.

Jinnota li, f'Novembru 2009, il-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Fondazzjoni u s-Cedefop iġġedded għall-perjodu 2010-12013; jirrikonoxxi li kull sena l-Fondazzjoni u s-Cedefop jabbozzaw, fil-kuntest tal-ftehim ta’ kooperazzjoni, programm konġunt ta’ ħidma li jiġi anness mal-programmi ta’ ħidma ta’ kull Aġenzija; jilqa' l-intenzjoni tal-Fondazzjoni li tiddedika aktar spazju għar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm konġunt ta’ ħidma f'Rapporti Annwali futuri dwar l-Attività;

Ġestjoni baġitarja

5.

Iħeġġeġ lill-Fondazzzjoni tfassal proċeduri baġitarji b'mod aktar rigoruż biex tevita n-numru konsiderevoli ta’ trasferimenti baġitarji; jistieden ukoll lill-Fondazzjoni tikseb l-awtorizzazzjoni tal-Bord Amministrattiv tagħha meta jkunu meħtieġa t-trasferimenti; ifakkar li dan huwa meħtieġ skont ir-Regolament Finanzjarju tal-Fondazzjoni;

6.

Ifakkar ukoll lill-Fondazzjoni dwar l-obbligu tagħha li turi dikjarazzjoni fil-qosor tal-iskeda ta’ ħlasijiet dovuti fi snin finanzjarji sussegwenti biex jiġu ssodisfati impenji baġitarji meħudin fi snin finanzjarji preċedenti (Artikolu 31(2) tar-Regolament Finanzjarju tal-Fondazzjoni);

7.

Jistieden lill-Fondazzjoni biex issegwi b'attenzjoni d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, partikolarment meta jkunu involuti trasferimenti finanzjarji bejn it-titoli; huwa tal-opinjoni, madankollu, li bbaġitjar ibbażat fuq l-attività huwa diffiċli f'sistema li taqsam in-nefqa tal-persunal u amministrattiva min-nefqa operattiva, speċjalment għal aġenzija li l-attivitajiet prinċipali tagħha jkunu l-għoti ta’ analiżi tal-politika, it-tixrid u l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza u l-appoġġ ta’ bini ta’ kapacità fil-pajjiżi sħab;

Riżorsi Umani

8.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Fondazzjoni li twettaq rieżami dettaljat tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha bħala reazzjoni għas-sejbiet tas-Servizz tal-Verifika Interna (IAS) u għar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Parlament; jinnota b'mod partikolari li l-proċedura ta’ reklutaġġ tal-Fondazzjoni ġiet definita mill-ġdid, li żdiedu xi fażijiet u li l-għodda ewlenija ta’ appoġġ ġiet rieżaminata;

Verifika interna

9.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Fondazzjoni li tipprovdi lill-awtorità tal-kwittanza bir-Rapport Annwali tal-IAS dwar il-Verifika Interna fir-rigward tal-Fondazzjoni; iqis li dan huwa sinjal ta’ trasparenza u prattika tajba li għandu jiġi segwit mill-Aġenziji l-oħra kollha;

10.

Jirrikonoxxi li, fl-2009, l-IAS wettaq verifika tal-komponenti tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tad-Direttur bl-għan li tinkiseb assigurazzjoni raġonevoli dwar l-adegwatezza, l-effikaċja u l-iżvelar fir-Rapport dwar l-Attività Annwali tad-diversi komponenti li jikkostitwixxu l-bażi tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tad-Direttur; jinnota li l-IAS sab li l-iskarsezza tal-informazzjoni rilevanti li fuqha hija msejsal-osservazzjoni provduta mid-Direttur fid-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tiegħu tista' tiżgwida lill-qarrej; jistieden għalhekk lid-Direttur tal-Fondazzjoni jelabora f'aktar dettall dwar dawn l-osservazzjonijiet (billi jipprovdi inter alia informazzjoni dwar il-kriterji għall-klassifikazzjoni, dwar l-impatt potenzjali ta’ ħsara u/jew il-materjalità, u dwar il-probabilità li jseħħ avveniment negattiv);

11.

Jirrikonoxxi li 11 mill-15-il rakkomandazzjoni li saret mill-IAS ingħalqu fl-2009; jinnota wkoll li fl-2009 infetħu 8 rakkomandazzjonijiet ġodda tal-IAS, rigward is-segwenti: id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tad-Direttur, deskrizzjoni aħjar tas-sistema ta’ Kontroll Intern, deskrizzjoni dettaljata tal-ġestjoni tar-riskju, l-introduzzjoni ta’ kontrolli ex post fuq tranżazzjonijiet finanzjarji bit-teħid ta’ kampjuni bbażat fuq ir-riskji tal-impenji u tal-ħlasijiet u d-definizzjoni ta’ valuri miri għall-indikaturi korporattivi;

12.

Jirreferi, fir-rigward tal-osservazzjonijiet l-oħra li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni ta’ kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 338, 14.12.2010, p. 149.

(2)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)   ĠU L 354, 31.12.2008, p. 82.

(4)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(5)   ĠU L 252, 25.9.2010, p. 182.

(6)   ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1.

(7)  Testi adottati, P7_TA-PROV(2011)0163 (Ara paġna 269ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).