Brussell, 22.7.2024

COM(2024) 305 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-operazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 912/2014 dwar ir-responsabbiltà finanzjarja marbuta mas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat fl-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-operazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 912/2014 dwar ir-responsabbiltà finanzjarja marbuta mas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat fl-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti

1.Introduzzjoni

Fit-23 ta’ Lulju 2014, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) Nru 912/2014 li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat stabbiliti permezz ta’ ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti (ir-“Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja”). Il-bażi ġuridika għar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja hija l-Artikolu 207 tat-TFUE dwar il-politika kummerċjali komuni, li l-investiment dirett barrani tagħha huwa komponent.

Il-Kummissjoni hija l-istituzzjoni tal-Unjoni responsabbli mill-amministrazzjoni tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja. Fi ħdan il-Kummissjoni, is-servizz responsabbli huwa d-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ; is-Servizz Legali huwa inkarigat li jirrappreżenta lill-Unjoni matul il-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-istadji sussegwenti possibbli tal-litigazzjoni.

Ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja jistabbilixxi kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus tal-intimat u l-allokazzjoni tar-responsabbiltà finanzjarja bejn l-Unjoni u l-Istati Membri għal trattament li jista’ jirriżulta f’għotjiet għal kumpens monetarju wara proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat.

Ġeneralment, ir-responsabbiltà finanzjarja tiġi allokata lill-entità responsabbli għat-trattament li jagħti lok għal kumpens. Dan ifisser li l-Unjoni tassumi r-responsabbiltà finanzjarja meta t-trattament ikkonċernat ikun mogħti minn istituzzjoni, korp, aġenzija jew uffiċċju tal-Unjoni, filwaqt li jekk it-trattament jiġi offrut minn Stat Membru, ir-responsabbiltà finanzjarja taqa’ fuq l-Istat Membru inkwistjoni. Madankollu, meta Stat Membru jaġixxi b’mod kif jeżiġi d-dritt tal-UE, pereżempju billi jittrasponi direttiva tal-UE, l-Unjoni għandha tassumi r-responsabbiltà finanzjarja sa fejn it-trattament ikkonċernat ikun mitlub mid-dritt tal-UE.

Rigward l-istatus tal-intimat, ir-regola hija li ġeneralment il-parti li jkollha r-responsabbiltà finanzjarja taġixxi wkoll bħala l-intimat f’tilwima. Madankollu, hemm ċirkostanzi speċifiċi fejn l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat anki meta l-Istat Membru jġorr ir-responsabbiltà finanzjarja kollha jew parti minnha. Dan huwa pereżempju l-każ meta: Stat Membru jitlob lill-Unjoni taġixxi bħala l-intimat (pereżempju fid-dawl tal-għarfien espert tekniku meħtieġ fit-tilwima); il-każ jirrigwarda wkoll trattament mogħti minn Stat Membru, li huwa mitlub mid-dritt tal-UE; trattament simili huwa soġġett għal proċediment ta’ soluzzjoni ta’ tilwim tad-WTO u huwa meħtieġ biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-argumentazzjoni.

Ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja jistabbilixxi arranġamenti biex jiġi żgurat li meta l-Unjoni taġixxi bħala l-intimat f’każijiet li jikkonċernaw trattament mogħti minn Stat Membru, l-Istat Membru kkonċernat u l-Unjoni jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib fit-twettiq tal-proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali minqux fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan jinkludi li jitqiesu wkoll id-difiża u l-protezzjoni tal-interessi tal-Istat Membru kkonċernat, l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni u ta’ dokumenti rilevanti, l-impenn f’konsultazzjonijiet frekwenti, u l-parteċipazzjoni fid-delegazzjoni fil-proċedimenti.

Ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja jistabbilixxi wkoll proċeduri għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni biex jidħlu f’arranġamenti għall-ħlas tal-ispejjeż ta’ litigazzjoni u għall-għotjiet li jagħtu kumpens monetarju, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-UE ma jkunux mgħobbija bla bżonn, lanqas temporanjament. B’mod partikolari, il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat huma meħtieġa jidħlu f’arranġament għall-ħlas perjodiku tal-ispejjeż u għall-ħlas ta’ kwalunkwe kumpens. Jekk ir-responsabbiltà finanzjarja ma tiġix aċċettata mill-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tindirizza deċiżjoni li titlobha tipprovdi l-ammonti rilevanti lill-baġit tal-Unjoni, flimkien mal-imgħax applikabbli.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja jistabbilixxi proċeduri u rekwiżiti għas-soluzzjoni ta’ każijiet meta s-saldu jkun fl-interess tal-Unjoni. Għal każijiet li jinvolvu biss ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, hija l-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar is-soluzzjoni. Meta każ jikkonċerna wkoll trattament mogħti minn Stat Membru, is-soluzzjoni ta’ tilwima tkun teħtieġ il-qbil tal-Istat Membru jew tista’ tiġi deċiża mill-Kummissjoni, sakemm ma jkollhiex implikazzjonijiet finanzjarji jew baġitarji għall-Istat Membru kkonċernat.

Matul id-diversi stadji ta’ tilwima, ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja jimponi dmirijiet ta’ informazzjoni fuq il-Kummissjoni vis-à-vis il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, pereżempju meta tirċievi talba minn rikorrent ta’ pajjiż terz għal konsultazzjoni jew avviż ta’ intenzjoni li jinbdew proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim.

2.Il-kamp ta’ applikazzjoni attwali tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja

Ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja japplika għal proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat mibdija minn rikorrent ta’ pajjiż terz u mwettqa skont ftehimiet li l-UE hija parti għalihom. Bħalissa, sakemm jiġu ratifikati u jidħlu fis-seħħ ftehimiet li fihom mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat, eż. il-ftehimiet bilaterali mal-Kanada (CETA), Singapore, il-Vjetnam, iċ-Ċilì, ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja effettivament japplika biss għal każijiet ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat mibdija kontra l-UE skont it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE).

3.Każijiet mibdija kontra l-Unjoni fl-ambitu tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

Sal-lum, kien hemm żewġ proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment mibdija kontra l-Unjoni skont it-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Dawn il-proċeduri bħalissa għadhom pendenti. Barra minn hekk, kien hemm ftit talbiet għal konsultazzjonijiet riċevuti mill-Unjoni skont l-Artikolu 26 tat-TKE, li s’issa għadhom ma avvanzawx għall-istadju tal-arbitraġġ formali. Dawn il-proċedimenti kollha huma deskritti f’aktar dettall hawn taħt.

a.Talbiet minn Prosisa u Risteel Corporation dwar l-iskema Spanjola ta’ appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli (2015)

Fl-2015, il-Kummissjoni rċeviet żewġ talbiet għal konsultazzjoni skont l-Artikolu 26 tat-TKE, rispettivament mill-kumpanija Żvizzera Prosisa AG u l-kumpanija Netherlandiża Risteel Corporation BV. Il-Kummissjoni informat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikoli 4 u 7 tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja fis-7 ta’ Ottubru 2015.

Iż-żewġ kumpaniji kienu għamlu investimenti fis-setturi foltovoltajċi u tar-riħ u fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli bil-bijomassa fit-territorju ta’ Spanja, u t-talbiet tagħhom relatati mad-deċiżjoni ta’ Spanja li temenda l-iskema ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli. Il-kumpaniji kienu nedew ukoll proċedimenti paralleli kontra Spanja. Huma sostnew li l-Kummissjoni kisret l-istandard ta’ trattament ġust u ekwu mnaqqax fl-Artikolu 10 tat-TKE billi interveniet quddiem tribunali tal-arbitraġġ kostitwiti skont it-TKE u billi argumentat li t-TKE ma kienx japplika fir-relazzjonijiet bejn Stat Membru tal-UE u investitur minn Stat Membru ieħor tal-UE.

Il-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 26(1) tat-TKE saru fl-1 ta’ Diċembru 2015 bejn l-investituri u l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ċċarat li hija qieset li ma kienx hemm bażi ġuridika valida li tippermetti lill-kumpaniji jibdew proċedimenti fil-konfront tal-Unjoni.

Il-kumpaniji irtiraw il-kawża tagħhom fil-konfront tal-Unjoni.

b.Talbiet minn Nord Stream 2 dwar l-emenda tad-Direttiva dwar il-Gass (2019)

Fit-12 ta’ April 2019, Nord Stream 2 AG, sussidjarja ta’ Gazprom inkorporata fl-Iżvizzera, indirizzat ittra lill-Kummissjoni fejn talbet kjarifika dwar l-applikazzjoni tar-reġim ta’ deroga li jinsab fid-Direttiva (UE) 2019/692 tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar il-Gass (“id-Direttiva Emendatorja dwar il-Gass”). 1 Fl-ittra, Nord Stream 2 ipprovdiet ukoll avviż lill-Kummissjoni dwar l-allegat ksur tat-TKE, u talbet lill-UE tipprova ssib soluzzjoni amikevolment skont l-Artikolu 26(1) tat-TKE. Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew ġew informati b’dawn l-iżviluppi fit-13 ta’ Mejju 2019.

Nord Stream 2 AG argumentat li għandha dritt, skont id-Direttiva emendata dwar il-Gass, għal deroga mir-regoli dwar is-separazzjoni, l-aċċess ta’ partijiet terzi u r-regolament dwar it-tariffi applikabbli skont id-Direttiva dwar il-Gass, peress li tali deroga kienet tippermettilha tirkupra l-investiment magħmul, u b’hekk tirrispetta l-aspettattivi leġittimi tagħha. Hija sostniet li jekk ma tkunx eliġibbli għal deroga skont id-Direttiva Emendatorja u jekk ma tittieħed l-ebda miżura oħra sabiex hija titqiegħed f’pożizzjoni ekwivalenti, dan ikun jammonta għal ksur tal-obbligu tal-UE skont it-TKE, b’mod partikolari l-Artikoli 10 u 13 tat-TKE. Nord Stream 2 AG argumentat ukoll li hija tikkwalifika bħala investitur ta’ Parti Kontraenti skont it-TKE peress li hija kumpanija bil-kwartieri ġenerali tagħha u b’operazzjonijiet kummerċjali sostanzjali f’Zug, fl-Iżvizzera.

Fil-25 ta’ Ġunju 2019 saru konsultazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u Nord Stream 2. Il-Kummissjoni Ewropea rriżervat il-pożizzjoni tagħha dwar jekk tqisx li Nord Stream 2 tistax tressaq talba skont it-TKE sakemm tiġi ppreżentata evidenza konkreta mill-investitur tal-operazzjonijiet kummerċjali tagħha fl-Iżvizzera. Hija infurmat ukoll lill-investitur li hija tqis id-Direttiva Emendatorja dwar il-Gass bħala nondiskriminatorja u konformi mal-obbligi internazzjonali tal-UE skont it-TKE. Dwar il-kwistjoni jekk Nord Stream 2 hijiex eliġibbli għal deroga, il-Kummissjoni fakkret fir-regoli tad-Direttiva Emendatorja dwar il-Gass, b’mod partikolari li huwa f’idejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti li jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ derogi abbażi tar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva u ta’ applikazzjonijiet individwali.

Il-Kummissjoni kellha skambji ulterjuri bil-miktub ma’ Nord Stream 2 fit-8 ta’ Lulju, fis-26 ta’ Lulju u fis-6 ta’ Awwissu 2019. Fil-25 ta’ Lulju 2019, Nord Stream 2 ippreżentat rikors għall-annullament tad-Direttiva dwar il-Gass Emendatorja quddiem il-Qorti Ġenerali (Kawża T-526/19). Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors bħala inammissibbli permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Mejju 2020. 2 Permezz ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment id-digriet tal-Qorti Ġenerali u ddikjarat ammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat minn Nord Stream 2 AG fir-rigward ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Gass Emendatorja. 3 Il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal deċiżjoni fuq il-mertu dwar ir-rikors għal annullament, li bħalissa huwa pendenti (Kawża T-526/19 RENV).

Fis-26 ta’ Settembru 2019, Nord Stream 2 ressqet avviż ta’ arbitraġġ kontra l-Unjoni skont l-Artikolu 26(2)(c) u 26(4)(b) tat-TKE. Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja fl-1 ta’ Ottubru 2019.

Fl-avviż ta’ arbitraġġ, Nord Stream 2 AG tallega li d-Direttiva dwar il-Gass Emendatorja u l-azzjoni tal-UE b’rabta mad-Direttiva dwar il-Gass Emendatorja kisru l-obbligi tal-UE skont it-TKE, b’mod partikolari l-Artikoli 10(1), 10(7) u 13 tat-TKE.

Fid-9 ta’ Diċembru 2019, ġiet ikkonfermata sfida mill-UE kontra l-arbitru nominat ta’ Nord Stream 2 AG. Wara skambji ta’ sottomissjonijiet bil-miktub dwar kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni u l-merti matul l-2020 u l-2021, il-proċedimenti ġew sospiżi f’Marzu 2022, wara li Nord Stream 2 AG saret is-suġġett ta’ sanzjonijiet internazzjonali u daħlet fi proċedimenti ta’ kompożizzjoni (tip ta’ proċedura ta’ insolvenza skont il-liġi Żvizzera) fl-Iżvizzera. Fit-3 ta’ Ottubru 2022, l-UE sostniet li sospensjoni ulterjuri tal-arbitraġġ ma tkunx ġustifikata, u li t-Tribunal għandu jtemm l-arbitraġġ. Fit-13 ta’ Ottubru 2022, it-Tribunal kellu laqgħa proċedurali mal-partijiet permezz ta’ vidjokonferenza. Nord Stream 2 AG informat lit-Tribunal li l-amministratur maħtur skont il-moratorju proviżorju dwar il-kompożizzjoni jippermetti li l-arbitraġġ ikompli, dment li parti terza tiżgura l-finanzjament meħtieġ biex jitkompla l-arbitraġġ. Bi tweġiba, l-UE sostniet li Nord Stream 2 AG naqset milli turi possibbiltà raġonevoli li terġa’ tibda l-arbitraġġ, u li l-informazzjoni addizzjonali pprovduta minnha ma kinitx tiġġustifika estensjoni ulterjuri tas-sospensjoni tal-arbitraġġ. L-UE ppreżentat ukoll Talba għas-Sigurtà għall-Ispejjeż. Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Novembru 2022, Nord Stream 2 informat lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li hija kienet kisbet finanzjament sabiex tkompli bl-arbitraġġ u talbet lit-Tribunal sabiex ineħħi s-sospensjoni tal-proċeduri. L-UE opponiet u tenniet it-talba tagħha għal digriet li jtemm il-proċedimenti, jew alternattivament, digriet li jiċħad it-tkomplija tal-arbitraġġ sakemm Nord Stream 2 ma tpoġġix garanzija għall-ispejjeż b’mod u ammont adegwat. Permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Lulju 2023, it-Tribunal ċaħad it-talba għat-tmiem tal-arbitraġġ iżda aċċetta t-talba tal-UE għal garanzija għall-ispejjeż. Konsegwentement, hija ordnat lil Nord Stream 2 tiddepożita garanzija monetarja għall-ispejjeż ta’ rappreżentanza legali tal-UE mal-Qorti Permanenti tal-Arbitraġġ (FSK). Il-garanzija meħtieġa għall-ispejjeż tħallsu kif suppost. Il-passi li jmiss se jkunu skambju ulterjuri ta’ sottomissjonijiet bil-miktub u seduta orali li x’aktarx tkun fil-bidu tal-2025.

Id-dokumenti relatati ma’ dan l-arbitraġġ huma disponibbli fuq is-sit web tal-FSK. 4

c.Talbiet minn investituri tar-Renju Unit f’isem AS PNB Banka kontra r-rekwiżiti regolatorji stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewopew (2019)

Fit-2 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni rċeviet ittra, skont l-Artikolu 26(1) tat-TKE, minn investituri Russi (b’nazzjonalità tar-Renju Unit) f’isem il-bank Latvjan AS PNB Bank, fir-rigward ta’ ċerti deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li imponew rekwiżiti regolatorji fuq il-bank u allegatament affettwaw l-investiment tagħhom f’impjant tal-enerġija mir-riħ fil-Latvja, Winergy.

B’mod partikolari, l-investituri sostnew li abbozz ta’ deċiżjoni tal-BĊE tas-17 ta’ Mejju 2019 li impona skadenzi fuq AS PNB Bank biex isolvi l-esponiment tiegħu għal Winergy u jissodisfa ċerti limiti ta’ adegwatezza tal-kapital, wassal għall-irtirar tal-liċenzja tal-bank u għaċ-ċaħda tal-investimenti tagħhom f’Winergy. L-investituri argumentaw li bl-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni kienet qed thedded l-eżistenza kontinwa u s-sigurtà tal-investimenti tagħhom f’Winergy bi ksur tal-obbligi tal-UE skont il-Parit III tat-TKE, flimkien mal-Latvja.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu infurmati b’dawn l-allegazzjonijiet fl-24 ta’ Mejju 2019.

Fit-28 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-investituri li fiha kienet tal-fehma li peress li l-investituri huma ċittadini tal-UE, huma ma kellhomx dritt iniedu proċedimenti fil-konfront tal-UE skont it-TKE, u ssuġġeritilhom jirtiraw il-kawża. L-investituri ma segwewx il-pretensjonijiet tagħhom kontra l-UE.

d.Pretensjonijiet minn investituri Pollakki dwar attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów fil-Polonja (2022)

Fis-17 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni rċeviet ittra, skont l-Artikolu 26(1) tat-TKE, mingħand l-investituri Pollakki PGE Polska Grupa Energetyczna S.A. u PGE Górnictwo i Energetyka Konwencjonalna S.A. (flimkien imsejħa “PGEs”), dwar l-investimenti tagħhom f’attivitajiet ta’ estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów fil-Polonja. L-ittra kellha l-intenzjoni li tipprovdi avviż lill-UE dwar ksur possibbli tat-TKE u kien fiha talba biex tintlaħaq soluzzjoni bonarja bejn l-UE u l-PGEs f’konformità mal-Artikolu 26(1) tat-TKE. B’mod partikolari, il-PGEs irreferew għal ordnijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-Kawża C-121/21 5 , li jordnaw il-waqfien tal-attivitajiet tal-estrazzjoni tal-linjite fil-minjiera ta’ Turów.

Fit-8 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-investituri li fiha spjegat il-fehma li ma kellhomx locus standi biex jibdew proċedimenti kontra l-UE skont it-TKE, peress li l-investituri huma ċittadini tal-UE, u ssuġġeriet l-irtirar tal-pretensjonijiet. L-investituri ma segwewx il-pretensjonijiet tagħhom kontra l-UE.

e.Pretensjonijiet minn SCE Solar Don Benito APS (2022)

Fit-18 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni rċeviet ittra mingħand l-investitur Daniż SCE Solar Don Benito APS, skont l-Artikolu 26(1) tat-TKE. L-investitur huwa attiv fis-suq tal-enerġija solari u kien wieħed mir-rikorrenti fil-kawża tal-arbitraġġ tat-TKE ta’ Green Power K/S u SCE Solar Don Benito APS vs Ir-Renju ta’ Spanja (Kawża SCC Nru V2016/135). Il-Kummissjoni kienet intervjeniet bħala amicus curiae f’dan l-arbitraġġ, li kkonkluda b’deċiżjoni li tiċħad it-talbiet minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni mit-tribunal tal-arbitraġġ. B’mod partikolari, it-tribunal qies li s-sentenzi tal-QĠUE Achmea u Komstroy kienu applikabbli għall-arbitraġġ u li l-offerta ta’ Spanja li tarbitra skont it-TKE ma kinitx applikabbli fir-relazzjonijiet intra-UE. Fl-ittra tiegħu tat-18 ta’ Novembru 2022, l-investitur irrefera għas-sentenzi tal-QĠUE u l-intervent tal-Kummissjoni fl-arbitraġġ preċedenti, filwaqt li sostna li l-UE kienet kisret it-TKE billi waqqfitu milli jasserixxi b’mod effettiv id-drittijiet legali tiegħu fl-arbitraġġ.

Fis-27 ta’ Jannar 2023, il-Kummissjoni indirizzat ittra lill-investitur fejn stabbiliet il-fehma li ma kellux locus standi biex jibda proċedimenti kontra l-UE skont it-TKE, peress li l-investitur huwa ċittadin tal-UE, u ssuġġeriet l-irtirar tal-pretensjonijiet. L-investitur ma segwiex aktar il-pretensjonijiet tiegħu kontra l-UE.

f.Pretensjonijiet ta’ Klesch Group Holdings Limited & Others li jikkonċernaw ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 (2023)

Fit-2 ta’ Ottubru 2023, il-Kummissjoni rċeviet talba għal arbitraġġ kontra l-UE permezz taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-Investiment (ICSID) f’tilwima taħt it-TKE minn Klesch Group Holdings Limited & others (“Klesch Group”). Klesch Group huwa grupp ta’ kumpaniji attivi fis-settur tal-enerġija u inkorporati f’Jersey. It-talba tiegħu għall-arbitraġġ issegwi avviż preċedenti ta’ tilwim u talba għal konsultazzjonijiet fl-istess kwistjoni. It-tilwima tikkonċerna investimenti f’raffineriji taż-żejt fid-Danimarka u fil-Ġermanja, u Klesch Group jikkontesta l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854. 6 Ir-Regolament tal-Kunsill jistabbilixxi kontribuzzjoni temporanja obbligatorja ta’ solidarjetà fuq is-surplus tal-profitti tan-negozji fis-setturi taż-żejt, tal-gass naturali, tal-faħam u tar-raffineriji, ikkalkulata fuq il-profitti taxxabbli fis-sena fiskali li tibda fl-2022 u/jew fl-2023 li huma ogħla minn żieda ta’ 20 % tal-profitti taxxabbli annwali medji bejn l-2018 u l-2021. Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tilwima skont ir-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja fl-20 ta’ Ottubru 2023.

Id-Danimarka u l-Ġermanja rċevew talbiet simili għal arbitraġġ minn Klesch Group dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li timplimenta l-kontribuzzjoni temporanja ta’ solidarjetà. Il-Kummissjoni tinsab f’kuntatt mill-qrib mad-Danimarka u l-Ġermanja biex tikkoordina difiża konġunta. B’mod partikolari, id-Danimarka u l-Ġermanja kkonfermaw, skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja, li ma għandhomx l-intenzjoni li jaġixxu bħala konvenuti fil-kawżi mressqa kontrihom minn Klesch Group. Għalhekk, l-UE għandha taġixxi bħala konvenut f’dawk il-każijiet (l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar ir-Responsabbiltà Finanzjarja).

4.Trasparenza fi proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat kontra l-Unjoni

Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tiżgura l-ogħla grad ta’ trasparenza fil-proċedimenti ta’ soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-Istat mibdija kontra l-Unjoni. Fi snin riċenti, il-Kummissjoni rriformat b’mod radikali l-approċċ tal-Unjoni għas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar l-investiment permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi. Dawn jinkludu regoli ta’ negozjar dwar it-trasparenza li wasslu għall-adozzjoni tar-Regoli tal-UNCITRAL dwar it-Trasparenza fl-2013, u l-inkorporazzjoni ta’ tali regoli fid-dispożizzjonijiet tas-Sistemi ta’ Qorti tal-Investiment stabbiliti fil-ftehimiet bilaterali tal-UE mal-Kanada, Singapore, il-Vjetnam, iċ-Ċilì u l-Messiku.

L-Unjoni kienet involuta wkoll fin-negozjati tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trasparenza fl-Arbitraġġ bejn l-Investitur u l-Istat bbażat fuq it-Trattati (il-“Konvenzjoni ta’ Mauritius”, New York, 2014), li hija Konvenzjoni tan-NU li tipprevedi l-applikazzjoni tar-Regoli tal-UNCITRAL dwar it-Trasparenza għall-aktar minn 3 000 ftehim bilaterali fir-rigward tal-investimenti. Il-Kummissjoni kienet talbet li r-regoli tal-UNICITRAL dwar it-Trasparenza jiġu applikati għat-TKE permezz tal-Konvenzjoni ta’ Mauritius u, f’Jannar 2015, ippreżentat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Mauritius mill-UE. Fil-25 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Mauritius u l-UE issa ser tiffirmaha formalment. Ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta’ Mauritius mill-UE mbagħad ser issegwi, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Ladarba l-UE tiffirma u tikkonkludi l-Konvenzjoni ta’ Mauritius, l-Istati Membri jistgħu jipproċedu bir-ratifika nazzjonali.

Sadanittant, il-Kummissjoni ħadet inizjattivi biex tiżgura l-ogħla grad ta’ trasparenza possibbli fil-pretensjonijiet tal-investituri li s’issa nġiebu għall-attenzjoni tagħha. Hija ppubblikat fuq is-sit web tad-DĠ KUMMERĊ l-aktar skambji reċenti bejn l-investituri u l-Kummissjoni ( https://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/dispute-settlement/investment-disputes/ ). Jekk l-investituri jiddeċiedu li jippreżentaw it-talbiet tagħhom għal arbitraġġ, il-Kummissjoni beħsiebha tkompli tapplika l-istandards ta’ trasparenza, billi tipprova tilħaq ftehim mal-investituri biex tippubblika t-talbiet tagħhom u billi torganizza seduti miftuħa.

***

(1)    Id-Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali, ĠU L 117, 3.5.2019, p. 1.
(2)    Digriet tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-20 ta’ Mejju 2020, Nord Stream 2 AG vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Kawża T-526/19, ECLI:EU:T:2020:210.
(3)    Is-sentenza tal-Qorti (Awla Manja) tat-12 ta’ Lulju 2022, Nord Stream 2 AG vs Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kawża C-348/20 P, ECLI:EU:C:2022:548.
(4)      https://pca-cpa.org/en/cases/239/.
(5)    Kawża C-121/21, Ir-Repubblika Ċeka vs il-Polonja (Mine de Turów). Il-kawża tħassret mir-reġistru permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Frar 2022.
(6)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1854 tas-6 ta’ Ottubru 2022 dwar intervent ta’ emerġenza biex jiġu indirizzati l-prezzijiet għoljin tal-enerġija, ĠU L 261I, 7.10.2022, p. 1–21.