31999R2250



Official Journal L 275 , 26/10/1999 P. 0004 - 0004


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 2250/1999

tat-22 ta' Ottubru 1999

dwar il-kwota tat-tariffa fuq butir ta' oriġini minn New Zealand

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-KomunitàEwropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-konċessjonijiet mill-Komunità msemmija fil-ftehim konklużi fil-Laqgħa ta' l-Urugwaj tan-negozjati fuq kummerċ multilaterali u mdaħħla fl-Iskeda CXL/il-Komunitajiet Ewropej, jinkludu kwota ta' tariffa ta' 76667 tunnellata ta' butir ta' oriġini minn New Zealand, ta' l-anqas li jkun ilu sitt xhur, ta' kontenut ta' xaħam b'piż ta' mhux anqas minn 80 % iżda anqas minn 82 % fabbrikat direttament minn ħalib jew krema;

(2) L-eliġibilità skond il-kwota tat-tariffa ta' butir fabbrikat fin-New Zealand bl-użu ta' proċessi msemmija bħala "Ammix" u "Spreadable" ġiet iddubitata;

(3) Fl-interess ta' ċertezza legali huwa xieraq li tispeċifika li dan il-butir fabbrikat mill-ħalib jew krema mingħajr l-użu ta' materjali maħżuna mhuwiex eskluż mill-kwota tat-tariffa bis-saħħa tal-fatt illi jkun fabbrikat minn proċess li jista' jinvolvi li l-krema tgħaddi minn stadju ta' xaħam tal-ħalib konċentrat u/jew is-separazzjoni ta' dan ix-xaħam tal-ħalib,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-fini ta' l-implimentazzjoni tal-kwota tat-tariffa għall-butir ta' oriġini minn New Zealand, il-frażi "fabbrikat direttament minn ħalib jew krema" ma teskludix butir fabbrikat minn ħalib jew krema, mingħajr l-użu ta' materjali maħżuna, fi proċess uniku, sħieħ fih innifsu u mhux interrott li jista' jinvolvi li l-krema tgħaddi minn stadju ta' xaħam tal-ħalib konċentrat u/jew is-separazzjoni ta' dan ix-xaħam tal-ħalib.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-22 ta' Ottubru 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

S. Mönkäre

--------------------------------------------------