European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2257

8.10.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2257

tat-8 ta’ Ottubru 2026

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/2642 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2642 tat-8 ta’ Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/2642.

(2)

Fis-16 ta’ Settembru 2026, il-Parlament Ewropew approva rapport, li fih wissa kontra żieda fit-theddid ibridu kontra l-Unjoni u talab rispons aktar sod mill-Unjoni. Ir-rapport indika lir-Russja bħala l-aktar attur statali ta’ theddida ibrida serja li qed jimmira lill-Unjoni.

(3)

Abbażi tar-rieżami tar-Regolament (UE) 2024/2642, il-Kunsill iqis li l-entrati li jikkonċernaw tmien persuni fiżiċi fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642 jenħtieġ li jiġu emendati, u li l-entrata li tikkonċerna persuna fiżika waħda jenħtieġ li titħassar minn dak l-Anness.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/2642 jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

T. BYRNE


(1)   ĠU L, 2024/2642, 9.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2642/oj.


ANNESS

L-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-entrata li ġejja titħassar mit-Tabella “A. Persuni fiżiċi”:

“11.

Olga Alekseevna BELYAVTSEVA”;

(2)

fit-Tabella “A. Persuni fiżiċi”, l-entrati 4, 6, 20, 23, 27, 28, 29, u 57 huma sostitwiti bl-entrati korrispondenti li ġejjin:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-elenkar

“4.

Andrey Vladimirovich AVERYANOV

(Russu: Андрей Владимирович АВЕРЬЯНОВ)

Funzjoni: Viċi direttur tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GRU), Kmandant tal-unità 29155 tal-GRU, Maġġur Ġeneral

Data tat-twelid: 29.9.1967

Post tat-twelid: USSR (issa Federazzjoni Russa)

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa (INN): 773378888007

Andrey Averyanov huwa viċi direttur tad-Direttorat Ewlieni tal-Istat Maġġur tal-Forzi Armati tal-Federazzjoni Russa (GRU). Wara l-mewt ta’ Yevgeny Prigozhin u r-ristrutturar tal-Wagner Group, il-kmand tal-operazzjonijiet militari Russi fl-Afrika ġie ristrutturat u tqiegħed taħt il-Korp Afrikan taħt il-kappa tal-Ministeru għad-Difiża Russu, u Averyanov tqiegħed responsabbli għall-operazzjonijiet. F’ħafna pajjiżi Afrikani, il-forzi Russi jipprovdu sigurtà lill-ġunti militari li waqqgħu lill-gvernijiet demokratiċi leġittimi, u b’hekk aggravaw serjament l-istabbiltà, is-sigurtà u d-demokrazija tal-pajjiżi.

Barra minn hekk, il-forzi Russi fl-Afrika jisfruttaw ir-riżorsi naturali hemmhekk biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tagħhom. Fil-bidu tal-2024, il-forzi Russi ħadu l-kontroll tal-minjiera tad-deheb ta’ Intahaka fil-Mali.

Għalhekk, Andrey Averyanov qed jimplimenta azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà f’pajjiżi terzi billi jdgħajjef il-proċess politiku demokratiku fil-pajjiżi Afrikani fejn joperaw il-forzi Russi u billi jisfrutta kunflitt armat, instabbiltà jew nuqqas ta’ sigurtà, inkluż permezz tal-isfruttament illeċitu jew il-kummerċ ta’ riżorsi naturali u annimali selvaġġi f’pajjiż terz.

16.12.2024

6.

Vladimir Vladimirovich SERGIYENKO

(Russu: Владимир Владимирович СЕРГИЕНКО)

Funzjoni: Eks assistent tal-Membru tal-Bundestag Eugen Schmidt

Data tat-twelid: 23.5.1971

Post tat-twelid: Lviv, Ukrainian SSR (issa Ukraine)

Nazzjonalità: Russa / Ukrena

Sess: raġel

Vladimir Sergiyenko huwa eks assistent parlamentari tal-Membru tal-Bundestag, Eugen Schmidt Ġermaniż. B’mod parallel, Sergiyenko kkollabora b’mod attiv mal-uffiċjali tal-intelligence Russi li ppruvaw jisfruttaw l-aċċess parlamentari u politiku privileġġat tiegħu għad-detriment tal-proċess politiku demokratiku u l-ordni kostituzzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Huwa wkoll il-preżentatur tal-programm tar-radju Russu ‘Eurozone’ fuq Vesti FM u jospita regolarment segmenti tar-radju fuq Balt News. Huwa juża dawk il-pjattaformi biex ixerred diżinformazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u l-istati membri tagħha.

Għalhekk, Vladimir Sergiyenko implimenta u appoġġa azzjonijiet jew politiki mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-sigurtà fl-Unjoni u l-Istati Membi tagħha billi involva lilu nnifsu, direttament jew indirettament, fit-tfixkil jew l-imminar tal-proċess politiku demokratiku, u billi involva lilu nnifsu, direttament jew indirettament, u appoġġa l-użu ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza.

16.12.2024

20.

Hüseyin DOGRU

Nazzjonalità: Ġermaniża

Ġeneru: raġel

Hüseyin Doğru huwa l-fundatur u r-rappreżentant ta’ AFA Medya A.Ș., li hija kumpanija tal-media bbażata f’Istanbul. AFA Medya A.Ș. topera ‘RED’, li tinkludi għadd ta’ pjattaformi tal-media, u li għandha konnessjonijiet finanzjarji u organizzattivi mill-qrib ma’ entitajiet u atturi ta’ propaganda tal-istat Russu, u tikkondividi rabtiet strutturali profondi, inklużi interkonnessjonijiet bejn, u rotazzjoni ta’, persunal individwali ma’ organizzazzjonijiet tal-media tal-istat Russu.

L-RED użat il-pjattaformi tal-media tagħha – li spiss jippubblikaw taħt ‘redstreamnet’ jew ‘thered.stream’ – biex b’mod sistematiku xxerred informazzjoni falza dwar suġġetti politikament kontroversjali bl-intenzjoni li toħloq diżgwid etniku, politiku u reliġjuż fost l-udjenza fil-mira tagħha fil-biċċa l-kbira Ġermaniża, inkluż billi xxerred in-narrattivi ta’ gruppi terroristiċi Iżlamiċi radikali bħall-Ħamas.

Matul okkupazzjoni vjolenti ta’ università Ġermaniża minn irvellijiet anti-Iżraeljani, il-persunal tal-RED ikkoordina mal-okkupanti biex ixerred immaġnijiet tal-vandaliżmu tagħhom – li kien jinkludi l-użu tas-simboli tal-Ħamas – permezz tal-kanali online tagħhom, u b’hekk jipprovdilhom pjattaforma tal-media esklużiva, li tiffaċilita n-natura vjolenti tal-protesta.

Hüseyin Doğru jkompli jxerred informazzjoni falza permezz ta’ AFA Medya A.Ș. kif ukoll permezz tal-kontijiet tal-media soċjali tiegħu stess.

Permezz ta’ AFA Medya A.Ș. u l-kontijiet personali tiegħu tal-media soċjali, Hüseyin Doğru għalhekk jappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu l-istabbiltà u s-sigurtà fl-Unjoni u f’wieħed jew aktar mill-Istati Membri tagħha, inkluż billi jappoġġa u jiffaċilita indirettament dimostrazzjonijiet vjolenti u jinvolvi ruħu f’manipulazzjoni kkoordinata tal-informazzjoni.

20.5.2025

23.

Alina LIPP

Funzjoni: korrispondent tal-gwerra

Data tat-twelid: 17.9.1993

Post tat-twelid: Hamburg

Nazzjonalità: Ġermaniża

Sess: mara

Alina Lipp tmexxi l-blog ‘Neues aus Russland’, li fiha xxerred sistematikament miżinformazzjoni dwar il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u tiddeleġittimizza l-gvern Ukren, speċjalment bil-ħsieb li timmanipula s-sentiment pubbliku Ġermaniż fir-rigward tal-appoġġ għall-Ukrajna. Dawk l-attivitajiet huma appoġġati mill-Istat Russu.

Barra minn hekk, qed tuża r-rwol tagħha bħala korrispondent tal-gwerra mal-forzi armati Russi fil-Lvant tal-Ukrajna biex ixxerred propaganda tal-gwerra Russa. Tidher regolarment fi spettakli ta’ divertiment tat-truppi u ta’ propaganda fuq il-kanal televiżiv militari Russu Zvezda.

B’hekk, Alina Lipp timplimenta u tappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu s-sigurtà u l-istabbiltà fl-Unjoni u f’pajjiż terz (l-Ukrajna) bl-użu ta’ manipulazzjoni ta’ informazzjoni u interferenza kkoordinati, u billi tisfrutta konflitt armat f’pajjiż terz.

20.5.2025

27.

Iurie NECULITI

(Russu: Юрие НЕКУЛИТИ)

Funzjoni: Uffiċjal kap eżekuttiv ta’ Stark Industries

Nazzjonalità: mir-Repubblika tal-Moldova

Sess: raġel

Indirizz: 71-75 Shelton Street, Covent Garden, London, United Kingdom; Chisinau, Republic of Moldova

Post tat-twelid: Bender, Republic of Moldova

Iurie Neculiti kien l-uffiċjal kap eżekuttiv ta’ Stark Industries Solutions Ltd., servizz tal-hosting tal-web irreġistrat bħala kumpanija maildrop fir-Renju Unit. Il-kumpanija kienet tipprovdi hosting ta’ servers, b’servers madwar id-dinja kollha. Fl-2025, l-infrastruttura teknika ta’ Stark Industries Solutions Ltd. ġiet ittrasferita lil entità stabbilita ġdida, WorkTitans B.V., li serviet bħala faċċata, filwaqt li entità oħra, MIRhosting, żgurat li l-ewwel waħda kienet konnessa mal-internet. Iurie Neculiti u Ivan Neculiti huma msemmija bħala l-benefiċjarji ta’ dan l-istabbiliment, li huwa rrappurtat li jirrifletti tentattiv li tinħeba s-sjieda u jinżammu s-servizzi ta’ hosting skont entitajiet legali u tan-network ġodda.

Dak in-network ta’ entitajiet jippermetti lil diversi atturi sponsorizzati mill-istat Russu u affiljati miegħu jwettqu attivitajiet destabilizzanti inkluż manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u ċiberattakki kontra l-Unjoni u pajjiżi terzi billi tipprovdi servizzi maħsuba biex jaħbu dawn l-attivitajiet mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà Ewropej.

Għaldaqstant, bħala l-eks uffiċjal kap eżekuttiv ta’ Stark Industries Solutions Ltd., u bħala l-benefiċjarju tal-kumpaniji faċċata tagħha, Iurie Neculiti qed jappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jheddu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni, f’wieħed mill-Istati Membri tagħha u f’pajjiż terz, billi jiffaċilita l-użu ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u billi jiffaċilita azzjonijiet immirati kontra l-funzjonament ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta’ interess pubbliku.

Iurie Neculiti huwa assoċjat ma’ Ivan Neculiti, Stark Industries, WorkTitans B.V. u MIRHosting.

20.5.2025

28.

Ivan NECULITI

(Russu: Иван НЕКУЛИТИ)

Funzjoni: Proprjetartju ta’ Stark Industries u ta’ PQ Hosting

Nazzjonalità: mir-Repubblika tal-Moldova

Sess: raġel

Indirizz: 71-75 Shelton Street, Covent Garden, London, United Kingdom; Chisinau, Republic of Moldova

Post tat-twelid: Bender, Republic of Moldova

Ivan Neculiti kien il-proprjetarju ta’ Stark Industries Solutions Ltd., servizz ta’ web-hosting irreġistrat bħala kumpanija maildrop fir-Renju Unit. Il-kumpanija kienet tipprovdi hosting ta’ servers, b’servers madwar id-dinja kollha.

Fl-2025, l-infrastruttura teknika ta’ Stark Industries Solutions Ltd.ġiet ittrasferita lil entità stabbilita ġdida, WorkTitans B.V., li serviet bħala faċċata, filwaqt li entità oħra, MIRhosting, żgurat li l-ewwel waħda kienet konnessa mal-internet. Iurie Neculiti u Ivan Neculiti huma msemmija bħala l-benefiċjarji tal-istabbiliment, li huwa rrapportat li jirrifletti tentattiv biex tinħeba s-sjieda u jiġu sostnuti s-servizzi ta’ hosting skont entitajiet legali u tan-network ġodda.

Dak in-network ta’ entitajiet jippermetti lil diversi atturi sponsorizzati mill-istat Russu u affiljati miegħu jwettqu attivitajiet destabilizzanti, inkluż manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u ċiberattakki kontra Unjoni u pajjiżi terzi billi tipprovdi servizzi maħsuba biex jaħbu dawn l-attivitajiet mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sigurtà Ewropej.

Ivan Neculiti huwa assoċjat ma’ Iurie Neculiti, Stark Industries, WorkTitans B.V. u MIRHosting.

Għaldaqstant, bħala l-eks proprjetarju ta’ Stark Industries Solutions Ltd., u benefiċjarju tal-kumpaniji faċċata tagħha, Ivan Neculiti qed jappoġġa azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jheddu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Unjoni, f’wieħed mill-Istati Membri tagħha u f’pajjiż terz, billi jiffaċilita l-użu ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza kkoordinati u billi jiffaċilita azzjonijiet immirati kontra l-funzjonament ta’ istituzzjonijiet demokratiċi, attivitajiet ekonomiċi jew servizzi ta’ interess pubbliku.

20.5.2025

29.

Andrei KHARKOVSKY

(Russu: Андрей ХАРКОВСКИЙ)

Funzjoni: Membru ewlieni tal-Union of Cossack Warriors of Russia and Abroad

Ċittadinanza: Russa

Post tat-twelid: Tomsk Region, Russia

Sess: raġel

Indirizz: Germany

Andrei Kharkovsky huwa ċittadin Russu li jgħix il-Ġermanja. Kharkovsky jappoġġa lill-Union of Cossack Warriors of Russia and Abroad u organizzazzjonijiet Russi simili ta’ Cossack inkluż billi jorganizza laqgħat militari għall-membri tagħha fil-Ġermanja. Il-Union of Cossack Warriors of Russia and Abroad hija entità marbuta mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa, u li tieħu sehem fil-gwerra ta’ aggressjoni u fl-atti ta’ vjolenza tar-Russja fl-Ukrajna b’appoġġ għas-separatisti favur ir-Russja taħt il-premessa ta’ ‘missjoni storika’ biex jerġa’ jiġi stabbilit il-kontroll Russu fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Ukrajna. Barra minn hekk, Kharkovsky huwa assoċjat ma’ Elena Kolbasnikova u Rostislav Teslyuk inkluż billi jipprovdi servizzi ta’ sigurtà matul avvenimenti fejn sar ġbir ta’ fondi għas-separatisti favur ir-Russja fl-Ukrajna.

Għalhekk, Andrei Kharkovsky qed jappoġġa azzjonijiet tal-Gvern Russu li jdgħajfu s-sovranità u s-sigurtà tal-Ukrajna billi jappoġġa d-dgħajfien tal-ordni pubbliku u s-sikurezza, inkluż billi jipprova jwaqqa’ l-ordni kostituzzjonali tal-Ukrajna. Jappoġġa wkoll persuni fiżiċi li jappoġġaw azzjonijiet mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jimminaw is-sigurtà ta’ pajjiż terz (l-Ukrajna) u li jimminaw id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà jew is-sigurtà ta’ Stat Membru permezz ta’ attivitajiet maħsuba biex idgħajfu l-proċess politiku demokratiku fil-Ġermanja.

20.5.2025

57.

Jacques BAUD

Funzjoni: ex-kolonel fl-armata Żvizzera; eks analista strateġiku, speċjalista tal-intelligence u tat-terroriżmu

Data tat-Twelid: 1.4.1955

Nazzjonalità: Żvizzeru

Ġeneru: raġel

Jacques Baud, eks kurunell tal-armata Żvizzera u analista strateġiku, huwa mistieden regolari fuq programmi tat-televiżjoni u tar-radju favur ir-Russja. Jaġixxi bħala pedina għal propaganda favur ir-Russja u jagħmel teoriji ta’ kospirazzjoni, pereżempju, jakkuża lill-Ukrajna li orkestrat l-invażjoni tagħha stess sabiex tingħaqad man-NATO.

Għalhekk, Jacques Baud huwa responsabbli għall-implimentazzjoni jew l-appoġġ ta’ azzjonijiet jew politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu d-demokrazija u jheddu l-istabbiltà jew is-sigurtà f’pajjiż terz billi jinvolvi ruħu fl-użu ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza.

15.12.2025”.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2257/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)