|
21.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 333/1 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1689
tas-17 ta’ Settembru 2021
dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Ministeru tas-Saħħa tal-Bulgarija li jippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Ecolab P3-Topax 66/Еколаб P3-Tопакс 66 u Ecolab BACFORCE EL 900/Еколаб БАКФОРС EL 900 f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument C(2021) 6693)
(It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-16 ta’ Diċembru 2020, il-Ministeru tas-Saħħa tal-Bulgarija (“l-awtorità kompetenti”) adotta deċiżjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Ecolab P3-Topax 66/Еколаб P3-Tопакс 66 u Ecolab BACFORCE EL 900/Еколаб БАКФОРС EL 900 bħala prodotti diżinfettanti għas-superfiċji (“l-azzjoni”) sal-14 ta’ Ġunju 2021. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti infurmat lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha. |
|
(2) |
Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat pandemija tal-marda tal-coronavirus (COVID-19). Bħala miżura preventiva kontra t-tixrid tal-COVID-19 l-awtorità kompetenti rrakkomandat l-użu ta’ prodotti diżinfettanti li bi provi wrew li għandhom attività viruċidali għad-diżinfezzjoni ta’ faċilitajiet pubbliċi u ta’ postijiet tax-xogħol. |
|
(3) |
L-Ecolab P3-Topax 66/Еколаб P3-Tопакс 66 u l-Ecolab BACFORCE EL 900/Еколаб БАКФОРС EL 900 fihom il-kloru attiv li jiġi rrilaxxat bħala sustanza attiva mill-ipoklorit tas-sodju. Il-kloru attiv li jiġi rrilaxxat mill-ipoklorit tas-sodju huwa approvat għall-użu fi prodotti bijoċidali diżinfettanti għas-superfiċji tat-tip 2 tal-prodotti (diżinfettanti u alkaċidi li mhumiex maħsuba għall-applikazzjoni diretta fuq il-bnedmin jew fuq l-annimali) u tat-tip 4 tal-prodotti (żoni tal-ikel u tal-għalf) kif iddefiniti fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(4) |
L-Ecolab P3-Topax 66/Еколаб P3-Tопакс 66 u Ecolab BACFORCE EL 900/Еколаб БАКФОРС EL 900 għandhom attività viruċidali ppruvata kontra l-virusijiet fl-involukru f’konformità mal-Istandard Ewropew EN 14476. |
|
(5) |
Minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, id-domanda għall-prodotti tad-diżinfezzjoni kienet estremament għolja fil-Bulgarija u b’hekk kien hemm skarsezzi mingħajr preċedent ta’ dawn il-prodotti fis-suq Bulgaru. Il-COVID-19 tippreżenta theddida serja għas-saħħa pubblika fil-Bulgarija u hu kruċjali li jkun hemm biżżejjed prodotti tad-diżinfezzjoni għall-kontroll tat-tixrid tagħha. |
|
(6) |
Fil-11 ta’ Mejju 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex titħalla testendi l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret abbażi ta’ tħassib li s-saħħa pubblika jaf tkun ipperikolata mill-COVID-19 wara l-14 ta’ Ġunju 2021 u tqis il-fatt li hu kruċjali li fis-suq jitħallew jitpoġġew prodotti addizzjonali tad-diżinfezzjoni biex jitrażżan il-periklu kkawżat mill-COVID-19. |
|
(7) |
Skont l-awtorità kompetenti, il-COVID-19 għadha tippreżenta periklu għas-saħħa pubblika u dan il-periklu għadu ma jistax jiġi indirizzat b’mod xieraq fil-Bulgarija f’kundizzjonijiet ta’ provvista limitata ta’ vaċċini, minkejja l-miżuri li jeżiġu li jintlibsu l-maskri fuq il-wiċċ, li tinżamm distanza fiżika u li jittieħed il-vaċċin kontra l-COVID-19. |
|
(8) |
Barra minn hekk, skont l-awtorità kompetenti, jekk jitħallew fis-suq prodotti diżinfettanti addizzjonali jkun jista’ jinżamm suq divers ta’ prodotti diżinfettanti u jitnaqqas ir-riskju li jista’ jkun hemm minħabba nuqqas potenzjali ta’ dawn il-prodotti. |
|
(9) |
Peress li l-COVID-19 għadha tippreżenta periklu għas-saħħa pubblika u dan il-periklu ma jistax jitrażżan b’mod xieraq fil-Bulgarija jekk fis-suq ma jkunx hemm prodotti diżinfettanti addizzjonali, jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni. |
|
(10) |
Billi l-azzjoni skadiet fl-14 ta’ Ġunju 2021, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv. |
|
(11) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ministeru tas-Saħħa tal-Bulgarija jista’ jestendi l-permess għat-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali Ecolab P3-Topax 66/Еколаб P3-Tопакс 66 u Ecolab BACFORCE EL 900/Еколаб БАКФОРС EL 900 biex jintużaw bħala prodotti għad-diżinfezzjoni tas-superfiċji sas-17 ta’ Diċembru 2022.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ministeru tas-Saħħa tal-Bulgarija.
Għandha tapplika mill-15 ta’ Ġunju 2021.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Stella KYRIAKIDES
Membru tal-Kummissjoni