Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupru ta' imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02 (skont l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE) /* KUMM/2010/0114 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 26.3.2010 KUMM(2010)114 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupruta' imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL li jivvaluta l-progress irrapportat mill-Italja lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar l-irkupruta' imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/96 sal-2001/02(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE) Dan ir-rapport ta' valutazzjoni qed isir mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE tas-16 ta' Lulju 2003 dwar il-kompatibbiltà ta' għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi tal-ħalib tagħha mas-suq komuni [verżjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 1 ta' dik id-Deċiżjoni, l-għajnuna, li tikkonsisti fil-ħlas min-naħa tar-Repubblika Taljana stess, tal-ammont li l-produtturi tal-ħalib għandhom dovut lill-Komunità minħabba l-imposta addizzjonali fuq il-ħalib għall-perjodu mill-1995/96 sal-2001/02 u fil-fatt li dawn il-produtturi jitħallew iħallsu d-dejn taghħom fil-forma ta' ħlas diferit mingħajr imgħax, imqassam fuq għadd ta' snin. Din l-għajnuna hija meqjusa eċċezzjonalment kompatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk: - il-produtturi jħallsu l-ammont sħiħ bin-nifs, permezz ta' ħlasijiet indaqs fis-sena, u - il-perjodu ta' ħlas lura ma jaqbiżx l-erbatax-il sena, li jibda mill-1 ta' Jannar 2004. Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni, l-għajnuna tingħata biss jekk l-Italja tiddikjara l-imposta addizzjonali kollha għall-perjodi kkonċernati lill-FAEGG u jekk tnaqqas, permezz ta' tliet ammonti ta' ħlas bin-nifs li jkunu ndaqs, id-dejn li jifdal min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, Novembru 2004 u Novembru 2005 rispettivament. Id-dikjarazzjoni tal-Italja, tal-imposta addizzjonali kollha għall-perjodi kkonċernati twettqet kif xieraq permezz ta' ittra tas-26 ta' Awwissu 2003. It-tnaqqis tad-dejn li jifdal min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, 2004 u 2005 sar kif xieraq. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti Taljani jirrapportaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kull sena dwar il-progress li jkunu qed jagħmlu fl-irkupru tal-ammont li għandu jitħallas mill-produtturi minħabba l-imposta addizzjonali għall-perjodu mill-1995-96 sal-2001-02. L-awtoritajiet Taljani ppreżentaw il-ħames rapport tagħhom skont din id-dispożizzjoni lill-Kummissjoni permezz ta' ittra mill-AGEA tat-23 ta' Novembru 2009 li tikkonċerna l-ħlas bin-nifs li sar fl-2008. Il-ħlas tal-imposta fi ħdan il-faċilità tal-ħlas bin-nifs Minn total ta' madwar 23 300 produttur li għad iridu jħallsu l-imposta għas-7 perjodi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, imma li ngħataw ordni mill-qrati nazzjonali biex jitwaqqfu l-ħlasijiet sakemm tittieħed deċiżjoni finali, 15 403 minnhom għażlu li jħallsu permezz tal-iskema tal-ħlas bin-nifs. L-għażla li jħallsu permezz tal-iskema tal-ħlas bin-nifs fissret li ġiet irtirata kull kawża li kienet għadha pendenti. Barra minn hekk, jekk produttur jonqos milli jħallas xi wieħed mill-ħlasijiet fis-sena bin-nifs jiġi eskluż mill-iskema u, bħala riżultat ta' dan, jista' jkun li jitteħidlu l-ammont kollu li għandu jagħti bl-imgħax dovut. Il-15 403 produttur parteċipanti kellhom jagħtu madwar EUR 345 miljun bejniethom fl-2004 qabel ma tħallas l-ewwel ħlas bin-nifs, li jirrappreżenta kwart mill-ammont kollu tal-imposta li għad trid titħallas fil-livell ta' produtturi. B'hekk jidher li l-maġġoranza tal-produtturi responsabbli għal-livelli aktar baxxi ta' għotjiet individwali eċċessivi għażlu li jidħlu f'din l-iskema. Mill-banda l-oħra, il-produtturi li kellhom għotjiet individwali eċċessivi li kienu aktar sinifikanti (8 000 produttur li nħarġilhom kont minħabba li kienu għad iridu jagħtu xi EUR 1 biljun f'imposta dovuta lilhom tul is-seba' perjodi) minflok ippreferew ma jidħlux fl-iskema ta' ħlas bin-nifs. Madankollu jekk jogħġbok innota li matul l-2008, l-awtoritajiet Taljani laqgħu 95 applikazzjoni ġdida għal ħlasijiet bin-nifs, li kienu jammontaw għal bejn wieħed u ieħor EUR 3 miljuni. Il-ħames ħlas bin-nifs kellu jitħallas minn 12 038 produttur, li b'kollox kellhom jagħtu EUR 25 125 386,94 qabel il-31 ta' Diċembru 2008. Il-verifiki li twettqu mill-awtoritajiet Taljani juru li matul l-2008, 11 872 produttur ħallsu kif xieraq l-ammonti li jlaħħqu l-EUR 24,217,314.32. Dan ifisser li għall-ħames ħlas bin-nifs, 98.5 % tal-produtturi ħallsu 96.4 % tal-imposta fil-ħin. Kien ġie irreġistrat li l-ewwel, it-tieni u t-tielet ħlas bin-nifs kien sar fil-ħin għal 99.6 %, 97.9 % u 99.5 % u 99.7% tal-ammonti dovuti rispettivament. Għalhekk, l-imposti kollha miġburin fl-ewwel erba' ħlasijiet bin-nifs jammontaw għal madwar EUR 127 miljun (98.6 % tal-ammont kollu dovut). Filwaqt li dawn il-livelli juru b'mod ċar impenn min-naħa tal-produtturi parteċipanti tal-iskema sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni meħuda f'dawk il-każijiet fejn il-ħlas ma sarx fil-limitu taż-żmien stipulat hija sinjal ċar tal-livell ta' impenn min-naħa tal-awtoritajiet sabiex jiżguraw li jitħarsu l-kundizzjonijiet tar-reġim kif suppost u li fl-aħħar nett jinġabru l-imposti kollha dovuti. Għall-ħames perjodu tal-ħlas bin-nifs 166 produttur kienu għadhom ma ħallsux il-ħlasijiet bin-nifs li kienu jammontaw għal EUR 908,072.62 sal-aħħar tal-2008. Skont informazzjoni li waslet għand l-awtoritajiet Taljani dawn il-każijiet kienu nnotifikati mill-awtoritajiet ċentrali lill-awtoritajiet reġjonali rilevanti sabiex jiġi infurzat il-ħlas tal-ammont sħiħ dovut (inklużi l-interessi). Madankollu, f'dan ir-rigward il-Kummissjoni tinnota li l-ħames rapport Taljan jonqos milli jipprovdi kwalunkwe indikazzjoni rigward l-ammonti ta' imposti attwalment miġbura wara li kienu saru l-kontrolli u l-isforzi għall-infurzar min-naħa tal-awtoritajiet Taljani. Imposti dovuti għall-perjodi mill-1995-96 sal-2001-02 li mhumiex koperti mill-iskema tal-ħlas bin-nifs Saret referenza għall-fatt li l-ħlas bin-nifs relattivament baxx effettivament ma jkoprix l-ammont ta' imposti miġbura. Dan ifisser li l-ordni mogħtija mill-qrati nazzjonali li jitwaqqfu l-ħlasijiet sakemm tittieħed deċiżjoni finali, hija ta' xkiel għall-ġbir immedjat ta' imposti mingħand madwar 8 000 produttur li nħarġilhom kont ta' EUR 1 biljun bħala imposta dovuta u li għażlu li ma jidħlux fl-iskema tal-ħlas bin-nifs. Fir-rapporti ta' valutazzjoni li kienu tressqu lill-Kunsill, il-Kummissjoni esprimiet il-ħsieb tagħha li r-rapporti annwali mressqin mill-Italja għandhom jittrattaw b'mod speċifiku l-kawża marbut mas-seba' perjodi konċernati u għandhom jagħtu dettalji li jikkonfermaw il-ħlas min-naħa tal-produtturi li tilfu l-każ tagħhom fil-qorti. Mingħajr dawn l-indikazzjonijiet il-Kummissjoni mhijiex f'qagħda li tissorvelja sew il-progress li qed isir fil-ġbir ta' dik il-parti tal-imposta li ma ddaħħlitx fil-faċilità tal-ħlas bin-nifs. Madankollu, ir-rapport li kien tressaq mill-Italja ma kienx l-istess bħar-rapport li sar wara l-ħames ħlas bin-nifs peress li ma kienx fih xi informazzjoni dwar il-proċeduri tal-qorti. Minkejja dan, xi informazzjoni addizzjonali li rċevew l-awtoritajiet Taljani f'Awwissu 2009 turi li l-amministrazzjoni Taljana rnexxielha tirbaħ każijiet li kienu jikkorrispondu għal bejn wieħed u ieħor EUR 11 miljun. Il-Kummissjoni, madankollu, għadha ma rċevietx informazzjoni dwar il-ġbir attwali ta' dawn l-ammonti. L-informazzjoni li waslet f'Awwissu 2009 tiżvela wkoll li s-somma ta' madwar EUR 529 miljun għadha qiegħda tiġi kkontesta quddeim il-qrati Taljani. Il-Kummissjoni turi dispjaċir li ma sarx biżżejjed progress mill-awtoritajiet Taljani fil-ġbir tal-parti tal-imposta li ma kenitx iddaħħlet fil-faċilità tal-ħlas bin-nifs u fil-livell ta' informazzjoni pprovduta. Il-progress bil-mod għandu x'jaqsam kemm mat-tul tal-proċeduri tal-qorti (mill-każijiet li għadhom pendenti li jammontaw għal bejn wieħed u ieħor EUR 529 miljun, il-każijiet li jammontaw għal EUR 527 miljun ilhom għaddejjin bejn 5 u 10 snin) u wkoll mat-tul ta' żmien li wieħed ikollu jistenna biex jirkupra s-somom meta l-kawża tkun għaddiet (ir-rapport Taljan dwar il-ħames ħlas bin-nifs ma fihx informazzjoni dwar irkupru, imma xi informazzjoni li kien hemm qabel turi li xi EUR 300 000 biss kienu nġabru sal-2008 mingħand dawk li kienu rebħu l-kawża tagħhom fil-qorti). Konklużjoni Il-Kummissjoni tqis li l-progress li sar mill-awtoritajiet Taljani fl-irkupru tal-ammonti dovuti mingħand il-produtturi li għażlu li jidħlu fir-reġim ta' ħlas bin-nifs approvata mill-Kunsill fl-2003 għall-perjodi mill-1995-96 sal-2001-02 turi li dan il-proċess ta' rkupru qiegħed jiġi mmaniġġjat kif xieraq. Madanakollu, il-Kummissjoni tisħaq li, minħabba n-nuqqas ta' kwalunkwe indikazzjoni tal-ammonti miġbura effettivament mill-produtturi parteċipanti fl-iskema li naqsu milli jagħmlu l-ħlasijiet bin-nifs u li għalhekk ġew esklużi milli jkomplu jipparteċipaw fiha, mhix f'qagħda li tivvaluta d-diliġenza adottata jew il-progress li sar fil-ġbir tal-imposti korrispondenti. Il-Kummissjoni tqis li huwa indispensabbli li r-rapporti li għad iridu joħorġu l-awtoritajiet Taljani fil-ġejjieni jkun fihom biżżejjed informazzjoni dettaljata dwar dan il-ġbir. F'dak li għandu x'jaqsam mal-ammonti ta' imposti li ma ddaħħlux fir-reġim tal-ħlas bin-nifs, u li dwarhom hemm kawża għaddejja quddiem il-qrati Taljani, il-Kummissjoni turi dispjaċir li l-progress li qed isir hu estremament bil-mod u tqis li l-irkupru tal-imposta b'dan il-mod jeħtieġ li jitjieb b'mod sinifikanti. Kif issemma iktar 'il fuq, il-Kummissjoni tqis li hu neċessarju li r-rapporti li għad iridu joħorġu l-awtoritajiet Taljani fil-ġejjieni jkun fihom biżżejjed informazzjoni dettaljata dwar il-ġbir tal-parti tal-imposta dovuta li ma ddaħħlitx fl-iskema tal-ħlas bin-nifs.