3.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 197/5


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1097

tas-26 ta' Lulju 2018

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2197 dwar ir-rimborż, b'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2017

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26(6) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2197 (2) jistabbilixxi l-ammonti li jsiru disponibbli għall-Istati Membri għar-rimborż lill-benefiċjarji finali fis-sena finanzjarja tal-2018. Dawk l-ammonti jikkorrispondu għat-tnaqqis tad-dixxiplina finanzjarja li ġie applikat effettivament mill-Istati Membri fis-sena finanzjarja tal-2017 abbażi tad-dikjarazzjonijiet tan-nefqa tal-Istati Membri għall-perjodu mis-16 ta' Ottubru 2016 sal-15 ta' Ottubru 2017.

(2)

Fir-rigward tar-Rumanija, id-dikjarazzjoni dettaljata tan-nefqa ma qisitx bis-sħiħ il-limitu ta' EUR 2 000 li japplika għad-dixxiplina finanzjarja skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Għalhekk, bil-ħsieb li jkun hemm ġestjoni finanzjarja tajba, fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2197 l-ebda ammont ma sar disponibbli għar-rimborż għar-Rumanija.

(3)

Ir-Rumanija sussegwentement informat lill-Kummissjoni dwar l-ammont korrett ta' dixxiplina finanzjarja li kellu jiġi applikat fir-Rumanija fis-sena finanzjarja tal-2017 meta jitqies b'mod sħiħ il-limitu ta' EUR 2 000. Sabiex ikun żgurat li r-rimborż tal-ammonti rilevanti lill-bdiewa Rumeni jkun jista' jsir, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddetermina l-ammont korrispondenti li jsir disponibbli għar-Rumanija.

(4)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2197 jiġi emendat skont dan.

(5)

Billi l-emenda li qed issir permezz ta' dan ir-Regolament taffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2197, li japplika mill-1 ta' Diċembru 2017, jenħtieġ li dan ir-Regolament ukoll japplika minn dakinhar.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2197, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“Ir-Rumanija

16 452 203 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Lulju 2018.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Jerzy PLEWA

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2197 tas-27 ta' Novembru 2017 dwar ir-rimborż, b'konformità mal-Artikolu 26(5) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-approprjazzjonijiet riportati mis-sena finanzjarja tal-2017 (ĠU L 312, 28.11.2017, p. 86).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).