|
12.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 321/122 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2129
tal-25 ta’ Novembru 2019
li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi ta’ rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq ċerti kunsinni ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari il-punti (a) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 jistabbilixxi r-regoli dwar it-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni sabiex jivverifikaw il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-katina agroalimentari tal-Unjoni. |
|
(2) |
L-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) 2017/625 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-rata ta’ frekwenza xierqa għall-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-kategoriji ta’ annimali u ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament. Għaldaqstant, ir-rati ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi għandhom jiġu stabbiliti skont ir-riskju ppreżentat minn kull annimal, oġġett jew kategorija ta’ annimali jew oġġetti, għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, għall-benessri tal-annimali jew, fir-rigward tal-organiżmi ġenetikament modifikati għas-saħħa tal-ambjent ukoll. |
|
(3) |
Sabiex jiġi żgurat li r-rati ta’ frekwenza tal-verifiki fiżiċi meħtieġa skont dan ir-Regolament jiġu osservati b’mod uniformi, jenħtieġ li f’dan ir-Regolament issir dispożizzjoni biex is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC) imsemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625 tintuża għall-għażla tal-kunsinni għall-verifiki fiżiċi. |
|
(4) |
Ir-rati ta’ frekwenza stabbiliti f’konformità ma’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu applikabbli għall-annimali u għall-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625 maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq. Madankollu, jenħtieġ li l-frekwenza tal-verifiki fiżiċi mwettqa fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera biex jaċċertaw il-konformità mar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tiġi ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 45(5) ta’ dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE (3) tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq l-annimali li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. L-Artikolu 4 ta’ dik id-Direttiva jipprevedi li kull kunsinna ta’ annimali jenħtieġ li tkun soġġetta għal verifiki tal-identità u verifiki fiżiċi. |
|
(6) |
Id-Direttiva 91/496/KEE titħassar bir-Regolament (UE) 2017/625 b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019. Filwaqt li jitqies ir-riskju ppreżentat minn ċerti kategoriji ta’ annimali għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali u għall-benessri tal-annimali, jenħtieġ li l-istess rati ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi jibqgħu japplikaw għall-annimali li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 91/496/KEE jew f’konformità magħha. |
|
(7) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-kontrolli uffiċjali, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi jenħtieġ li jitwettqu b’tali mod li ma jkunx possibbli għall-operatur responsabbli mill-kunsinna li jipprevedi jekk xi kunsinna partikolari tkunx se tiġi soġġetta għall-verifiki fiżiċi. |
|
(8) |
L-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 (4) jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar il-verifiki tal-identità msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, skont jekk il-kunsinna tkunx soġġetta għal kontrolli. |
|
(9) |
Jenħtieġ li l-kriterji tal-linja bażi sabiex jiġu ddeterminati r-rati ta’ frekwenza tal-linja bażi għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi mwettqa fuq il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji mill-annimali, il-prodotti derivati, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti komposti jiġu stabbiliti billi titqies l-informazzjoni dwar ir-riskji assoċjati mal-kategoriji tal-annimali u tal-prodotti u mal-valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli. |
|
(10) |
Abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 125(1) tar-Regolament (UE) 2017/625, dwar ir-riżultat tal-kontrolli mwettqa mill-esperti tal-Kummissjoni f’pajjiżi terzi f’konformità mal-Artikolu 120(1) ta’ dak ir-Regolament u abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz tal-IMSOC, jenħtieġ li jkun possibbli li jiġu mmodifikati r-rati ta’ frekwenza għall-verifiki fiżiċi li jirriżultaw mill-kriterji tal-linja bażi. |
|
(11) |
Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali, jenħtieġ li r-rati ta’ frekwenza ddeterminati f’konformità ma’ dan ir-Regolament ikunu disponibbli permezz tal-IMSOC. |
|
(12) |
Għal ċerti pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet veterinarji dwar l-ekwivalenza, huwa xieraq li titnaqqas il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi fuq ċerti prodotti filwaqt li titqies, inter alia, l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-reġjonalizzazzjoni fil-każ ta’ marda tal-annimali, u ta’ prinċipji veterinarji oħra. Għalhekk, ir-rati ta’ frekwenza għall-verifiki fiżiċi speċifikati f’dawn il-ftehimiet veterinarji jenħtieġ li japplikaw għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. |
|
(13) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/360/KE (5) tistabbilixi r-rati ta’ frekwenza mnaqqsa ta’ kontrolli fiżiċi għal ċerti kategoriji ta’ oġġetti soġġetti għall-kontrolli veterinarji. Peress li dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet fl-oqsma koperti mid-Deċiżjoni 94/360/KE, dik id-Deċiżjoni jenħtieġ li titħassar b’effett mid-data speċifikata f’dan ir-Regolament. |
|
(14) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019. Għaldaqstant, ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw ukoll minn dik id-data. |
|
(15) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni uniformi tar-rata ta’ frekwenza xierqa tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-annimali u tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 47(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) 2017/625 li huma maħsuba biex jitqiegħdu fis-suq.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ dan ir-Regolament,
|
1. |
“rata ta’ frekwenza” tfisser il-perċentwal minimu ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti msemmija fl-Artikolu 1, iddeterminat f’konformità ma’ dan ir-Regolament, mill-għadd ta’ kunsinni li jkunu waslu fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera matul perjodu identifikat, li fuqu jridu jitwettqu l-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi mill-awtoritajiet kompetenti; |
|
2. |
“IMSOC” tfisser is-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 131 tar-Regolament (UE) 2017/625. |
Artikolu 3
Għażla tal-kunsinni għall-verifiki fiżiċi
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħżlu l-kunsinni għall-verifiki fiżiċi skont il-proċedura li ġejja:
|
(a) |
tintgħażel kunsinna aleatorja b’mod awtomatiku mill-IMSOC; |
|
(b) |
l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li tagħżel il-kunsinna ġġenerata skont il-punt (a) jew tagħżel kunsinna differenti tal-istess kategorija u oriġini tal-oġġetti. |
2. Għal kull kunsinna magħżula għall-verifiki fiżiċi f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki tal-identità kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2130.
Artikolu 4
Rati ta’ frekwenza għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq kunsinni ta’ annimali, ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, ta’ prodotti derivati, ta’ tiben u ħuxlief u ta’ prodotti komposti skont ir-rati ta’ frekwenza ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 5.
2. Għall-pajjiżi terzi elenkati fl-Anness II li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehimiet ta’ ekwivalenza, għandhom jitwettqu l-verifiki fiżiċi skont ir-rati ta’ frekwenza stabbiliti minn dawn il-ftehimiet.
Artikolu 5
Determinazzjoni u modifika tar-rati ta’ frekwenza tal-verifiki tal-identità u tal-verifiki fiżiċi mwettqa fuq l-annimali, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji mill-annimali, il-prodotti derivati, it-tiben u l-ħuxlief u l-prodotti komposti
1. Ir-rati ta’ frekwenza tal-linja bażi għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi fuq il-kunsinni tal-annimali u tal-oġġetti msemmija fl-Artikolu 1 huma stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet xjentifiċi u tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a)(v) u (vi) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) 2017/625.
2. Ir-rata ta’ frekwenza għall-verifiki fiżiċi fuq oġġetti speċifiċi minn pajjiż terz speċifiku tista’ tiżdied fejn jiġu identifikati nuqqasijiet serji abbażi ta’:
|
(a) |
informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 125(1) tar-Regolament (UE) 2017/625; jew |
|
(b) |
ir-riżultat tal-kontrolli mwettqa mill-esperti tal-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 120(1) tar-Regolament (UE) 2017/625. F’dan il-każ, ir-rata ta’ frekwenza ddeterminata f’konformità mal-paragrafu 1 tiżdied għar-rata ta’ frekwenza tal-linja bażi ogħla li jmiss stabbilita fl-Anness I jew għal rata ta’ frekwenza ta’ 50 % meta r-rata ta’ frekwenza applikabbli għall-kategorija speċifika tal-oġġetti tkun ta’ 30 %, |
3. Ir-rata ta’ frekwenza tal-verifiki fiżiċi għandha tiżdied mir-rata ta’ frekwenza tal-linja bażi ddeterminata f’konformità mal-paragrafu 1 għar-rata ta’ frekwenza tal-linja bażi ogħla li jmiss stabbilita fl-Anness I, jew għal rata ta’ frekwenza ta’ 50 % jekk ir-rata ta’ frekwenza applikabbli għall-kategorija speċifika tal-oġġetti tkun ta’ 30 %, meta d-data u l-informazzjoni miġbura permezz tal-IMSOC jindikaw, għal oġġetti speċifiċi minn pajjiż terz speċifiku u għall-istess kategorija ta’ oġġetti, livell ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tal-verifiki fiżiċi fl-aħħar 12-il xahar li jaqbeż bi 30 % ir-rata medja tan-nuqqas ta’ konformità għall-istess kategorija ta’ oġġetti mill-pajjiżi terzi kollha.
4. Meta l-kriterji msemmija fil-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 3 ma jibqgħux jiġu ssodisfati, ir-rata ta’ frekwenza għandha titnaqqas għar-rata ta’ frekwenza tal-linja bażi rispettiva stabbilita fl-Anness I.
5. Permezz tal-IMSOC, il-Kummissjoni għandha tqiegħed ir-rati ta’ frekwenza ddeterminati f’konformità ma’ dan l-Artikolu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u tal-operaturi.
Artikolu 6
Tħassir
Id-Deċiżjoni 94/360/KE titħassar b’effett mill-14 ta’ Diċembru 2019.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-14 ta’ Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1).
(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2130 tal-25 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati dwar l-operazzjonijiet li jridu jitwettqu matul u wara l-verifiki tad-dokumenti, il-verifiki tal-identità u l-verifiki fiżiċi fuq l-annimali u l-oġġetti li huma soġġetti għall-kontrolli uffiċjali fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera (Ara paġna 128 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/360/KE tal-20 ta’ Mejju 1994 dwar il-frekwenza mnaqqsa ta’ kontrolli fiżiċi ta’ kunsinni ta’ ċerti prodotti li jridu jiġu implimentati minn pajjiżi terzi, skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/675/KEE (ĠU L 158, 25.6.1994, p. 41).
ANNESS I
Kriterji tal-linja bażi sabiex jiġu ddeterminati r-rati ta’ frekwenza tal-linja bażi għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ta’ annimali, ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, ta’ prodotti ġerminali, ta’ prodotti sekondarji mill-annimali, ta’ prodotti derivati, ta’ tiben u ħuxlief u ta’ prodotti komposti
|
Kriterji tal-linja bażi sabiex jiġu ddeterminati r-rati ta’ frekwenzi tal-linja bażi għall-verifiki tal-identità u għall-verifiki fiżiċi |
Rati ta’ frekwenza tal-linja bażi li japplikaw għall- |
||||||||||||||||||||||||||
|
Kategorija tar-riskju |
Kategorija ta’ annimali jew oġġetti (*1) |
verifiki tal-identità |
verifiki fiżiċi |
||||||||||||||||||||||||
|
I |
Annimali |
100 % |
100 % |
||||||||||||||||||||||||
|
II |
|
100 % |
30 % |
||||||||||||||||||||||||
|
III |
|
100 % |
15 % |
||||||||||||||||||||||||
|
IV |
|
100 % |
5 % |
||||||||||||||||||||||||
|
V |
|
100 % |
1 % |
||||||||||||||||||||||||
(*1) Ir-rati ta’ frekwenza għall-verifiki fiżiċi tal-kunsinni ta’ kampjuni kummerċjali għandhom ikunu konformi mad-deskrizzjoni tal-kategoriji tal-oġġetti mogħtija f’dan l-Anness.
ANNESS II
Lista ta’ ċerti pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 4(2) u tal-frekwenzi tal-verifiki fiżiċi
1. New Zealand
Fil-każ ta’ New Zealand, il-frekwenzi għandhom ikunu dawk previsti fil-Ftehim li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/132/KE (1) fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar il-miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ ta’ annimali ħajjin u prodotti tal-annimali.
2. Il-Kanada
Fil-każ tal-Kanada, il-frekwenzi għandhom ikunu dawk previsti fl-Anness VIII tal-Ftehim li kien approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/201/KE (2).
3. Iċ-Ċilì
Fil-każ taċ-Ċilì, il-frekwenzi għandhom ikunu dawk previsti fil-Ftehim dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji applikabbli għall-Kummerċ tal-Annimali u tal-Prodotti tal-Annimali, tal-Pjanti, tal-Prodotti mill-Pjanti u Oġġetti oħra kif ukoll dwar il-Benessri tal-Annimali, stabbilit fl-Anness IV tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/979/KE (3).
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/132/KE tas-17 ta’ Diċembru 1996 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u New Zealand dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali (ĠU L 57, 26.2.1997, p. 4).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/201/KE tal-14 ta’ Diċembru 1998 dwar il-Ftehim milħuq bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tal-Kanada dwar miżuri sanitarji biex jipproteġu s-saħħa pubblika u dik tal-annimali fir-rigward ta’ kummerċ f’annimali ħajjin u prodotti magħmulin mill-annimali (ĠU L 71, 18.3.1999, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/979/KE tat-18 ta’ Novembru 2002 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja ta’ ċertu dispożizzjonijiet ta’ Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (ĠU L 352, 30.12.2002, p. 1).