31996R1524



Official Journal L 190 , 31/07/1996 P. 0013 - 0019


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1524/96

tat-30 ta' Lulju 1996

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 3298/94, fir-rigward tas-sistema ta' ekopunti għall-vetturi ta' merkanzija tqila li jgħaddu minn ġewwa l-Awstrija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, tal-Finlandja u ta' l-Isvezja, u b'mod partikolari l-Artikolu 11(6) u l-Anness 4 tal-Protokoll Nru 9 tiegħu,

Billi l-Protokoll 9 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, tal-Finlandja u ta' l-Isvezja jipprovdi għal reġim speċjali li jikkonċerna l-ivvjaġġar ta' vetturi b'merkanzija tqila minn territorju Awstrijak ibbażat fuq sistema ta' drittijiet ta' transitu (ekopunti);

Billi l-Artikolu 14 tal-Protokoll 9 jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kontrolli fiżiċi mhux diskriminatorji fil-fruntiera bejn l-Awstrija u Stati Membri oħrajn biex jivverifika l-ekopunti maħruġin taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 u l-kwoti eżistenti għal vjaġġi bilaterali pprovduti mill-Artikolu 12 tal-Protokoll 9, biss sal-31 ta' Diċembru 1996;

Billi l-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 11 tal-Protokoll 9 wara l-31 ta' Diċembru 1996 tista' tkun assigurata effettivament, fost metodi ta' kontroll oħrajn, permezz ta' sistema ta' kontroll elettronika;

Billi l-Kummissjoni għandha tadotta miżuri dettaljati li jikkonċernaw id-domandi tekniċi importanti li jittrattaw is-sistema ta' ekopunti kif ipprovdut fid-Dikjarazzjoni 18 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, tal-Finlandja u ta' l-Isvezja;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3298/94 [1] għandu jkun emendat għalhekk;

Billi l-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 16 tal-Protokoll 9,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 3298/94 huwa emendat kif ġej:

1. It-titolu huwa mibdul b'dan li ġej:

"Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3298/94 tal-21 ta' Diċembru 1994 li jniżżel miżuri dettaljati li jikkonċernaw is-sistema ta' drittijiet ta' transitu (ekopunti) għall-vetturi ta' merkanzija tqila li jgħaddu minn ġewwa l-Awstrija"

2. L-Artikolu 1 huwa mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 1

1. Is-sewwieq ta' vettura ta' merkanzija tqila fuq it-territorju ta' l-Awstrija għandu jġorr, u għandu jagħmel disponibbli għall-ispezzjoni fuq it-talba ta' l-awtoritajiet superviżorji, jew:

(a) formola standard kompletata kif suppost jew ċertifikat Awstrijak li jikkonferma l-pagament għall-ekopunti għall-vjaġġ inkwistjoni, immudellati fuq l-Anness A u magħrufin bħala l-"ekokard"; jew

(b) mekaniżmu elettroniku, imqabbad mal-vettura bil-mutur li jippermetti t-tnaqqis awtomatiku ta' ekopunti, minn hawn 'il quddiem irriferit bħala "l-ekotag"; jew

(ċ) dokumentazzjoni xierqa, kif imfisser fl-Artikolu 13, biex turi illi vjaġġ ta' passaġġ ħieles mill-ekopunti, kif imfisser fl-Anness Ċ, qiegħed isir; jew

(d) dokumentazzjoni xierqa biex turi illi vjaġġ mhux ta' passaġġ qiegħed isir, u meta l-vettura tkun imqabbda b'ekotag, l-ekotag ikun qiegħed għal dan l-iskop.

L-awtoritajiet Awstrijaċi kompetenti għandhom joħorġu l-ekokard kontra l-ħlas ta' l-ispiża ta' produzzjoni u distribuzzjoni ta' ekopunti u ekokards, u għandhom jinstallaw l-infrastruttura neċessarja f'postijiet xierqa biex jinqraw l-ekotags.

2. L-ekotags se jkunu manifatturati, ipprogrammati u installati skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ġenerali mniżżlin fl-Anness F. L-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru huma awtorizzati li japprovaw, jipprogrammaw u jinstallaw l-ekotags.

L-ekotag se jkun ipprogrammat biex iżomm l-informazzjoni tal-pajjiż ta' reġistrazzjoni u l-valur ta' NOx tal-vettura bil-mutur, kif ingħad fid-dokument tal-konformità ta' produzzjoni (COP), kif imfisser fil-paragrafu 4.

3. L-ekotag għandu jkun imwaħħal mal-windscreen tal-vettura bil-mutur. Għandu jkun imqiegħed skond l-Anness G. M'huwiex se jkun trasferibbli.

4. Is-sewwieq ta' vettura ta' l-oġġetti tqal irreġistrat fl -1 ta' Ottubru 1990 jew wara din id-data għandu jġorr ukoll, u jipproduċi fuq talba, dokument COP, immudellat fuq l-Anness B, bħala evidenza ta' l-emissjonijiet ta' NOx ta' dik il-vettura. Il-vetturi ta' oġġetti tqal irreġistrati l-ewwel darba qabel l-1 ta' Ottubru 1990 jew li fir-rigward tagħhom l-ebda dokument mhu prodott għandhom ikunu kkunsidrati li għandhom valur COP ta' 15,8 g/kWs.

5. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali awtorizzati li joħorġu d-dokumenti u l-ekotags imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4."

3. L-Artikolu 2 huwa mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 2

1. Sakemm il-vettura tkun qiegħda tuża ekotag, in-numru rikjest ta' ekopunti għandu jkun imwaħħal ma' l-ekokard u kkanċellat. L-ekopunti għandhom ikunu kkanċellati billi jiġu ffirmati f'tali mod illi l-firma testendi fuq kemm l-ekopunti u l-formola fejn ġew imwaħħlin. Jista' jintuża timbru minflok firma.

Ekocard li jkollu n-numru rikjest ta' ekopunti se jingħata f'idejn l-awtoritajiet superviżorji ta' l-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tal-vettura, jew ta' l-Awstrija, li jerġa' jagħti lura kopja bil-prova ta' pagament.

2. Jekk il-vettura b'ekotag imwaħħla, wara konferma li se tagħmel vjaġġ ta' passaġġ li jeħtieġ l-ekopunti, numru ta' ekopunti, ekwivalenti għall-informazzjoni ta' emissjoni ta' NOx maħżun fl-ekotag tal-vettura, għandu jitnaqqas mit-total ta' ekopunti allokati lill-Istat Membru li fih hija rreġistrata l-vettura. Dan għandu jsir mill-infrastruttura pprovduta u operata mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

Għall-vetturi b'ekotags imwaħħla li jkunu qegħdin jagħmlu vjaġġi bilaterali għandhom ipoġġu l-ekotag biex juru illi qiegħed isir vjaġġ mhux ta' passaġġ qabel ma jidħlu fit-territorju Awstrijak.

3. Fil-każ fejn ekokard tkun użata u fejn unità ta' ġarr hija mibdula matul vjaġġ, il-prova ta' ħlas mad-dħul għandha tibqa' valida u tinżamm. Fejn il-valur tal-KTP ta' l-unità ġdida jeċċedi dak indikat fuq il-formola, ekopunti addizzjonali, imwaħħlin ma' kartolina ġdida, għandhom jiġu kkanċellati mat-tluq mill-pajjiż.

4. Għall-vjaġġi li jeħtieġu ekopunti, l-ekokard jew l-ekotag għandha tbiddel il-formuli Awstrijaċi kollha użati s'issa għall-istatistiki tat-trasport.

5. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw regolarment lill-Kummissjoni bin-numru ta' punti użati fuq l-ekokards. L-oriġinali, jew il-kopji, tal-formuli li għandhom ekopunti kanċellati għandhom, fejn meħtieġ, ikunu disponibbli lill-awtoritajiet nazzjonali individwali jew lill-Kummissjoni.

Alternattivament, jekk il-vettura jkollha ekotag, l-awtoritajiet Awstrijaċi għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni meħtieġa lill-awtorità nominata fl-Istat Membru fejn il-vettura hija rreġistrata fi żmien 48 siegħa illi sar vjaġġ ta' passaġġ. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli ukoll lill-Kummissjoni.

6. Il-paragrafi 1 sa 5 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14a."

4. Fl-Artikolu 3(3), il-kliem introduttorju huwa mibdul b'dan li ġej:

"Minkejja l-paragrafu 2, vjaġġi ta' transitu kontinwi fl-Awstrija bl-użu tas-segwenti terminali tat-tren għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu vjaġġi:"

5. L-Artikolu 4 huwa mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 4

L-ekopunti għandhom ikunu validi bejn l-1 ta' Jannar tas-sena għal liema huma attribwiti u l-31 ta' Jannar tas-sena segwenti."

6. L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, it-tieni sentenza hija mibdula b'dan li ġej:

"Fil-każ ta' ksur ripetut ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/92 [2] għandhom japplikaw.";

(b) il-paragrafi 2 u 3 huma mibdulin b'dan li ġej:

"2. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom, kull wieħed fil-limiti tal-ġurisdizzjoni tagħhom, jipprovdu lil xulxin b'assistenza amministrattiva fl-investigazzjoni u l-ksur li jiġu pproċessati tal-Protokoll 9 jew dan ir-Regolament, b'mod partikolari billi jassiguraw illi l-ekocards u l-ekotags huma użati u miżmumin korrettament.

3. Kontrolli jistgħu jsiru f'punt li ma jkunx fil-fruntiera, skond id-diskrezzjoni ta' l-Istat Membru bil-ħsieb tal-prinċipju kontra d-diskriminazzjoni."

(ċ) is-segwenti paragrafi 4 u 5 huma miżjudin:

"4. L-awtoritajiet superviżorji Awstrijaċi jistgħu, bil-ħsieb tal-prinċipju ta' proporzjonalità, jieħdu l-miżuri xierqa jekk vettura tkun imqabbda b'ekotag u jiġru mill-inqas waħda mis-segwenti sitwazzjonijiet:

(a) il-vettura jew l-operatur tal-vettura kkommetta ksur b'mod repetut;

(b) ma jkunx fadal biżżejjed ekopunti fl-allokazzjoni tal-pajjiż li fih il-vettura hija rreġistrata;

(ċ) l-ekotag ġie mbagħbas jew ġie mibdul minn parti għajr minn dawk awtorizzati fl-Artikolu 1(2);

(d) l-Istat Membru ma allokax biżżejjed ekopunti għall-vettura biex tagħmel vjaġġ ta' passaġġ;

(e) il-vettura m'għandhiex id-dokumentazzjoni xierqa skond il-punti (ċ) jew (d) ta' l-Artikolu 1 (1) biex jiġġustifika għaliex l-ekotag kien imqiegħed biex juri illi qiegħed isir vjaġġ mhux ta' passaġġ fuq territorju Awstrijak;

(f) meta l-ekotag speċifikat fl-Anness F m'huwiex mgħobbi b'biżżejjed ekopunti biex jagħmel il-vjaġġ ta' passaġġ.

5. L-awtoritajiet superviżorji Awstrijaċi jistgħu, bil-ħsieb tal-prinċipju ta' proporzjonalità, jieħdu l-miżuri xierqa jekk il-vettura ma tkunx imqabbda b'ekotag u jiġru mill-inqas waħda mis-segwenti sitwazzjonijiet:

(a) ekocard ma tiġix ippreżentata lill-awtoritajiet superviżorji skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(b) ekocard tkun ippreżentata li ma tkunx kompluta jew mhux korretta, jew fejn l-ekopunti m'humiex imwaħlin korrettament;

(ċ) il-vettura ma tippossjedix id-dokumentazzjoni xierqa biex jiġġustifika illi m'għandhiex bżonn ta' ekopunti."

7. L-Artikolu 6(2) huwa mibdul b'dan li ġej:

"2. L-ekopunti stampati li huma maħsubin għat-twaħħil ma' l-ekokards se jkunu disponibbli kull sena lill-Istati Membri f'żewġ porzjonijiet, l-ewwel qabel l-1 ta' Ottubru tas-sena preċedenti, u t-tieni qabel l-1 ta' Marzu tas-sena relevanti.

Fiċ-ċirkostanzi kkontemplati fl-Artikolu 11(2)(ċ) tal-Protokoll 9, in-numru ta' ekopunti se jkun imnaqqas għal dik is-sena bl-użu tal-metodu mniżżel fil-punt 3 ta' l-Anness 5 tal-Protokoll."

8. L-Artikolu 7 huwa mibdul b'dan li ġej:

"L-Artikolu 7

1. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri se jallokaw l-ekopunti disponibbli tagħhom lill-operaturi kkonċernati, stabbiliti fuq it-territorju tagħhom.

2. Kull sena l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jindikaw u jirritornaw lill-Kummissjoni, sal-15 ta' Ottubru l-iżjed tard, kull ekopunt li, fuq il-bażi tad-data disponibbli u l-istimi għat-traffiku għax-xhur finali tas-sena, x'aktarx m' humiex se jintużaw qabel it-tmiem tas-sena."

9. L-Artikolu 8(2) huwa mibdul b'dan li ġej:

"2. L-ekopunti tar-riserva tal-Komunità se jkunu allokati mill-Kummissjoni lill-Istati Membri skond il-proċedura mfassla fl-Artikolu 16 tal-Protokoll 9, mill-inqas xahar qabel it-tmiem tas-sena.

Ir-riallokazzjoni se tkun ippreġudikata skond is-segwenti kriterji, kif dettaljat fl-Anness E:

- il-pożizzjoni speċjali tal-Greċja u l-Italja,

- l-effett tar-riunifikazzjoni Ġermaniża,

- il-promozzjoni ta' mezzi ta' trasport alternattiv fi ħdan l-Awstrija, b'mod partikolari r-"Rollende Landstraße",

- in-numru ta' ekopunti allokati lil Stati Membri, attwalment użati minnhom,

- il-figuri medji ta' NOx għall-vetturi li jgħaddu mill-Istati Membri,

- okkorrenzi mhux mistennija."

10. Fl-Artikolu 9, il-kliem "lill-Att ta' l-Adeżjoni tan-Norveġja, l-Awstrija, l-Finlandja u l-Isvezja" huma imħassrin.

11. Fl-Artikolu 10, il-kliem "Bħala kjarifikazzjoni ta'" huma mibdulin bil-kliem "Għall-għanijiet ta'".

12. Is-segwenti Artikolu 14a huwa mdaħħal:

"L-Artikolu 14a

Għal perijodu transitorju li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 1997, l-użu kemm ta' ekokards jew ekotags se jkun permess għall-amministrazzjoni ta' traffiku ta' passaġġ.

Mill-1 ta' Jannar 1998 il-Kummissjoni għandha tippermetti kull Stat Membru li juża kull sena l-ekokards sal-massimu ta' 0,6 % tan-numru totali ta' ekopunti għall-Istati Membri kif imniżżel fl-Artikolu 9. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta' Awissu ta' kull sena bin-numru ta' ekopunti li jixtiequ li jkollhom għall-użu fuq l-ekokards is-sena segwenti. Dawn l-ekopunti se jkunu disponibbli mill-Kummissjoni f'porzjon wieħed qabel l-1 ta' Diċembru. L-ekokards se jkunu disponibbli skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 1(1)."

13. L-Anness E qiegħed jinbidel bl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

14. L-Anness F u G, imsemmija fl-Anness II ta' dan ir-Regolament, huma miżjudin.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 1997.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-30 ta' Lulju 1996.

Għall-Kummissjoni

Neil Kinnock

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 341, tat-30.12.1994, p. 20.

[2] ĠU L 95, tad-9.4.1992, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

"

L-ANNESS E

KRITERJI TA' DISTRIBUZZJONI MILL-ĠDID TA' L-EKOPUNTI

Il-pożizzjoni speċjali tal-Greċja u l-Italja

Mir-riżerva tal-Komunità ta' 3,34 % tan-numru totali ta' ekopunti, proporzjon ta' ekopunti ekwivalenti għal 4874 mill-unitajiet imsemmija fl-Anness D għandhom ikunu allokati lill-Italja u 576 ta' l-unitajiet imsemmija fl-Anness D lill-Greċja, fuq bażi ta' prijorità. Barra minn hekk, l-isforzi kollha neċessarji għandhom isiru biex jassiguraw illi s-sehem ta' ekopunti allokati lill-Greċja jieħdu ħsieb biżżejjed tal-bżonnijiet Griegi.

L-effett tar-riunifikazzjoni Ġermaniża

Madankollu, proporzjon ta' ekopunti ekwivalenti għal 6444 ta' l-unitajiet imfasslin fl-Anness D se jkunu allokati lill-Ġermanja mir-riżerva tal-Komunità.

Il-promozzjoni ta' mezzi ta' trasport alternattiv fi ħdan l-Awstrija, b'mod partikolari r-"Rollende Landstraße"

L-ekopunti Awstrijaċi kollha ritornati għad-distribuzzjoni mill-ġdid lill-Kummissjoni għandhom ikunu distribwiti lil Stati Membri li jirrikjedu ekopunti addizzjonali proporzjonati ma' l-istatistiċi li juru l-Istat Membru ta' reġistrazzjoni tal-vetturi ta' oġġetti tqal li jużaw ir-"Rollende Landstraße" fl-Awstrija.

In-numru ta' ekopunti allokati lil Stati Membri, użati attwalment minnhom, il-figuri medji ta' NOx għall-vetturi ta' passaġġ mill-Istati Membri

L-ekopunti rimanenti se jkunu mqassmin lill-Istati Membri li jirrikjedu ekopunti addizzjonali proporzjonali lil koeffiċjenti illi huwa mfisser għal kull Stat Membru kif ġej:

- numru ta' ekopunti li huma meqjusa bħala meħtieġa, bbażat fuq l-estrapolazzjoni ta' l-istatistiċi l-iżjed riċenti mill-Awstrija,

- immultiplikat bil-proporzjon ta' ekopunti allokat lil Stat Membru illi kienu użati attawalment minn dak l-Istat Membru s-sena ta' qabel,

- immultiplikat bil-figuri ta' NOx l-iżjed riċenti għall-vetturi li jgħaddu mill-Istati Membri, bħala persentaġġ tal-figura immirata għas-sena.

"

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

"

L-ANNESS F

SPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI ĠENERALI TA' L-EKOTAG

Antenna ta' komunikazzjoni b'range qasir - vettura

Livelli u rapporti tekniċi relevanti għad-DSRC

Il-ħtiġiet segwenti pprovduti minn CEN/TC 278 fir-rigward ta' komunikazzjoni b'range qasir bejn il-vetturi u l-infrastruttura tal-ġenb tat-triq għandhom jintlaqgħu:

(a) prENV278/9/# 62 "DSRC Saff Fiżiku bl-użu tal-Microwave b'5,8 GHz";

(b) prENV278/9/# 64 "DSRC Saff ta' Rabta fid-Data";

(ċ) prENV278/9/# 65 "DSRC Saff ta' Applikazzjoni".

Eżami tat-tip

Min jipprovdi l-ekotag għandu jipprovdi ċertifikati ta' eżami tat-tip għall-istrumenti minn istitut ta' eżami akkreditat li jikkonferma l-konformità mal-valuri ta' limitu kollha speċifikati fil-korrenti I-ETS 300674.

Kundizzjonijiet ta' ħidma

L-ekotag għas-sistema ta' ekopunti awtomatiċi għandu jiggarantixxi l-funzjonalità meħtieġa taħt is-segwenti kundizzjonijiet ta' ħidma:

- kundizzjonijiet ambjentali: temperatura ta' l-ambjent minn − 25 °C għal + 70 °C

- kundizzjonijiet tat- temp: l-eventwalitajiet kollha,

- traffiku: diversi lanes, li jiċċaqalqu,

- range ta' ħeffa: Minn "ieqaf-u-mur" għal 120 km/s.

'L hawn fuq imsemmija kundizzjonijiet ta' ħidma huma ħtiġiet minimi pendenti l-adozzjoni ta' standards (standards ta' qabel) relevanti għad-DSRC.

L-ekotag jista' jirreaġixxi biss għal sinjali ta' microwave speċifiċi għall-applikazzjoni tiegħu stess.

Ekotag

Identifikazzjoni

Kull ekotag għandu jkollu numru ta' identifikazzjoni uniku. F'żieda man-numru ta' figuri meħtieġa biex ikun jintgħaraf, dan in-numru għandu jkollu ukoll somma ta' iċċekkjar għall-verifika ta' l-integrità.

Installazzjoni

L-ekotag għandu jkun iddisinjat għall-installazzjoni wara l-windscreen tat-trakk jew ta' l-unità tas-sewqan. Għandu jkun installat sabiex ma jkunx jista' jinqala' kompletament minn dik il-vettura.

Dikjarazzjoni ta' transitu

L-ekotag għandu jkollu faċilità li jdaħħal informazzjoni biex vjaġġ ikun iddikjarat eżenti mill-pagament ta' ekopunti.

Din il-faċilità għandha tkun viżibbli biċ-ċar fuq l-ekotag għall-iskopijiet ta' kontroll; alternattivament, għandu jkun possibbli li l-ekotag jitqiegħed f'pożizzjoni inizjali mfissra. F'kull każ, għandu jkun assigurat illi l-istatus biss fil-ħin tad-dħul ikun ikkunsidrat għall-valutazzjoni fis-sistema.

Immarkar estern

Kull ekotag għandu ukoll ikun identifikabbli biċ-ċar fuq spezzjoni viżwali. Għal dan il-għan, 'l hawn fuq imsemmi numru ta' identifikazzjoni uniku għandu jkun applikat b'mod indelibbli mal-wiċċ ta' l-istrument.

Marka li ma tinqalax, indelibbli lill-ekotag fil-formola ppreparata fuq l-istickers ippreparati għandha titwaħħal fuq l-ekotag. Din il-marka għandha turi n-numru ta' ekopunti għall-vettura individwali ("5", "6", …"16").

Dawn l-istickers speċjali għandhom ikunu jirreżistu t-tbagħbis; għandhom ikollhom saħħa mekkanika u jkunu ħfief u reżistenti għat-temperatura. Għandhom ikollhom saħħa ta' kolla għolja u kull attentat biex jitneħħew għandu jirriżulta fid-distruzzjoni tagħhom.

Integrità

Il-kaxxa għandha tkun mibnija f'tali mod illi kull manipulazzjoni tal-komponenti interni jkun eskluż u kull interferenza tista' tinkixef sussegwentement.

Memorja

L-ekotag għandha jkollha kapaċità ta' memorja biżżejjed għas-segwenti data:

- numru ta' identifikazzjoni,

- data tal-vettura

- valur tal-COP,

- data tat-transazzjoni

- identifikazzjoni tal-post tal-fruntiera,

- data/ħin,

- status tad-dikjarazzjoni tal-vjaġġ,

- informazzjoni ta' twaqqif (blacklisting),

- status tad-data

- manipulazzjoni,

- status tal-batterija,

- status ta' l-aħħar komunikazzjoni.

Għandu jkun hemm riżerva ta' memorja ta' mill-inqas 30 %.

L-ANNESS G

ĦTIĠIET TA' STALLAZZJONI GĦALL-EKOTAG

+++++ TIFF +++++

L-ekotag għandu jinsab fuq in-naħa ta' ġewwa tal-windscreen fi ħdan iż-żona mmarkata (hawn fuq impinġi) fejn id-dimensjonijiet huma kif ġej:

x = 100 ċm

y = 80 ċm.

"

--------------------------------------------------