IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.10.2019
COM(2019) 464 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport
(Test b'relevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2019) 373 final}
Werrej
1.Introduzzjoni
2.Analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE
2.1.Programm ta’ ħidma aġġornat tal-Kummissjoni
2.2.Atti delegati dwar l-ispeċifikazzjonijiet
2.2.1.Metodoloġija
2.2.2.Il-kisba tal-ispeċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet ta’ prijorità
2.2.3.Azzjonijiet oħra
2.3.Proposti dwar l-implimentazzjoni
2.3.1.L-eCall interoperabbli fl-UE kollha (azzjoni ta’ prijorità d)
2.3.2.Azzjonijiet oħra
2.4.Standards
2.5.Miżuri mhux vinkolanti
2.5.1.Linji gwida għar-rapportar mill-Istati Membri
2.5.2.Linji gwida dwar l-ITS għal żoni urbani
2.6.Regoli dwar il-privatezza, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni
2.7.Regoli dwar l-obbligu ta’ rendikont
2.8.Rapportar mill-Istati Membri
2.8.1.Rapport dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali rigward l-oqsma ta’ prijorità
2.8.2.Tagħlimiet prinċipali - xejriet attwali
2.9.Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-ITS
3.Effiċjenza u adegwatezza tad-Direttiva 2010/40/UE u d-delega tas-setgħa
3.1.Effiċjenza u adegwatezza
3.2.Eżerċitar tad-delega
3.3.Segwitu tal-ispeċifikazzjonijiet
4.Riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa
5.Konklużjoni
1.Introduzzjoni
Dan ir-rapport huwa t-tieni rapport dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE (id-Direttiva dwar l-ITS), li jipprevedi analiżi dwar il-funzjonament u l-implimentazzjoni tad-Direttiva sa mill-ewwel rapport ta’ progress, f’konformità mal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva. L-ewwel rapport ġie adottat mill-Kummissjoni fil-21 ta’ Ottubru 2014 u kien akkumpanjat minn żewġ dokumenti ta’ ħidma tal-persunal dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-ITS u dwar l-analiżijiet tar-rapporti tal-Istati Membri tal-2011 u l-2012.
Id-Direttiva dwar l-ITS tipprevedi qafas biex il-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet komuni tal-UE għal azzjonijiet fi ħdan erba’ oqsma ta’ prijorità tad-Direttiva, li jibdew b’sitt azzjonijiet ta’ prijorità ddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva. L-istatus tax-xogħol fuq dawn is-sitt azzjonijiet ta’ prijorità huwa deskritt fit-Taqsima 2.2.2. ta’ dan ir-Rapport.
Is-setgħa li jiġu adottati speċifikazzjonijiet b’dispożizzjonijiet tekniċi, funzjonali, organizzattivi u ta’ servizz ingħatat lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Awwissu 2017. Kif ġie ddikjarat fl-ewwel rapport ta’ progress, kienet meħtieġa estensjoni ta’ din l-iskadenza biex jiġu adottati speċifikazzjonijiet, għal dawk l-azzjonijiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-ITS li mhumiex azzjonijiet ta’ prijorità.
Din l-estensjoni saret permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2017/2380 li temenda d-Direttiva 2010/40/UE fir-rigward tal-perjodu għall-adozzjoni ta’ atti delegati. Din testendi s-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin, li jiġġedded b’mod taċitu, mis-27 ta’ Awwissu 2017. Din titlob ukoll li l-Kummissjoni taġġorna l-programm ta’ ħidma relatat mal-azzjonijiet skont l-Artikolu 6(3) (jiġifieri azzjonijiet li jmorru lil hinn mill-azzjonijiet ta’ prijorità kif elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-ITS) sal-10 ta’ Jannar 2019 u qabel kull estensjoni sussegwenti ta’ ħames snin tas-setgħa biex jiġu adottati atti delegati.
Dan ir-Rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tar-rapporti ta’ progress tal-Istati Membri tal-2014 u l-2017 ippreżentati skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva dwar l-ITS. Ir-riżultat ta’ evalwazzjoni ex post tad-Direttiva dwar l-ITS huwa ppreżentat fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS.
2.Analiżi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/40/UE
2.1.Programm ta’ ħidma aġġornat tal-Kummissjoni
L-ewwel programm ta’ ħidma tad-Direttiva dwar l-ITS kopra l-perjodu mill-2011 sal-2015, u ffoka fuq it-tħejjija ta’ speċifikazzjonijiet relatati mas-sitt azzjonijiet ta’ prijorità. Filwaqt li l-ħtieġa għal aktar progress fl-ispeċifikazzjonijiet għal dawn l-azzjonijiet ta’ prijorità baqgħet valida wara dan il-perjodu, il-ħtieġa li jiġu indirizzati azzjonijiet oħra mid-Direttiva kienet tirrikjedi aġġornament ta’ dan il-programm ta’ ħidma, kif stipulat fid-Deċiżjoni (UE) 2017/2380.
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2018) 8264, li ġiet adottata fil-11 ta’ Diċembru 2018 u li tkopri l-perjodu mill-2018 sal-2022, taġġorna l-programm ta’ ħidma fir-rigward tal-azzjonijiet skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-ITS, jiġifieri azzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-erba’ oqsma ta’ prijorità tad-Direttiva differenti mis-sitt azzjonijiet ta’ prijorità. Din tipprovdi deskrizzjoni u skeda ta’ żmien indikattiva għall-attivitajiet il-ġodda li l-Kummissjoni qed tippjana li twettaq biex timplimenta dawn l-azzjonijiet.
2.2.Atti delegati dwar l-ispeċifikazzjonijiet
2.2.1.Metodoloġija
L-ispeċifikazzjonijiet ġew żviluppati skont il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea u l-Fehim Komuni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-atti delegati u l-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, meta dan il-Ftehim sar applikabbli.
Kif ġie deskritt fl-ewwel rapport ta’ progress, l-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet ġie informat minn firxa wiesgħa ta’ xogħol ta’ tħejjija (studji, workshops eċċ), analiżijiet (analiżijiet tal-kostijiet u l-benefiċċji, tal-lakuni, tar-rekwiżiti u tal-approċċi) u konsultazzjonijiet (konsultazzjonijiet pubbliċi, konsultazzjonijiet ma’ esperti nnominati mill-Istati Membri u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, informazzjoni u stedina ta’ esperti tal-Kunsill u tal-Parlament).
Kif ġie enfasizzat fir-rapport inizjali, tqies li kien meħtieġ approċċ aktar komprensiv sabiex jiġu indirizzati d-diversi kwistjonijiet (il-finanzjament, l-istandardizzazzjoni, koordinazzjoni akbar tal-partijiet ikkonċernati, governanza marbuta mal-użu eċċ.) li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sempliċi speċifikazzjonijiet, b’mod partikolari għal Sistemi Kooperattivi ta’ Trasport Intelliġenti (C-ITS). Għalhekk, f’Novembru 2014 inħolqot pjattaforma tal-partijiet ikkonċernati (il-pjattaforma C-ITS) bħala grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni, li tiġbor flimkien partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati u li tirrappreżenta lill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha tul il-katina tal-valur fosthom l-awtoritajiet pubbliċi, il-manifatturi tal-vetturi, il-fornituri, il-fornituri tas-servizzi, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, eċċ. Din ġabrithom flimkien biex jikkontribwixxu lejn viżjoni komuni dwar l-użu interoperabbli tas-C-ITS fl-UE u biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tal-UE.
2.2.2.Il-kisba tal-ispeċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet ta’ prijorità
Is-sitt azzjonijiet ta’ prijorità għall-iżvilupp u l-użu tal-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-ITS u l-Anness I tagħha ġew indirizzati bis-sħiħ. Kif ġie nnotat fl-ewwel rapport ta’ progress, l-adozzjoni tal-ewwel tliet speċifikazzjonijiet kienet pjuttost sempliċi, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni relattivament limitat tagħhom. L-elaborazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet rilevanti għall-azzjonijiet ta’ prijorità relatati mal-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali u s-servizzi tal-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali offriet sfida akbar, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet speċifikati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-ITS, u l-ħtieġa li jinbena fehim komuni dwar dak il-kamp ta’ applikazzjoni mal-esperti.
L-ispeċifikazzjonijiet ġew adottati f’ordni kronoloġika kif ġej:
Azzjoni ta’ prijorità (d): fis-26 ta’ Novembru 2012, jiġifieri qabel id-data indikattiva fil-mira tas-27 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) Nru 305/2013 fir-rigward tal-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha (ara l-ewwel rapport ta’ progress).
Azzjoni ta’ prijorità (c): fil-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 886/2013 li jissupplimenta d-Direttiva dwar l-ITS fir-rigward tad-data u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b’xejn lill-utenti (ara l-ewwel rapport ta’ progress).
Azzjoni ta’ prijorità (e): fil-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 885/2013 li jissupplimenta d-Direttiva dwar l-ITS fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali (ara l-ewwel rapport ta’ progress).
Azzjoni ta’ prijorità (f): Il-Kummissjoni wettqet diversi konsultazzjonijiet ma’ esperti tal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ riżerva għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali. Dan wassal għall-konklużjoni li ma kienx hemm bżonn ta’ speċifikazzjonijiet u standards dwar ir-riżerva ta’ żoni ta’ parkeġġ (ara l-ewwel rapport ta’ progress). Attwalment ma hemm l-ebda indikazzjoni li din is-sitwazzjoni nbidlet b’mod sinifikanti.
Azzjoni ta’ prijorità (b): fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/962 li jissupplimenta d-Direttiva dwar l-ITS fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha. L-ispeċifikazzjonijiet huma maħsuba biex jiżguraw l-aċċessibilità, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-aġġornament tad-data dwar it-toroq u t-traffiku mill-awtoritajiet tat-toroq, mill-operaturi tat-toroq għall-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha. Kif jista’ jidher minn din l-enumerazzjoni, l-elementi rregolati huma relatati mal-“back office” aktar milli mas-servizzi nfushom.
Azzjoni ta’ prijorità (a): fil-31 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1926 li jissupplimenta d-Direttiva dwar l-ITS fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha.. Tnedew diversi inizjattivi bħala tħejjija tal-ispeċifikazzjonijiet (L-Ewwel Sfida dwar il-Mobilità Intelliġenti, studji, workshops u konsultazzjonijiet pubbliċi). Il-Kummissjoni nediet ukoll diskussjoni dwar inizjattiva possibbli relatata mal-aċċess għad-data tat-trasport multimodali bil-għan li tiġi indirizzata l-isfida li ssir aċċessibbli data dwar it-trasport, li tkopri l-mezzi kollha tat-trasport u s-servizzi kollha ta’ mobilità. F’Ġunju 2014, l-ewwel stadju ta’ din ir-riflessjoni wassal għad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni “Pjan direzzjonali lejn it-twassil ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali, l-ippjanar u t-tikkettar fl-UE kollha”, bl-ewwel pass ikun l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet skont id-Direttiva dwar l-ITS. L-ispeċifikazzjonijiet adottati jindirizzaw kemm il-kundizzjonijiet abilitanti, bħall-aċċessibbiltà tad-data, kif ukoll is-servizzi u d-dispożizzjonijiet biex is-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar jingħaqdu flimkien.
2.2.3.Azzjonijiet oħra
Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar l-ITS, il-Kummissjoni għandha tadotta speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra f’oqsma ta’ prijorità, elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-ITS, ladarba jkunu ġew adottati l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għall-azzjonijiet ta’ prijorità.
Reċentement tlesta x-xogħol fir-rigward tas-C-ITS. Fil-bidu, dan ix-xogħol kien ibbażat fuq proġetti ta’ riċerka u bosta konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, fosthom il-Kumitat Ewropew dwar l-ITS u l-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-ITS. Dan tkompla fi ħdan il-pjattaforma C-ITS, bil-għan li jiġi appoġġat il-ħolqien ta’ viżjoni komuni għall-atturi kollha involuti fil-katina tal-valur. Iż-żewġ fażijiet (Novembru 2014 — Jannar 2016 u Lulju 2016 — Settembru 2017) tal-pjattaforma C-ITS indirizzaw il-karatteristiki ewlenin tal-qafas tekniku u legali meħtieġ għall-użu tas-C-ITS, u pprovdew kontribut importanti tal-partijiet ikkonċernati għax-xogħol dwar l-ispeċifikazzjonijiet mal-esperti tal-Istati Membri. B’mod parallel, l-Istati Membri u l-industrija bdew inizjattivi importanti (Pjattaforma C-Roads u proġetti ta’ qabel l-użu, Konsorzju ta’ Komunikazzjoni CAR 2 CAR) li kkontribwixxew għal speċifikazzjonijiet komuni Ewropej għal komunikazzjoni minn vettura għal vettura u minn vettura għall-infrastruttura.
Wara 14-il laqgħa mal-esperti tal-Istati Membri u konsultazzjoni intensiva mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, fit-13 ta’ Marzu 2019 il-Kummissjoni adottat r-Regolament Delegat dwar speċifikazzjonijiet komuni tal-UE għas-C-ITS. Madankollu, dan l-Att Delegat ġie rrifjutat mill-Kunsill f’Lulju 2019.
Qasam ieħor għall-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet huwa relatat mal-aċċess miftuħ għas-servizzi tal-ITS (pjattaforma miftuħa fil-vetturi) permezz tal-aċċess għal data u riżorsi fil-vetturi. Dan il-qasam kien is-suġġett ta’ diversi studji ta’ tħejjija u diskussjonijiet intensivi bejn il-partijiet ikkonċernati matul l-ewwel fażi tal-pjattaforma C-ITS. Fil-Komunikazzjoni tagħha [COM(2018)283 final] Fi triqitna lejn il-mobbiltà awtomatizzata: Strateġija tal-UE għall-mobbiltà tal-futur li ġiet ippubblikata fis-17 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni ħabbret li se tqis il-ħtieġa ta’ speċifikazzjonijiet skont id-Direttiva dwar l-ITS fir-rigward tal-aċċess għal data tal-vetturi (personali u/jew mhux personali) għall-ħtiġijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, b’mod partikolari l-ġestjoni tat-traffiku. Dan ix-xogħol għandu jagħmel ukoll użu mill-input ta’ grupp ġdid ta’ esperti tal-Kummissjoni dwar il-kondiviżjoni tad-data bejn in-negozji u l-gvern.
Dan ġie kkonfermat fil-programm ta’ ħidma aġġornat tad-Direttiva dwar l-ITS adottat fil-11 ta’ Diċembru 2018, li jelenka wkoll attivitajiet addizzjonali għall-2018-2022. Dawn jistgħu jwasslu għal atti delegati ġodda skont id-Direttiva dwar l-ITS li jkopru:
·l-estensjoni ġeografika possibbli tal-ispeċifikazzjonijiet eżistenti dwar servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha, inklużi tipi ta’ data possibbli addizzjonali (eż. restrizzjonijiet fuq l-aċċess urban, punti tal-iċċarġjar/tar-riforniment tal-fjuwil);
·l-estensjoni possibbli tal-eCall għal kategoriji ta’ vetturi oħra (bħal vetturi tqal tal-merkanzija, xarabanks u kowċis, vetturi b’żewġ roti motorizzati, u tratturi agrikoli);
·il-ħlas/il-ħruġ ta’ biljetti interoperabbli u multimodali; u
·l-kontinwità tas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku u l-merkanzija;
Kif ġie ddikjarat fil-programm ta’ ħidma aġġornat, dawn l-attivitajiet se jibdew b’eżerċizzju ta’ mmappjar mal-esperti tal-Istati Membri, sabiex jiġi ċċarat aktar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-attivitajiet.
2.3.Proposti dwar l-implimentazzjoni
2.3.1.L-eCall interoperabbli fl-UE kollha (azzjoni ta’ prijorità d)
Il-qafas legali li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-eCall interoperabbli fl-UE kollha issa jinsab fis-seħħ.
Id-Deċiżjoni Nru 585/2014/UE, li ġiet adottata fit-3 ta’ Ġunju 2014, ipprevediet l-implimentazzjoni obbligatorja, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 2017, tal-infrastruttura meħtieġa taċ-ċentri li jirċievu t-telefonati ta’ emerġenza (PSAPs) meħtieġa biex jirċievu u jittrattaw eCalls 112 fl-UE, skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 305/2013. Skont l-aħħar informazzjoni li waslet mill-Istati Membri, din l-implimentazzjoni ġiet kompluta, ħlief għal kwistjoni waħda (nuqqas ta’ implimentazzjoni f’reġjun żgħir).
Ir-Regolament (UE) 2015/758 jistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi fir-rigward tas-sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, kif ukoll tas-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati tas-sistemi eCall immuntati fil-vettura bbażati fuq in-numru 112. Dan jipprevedi t-twaħħil obbligatorju ta’ sistema eCall immuntata fil-vetturi bbażata fuq in-numru112 fuq it-tipi ġodda kollha ta’ vetturi M1 (karozzi tal-passiġġieri) u N1 (vetturi kummerċjali ħfief) mill-31 ta’ Marzu 2018 ’il quddiem. Dan jirrikonoxxi wkoll id-dritt ta’ sid il-vettura biex juża sistema eCall immuntata fil-vetturi elettroniċi tat-TPS li tipprovdi servizz simili, minbarra s-sistema eCall immuntata fil-vetturi bbażata fuq in-numru 112. Fil-kuntest ta’ rapport ta’ evalwazzjoni li għandu jitressaq sal-31 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni hija meħtieġa tinvestiga jekk il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandux jiġi estiż għal kategoriji oħra ta’ vetturi, bħal vetturi tqal tal-merkanzija, xarabanks u kowċis, vetturi b’żewġ roti motorizzati, u tratturi agrikoli. Dan ir-Regolament ġie kkomplementat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/78 u mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/79 li jagħtu aktar dettalji dwar id-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi.
2.3.2.Azzjonijiet oħra
Skont l-analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri, il-parti l-kbira tal-Istati Membri kienu attivi ħafna fl-implimentazzjoni tal-ewwel speċifikazzjonijiet adottati [azzjonijiet ta’ prijorità (c), (e) u (b)], b’mod partikolari bis-saħħa tal-appoġġ finanzjarju tal-UE permezz tan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T) u tas-sejħiet tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE).
Fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-azzjonijiet ta’ prijorità msemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar l-ITS, 17-il Stat Membru u n-Norveġja rrapportaw li waqqfu l-Punt ta’ Aċċess Nazzjonali (NAP) tagħhom, filwaqt li ħamsa oħra qed jieħdu azzjoni biex jagħmlu dan fi żmien qasir. L-implimentazzjoni tal-NAPs għall-ispeċifikazzjonijiet (e) hija aktar limitata (13-il Stat Membru waqqfu NAP u/jew ikkontribwixxew għall-punt ta’ aċċess Ewropew) billi bosta Stati Membri jqisu li l-ispeċifikazzjonijiet ma japplikawx fit-territorju tagħhom minħabba n-nuqqas ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar il-parkeġġ sikuri u siguri. Minħabba dawn l-iżviluppi pożittivi, jidher xieraq li l-isforzi attwali tal-Istati Membri jkomplu jiġu appoġġati b’dan il-mod, speċjalment meta jitqies ukoll li dawn l-ispeċifikazzjonijiet jindirizzaw primarjament l-abilitanti tas-servizzi, jiġifieri l-aċċessibilità tad-data, iżjed mis-servizzi nfushom. Raġunament simili jista’ jiġi applikat għall-ispeċifikazzjonijiet (a), li għadhom f’fażi bikrija tal-implimentazzjoni.
Madankollu, lil hinn mill-aċċessibbiltà tad-data, teżisti l-problema tad-disponibbiltà (jiġifieri l-eżistenza nnifisha tal-informazzjoni f’format diġitali) tad-data, b’mod partikolari fir-rigward ta’ tipi ta’ data importanti ħafna li jikkorrispondu għar-regoli dwar l-użu tal-infrastruttura bħal regolamenti tat-traffiku, li huma kruċjali għal servizzi bħall-Assistenza Intelliġenti tal-Veloċità (ISA) jew sewqan awtomatizzat, għan-netwerk kollu tat-trasport bit-triq. Din il-problema għandha tiġi studjata biex tiġi vvalutata l-ħtieġa għal aktar azzjoni.
2.4.Standards
Diversi attivitajiet ta’ standardizzazzjoni kienu qed jindirizzaw l-oqsma ta’ prijorità tad-Direttiva dwar l-ITS.
Ġew adottati l-istandards ta’ eCall imsemmija fir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 305/2013. Fl-2015, ġiet iffinalizzata reviżjoni żgħira ta’ dawn l-istandards sabiex jiġi integrat l-eżitu tal-proġetti pilota HeERO. Fl-2015 ġiet iffinalizzata u ppubblikata wkoll CEN/TS 16454 dwar l-ittestjar tal-konformità minn tarf sa ieħor tal-eCall.
Is-CEN u/jew l-ETSI nedew diversi elementi ta’ ħidma ġodda relatati mal-eCall li jibbenefikaw mill-appoġġ tal-UE u dawn ġew approvati bħala standards jew speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda, b’mod partikolari l-eCall permezz ta’ stazzjon tal-ITS, diversi speċifikazzjonijiet tekniċi li jestendu l-eCall għal kategoriji oħra ta’ vetturi (HGVs u vetturi kummerċjali oħra, kowċis u xarabanks, vetturi agrikoli/tal-forestrija, vetturi motorizzati b’żewġ roti) u Protokolli dwar l-Applikazzjoni ta’ Livell Għoli tal-eCall (HLAP) li jużaw in-netwerks packet switched tal-IMS.
Għadhom ma ġewx indirizzati ħtiġijiet oħra, bħar-rekwiżiti fiżiċi u operattivi għal apparati fil-vetturi tas-suq sekondarju u linji gwida dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi eCall (tas-suq sekondarju).
Fil-qafas tal-mandat ta’ standardizzazzjoni M/453, CEN (TC 278 WG16) u l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI) (TC ITS), kif ukoll organizzazzjonijiet oħra ta’ standardizzazzjoni, ipprovdew standards rilevanti għal sistemi kooperattivi tal-ITS. Ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni tal-ITS jibni wkoll fuq il-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Uniti tal-Amerka u sħab oħra li jaħdmu fuq l-armonizzazzjoni globali tal-istandards tal-ITS. Din il-kooperazzjoni taċċellera d-definizzjoni tal-istandards u twassal għal implimentazzjoni aktar malajr tas-sistemi tal-ITS.
L-istandard tad-DATEX II għall-iskambju (f’ħin reali) tal-informazzjoni relatata mal-ITS ġie żviluppat u ppubblikat ukoll, filwaqt li speċifikazzjoni teknika tas-CEN (CEN/TS 17268) għall-iskambju tad-data spazjali (statika) tal-ITS ġiet iffinalizzata fl-2018 f’konformità mal-proġett TN-ITS. Dawn l-attivitajiet huma essenzjali għall-iskambju aħjar tad-data dwar it-trasport bit-triq tal-ITS u għad-data meħtieġa għall-mapep diġitali.
Fi Frar 2016, il-Kummissjoni nediet il-mandat ta’ standardizzazzjoni M/546 li jitlob lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni jabbozzaw standards Ewropej ġodda u prodotti tal-istandardizzazzjoni Ewropea biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-ITS għall-informazzjoni multimodali, il-ġestjoni tat-traffiku u l-loġistika urbana fil-qasam urban tal-ITS. Dan huwa mistenni li jitlesta fl-2021.
Ġew identifikati ħtiġijiet addizzjonali ta’ standardizzazzjoni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS u dawn ġew miżjuda mal-aġġornamenti annwali tal-Pjan Rikorrenti tal-Kummissjoni għall-istandardizzazzjoni tal-ICT fid-dawl ta’ attivitajiet futuri possibbli ta’ standardizzazzjoni. Dawn jinkludu struttura miftuħa ta’ pjattaformi fil-vetturi, l-integrazzjoni sikura u l-operat ta’ apparati nomadiċi, u analiżi tad-distakk fir-rigward tal-firxa wiesgħa ta’ servizzi għall-Mobbiltà Kooperattiva, Konnessa u Awtomatizzata (CCAM).
2.5.Miżuri mhux vinkolanti
2.5.1.Linji gwida għar-rapportar mill-Istati Membri
Wara li tqiesu l-esperjenzi miġbura, fid-dawl tal-analiżi tal-ewwel rapporti ta’ progress dwar l-ITS tal-Istati Membri (2014), tfasslu struttura komuni għar-rapportar u lista ta’ Indikaturi Ewlenin ta’ Prestazzjoni (KPIs) b’kooperazzjoni mal-esperti tal-Istati Membri u dawn ġew proposti lill-Istati Membri biex jużawhom fir-rapporti ta’ progress tagħhom tal-2017 fuq bażi volontarja. Dawn jikkomplementaw il-linji gwida għar-rapportar mill-Istati Membri skont id-Direttiva dwar l-ITS li ġew adottati fit-13 ta’ Lulju 2011. Informazzjoni ddettaljata dwar l-użu ta’ din l-istruttura u dawn il-KPIs tista’ tinstab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-analiżi tar-rapporti ta’ progress tal-Istati Membri tal-2014 u l-2017.
2.5.2.Linji gwida dwar l-ITS għal żoni urbani
Kif irrapportat fl-ewwel rapport ta’ progress, il-linji gwida dwar l-ITS għal żoni urbani li tħejjew bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-ITS ipprovdew input għad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-Mobilizzazzjoni tas-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport għall-ibliet tal-UE. Dan kien parti mill-Pakkett tal-UE dwar il-Mobilità Urbana li ġie adottat fis-17 ta’ Diċembru 2013. Il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni ta’ dan il-pakkett fl-2019.
2.6.Regoli dwar il-privatezza, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni
Kif ġie rrapportat fl-2014, fejn kien xieraq, ġew inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-privatezza, il-protezzjoni tad-data, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni fl-ispeċifikazzjonijiet, li jiċċaraw li l-leġiżlazzjoni dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data trid tiġi osservata. Bl-istess mod, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie mistieden b’mod sistematiku għal-laqgħat ta’ esperti u l-opinjoni tiegħu tqieset kif xieraq.
Il-protezzjoni tad-data personali kienet kunsiderazzjoni importanti waqt it-tħejjija tal-ispeċifikazzjonijiet dwar is-C-ITS, peress li diversi servizzi tas-C-ITS jiddependu fuq it-trażmissjoni ta’ data personali. Ġie ċċarat li għas-C-ITS, l-ispeċifikazzjonijiet ma jistgħux jikkostitwixxu bażi ġuridika għall-ipproċessar legali tad-data. Minkejja dan, l-ispeċifikazzjonijiet tas-C-ITS stabbilixxew rekwiżiti għall-psewdonimizzazzjoni tal-messaġġi kif ukoll kunsiderazzjonijiet fil-premessi li jappoġġaw il-protezzjoni tad-data personali.
Aspett ieħor importanti tal-ispeċifikazzjonijiet dwar l-ITS, huwa s-sigurtà tal-komunikazzjonijiet. Għal ħafna servizzi tas-C-ITS, huwa essenzjali li jiġu żgurati l-awtentiċità u l-integrità tal-messaġġi tas-C-ITS li jinkludu informazzjoni, bħall-pożizzjonament, il-veloċità u d-direzzjoni. Għalhekk, permezz ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet, ġie stabbilit mudell ta’ fiduċja Ewropew komuni tas-C-ITS għall-istazzjonijiet kollha tas-C-ITS irrispettivament mit-teknoloġiji tal-komunikazzjoni użati.
2.7.Regoli dwar l-obbligu ta’ rendikont
Kif ġie rrapportat fl-2014, ġew inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-obbligu ta’ rendikont fl-ispeċifikazzjonijiet kif rilevanti, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva dwar l-ITS.
Peress li l-obbligu ta’ rendikont huwa wkoll element importanti għas-C-ITS, fit-tħejjija tal-ispeċifikazzjonijiet tqiesu kif xieraq id-dispożizzjonijiet ta’ referenza għal-leġiżlazzjoni tal-Komunità dwar l-armonizzazzjoni fir-rigward tal-prodotti stipulati fl-Anness I tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. Dawn mhumiex strettament marbuta mal-obbligu ta’ rendikont iżda jagħtu dettalji dwar l-obbligi u r-responsabilitajiet tal-manifatturi tal-istazzjonijiet tas-C-ITS.
2.8.Rapportar mill-Istati Membri
2.8.1.Rapport dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali rigward l-oqsma ta’ prijorità
Skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva dwar l-ITS, l-Istati Membri kienu meħtieġa li sas-27 ta’ Awwissu 2014 u sas-27 ta’ Awwissu 2017 jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali tagħhom fl-oqsma ta’ prijorità elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar l-ITS.
Dawn ir-rapporti tal-2014 u tal-2017 ġew analizzati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni “Analiżi tar-rapporti tal-Istati Membri” li qiegħed jakkumpanja dan ir-rapport.
2.8.2.Tagħlimiet prinċipali - xejriet attwali
Il-parti l-kbira tal-Istati Membri qegħdin isegwu b’mod attiv ix-xogħol fil-qasam ta’ prijorità I (Użu ottimali tad-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar), inklużi proġetti ffinanzjati mill-UE li jinvolvu ħafna Stati Membri (bħal Crocodile 2). Bosta pajjiżi rrapportaw ukoll li qed jiżviluppaw pjanifikaturi tal-vjaġġi nazzjonali u qed itejbu l-infrastruttura tagħhom għall-ġbir tad-data u sinjali ta’ messaġġi varjabbli. Madankollu, fil-bidu s-settur privat wera rieda limitata biex jikkoopera dwar l-aċċess għal data relatata mas-sikurezza fit-toroq (speċifikazzjonijiet (c)).
L-Istati Membri żviluppaw ukoll firxa wiesgħa ta’ attivitajiet fil-qasam ta’ prijorità II (Kontinwità tas-servizzi tal-ITS fil-ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija). Dawn jinkludu t-titjib tas-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku tagħhom u l-użu transkonfinali kontinwu tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku, il-konnessjoni tat-trasport bit-triq u bil-ferrovija b’mod aktar effettiv, l-iżvilupp ta’ biljetti intelliġenti/elettroniċi multimodali għat-trasport pubbliku, jew l-iżvilupp ta’ għodod innovattivi u sistemi online għall-informazzjoni u l-ġestjoni tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Kważi l-Istati Membri kollha kienu involuti f’wieħed jew aktar mill-proġetti ffinanzjati mill-UE f’dan il-qasam, bħal NEXT-ITS 2, Ursa Major 2, MedTIS2 jew Arc Atlantique 2.
Minbarra l-użu tal-infrastruttura tal-eCall u l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet (e) dwar servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet, li kienu appoġġati wkoll minn proġetti ffinanzjati mill-FNE, ġew irrapportati inqas attivitajiet għall-qasam ta’ prijorità III (applikazzjonijiet tal-ITS għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq). Madankollu, diversi proġetti ewlenin tal-ITS fuq skala kbira ffinanzjati mill-UE tul il-kurituri tal-FNE (bħal Ursa Major 2 jew NEXT-ITS 2) huma relatati mill-inqas parzjalment mal-qasam ta’ prijorità III, peress li b’mod partikolari dawn għandhom l-għan li jtejbu s-sikurezza tat-traffiku tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Għandu jiġi nnotat ukoll li ħafna mill-proġetti kooperattivi tal-ITS irrapportati fil-qasam ta’ prijorità IV għandhom enfasi qawwija fuq is-sikurezza.
Ġew irrapportati bosta attivitajiet ġodda fil-qasam ta’ prijorità IV, b’mod partikolari dawk li huma ffukati fuq l-ITS kooperattiva, li jġibu dan il-qasam aktar konformi ma’ oqsma oħra ta’ prijorità f’bosta Stati Membri. Proġetti ffinanzjati mill-FNE bħalma huma l-Pjattaforma C-Roads (u l-proġetti nazzjonali assoċjati C-Roads), InterCor u NordicWay għaqdu flimkien bosta Stati Membri u għenu biex jinbnew l-interoperabbiltà u standards transkonfinali.
Kif diġà ġie enfasizzat fir-rapport tal-2014, l-interoperabbiltà u l-kontinwità tas-servizzi ġew sostnuti mill-ispeċifikazzjonijiet tal-UE adottati skont id-Direttiva dwar l-ITS.
Bosta Stati Membri waqqfu wkoll l-NAPs relatati mal-ispeċifikazzjonijiet differenti tad-Direttiva dwar l-ITS. It-tabella li ġejja turi l-livell ta’ implimentazzjoni tal-NAPs meta nkiteb dan ir-rapport. Il-kulur aħmar jenfasizza nuqqas ta’ informazzjoni u/jew nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-NAPs f’bosta Stati Membri. Lista aġġornata u ddettaljata tal-NAPs hija disponibbli wkoll fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
Kodiċi tal-kulur għall-Punti ta’ Aċċess Nazzjonali
Bosta Stati Membri ħadmu wkoll flimkien fuq għodod komuni relatati mal-aċċessibbiltà tad-data u l-provvista ta’ servizzi (eż. profili DATEX II, speċifikazzjonijiet TN-ITS, katalogu ta’ metadata, qafas ta’ kwalità, mudelli ta’ awtodikjarazzjoni eċċ.), permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-FNE/azzjonijiet ta’ appoġġ għall-programmi, jew fuq bażi volontarja. Din il-kooperazzjoni għandha tiġi mħeġġa u estiża sabiex tiġi appoġġata l-armonizzazzjoni tal-infrastruttura diġitali tal-ITS, li l-bażi tagħha hija ffurmata mill-NAPs kollha.
Ġew irrapportati wkoll tipi ġodda ta’ attivitajiet, bħall-użu ta’ drones għall-monitoraġġ tat-traffiku, u ħafna Stati Membri rrapportaw attivitajiet relatati ma’ vetturi mingħajr sewwieq/sewqan awtonomu. Dawn it-temi ġodda emerġenti tal-ITS jistħoqqilhom attenzjoni sostnuta, b’mod partikolari fid-dawl tar-reviżjoni possibbli tad-Direttiva dwar l-ITS.
2.9.Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-ITS
Kif diġà ġie rrapportat fl-2014, il-Kummissjoni talbet b’mod sistematiku lill-membri tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar l-ITS biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub dwar l-aspetti kummerċjali u tekniċi tal-abbozz ta’ speċifikazzjonijiet. Il-grupp ipprovda kummenti siewja li għenu biex jitfasslu l-verżjonijiet finali tal-ispeċifikazzjonijiet. Ġew organizzati għaxar laqgħat fiżiċi bejn Marzu 2012 u Settembru 2018, inklużi l-laqgħat tal-“Ħbieb tal-ITS” li ppermettew diskussjoni aktar integrata bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-industrija u partijiet ikkonċernati oħra.
3.Effiċjenza u adegwatezza tad-Direttiva 2010/40/UE u d-delega tas-setgħa
3.1.Effiċjenza u adegwatezza
Evalwazzjoni estensiva tal-effikaċja, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tad-Direttiva 2010/40/UE tista’ tinstab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS li takkumpanja dan ir-rapport.
3.2.Eżerċitar tad-delega
Approvazzjoni politika
Ir-rapport tal-2014 enfasizza d-differenza bejn l-opinjonijiet espressi mill-esperti nazzjonali matul il-ħidma li twettqet dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-eCall u l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri matul il-kontroll politiku mill-Kunsill. Sussegwentement, l-ispeċifikazzjonijiet adottati għall-azzjonijiet ta’ prijorità marru aħjar minn dak il-lat, bi qbil ġenerali fil-livell tal-Kunsill u tal-Parlament. Dan seta’ ffaċilita l-estensjoni ta’ ħames snin tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u d-djalogu mal-Istati Membri dwar l-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma aġġornat. Għall-kuntrarju ta’ dan, ir-Regolament Delegat li jissupplimenta d-Direttiva dwar l-ITS fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-użu operattiv tas-C-ITS, li ġie adottat mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 2019 wara ħidma estensiva u siewja mal-esperti tal-Istati Membri, ġie rrifjutat mill-Kunsill f’Lulju 2019.
Mistoqsijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-delega tas-setgħa
Fit-18 ta’ Diċembru 2013, Stat Membru rrefera ż-żewġ Regolamenti ta’ Delega (UE) Nru 885/2013 (servizzi ta’ informazzjoni dwar postijiet ta’ parkeġġ għat-trakkijiet) u (UE) Nru 886/2013 (servizzi ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku marbuta mas-sikurezza fit-toroq) lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Dan talab biex dawn iż-żewġ Regolamenti ta’ Delega jiġu annullati, billi argumenta li dawn jeċċedu l-limiti tad-delega skont id-Direttiva 2010/40/UE u għalhekk jiksru l-Artikolu 290 tat-TFUE, billi l-atti delegati kienu qed jintroduċu obbligi li għandhom jiġu ssodisfati mill-Istati Membri kollha, għall-kuntrarju tal-għan tad-Direttiva dwar l-ITS.
Il-Qorti Ġenerali ċaħdet din l-azzjoni f’Ottubru 2015, fejn iddikjarat li l-Kummissjoni ma kinitx qabżet is-setgħa tagħha meta adottat dawn l-atti ta’ delega. Din ikkonfermat ukoll il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tat-twaqqif ta’ korp ta’ sorveljanza kompetenti biex jivvaluta l-konformità permezz ta’ wieħed mill-atti ta’ delega.
L-Istat Membru appella kontra din is-Sentenza, fejn sostna, essenzjalment, li:
1.il-Qorti Ġenerali ddikjarat b’mod żbaljat li r-regolamenti kkontestati ma jirrikjedux li l-Istati Membri jimplimentaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-ITS fit-territorju tagħhom;
2.il-Qorti Ġenerali ma kinitx interpretat b’mod korrett id-delega tas-setgħa fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2010/40/UE bħala li tawtorizza lill-Kummissjoni biex titlob lill-Istati Membri jistabbilixxu korp ta’ sorveljanza; u
3.l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta sostniet li l-korp ta’ sorveljanza ma kienx element essenzjali tas-suġġett inkwistjoni u li jista’ jkun is-suġġett ta’ delega tas-setgħa.
Fis-26 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell bħala infondat, u b’hekk ikkonfermat is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni.
Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li t-twaqqif tal-korp ta’ sorveljanza mhuwiex “element essenzjali” tas-suġġett inkwistjoni u għalhekk jista’ jkun suġġett ta’ delega tas-setgħa.
3.3.Segwitu tal-ispeċifikazzjonijiet
Kif diġà ssemma fir-rapport tal-2014, ingħatat għajnuna fl-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (proġetti bħal I_HeERO, Crocodile 2 jew C-Roads u azzjonijiet ta’ appoġġ għall-programmi bħal TN-ITS GO, DATEX II, MMTIS) u l-finanzjament ta’ Orizzont 2020 u minn serje ta’ inizjattivi u pjattaformi tal-partijiet ikkonċernati (EeIP, TISA, EU-EIP, TN-ITS eċċ).
Sabiex tistruttura l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet fl-Istati Membri, il-Kummissjoni organizzat ukoll diversi laqgħat u workshops ta’ segwitu tal-esperti sabiex tiddiskuti kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni għall-ispeċifikazzjonijiet kollha (a), (b), (c), (d) u (e), b’mod partikolari kwistjonijiet relatati mat-twaqqif tal-NAPs.
Kif imsemmi fit-Taqsima 2.8.2., ħafna Stati Membri ħadmu flimkien, fuq bażi volontarja u/jew fi ħdan proġetti ffinanzjati mill-UE, fuq l-għodod differenti meħtieġa biex jiġu implimentati l-ispeċifikazzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ kwalità, il-metadata, it-tfassil tal-profili tal-istandards, eċċ.
Dan ix-xogħol kien meħtieġ biex jikkomplementa l-ispeċifikazzjonijiet b’elementi operattivi u xi kultant tnieda minn għadd żgħir ta’ Stati Membri, fin-nuqqas ta’ xi qafas formalizzat. Ix-xogħol żgur jibbenefika minn koordinazzjoni aħjar, bl-involviment tal-Istati Membri kollha u billi jiġu koperti l-ispeċifikazzjonijiet kollha, biex isir l-aħjar użu minn dan ix-xogħol lejn infrastruttura diġitali armonizzata tal-ITS.
4.Riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa
Meta mqabbla mar-rapport tal-2014, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar ir-riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa, peress li l-azzjonijiet kollha ta’ prijorità ġew indirizzati u l-implimentazzjoni tas-servizzi u tal-infrastruttura tal-NAPs imxiet ’il quddiem b’mod sinifikanti. Ta’ min jinnota li l-kostijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ spiss huma diffiċli ħafna biex jiġu iżolati mill-kostijiet ġenerali tal-implimentazzjoni u l-operat tas-servizzi tal-ITS u tal-infrastrutturi fiżiċi tal-ITS infushom, li jistgħu jkunu ħafna ogħla.
Il-kostijiet marbuta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS huma ddettaljati b’mod estensiv fl-“Istudju ta’ Appoġġ għall-evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 2010/40/UE dwar l-ITS” (Ricardo-TEPR, Lulju 2018) u komplew jiġu diskussi fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS li jakkumpanja dan ir-rapport.
Minbarra l-kostijiet ta’ traspożizzjoni mġarrba mill-Istati Membri u l-kostijiet għall-Kummissjoni u l-Istati Membri li jirriżultaw mil-laqgħat tal-Kumitat Ewropew dwar l-ITS (25 laqgħa sal-aħħar tal-2018), il-Grupp Konsultattiv Ewropew (10 laqgħat), il-gruppi ta’ esperti tal-Istati Membri (58 laqgħa biex jitħejjew l-ispeċifikazzjonijiet jew laqgħat ta’ segwitu) u l-pjattaforma C-ITS (tmien laqgħat plenarji u 160 laqgħa tal-grupp ta’ ħidma), il-kostijiet relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
-Il-ħolqien u t-tħaddim tal-NAPs: il-kostijiet medji tal-ħolqien għall-NAPs, ibbażati fuq l-input ta’ 30 % tal-Istati Membri, ivarjaw minn EUR 249 000 għall-ispeċifikazzjonijiet (b) sa EUR 352 000 għall-ispeċifikazzjonijiet (c). Il-kostijiet medji annwali tat-tħaddim ivarjaw minn EUR 29 000 għall-ispeċifikazzjonijiet (c) għal EUR 46 000 għall-ispeċifikazzjonijiet (b). Rigward l-ispeċifikazzjonijiet (a), tliet Stati Membri biss ipprovdew data, li turi l-kost medju għall-ħolqien ta’ EUR 195 000 u EUR 22 000 għall-kost annwali tat-tħaddim. Dawn il-kostijiet huma biss valuri medji, u l-valuri individwali għal kull Stat Membru jvarjaw b’mod konsiderevoli, b’mod partikolari skont l-għażliet ta’ implimentazzjoni li jkun għamel l-Istat Membru (użu mill-ġdid ta’ punti ta’ aċċess eżistenti, punti ta’ aċċess komuni għal diversi speċifikazzjonijiet eċċ), skont is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula (eż. maħżen tad-data, suq, repożitorju) u jekk kinitx inkluża data dinamika jew le.
-L-iżvilupp tal-istandards: il-Kummissjoni allokat EUR 2,8 miljun għall-2011-2017 biex tiżviluppa standards għall-eCall u ż-żewġ mandati M/453 (C-ITS) u M/546 (ITS għal żoni Urbani). Ġie allokat finanzjament addizzjonali għall-istandards relatati mal-ispeċifikazzjonijiet (eż. speċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju ta’ data spazjali dwar l-ITS) u għat-tfassil tal-profili tal-istandards permezz tal-proġetti tal-FNE jew l-Azzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Programm. Dan ix-xogħol fuq l-istandardizzazzjoni se jkompli, b’mod partikolari taħt il-Pjan Rikorrenti tal-Kummissjoni għall-istandardizzazzjoni tal-ICT.
-Azzjonijiet ta’ Appoġġ għall-Programm (PSAs) mill-FNE: tnedew diversi PSAs mill-FNE għal total ta’ EUR 15,5 miljun biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet. Dawn ikopru l-proċeduri u l-istandards għall-iskambju ta’ data (TN-ITS GO għad-data spazjali dwar l-ITS, DATEX II għad-data dwar it-traffiku, NeTEx għat-trasport pubbliku, MMTIS) u struttura ta’ sigurtà għas-C-ITS, li tippermetti lil bosta Stati Membri jiżviluppaw għodod ta’ implimentazzjoni komuni.
-Rigward l-eCall, minbarra l-proġetti pilota preċedenti ta’ qabel l-implimentazzjoni, ġew investiti EUR 39 miljun f’żewġ proġetti ffinanzjati mill-FNE (li minnhom EUR 18,7 miljun kienu fondi tal-UE) li kienu jinvolvu 18-il Stat Membru. Dawn il-kostijiet imorru lil hinn mill-ħolqien jew mit-titjib tal-infrastruttura tal-PSAPs meħtieġa biex jirċievu u jittrattaw l-eCalls, u jinkludu wkoll attivitajiet li jħarsu ’l quddiem relatati pereżempju mal-estensjoni biex jiġu koperti tipi addizzjonali ta’ vetturi.
Kostijiet addizzjonali li għandhom jiġu nnotati huma studji ta’ konsulenza għall-Kummissjoni (EUR 2,1 miljun għall-2010-2017), l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti rigward l-ITS (EUR 1,6 miljun għall-2010-2017), u kostijiet relatati mal-monitoraġġ u l-infurzar għall-Kummissjoni u l-Istati Membri.
Kif ġie rrapportat fl-“Istudju ta’ Appoġġ għall-evalwazzjoni ex post tad-Direttiva 2010/40/UE dwar l-ITS” (Ricardo-TEPR, Lulju 2018), l-investimenti fir-R&Ż (FP7 u Orizzont 2020) u l-implimentazzjoni (TEN-T u FNE, FSIE) huma ħafna ogħla minn dawn il-kostijiet ta’ implimentazzjoni, fi proporzjon ta’ madwar 100 għal 1. Peress li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-ispeċifikazzjonijiet żviluppati skont id-Direttiva dwar l-ITS huwa li jiġi ffaċilitat u armonizzat l-aċċess għad-data li għandha tintuża mill-ġdid biex jiġu żviluppati servizzi tal-ITS, l-ispejjeż relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva jidhru raġonevoli, kif jagħmlu dawk relatati mal-forniment armonizzat tas-servizzi nfushom, pereżempju għall-eCall u s-C-ITS. Dawn il-kwistjonijiet dwar il-kostijiet u l-benefiċċji huma diskussi f’aktar dettall fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS li takkumpanja dan ir-rapport.
5.Konklużjoni
Is-sitt azzjonijiet ta’ prijorità tad-Direttiva dwar l-ITS ġew indirizzati bis-sħiħ. Bdew attivitajiet ġodda skont id-Direttiva dwar l-ITS, id-dritt li jiġu adottati atti delegati ġie estiż fiż-żmien u l-adozzjoni fil-11 ta’ Diċembru 2018 tal-programm ta’ ħidma aġġornat tad-Direttiva dwar l-ITS se tiggwida l-ħidma futura għas-snin li ġejjin.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qed jimplimentaw b’mod attiv l-ispeċifikazzjonijiet li jsostnu l-implimentazzjoni tas-servizzi tal-ITS. L-NAPs kienu jew qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati, bl-iżvilupp simultanju ta’ għodod operattivi li jappoġġaw l-aċċessibbiltà tad-data dwar l-ITS. Dan ix-xogħol ċertament jibbenefika minn koordinazzjoni aħjar, bl-involviment tal-Istati Membri kollha u billi jiġu koperti l-ispeċifikazzjonijiet kollha, sabiex jinġabru flimkien l-isforzi kollha lejn infrastruttura diġitali armonizzata tal-ITS fl-UE kollha.
Qed jitfaċċaw temi u sfidi ġodda fir-rigward tal-ITS, kif espress fir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, bħall-mobilità konnessa u awtomatizzata u l-Mobilità bħala Servizz (Maas). B’kunsiderazzjoni ta’ din l-evoluzzjoni, il-kwistjoni tad-disponibbiltà tad-data dwar in-netwerk kollu tat-trasport bit-triq tista’ ssir aktar sinifikanti, b’mod partikolari għal tipi ta’ data ewlenin li jikkorrispondu mar-regoli għall-użu tal-infrastruttura fiżika. Din il-kwistjoni għandha tiġi studjata aktar sabiex tiġi vvalutata l-ħtieġa għal aktar azzjoni.
B’kunsiderazzjoni wkoll tas-sejbiet tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-ITS, reviżjoni futura possibbli tad-Direttiva dwar l-ITS għandha tinkludi dawn l-aspetti kollha f’approċċ komprensiv.