Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill Li tirrevoka d-deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2009/473/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea /* KUMM/2009/0650 finali */
Brussel 27.11.2009 KUMM(2009)650 finali Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2009/473/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea (preżentata mill-Kummissjoni) MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Fl-20 ta’ Diċembru 2008, il-KE u l-Ginea inizjalaw Ftehim ġdid ta' Sħubija dwar is-Sajd (FSS) u protokoll li jkopru l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2012. Il-protokoll ilu jiġu applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2009, kif miftiehem mill-Partijiet permezz ta’ skambju ta’ ittri approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2009[1], sakemm tiġi adottata l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Konklużjoni ta’ FSS bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea[2]. Wara l-avvenimenti traġiċi tat-28 ta’ Settembru 2009, meta l-forzi tal-Gvern fetħu n-nar fuq folol ta’ protestanti, li rriżultaw f’aktar minn 150 mewta, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri meħtieġa biex tirtira l-proposta tagħha għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Konklużjoni tal-Ftehim imsemmi fl-20 ta’ Ottubru 2009, u infurmat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan. Il-proposta dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea ġiet irtirata fil-11 ta’ Novembru 2009 permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni[3]. Skont il-liġi internazzjonali, il-Kunsill għalhekk għandu jgħarraf, f’isem il-Komunità Ewropea, lir-Repubblika tal-Ginea li mhuwiex biħsiebu jikkonkludi l-Ftehim imsemmi hawn fuq. Skont l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, l-applikazzjoni provviżorja ta' Trattat għandha tiġi tterminata jekk waħda mill-Partijiet tinnotifika lill-Parti l-oħra li magħha t-Trattat ikun qiegħed jiġi applikat fuq bażi provviżorja, li ma tkunx biħsiebha ssir parti kontraenti tat-Trattat. Il-Kummissjoni tipproponi, fid-dawl ta’ dan, li l-Kunsill jirrevoka d-Deċiżjoni tiegħu Nru 2009/473/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2009/473/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 37 flimkien mal-Artikolu 300(2) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[4], Billi: 1. Il-protokoll għall-Ftehim il-Ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea, li ġie inizjalat fl-20 ta’ Diċembru 2008, ilu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-1 ta’ Jannar 2009, kif miftiehem mill-Partijiet permezz ta’ skambju ta’ ittri approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2009[5], sakemm tiġi adottata l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-Konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea[6]. 2. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta tagħha għal Regolament tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-FSS imsemmi hawn fuq, fid-dawl tal-avvenimenti traġiċi tat-28 ta’ Settembru 2009[7], meta forzi tal-Gvern fetħu n-nar fuq folol ta’ protestanti, li rriżultaw f’150 mewta. 3. Għalhekk huwa meħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2009/473/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea tiġi revokata. IDDEĊIEDA: Artikolu Uniku Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2009/473/KE dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fl-għamla ta’ skambju ta’ ittri dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea huwa b’dan revokat. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill [1] 2009/473/KE, OJ L 156, 19.06.2009 [2] COM (2009) 120 finali, 12.03.2009 [3] PV (2009) 1894, 13.11.2009, paġna 16 [4] COM(2009) … finali, .... [5] 2009/473/KE, OJ L 156, 19.06.2009 [6] COM (2009) 120 finali, 12.03.2009 [7] PV (2009) 1894, 13.11.2009, paġna 16