Strasburgu, 17.9.2024

COM(2024) 55 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-Ambjenti Mingħajr Duħħan u Aerosol


li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02

{SWD(2024) 55 final} - {SWD(2024) 56 final}


ANNESS

Linji gwida dwar il-protezzjoni mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk, kif adottati mit-Tieni Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO

SKOP, OBJETTIVI U KUNSIDERAZZJONIJIET EWLENIN

Skop tal-linji gwida

1.B’konsistenza mad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO u mal-intenzjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet, dawn il-linji gwida huma intiżi biex jassistu l-Partijiet fl-issodisfar tal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni. Dawn jibbażaw fuq l-aħjar evidenza disponibbli u fuq l-esperjenza tal-Partijiet li implimentaw miżuri effettivi b’suċċess biex inaqqsu l-esponiment għad-duħħan tat-tabakk.

2.Il-linji gwida fihom dikjarazzjonijiet ta’ prinċipji miftehma u definizzjonijiet tat-termini relevanti, kif ukoll rakkomandazzjonijiet miftehma għall-passi meħtieġa biex jiġu ssodisfatti l-obbligi tal-Konvenzjoni. Barra minn hekk, il-linji gwida jidentifikaw il-miżuri neċessarji biex tinkiseb protezzjoni effettiva mill-perikli tad-duħħan mit-tabakk m’għand ħaddieħor. Il-Partijiet huma mistiedna jużaw dawn il-linji gwida mhux biss biex jissodisfaw id-dmirijiet legali tagħhom skont il-Konvenzjoni, iżda wkoll biex isegwu l-aħjar prattiki għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika.

Objettivi tal-linji gwida

3.Dawn il-linji gwida għandhom żewġ objettivi relatati. L-ewwel waħda hi biex il-Partijiet ikunu assistiti biex jilħqu l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO, b’mod konsistenti mal-evidenza xjentifika dwar l-esponiment għad-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor u l-aħjar prattiki minn madwar id-dinja fl-implimentazzjoni tal-miżuri kontra d-duħħan, sabiex ikun stabbilit livell għoli ta’ akkontabilità għall-konformità mat-trattati u sabiex il-Partijiet ikunu assistiti fil-promozzjoni tal-ogħla livell ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq. It-tieni mira hi li jkunu identifikati l-elementi ewlenin tal-leġiżlazzjoni neċessarja biex in-nies ikunu protetti b’mod effettiv minn esponiment għad-duħħan tat-tabakk, kif meħtieġ mill-Artikolu 8.

Konsiderazzjonijiet ta’ bażi

4.L-iżvilupp ta’ dawn il-linji gwida kien influwenzat minn dawn il-konsiderazzjonijiet fundamentali li ġejjin:

(a)Id-dmir għall-protezzjoni mid-duħħan mit-tabakk, inkorporat fit-test tal-Artikolu 8, huwa mfassal fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq il-libertajiet fundamentali. Minħabba l-perikli relatati mat-teħid man-nifs tad-duħħan mit-tabakk m’għand ħaddieħor, id-dmir għall-protezzjoni mid-duħħan tat-tabakk hu impliċitu, fost l-oħrajn, fid-dritt għall-ħajja u fid-dritt għall-kisba tal-ogħla livell ta’ saħħa, kif rikonoxxut f’ħafna strumenti legali internazzjonali (inklużi l-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Patt dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali), kif formalment inkluż fil-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO u kif rikonoxxut fil-kostituzzjonijiet ta’ ħafna nazzjonijiet.

(b)Id-dmir għall-protezzjoni tal-individwi mid-duħħan mit-tabakk jikkorrispondi ma’ obbligu mill-gvernijiet sabiex jippromulgaw leġiżlazzjoni sabiex jipproteġu lill-individwi minn theddid għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali tagħhom. Dan l-obbligu hu estiż għal kull persuna, u mhux sempliċiment għal ċerti popolazzjonijiet biss.

(c)Diversi korpi xjentifiċi awtorevoli ddeterminaw li d-duħħan mit-tabakk m’għand ħaddieħor hu karċinoġeniku. Uħud mill-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO (pereżempju l-Finlandja u l-Ġermanja) ikklassifikaw id-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor bħala karċinoġeniku u inkludew il-prevenzjoni tal-esponiment għal dan ix-xogħol fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar is-saħħa u s-sikurezza. Għalhekk, minbarra r-rekwiżiti tal-Artikolu 8, il-Partijiet jistgħu jkunu obbligati biex jindirizzaw il-periklu tal-esponiment għad-duħħan rat-tabakk skont il-liġijiet eżistenti tagħhom dwar il-postijiet tax-xogħol jew liġijiet oħra li jikkontrollaw l-esponiment għal sustanzi perikolużi, inklużi l-karċinoġeni.

DIKJARAZZJONI TA’ PRINĊIPJI U DEFINIZZJONIJIET RELEVANTI TA’ BAŻI GĦALL-PROTEZZJONI MILL-ESPONIMENT GĦAD-DUĦĦAN TAT-TABAKK

Prinċipji

5.Kif ġie nnotat fl-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO, hemm bżonn ta’ impenn politiku serju biex jittieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-persuni kollha mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk. Il-prinċipji li ġejjin li kien hemm qbil dwarhom għandhom ikunu ta’ gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni.

Prinċipju 1

6.Miżuri effettivi sabiex tingħata protezzjoni mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk, kif previsti mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO, jeħtieġu l-eliminazzjoni totali tat-tipjip u tad-duħħan tat-tabakk fi spazju jew ambjent partikolari biex jinħoloq ambjent kompletament mingħajr duħħan. Ma hemm l-ebda livell sikur ta’ esponiment għad-duħħan tat-tabakk, u nozzjonijiet bħal valur ta’ limitu għat-tossiċità mid-duħħan m’għand ħaddieħor għandhom jiġu rrifjutati, billi hemm evidenza xjentifika li tikkontradixxihom. Metodi oħra apparti dawk fejn ikun hemm ambjenti kompletament mingħajr duħħan, li jinkludu l-ventilazzjoni, il-filtrazzjoni tal-arja u l-użu ta’ żoni apposta għat-tipjip (kemm jekk b’sistemi ta’ ventilazzjoni separati jew le), instabu bħala ineffettivi diversi drabi u hemm evidenza konklużiva, xjentifika u ta’ xorta oħra, li l-metodi tal-inġinerija ma jipproteġux kontra l-esponiment għad-duħħan tat-tabakk.

Prinċipju 2

7.Kulħadd għandu jkun protett mill-esponiment għad-duħħan mit-tabakk. Il-postijiet tax-xogħol fuq ġewwa u l-postijiet pubbliċi fuq ġewwa għandhom ikunu mingħajr duħħan.

Prinċipju 3

8.Hemm bżonn leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tan-nies mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk. Il-linji politiċi volontarji kontra d-duħħan urew diversi drabi li huma ineffiċjenti u ma jipprovdux protezzjoni adegwata. Sabiex tkun effettiva, leġiżlazzjoni għandha tkun sempliċi, ċara u li tista’ tiġi infurzata.

Prinċipju 4

9.Biex leġiżlazzjoni kontra d-duħħan tkun implimentata u infurzata b’suċċess, hemm bżonn ta’ ppjanar tajjeb u ta’ riżorsi adegwati.

Prinċipju 5

10.Is-soċjetà ċivili għandha rwol ċentrali fil-bini tal-appoġġ għal miżuri kontra d-duħħan u tal-iżgurar tal-konformità magħhom, u għandha tkun inkluża bħala sieħeb attiv fil-proċess ta’ żvilupp, ta’ implimentazzjoni u ta’ infurzar tal-leġiżlazzjoni.

Prinċipju 6

11.L-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra d-duħħan, l-infurzar tagħha u l-impatt tagħha lkoll għandhom jiġu mmonitorjati u evalwati. Dan għandu jinkludi l-monitoraġġ u r-rispons għall-attivitajiet tal-industrija tat-tabakk li jikkompromettu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, kif speċifikat fl-Artikolu 20.4 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO.

Prinċipju 7

12.Il-protezzjoni tan-nies mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk għandha tkun imsaħħa u mkabbra, jekk ikun hemm bżonn; tali azzjoni tista’ tinkludi leġiżlazzjoni ġdida jew emendata, infurzar imtejjeb u miżuri oħra biex jirriflettu evidenza xjentifika ġdida u esperjenzi ġodda ta’ studji tal-każ.

Definizzjonijiet

13.Fl-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni, hu importanti li tingħata attenzjoni għad-definizzjoni ta’ termini importanti. Diversi rakkommandazzjonijiet dwar kif għandhom ikunu ċerti definizzjonijiet, ibbażati fuq esperjenzi f’ħafna pajjiżi, huma stabbiliti hawnhekk. Id-definizzjonijiet f’din it-taqsima jissupplimentaw dawk li diġà ġew inklużi fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO.

“Duħħan mit-tabakk m’għand ħaddieħor” jew “duħħan ambjentali mit-tabakk”

14.Diversi termini alternattivi jintużaw ta’ spiss biex jiddeskrivu t-tip ta’ duħħan indirizzat mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO. Dawn jinkludu “duħħan m’għand ħaddieħor”, “duħħan ambjentali tat-tabakk”, u “duħħan tal-oħrajn”. Termini bħal “tipjip passiv” u “esponiment involontarju għad-duħħan tat-tabakk” għandhom jiġu evitati, billi l-esperjenza fi Franza u fi bnadi oħra tissuġġerixxi li l-industrija tat-tabakk tista’ tuża dawn it-termini biex issostni pożizzjoni li fiha esponiment “volontarju” hija aċċettabbli. “Duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor”, xi drabi mqassar bħala “SHS”, u “duħħan tat-tabakk ambjentali”, xi drabi mqassar bħala “ETS”, huma t-termini preferuti; dawn il-linji gwida jużaw “duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor”.

15.Duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor jista’ jiġi ddefinit bħala “d-duħħan li jiġi prodott minn sigarett imqabbad jew minn prodotti oħra tat-tabakk ġeneralment f’kombinament mad-duħħan mitfugħ minn min ikun qiegħed ipejjep”.

16.“Arja mingħajr duħħan” hi arja li tkun 100 % mingħajr duħħan. Din id-definizzjoni tinkludi, iżda mhix limitata għal, arja li fiha d-duħħan mit-tabakk ma jkunx jista’ jidher, jinxtamm, jinħass jew jitkejjel 1  

“Tipjip”

17.Dan it-terminu għandu jkun definit b’mod li jinkludi l-pussess jew il-kontroll ta’ prodott mit-tabakk mqabbad irrispettivament minn jekk id-duħħan ikunx qiegħed jinġibed jew jintefa’ ’l barra b’mod attiv jew le.

“Postijiet pubbliċi”

18.Filwaqt li definizzjoni preċiża ta’ “postijiet pubbliċi” se tvarja bejn il-ġuriżdizzjonijiet, hu importanti li l-leġiżlazzjoni tiddefinixxi dan it-terminu b’mod kemm jista’ jkun. Id-definizzjoni użata għandha tkopri l-postijiet kollha aċċessibbli mill-pubbliku ġenerali jew il-postijiet għall-użu kollettiv, irrispettivament mis-sjieda jew mid-dritt għall-aċċess.

“Fuq ġewwa” jew “fil-magħluq”

19.L-Artikolu 8 jeħtieġ protezzjoni mid-duħħan tat-tabakk f’postijiet tax-xogħol u f’postijiet pubbliċi “fuq ġewwa”. Minħabba li hemm nuqqasijiet potenzjali fid-definizzjoni ta’ żoni “fuq ġewwa”, l-esperjenzi ta’ diversi pajjiżi fid-definizzjoni ta’ dan it-terminu għandhom ikunu eżaminati b’mod speċifiku. Id-definizzjoni għandha tkun inklużiva u ċara kemm jista’ jkun possibbli, u għandha tingħata attenzjoni fid-definizzjoni biex jiġi evitat li jinħolqu listi li jistgħu jiġu interpretati li jeskludi żoni “fuq ġewwa” potenzjalment relevanti. Hu rrakkommandat li żoni “fuq ġewwa” (jew fil-magħluq) jiġu ddefiniti li jinkludu kull spazju msaqqaf jew magħluq b’ħajt jew ġenb wieħed jew aktar, irrispettivament mit-tip ta’ materjal użat għas-saqaf, għall-ħajt jew għall-ġenb, u irrispettivament minn jekk l-istruttura tkunx permanenti jew temporanja.

“Post tax-xogħol”

20.“Post tax-xogħol” għandu jkun definit b’mod wiesa’ bħala “kwalunkwe post użat min-nies waqt l-impjieg jew ix-xogħol tagħhom”. Dan għandu jinkludi mhux biss xogħol magħmul għal kumpens, iżda wkoll xogħol volontarju, jekk ikun tat-tip li għalih normalment ikun imħallas kumpens. Barra minn hekk, “postijiet tax-xogħol” jinkludu mhux biss dawk il-postijiet fejn isir ix-xogħol, iżda wkoll il-postijiet kollha assoċjati li jintużaw b’mod komuni mill-ħaddiema matul l-impjieg tagħhom, inkluż, pereżempju, kurituri, lifts, trombi tat-taraġ, swali, faċilitajiet konġunti, kafetteriji, toilets, salotti, kmamar tal-ikel u anki bini ieħor fuq barra bħal barrakki u għarajjex. Vetturi użati waqt ix-xogħol huma postijiet tax-xogħol u għandhom ikunu identifikati bħala tali b’mod speċifiku.

21.Konsiderazzjoni partikolari għandha tingħata għall-postijiet tax-xogħol li huma wkoll id-djar jew il-postijiet ta’ abitazzjoni tal-individwi, pereżempju il-ħabsijiet, l-istituzzjonijiet għas-saħħa mentali u ċ-ċentri tal-kura. Dawn il-postijiet jagħmlu parti wkoll minn postijiet tax-xogħol għall-oħrajn, li għandhom ikunu protetti mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk.

“Trasport pubbliku”

22.It-trasport pubbliku għandu jkun definit biex jinkludi kwalunkwe vettura użata għall-ġarr ta’ membri tal-pubbliku, ġeneralment għall-qligħ jew għall-gwadann kummerċjali. Dan jinkludi wkoll it-taksis.

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAL-LEĠIŻLAZZJONI EFFETTIVA

23.L-Artikolu 8 jirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri effettivi għall-protezzjoni tan-nies mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk ġo (1) postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, (2) postijiet pubbliċi fuq ġewwa, (3) trasport pubbliku, u (4) “kif xieraq” f’“postijiet pubbliċi oħra”.

24.Dan joħloq obbligu għall-provvediment ta’ protezzjoni universali billi kull post pubbliku fuq ġewwa, kull post tax-xogħol fuq ġewwa, kull mezz tat-trasport pubbliku u possibbilment kull post pubbliku ieħor (fuq barra jew kważi fuq barra) ikunu ħielsa mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor. L-ebda eżenzjoni ma hija ġġustifikata fuq il-bażi ta’ argumenti dwar is-saħħa jew legali. Jekk ikollhom jiġu kkunsidrati eżenzjonijiet fuq il-bażi ta’ argumenti oħra, dawn għandhom ikunu minimi. Barra minn hekk, jekk xi Parti ma tkunx kapaċi tikseb kopertura universali immedjatament, l-Artikolu 8 joħloq obbligazzjoni kontinwa biex jitneħħew kwalunkwe eżenzjonijiet u l-protezzjoni ssir universali fl-inqas żmien possibbli. Kull Parti għandha taħdem biex tipprovdi protezzjoni universali fi żmien 5 snin mid-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO għal dik il-Parti.

25.L-ebda livell sikur ta’ esponiment għad-duħħan m’għand ħaddieħor, u, kif diġà ġie rikonoxxut mill-Konferenza tal-Partijiet fid-deċiżjoni FCTC/COP1(15), l-approċċi tal-inġinerija, bħall-ventilazzjoni, l-iskambju tal-arja u l-użu ta’ żoni apposta għat-tipjip, ma jipproteġu kontra l-esponiment għad-duħħan tat-tabakk.

26.Għandha tingħata protezzjoni f’kull post tax-xogħol fuq ġewwa jew fil-magħluq, inklużi l-vetturi bil-mutur użati bħala postijiet tax-xogħol (pereżempju, taksis, ambulanzi jew vetturi tal-kunsinna).

27.Il-lingwaġġ tat-trattat jirrikjedi miżuri ta’ protezzjoni mhux biss fil-postijiet pubbliċi “fuq ġewwa” kollha, iżda wkoll f’dawk il-postijiet pubbliċi “l-oħra” (jiġifieri, ta’ barra jew kważi fuq barra) meta jkun “xieraq”. Fl-identifikazzjoni ta’ dawk il-postijiet pubbliċi fuq barra jew li jistgħu jkunu kkunsidrati fuq barra fejn il-leġiżlazzjoni hi xierqa, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw l-evidenza għall-perikli ta’ saħħa possibbli f’diversi kuntesti u għandhom jaħdmu biex jadottaw l-aktar protezzjoni effettiva kontra l-esponiment kull fejn l-evidenza turi li jeżisti xi periklu.

28.Is-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku u l-opinjonisti dwar ir-riskji tal-esponiment għad-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni kontinwi hija rwol importanti għall-aġenziji tal-gvern, fi sħubija mas-soċjetà ċivili, biex jiġi żgurat li l-pubbliku jifhem u jappoġġa l-azzjoni leġiżlattiva. Il-partijiet interessati prinċipali jinkludu n-negozji, l-assoċjazzjonijiet tar-ristoranti u l-ospitalità, il-gruppi tal-impjegaturi, it-trade unions, il-media, il-professjonisti tas-saħħa, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-tfal u ż-żgħażagħ, l-istituzzjonijiet tal-apprendiment jew tal-fidi, il-komunità tar-riċerka u l-pubbliku ġenerali. L-isforzi għas-sensibilizzazzjoni għandhom jinkludu konsultazzjoni man-negozji u ma’ organizzazzjonijiet oħra affettwati u ma’ istituzzjonijiet matul l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni.

29.Il-messaġġi ewlenin għandhom jiffukaw fuq il-ħsara kkawżata mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor, il-fatt li l-eliminazzjoni tad-duħħan fuq ġewwa hi l-unika soluzzjoni bbażata fuq ix-xjenza biex tiżgura protezzjoni kompleta mill-esponiment, id-dritt tal-ħaddiema kollha li jkunu protetti ugwalment mil-liġi u l-fatt li ma jistgħux isiru kompromessi bejn is-saħħa u l-ekonomija, minħabba li l-esperjenza f’għadd dejjem akbar ta’ ġuriżdizzjonijiet turi li ambjenti mingħajr duħħan jibbenefikaw lit-tnejn. Il-kampanji ta’ edukazzjoni pubblika għandhom jindirizzaw ukoll kuntesti fejn il-leġiżlazzjoni tista’ ma tkunx vijabbli jew xierqa, bħal djar privati.

30.Konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati hi essenzjali wkoll sabiex tiġi edukata u mmobilizzata l-komunità u tiffaċilità l-appoġġ għal-leġiżlazzjoni wara li tkun ġiet promulgata. Meta l-leġiżlazzjoni tkun adottata, għandu jkun hemm kampanja ta’ edukazzjoni li twassal għall-implimentazzjoni tal-liġi, l-għoti ta’ informazzjoni għas-sidien tan-negozji u l-maniġers tal-bini bid-dettalji tal-liġi u r-responsabbiltajiet tagħhom u l-produzzjoni ta’ riżorsi, bħal sinjalar. Dawn il-miżuri għandhom iżidu l-probabbiltà ta’ implimentazzjoni mingħajr xkiel u ta’ livelli għoljin ta’ konformità volontarja. Il-messaġġi biex jitħeġġu dawk li ma jpejpux u biex dawk li jpejpu jiġu rringrazzjati talli jsegwu l-liġi għandhom jippromwovu l-involviment tal-pubbliku fl-infurzar u fl-implimentazzjoni mingħajr xkiel.

INFURZAR

Dmir tal-konformità

31.Leġiżlazzjoni effettiva għandha timponi responsabbiltajiet legali għall-konformità kemm fuq stabbilimenti tan-negozji affettwati kif ukoll fuq l-individwi li jpejpu, u għandha tipprovdi penali għall-ksur, li għandhom japplikaw għan-negozji u, possibbilment, għal dawk li jpejpu. L-infurzar għandu normalment jiffoka fuq l-istabbilimenti tan-negozji. Il-leġiżlazzjoni għandha tpoġġi r-responsabbiltà għall-konformità fuq is-sid, fuq il-maniġer jew fuq kwalunkwe persuna oħra responsabbli għall-post, u għandha tidentifika b’mod ċar l-azzjonijiet li għandha tieħu. Dawn id-dmirijiet għandhom jinkludu:

(a)dmir li jitpoġġew sinjali ċari f’entraturi u f’postijiet xierqa oħra li jindikaw li t-tipjip mhux permess. Il-format u l-kontenut ta’ dawn l-avviżi għandu jkun iddeterminat minn awtoritajiet tas-saħħa jew minn aġenziji oħra tal-gvern u jistgħu jidentifikaw numru tat-telefown jew mekkaniżmi oħra għall-pubbliku biex jirrappurtaw ksur u l-isem tal-persuna fi ħdan il-bini li lilha għandhom jiġu indirizzati l-ilmenti;

(b)dmir li jitneħħew l-ashtrays mill-bini;

(c)dmir ta’ sorveljanza tal-ħarsien tar-regoli;

(d)dmir ta’ teħid ta’ passi speċifiċi raġonevoli biex l-individwi jkunu skoraġġiti milli jpejpu fil-bini. Dawn il-passi jistgħu jinkludu li min ipejjep jintalab biex ma jpejjipx, ma jitkompliex servizz, min ipejjep jintalab iħalli l-bini u tiġi kkuntattjata l-aġenzija tal-infurzar tal-liġi jew xi awtorità oħra.

Penali

32.Il-leġiżlazzjoni għandha tispeċifika multi jew penali oħra monetarji għal ksur. Filwaqt li l-ammont ta’ dawn il-penali bilfors jirrifletti l-prattiki u d-drawwiet speċifiċi ta’ kull pajjiż, diversi prinċipji għandhom jiggwidaw id-deċiżjoni. L-aktar importanti, il-penali għandhom ikunu kbar biżżejjed biex iservu ta’ deterrent għall-ksur għaliex inkella jistgħu jkunu injorati minn min jiksirhom jew jiġu kkunsidrati biss bħala spejjeż biex isir in-negozju. Penali akbar huma meħtieġa biex inaqqsu l-ksur tal-liġi min-negozjanti aktar milli biex iservu bħala deterrent għall-individwi milli jpejpu, li ġeneralment ikollhom anqas riżorsi. Il-penali għandhom jiżdiedu għal ksur ripetut u għandhom ikunu konsistenti mal-mod kif il-pajjiż jittratta reati serji daqshom oħrajn.

33.Barra mill-penali monetarji, il-leġiżlazzjoni tista’ wkoll tippermetti sanzjonijiet amministrattivi, bħas-sospensjoni tal-liċenzji tan-negozju, b’mod konsistenti mal-prattika u s-sistema legali tal-pajjiż. Dawn “is-sanzjonijiet bħala l-aħħar rimedju” huma użati rarament, iżda huma importanti ħafna għall-infurzar tal-liġi kontra kwalunkwe negozju li jagħżel li jikser il-liġi aktar minn darba.

34.Penali kriminali għal ksur jistgħu jkunu kkunsidrati għall-inklużjoni, jekk xierqa fil-kuntest legali u kulturali tal-pajjiż.

Infrastruttura tal-infurzar

35.Il-leġiżlazzjoni għandha tidentifika l-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli għall-infurzar, u għandha tinkludi sistema kemm għall-monitoraġġ tal-konformità kif ukoll għall-prosekuzzjoni ta’ min jikser il-liġi.

36.Il-monitoraġġ għandu jinkludi proċess għall-ispezzjoni tan-negozji għall-konformità. Il-bżonn għall-ħolqien ta' sistema ta' spezzjoni ġdida għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni kontra d-duħħan huwa rari. Minflok, il-konformità tista’ tiġi mmonitorjata bl-użu ta’ wieħed jew aktar mill mekkaniżmi diġà fis-seħħ għall-ispezzjoni tal-bini tan-negozji u tal-postijiet tax-xogħol. Varjetà ta' għażliet ġeneralment teżisti għal dan il-għan. F’ħafna pajjiżi, l-ispezzjonijiet għall-konformità jistgħu jiġu integrati fl-ispezzjonijiet tal-liċenzji tan-negozji, fl-ispezzjonijiet tas-saħħa u tas-sanità, fl-ispezzjonijiet għas-saħħa u għas-sikurezza okkupazzjonali, fl-ispezzjonijiet tas-sikurezza kontra n-nirien jew fi programmi simili. Jista’ jkun ta’ valur li jsir użu minn dawn it-tipi ta’ sorsi ta’ ġbir ta’ informazzjoni fl-istess ħin.

37.Meta jkun possibbli, l-użu ta’ spetturi jew ta’ aġenti tal-infurzar fuq livell lokali huwa rrakkommandat; dan huwa probabbli li jżid ir-riżorsi ta’ infurzar disponibbli u l-livell ta’ konformità. Dan l-approċċ jeħtieġ it-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ koordinament nazzjonali biex ikun żgurat metodu konsistenti fil-pajjiż kollu.

38.Minkejja l-mekkaniżmu użat, il-monitoraġġ għandu jkun ibbażat fuq pjan ta’ infurzar ġenerali, u għandu jinkludi proċess għat-taħriġ effettiv tal-ispetturi. Monitoraġġ effettiv jista’ jikkombina spezzjonijiet regolari ma’ spezzjonijiet mhux skedati, għal għarrieda, kif ukoll ma’ żjarat li jsiru minħabba lmenti. Dawn l-ispezzjonijiet jistgħu jkunu edukattivi fil-perjodu tal-bidu wara li l-liġi tidħol fis-seħħ, billi ħafna mill-ksur x’aktarx li jkun sar b’mod involontarju. Il-leġiżlazzjoni għandha tawtorizza lill-ispetturi biex ikunu jistgħu jidħlu fil-bini skont il-liġi u jiġbru kampjuni u evidenza, jekk dawn il-poteri ma jkunux diġà stabbiliti minn liġi eżistenti. B’mod simili, il-leġiżlazzjoni għandha tipprojbixxi lin-negozji milli jostakolaw lill-ispetturi fix-xogħol tagħhom.

39.Il-kost tal-monitoraġġ effettiv ma huwiex eċċessiv. Ma hemmx bżonn li jkunu impjegati għadd kbir ta’ spetturi, minħabba li l-ispezzjonijiet jistgħu jsiru permezz ta’ programmi u ta’ persunal eżistenti, u minħabba li l-esperjenza turi li leġiżlazzjoni kontra d-duħħan issir awtoinfurzanti malajr (jiġifieri tkun infurzata fil-biċċa l-kbira mill-pubbliku). Jekk il-leġiżlazzjoni tkun implimentata b’mod għaqli u jsiru sforzi attivi biex jiġu edukati n-negozji u l-pubbliku, ftit li xejn jaf ikun hemm bżonn ta’ prosekuzzjonijiet.

40.Għalkemm dawn il-programmi ma jinvolvux spejjeż kbar, hemm bżonn tar-riżorsi biex jiġu edukati n-negozji, jingħata taħriġ lill-ispetturi, jiġi kkoordinat il-proċess ta’ spezzjoni u jiġi kkumpensat il-persunal għall-ispezzjonijiet ta’ negozji barra mis-sigħat normali tax-xogħol. Mekkaniżmu ta' finanzjament għandu jiġi identifikat għal dan il-għan. Il-programmi ta’ monitoraġġ effettivi użaw diversi sorsi ta’ fondi, inkluż allokament mid-dħul tat-taxxi, ħlas tal-liċenzji tan-negozji u dħul allokat minn multi mħallsa minn dawk li jiksru l-liġi.

Strateġiji ta’ infurzar

41.Il-metodi strateġiċi ta’ infurzar jistgħu jimmassimizzaw il-konformità, jissimplifikaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u jnaqqsu l-livell ta’ riżorsi għall-infurzar meħtieġa.

42.B’mod partikolari, l-attivitajiet relatati mal-infurzar fil-perjodu eżatt wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi huma kritiċi għas-suċċess tal-liġi u għas-suċċess tal-monitoraġġ u tal-infurzar fil-futur. Ħafna ġuriżdizzjonijiet jirrakkomandaw perjodu inizjali ta’ infurzar minimu, li fih dawk li jiksru l-liġi jingħataw twissija minflok penali. Dan il-metodu għandu jkun konġunt ma’ kampanja attiva biex ikunu edukati s-sidien tan-negozji dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi, u n-negozji għandhom jifhmu li l-perjodu ta’ konċessjoni jew ta’ introduzzjoni gradwali se jkun segwit minn infurzar aktar strett.

43.Meta jibda l-infurzar attiv, ħafna ġuriżdizzjonijiet jirrakkomandaw l-użu ta’ prosekuzzjonijiet ta’ profil għoli bil-ħsieb ta’ tisħiħ tad-deterrenza. L-awtoritajiet ikunu jistgħu juru s-soluzzjonijiet u s-serjetà tal-liġi permezz tal-identifikazzjoni ta’ nies prominenti li jkunu kisru l-liġi b’mod attiv jew li jkunu magħrufa fil-komunità, permezz ta’ azzjoni serja u immedjata u permezz ta’ sensibilizzazzjoni għolja tal-pubbliku dwar dawn l-attivitajiet. Dan iżid il-konformità volontarja u jnaqqas ir-riżorsi meħtieġa għal monitoraġġ u għal infurzar fil-futur.

44.Filwaqt li liġijiet kontra d-duħħan isiru awtoinfurzanti, xorta hemm bżonn li l-awtoritajiet ikunu ppreparati biex jirrispondu malajr u b’mod iżjed deċiżiv għal kull każ iżolat ta’ sfidar sfaċċat tal-liġi. B’mod partikolari meta liġi tkun għadha dieħla fis-seħħ, okkażjonalment jista’ jkun hemm xi ħadd li jipprova juri l-oppożizzjoni tiegħu kontra l-liġi. Tweġibiet ħarxa f’dawn il-każijiet jistabbilixxu aspettattiva ta’ konformità li tagħmilha eħfef għal sforzi fil-futur, filwaqt li nuqqas ta’ deċiżjoni malajr jista’ jwassal għal ħafna każijiet ta’ ksur.

Mobilizzazzjoni u involviment tal-komunità

45.L-effettività ta’ programm ta’ monitoraġġ u ta’ infurzar tittejjeb permezz tal-involviment tal-komunità fil-programm. L-involviment tal-appoġġ tal-komunità u tat-tħeġġiġ tal-membri tal-komunità biex jimmonitorjaw il-konformità u jirrapportaw il-ksur ikompli jkabbar l-ilħuq tal-aġenziji tal-infurzar u jnaqqas ir-riżorsi meħtieġa biex tinkiseb konformità. Fil-fatt, f’ħafna ġuriżdizzjonijiet, l-ilmenti tal-komunità huma l-mezz ewlieni biex tiġi żgurata l-konformità. Għal dan il-għan, il-leġiżlazzjoni kontra d-duħħan għandha tispeċifika li l-membri tal-pubbliku jistgħu jressqu ilmenti u għandha tawtorizza lil kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni nongovernattiva biex tniedi azzjoni biex tinkiseb il-konformità mal-miżuri li jirregolaw l-esponiment għad-duħħan m’għand ħaddieħor. Il-programm ta’ infurzar għandu jinkludi hotline għal telefonati mingħajr ħlas għall-ilmenti jew sistema simili biex il-pubbliku jitħeġġeġ jirrapporta ksur.

MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI TAL-MIŻURI

46.Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-miżuri biex jitnaqqas l-esponiment għad-duħħan tat-tabakk huma importanti għal diversi raġunijiet, pereżempju:

(a)biex jiżdied l-appoġġ politiku u pubbliku biex jissaħħu u jiġu estiżi d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi;

(b)biex ikun hemm dokumentazzjoni tas-suċċessi li tinforma u tassisti l-isforzi ta’ pajjiżi oħra;

(c)biex ikunu identifikati u ppubbliċizzati l-isforzi li saru mill-industrija tat-tabakk biex tiġi mxekkla l-implimentazzjoni tal-miżuri.

47.Il-kobor u l-kumplessità tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni se jvarjaw bejn il-ġuriżdizzjonijiet, skont l-esperjenza u r-riżorsi disponibbli. Madankollu, hu importanti li jiġi evalwat l-eżitu tal-miżuri implimentati, b′mod partikolari, fuq l-indikatur ewlieni tal-esponiment għad-duħħan m’għand ħaddieħor fil-postijiet tax-xogħol u fil-postijiet pubbliċi. Jista’ jkun hemm modi kosteffettivi għal dan l-għan, pereżempju permezz tal-użu ta’ data jew ta’ informazzjoni miġbura permezz ta’ attivitajiet ta’ rutina bħall-ispezzjonijiet tal-postijiet tax-xogħol.

48.Hemm tmien indikaturi ewlenin tal-proċess u l-eżiti li għandhom ikunu kkunsidrati 2 : (2)

Proċessi

(a)Għarfien, attitudnijiet u appoġġ għal politiki kontra d-duħħan fost il-popolazzjoni ġenerali u possibilment gruppi speċifiċi, pereżempju, ħaddiema fil-ħwienet tax-xorb;

(b)infurzar ta’ politiki kontra d-duħħan u konformità magħhom;

Eżiti

(a)tnaqqis fl-esponiment tal-impjegati għad-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor fil-postijiet tax-xogħol u fil-postijiet pubbliċi;

(b)tnaqqis fil-kontenut tad-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor fl-arja fil-postijiet tax-xogħol (b’mod partikolari fir-ristoranti) u fil-postijiet pubbliċi;

(c)tnaqqis fil-mortalità u fil-morbożitá mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor;

(d)tnaqqis fl-esponiment għad-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor fid-djar privati;

(e)tibdil fil-prevalenza tat-tipjip u fl-imġiba relatata mat-tipjip;

(f)impatti ekonomiċi.

(1)    Jista’ jagħti l-każ li jkun hemm elementi kostitwenti tad-duħħan tat-tabakk fl-arja li minħabba l-ammont żgħir wisq tagħhom ma jkunux jistgħu jitkejlu. Għandha tingħata attenzjoni lill-possibbiltà li l-industrija tat-tabakk jew is-settur tal-ospitalità jistgħu jippruvaw jisfruttaw il-limiti ta’ din id-definizzjoni.
(2)    Il-pubblikazzjoni “WHO policy recommendations: protection from exposure to second- hand tobacco smoke” (Ġinevra, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, 2007) tipprovdi referenzi u ħoloq għal studji ta’ monitoraġġ imwettqa fi bnadi oħra fuq dawn l-indikaturi kollha.