IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 17.9.2024
COM(2024) 55 final
2024/0230(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-Ambjenti Mingħajr Duħħan u Aerosol
li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02
{SWD(2024) 55 final} - {SWD(2024) 56 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Introduzzjoni
Fil-pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, il-Kummissjoni ħabret l-intenzjoni tagħha li taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti mingħajr duħħan. Wieħed mill-objettivi tal-pjan relatati mat-tabakk huwa li jgħin fil-ħolqien ta’ “Ġenerazzjoni Ħielsa mit-Tabakk” fejn inqas minn 5 % tal-popolazzjoni tuża t-tabakk sal-2040, meta mqabbla ma’ madwar 25 % tal-lum. Ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip hija inizjattiva li għandha l-għan li tikkontribwixxi b’mod pożittiv għal dan il-għan, tissodisfa l-objettiv li tipproteġi aħjar lin-nies fl-Unjoni mid-duħħan m’għand ħaddieħor li joriġina minn prodotti tat-tabakk kombustibbli u minn aerosols m’għand ħaddieħor li joriġinaw mill-użu ta’ prodotti emerġenti, u tippromwovi l-waqfien mit-tipjip u d-denormalizzazzjoni tat-tipjip u tal-użu tan-nikotina.
Ir-Rakkomandazzjoni kurrenti tal-Kunsill (2009/C 296/02) tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri biex jimplimentaw il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u b’hekk tipprovdi gwida għalihom biex jikkonformaw mal-impenji legali tagħhom biex jipproteġu lin-nies mid-duħħan m’għand ħaddieħor fil-postijiet tax-xogħol kollha fuq ġewwa, mit-trasport pubbliku u minn postijiet pubbliċi fuq ġewwa. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha jinkludi l-prodotti tat-tabakk tradizzjonali, meqjusa bħala l-kwistjoni ewlenija f’dak iż-żmien, u xi spazji pubbliċi, koperti abbażi ta’ valutazzjoni tal-perikli każ b’każ.
Madankollu, fil-preżent, ir-Rakkomandazzjoni kurrenti tal-Kunsill ma tistax tilħaq bis-sħiħ l-iskop protettiv tagħha minħabba n-nuqqas ta’ kopertura tal-ispazji fil-beraħ u minħabba l-iżviluppi tas-suq relatati mal-prodotti emerġenti, li jistgħu jarmu d-duħħan u/jew aerosols, pereżempju l-prodotti tat-tabakk imsaħħna, is-sigaretti elettroniċi, jarmux nikotina jew ħielsa min-nikotina, u s-surrogati tat-tabakk, u kwalunkwe prodott li jarmi d-duħħan u/jew aerosol ieħor, li oriġinarjament ma kinux inklużi. Għalhekk l-objettiv tar-reviżjoni proposta tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill huwa doppju, b’mod partikolari li tkopri il-prodotti emerġenti u l-ispazji speċifiċi fil-beraħ. Għaldaqstant, din se tindirizza aħjar ir-riskji tal-esponiment għall-aerosols m’għand ħaddieħor minn prodotti emerġenti kif ukoll ir-riskju ta’ esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor f’ċerti spazji fil-beraħ. B’hekk, ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni fuq dan iż-żewġ aspetti hija meqjusa neċessarja sabiex jintlaħaq l-objettiv li n-nies, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, jiġu protetti aħjar fl-Unjoni mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor. Barra minn hekk, il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill riveduta għandha l-għan li tappoġġa indirettament id-denormalizzazzjoni tal-użu kemm tat-tabakk kif ukoll tal-prodotti emerġenti u, b’dan il-mod, tikkontribwixxi għall-għan li tinkiseb ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk.
Ir-reviżjoni proposta tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tinkludi estensjoni tal-kopertura tagħha għal ċerti prodotti emerġenti u spazji fil-beraħ. Xprunatur ewlieni għal din l-estensjoni huwa t-tkabbir rapidu tas-suq u kemm il-prodotti emerġenti huma attraenti, speċjalment fost iż-żgħażagħ, mill-2009 u l-esponiment li bħalissa huwa sinifikanti għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor f’ċerti spazji fil-beraħ. Fl-2009, il-prodotti tat-tabakk imsaħħan għadhom ma daħlux fis-suq tal-UE u s-sigaretti elettroniċi daħlu biss sa ċertu punt; għalhekk ir-Rakkomandazzjoni kurrenti timmira biss il-prodotti tat-tabakk tradizzjonali billi tirreferi għad-“duħħan mit-tabakk”, jiġifieri ma tkoprix il-prodotti emerġenti kollha. Madankollu, mill-2009, il-prodotti emerġenti bħas-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan żiedu l-ishma tagħhom fis-suq. Fost dawk li wieġbu għall-Ewrobarometru tal-2023 dwar l-attitudnijiet tal-Ewropej lejn it-tabakk u prodotti relatati, 3 % huma utenti kurrenti tas-sigaretti elettroniċi meta mqabbla ma’ 2 % fl-2020. Aspett partikolarment ta’ tħassib tal-adozzjoni tal-prodotti emerġenti f’dawn l-aħħar snin kien l-attraenza tagħhom fost it-tfal u ż-żgħażagħ; fil-fatt, 54 % tal-persuni li bħalissa qegħdin jpejpu u li kienu jpejpu jibdew ipejpu qabel l-età ta’ 19-il sena u 14 % jibdew qabel l-età ta’ 15-il sena.
Evidenza mir-riċerka turi li l-emissjonijiet m’għand ħaddieħor mill-prodotti emerġenti jista’ potenzjalment ikollhom impatti ta’ ħsara fuq is-saħħa. Fl-opinjoni tiegħu dwar is-sigaretti elettroniċi, il-kumitat konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea magħruf bħala l-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER) ikkonkluda li hemm evidenza dgħajfa sa moderata tar-riskji ta’ ħsara respiratorja, kardjovaskulari u karċinoġenika minħabba l-esponiment għall-aerosols m’għand ħaddieħor minn sigaretti elettroniċi. Il-proġett TackSHS iffinanzjat mill-UE wera li l-piż tad-duħħan m’għand ħaddieħor għadu sostanzjali, ikkwantifika r-riskju għas-saħħa u l-kostijiet ekonomiċi għal bosta Stati Membri u ppropona interventi bl-għan li jitnaqqas l-esponiment għad-duħħan m’għand ħaddieħor biex jitnaqqas il-piż tal-mard fost it-tfal u l-adulti. Dan l-aħħar, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa,,, enfasizzat, fost tħassib ieħor relatat mal-prodotti emerġenti, l-effetti negattivi fuq is-saħħa mill-esponiment għall-aerosols m’għand ħaddieħor. Pereżempju, hemm evidenza li l-esponiment għall-emissjonijiet m’għand ħaddieħor mill-prodotti tat-tabakk imsaħħna hu assoċjat ma’ anomaliji respiratorji u kardjovaskolari sinifikanti mill-persuni fil-qrib,,,,,. Barra minn hekk, l-aerosols m’għand ħaddieħor minn sigaretti elettroniċi, kemm jekk bin-nikotina jew mingħajrha, jesponu lill-persuni fil-qrib għall-materja f’partiċelli b’livelli kwantifikabbli u għas-sustanzi tossiċi u għall-kontaminanti ewlenin ,,,,,,. Għall-kuntest, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tqis li s-sigaretti elettroniċi bin-nikotina joħolqu dipendenza kbira u jagħmlu ħsara lis-saħħa6,7. Hi tenfasizza wkoll li l-ebda livell ta’ esponiment tal-kurrent laterali ma huwa sikur jew aċċettabbli u li għandu jittieħed approċċ bir-reqqa4. Barra minn hekk, sabiex jinkisbu livelli ogħla ta’ protezzjoni mid-duħħan u mill-aerosols m’għand ħaddieħor, il-leġiżlazzjoni kontra d-duħħan għandha tkun komprensiva u tkopri l-prodotti emerġenti fid-dispożizzjonijiet tagħha5. Bosta Stati Membri diġà ħadu miżuri protettivi inkluż il-projbizzjoni tat-tipjip f’postijiet fuq ġewwa u fil-beraħ jew il-projbizzjoni tal-użu tal-prodotti emerġenti fil-postijiet pubbliċi.
Għaldaqstant, u filwaqt li jissokta l-iżvilupp kontinwu tal-bażi tal-evidenza kurrenti, reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill biex jiġu inklużi l-prodotti emerġenti hi ġustifikata u xierqa biex jiġi indirizzat ir-riskju tal-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ta’ livell għoli tas-saħħa pubblika. Dan l-approċċ huwa allinjat mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni.
L-estensjoni proposta tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni hija pass kbir lejn id-denormalizzazzjoni tat-tipjip u l-użu tal-prodotti emerġenti li jistgħu jimitaw l-azzjoni tat-tipjip li huwa element kruċjali tal-kisba ta’ ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk fl-Unjoni sal-2040. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni hi partikolarment importanti minħabba l-fatt li l-użu tal-prodotti emerġenti, speċjalment dawk li fihom in-nikotina, b’mod partikolari miż-żgħażagħ, jistgħu jsiru punt tat-tluq għall-użu sussegwenti tal-prodotti tradizzjonali tat-tabakk kombustibbli. Dan jista’ jirriżulta f’“użu doppju” fejn l-utenti jikkonsmaw kemm il-prodotti tat-tabakk konvenzjonali kif ukoll il-prodotti emerġenti fl-istess ħin u spiss jaqilbu minn wieħed għall-ieħor skont fejn japplikaw ir-regoli kontra d-duħħan,,,,.
Fir-rigward tal-ispazji fil-beraħ li ma humiex koperti b’mod espliċitu mir-Rakkomandazzjoni kurrenti, bħalissa hemm esponiment sinifikanti għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor f’postijiet bħall-ispazji fil-beraħ ta’ postijiet tal-ospitalità u fl-ispazji fil-beraħ maħsuba għall-użu mit-tfal u mill-adolexxenti. Fil-fatt, 74 % ta’ dawk li wieġbu l-Ewrobarometru jgħidu li esperjenzaw nies li jpejpu f’terrazzini fil-beraħ fl-aħħar 6 xhur u 71 % ta’ dawk li wieġbu jgħidu li esperjenzaw nies li jużaw is-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan fl-istess postijiet. 42 % ta’ dawk li wieġbu jgħidu li n-nies kienu qed ipejpu f’postijiet fil-beraħ maħsuba għall-użu mit-tfal u mill-adolexxenti u 49 % ta’ dawk li wieġbu jgħidu li esperjenzaw nies li jużaw is-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan fl-istess postijiet2. Il-proposta biex tiġi estiża l-kopertura tar-Rakkomandazzjoni kurrenti tal-Kunsill biex jiġu inklużi spazji fil-beraħ speċifiċi għandha l-għan li tipproteġi aħjar lin-nies, b’mod partikolari lit-tfal u liż-żgħażagħ, minn esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor.
Azzjonijiet ta’ appoġġ tal-Kummissjoni
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta fiha rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex jindirizzaw aħjar ir-riskji mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor f’ċerti spazji fil-beraħ. Il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq sensiela ta’ miżuri biex tappoġġa lill-pajjiżi fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet.
L-ewwel nett, il-Kummissjoni biħsiebha tinkoraġġixxi u/jew issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fuq l-iskambju tal-aħjar prassi dwar it-tisħiħ u/jew l-iżvilupp ta’ politiki, ta’ programmi u ta’ strateġiji komprensivi dwar ambjenti mingħajr duħħan u aerosol, u tappoġġa t-tfassil u l-pilotaġġ ta’ approċċi ambizzjużi u effiċjenti lejn il-kisba ta’ ambjenti mingħajr duħħan u aerosol. It-tieni, il-Kummissjoni tipprevedi li tipprovdi appoġġ, permezz tal-programmi tal-UE, tal-fora għad-diskussjoni u tal-għodod ta’ kollaborazzjoni eżistenti, għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni mill-Istati Membri u għall-infurzar tal-miżuri għall-kontroll tat-tabakk u tan-nikotina.
Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll tappoġġa l-kontroll tat-tabakk u tan-nikotina, u l-prevenzjoni tad-dipendenza, billi tippromwovi aktar ir-riċerka. Dawn l-isforzi ta’ riċerka huma maħsuba jinkludu l-prodotti emerġenti li jarmu duħħan jew l-aerosols, inklużi l-prodotti tat-tabakk imsaħħan, is-sigaretti elettroniċi, kemm jekk fihom in-nikotina kif ukoll jekk le, is-surrogati tat-tabakk li jarmu duħħan jew aerosols, u kwalunkwe prodott ieħor li jarmi d-duħħan u/jew l-aerosol, u l-prodotti li jarmu in-nikotina u l-prodotti li jixbhu l-użu tal-prodotti li jirrilaxxaw in-nikotina. Il-Kummissjoni biħsiebha wkoll issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż fir-riċerka, dwar is-suġġetti koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa sett ta’ għodod ta’ prevenzjoni li jappoġġaw il-protezzjoni aħjar tas-saħħa tat-tfal u taż-żgħażagħ fl-aktar snin vulnerabbli u formattivi ta’ ħajjithom, inkluża enfasi fuq il-prevenzjoni mid-dipendenza fuq it-tipjip u n-nikotina, u li jindirizzaw l-interkonnessjonijiet bejn is-saħħa mentali u fiżika u d-determinanti ewlenin tas-saħħa.
Il-Kummissjoni biħsiebha timplimenta l-azzjonijiet ta’ appoġġ kollha b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.
Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika kkonċernat
Din il-proposta tikkomplimenta d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE. Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli għat-tabakk u għal prodotti relatati fis-suq tal-UE. Hija tipprovdi qafas regolatorju għal, fost l-oħrajn, il-prodotti tat-tabakk imsaħħan u s-sigaretti elettroniċi. Id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern għat-tabakk u għal prodotti relatati, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa għan-nies fl-Unjoni.
Din il-proposta se tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi relatati mat-tabakk tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, b’mod partikolari l-objettiv li tinkiseb ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk. Filwaqt li taħdem f’sinerġija mill-qrib mal-Pjan, il-Missjoni dwar il-Kanċer tal-UE tappoġġa dan l-objettiv billi tiġġenera evidenza ġdida madwar il-prevenzjoni u l-bidliet fl-imġiba, tibni fuq ir-riċerka dwar it-tabakk appoġġata mill-programmi ta’ Orizzont 2020 u ta’ Orizzont Ewropa.
Din il-proposta hija komplementari għall-inizjattiva tal-UE dwar il-mard mhux komunikabbli bl-isem “Healthier Together”, li għandha l-għan li tindirizza l-fatturi ta’ riskju komuni għall-kanċer u għal mard mhux komunikabbli ieħor, inkluż l-użu tat-tabakk. Fost l-oħrajn, din il-proposta tittratta d-determinanti tas-saħħa. Permezz ta’ diversi miżuri fl-ambitu tal-Programm l-UE għas-Saħħa, il-proposta tipprovdi finanzjament mill-Unjoni għal miżuri dwar id-determinanti tas-saħħa mmirati biex jindirizzaw il-fatturi ta’ riskju relatati ma’ diversi mard mhux komunikabbli u biex jiżviluppaw interventi fuq temi trażversali ewlenin bħall-kontroll tat-tabakk.
Din il-proposta hija komplementari għal, iżda għandha kamp ta’ applikazzjoni usa’ mill-miżuri globali għall-kontroll tat-tabakk stipulati fil-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) tad-WHO , li hija trattat internazzjonali, li għalih l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma Partijiet, bl-objettiv ewlieni li titrawwem il-kooperazzjoni internazzjonali biex jinkiseb rispons internazzjonali effettiv, xieraq u komprensiv għat-tixrid tal-epidemija globali tat-tabakk. B’mod aktar speċifiku, din ir-reviżjoni hija komplementari għall-Artikolu 8 tal-FCTC li jittratta l-protezzjoni mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk.
Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din l-inizjattiva hija konsistenti mal-pjan ta’ azzjoni ta’ Tniġġis Żero li, skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew, jistabbilixxi l-objettiv li, sal-2050, jitnaqqas it-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija għal livelli li ma jibqgħux ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ekosistemi naturali u li jirrispettaw il-limiti li l-pjaneta tagħna tista’ tlaħħaq magħhom, biex b’hekk jinħoloq ambjent mingħajr sustanzi tossiċi. Ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip jista’ jkollha impatt ambjentali pożittiv billi tnaqqas d-duħħan u l-aerosols li joriġinaw mill-użu tal-prodotti emerġenti, u billi tnaqqas l-iskart u ż-żibel mir-rimi ta’ loqom tas-sigaretti, ta’ filtri tal-plastik u ta’ apparat, b’mod partikolari ta’ apparat mhux riutilizzabbli, użat flimkien mal-prodotti emerġenti. Barra minn hekk, il-konsum tat-tabakk tradizzjonali u tal-prodotti emerġenti jista’ jkun periklu ambjentali ta’ nirien u ta’ sikurezza.
Din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, li tenfasizza li l-UE u l-Istati Membri jridu jirrispettaw, jipproteġu, jippromwovu u jissodisfaw id-drittijiet tat-tfal. F’wieħed mill-oqsma tematiċi tagħha, l-istrateġija tirreferi għad-dritt għal għajxien, edukazzjoni u saħħa tajbin għat-tfal kollha fl-UE. Ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip hija partikolarment ikkonċernata bil-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor.
2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
Bażi legali
Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 168(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) li skontu l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadotta rakkomandazzjonijiet għall-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 168, li jikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. L-objettiv primarju ta’ din il-proposta huwa li tipproteġi aħjar lin-nies fl-Unjoni, b’mod partikolari lit-tfal u liż-żgħażagħ, mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor. B’hekk, din il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tista’ tiġi adottata abbażi tal-Artikolu 168(6) tat-TFUE.
Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Din il-proposta se tgħin biex jiżdiedu l-livelli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosol m’għand ħaddieħor kemm bejn l-Istati Membri kif ukoll fi ħdanhom. L-azzjoni tal-Unjoni, li tkun tikkomplimenta l-politiki nazzjonali, ġġib valur miżjud ċar għall-isforzi nazzjonali billi tipprovdi lill-Istati Membri li għadhom ma implimentawx leġiżlazzjoni komprensiva kontra d-duħħan b’rakkomandazzjonijiet biex jagħmlu dan. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta tirrispetta r-responsabbiltà tal-Istati Membri tad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom.
Proporzjonalità
Din il-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 168(6) tat-TFUE tqis l-azzjoni tal-UE li, kif stabbilit fl-Artikolu 168(1) tat-TFUE, għandha tikkomplementa l-politiki nazzjonali u għandha tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika. L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tipproteġi aħjar lin-nies fl-Unjoni mid-duħħan u mill-aerosols m’għand ħaddieħor, b’enfasi fuq l-inklużjoni tal-prodotti emerġenti u tal-ispazji fil-beraħ speċifiċi fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-proposta għar-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill kurrenti1 hija adegwata biex jintlaħaq l-objettiv maħsub u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat minħabba li tirriżulta f’żieda fil-benefiċċji pożittivi għas-saħħa. Barra minn hekk, l-impatti ekonomiċi huma megħluba mill-benefiċċji tas-saħħa pubblika u mill-iffrankar mistenni għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u mill-kostijiet ambjentali mnaqqsa.
Għażla tal-istrument
L-istrument ta’ politika għal din ir-reviżjoni, proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, jibqa’ l-istess u jirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fil-qasam tas-saħħa pubblika. Huwa strument mhux vinkolanti li permezz tiegħu l-Istati Membri jadattaw l-approċċi tagħhom għall-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli
Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-kontribut u l-feedback għal din l-inizjattiva nġabru permezz ta’ sejħa għal evidenza u permezz ta’ diversi attivitajiet ta’ konsultazzjoni mmirati (stħarriġ immirat, intervisti mmirati u gruppi fokali). Ġew ikkonsultati l-gruppi tal-partijiet ikkonċernati li ġejjin: 1) ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; 2) l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; 3) ir-rappreżentanti mill-industrija tat-tabakk u tal-prodotti relatati; 4) ir-rappreżentanti mis-settur tal-HORECA; 5) il-partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn, bħal dawk fl-assoċjazzjonijiet tal-edukazzjoni u tal-isport. Il-kontribut dwar ir-reviżjonijiet inġabar ukoll permezz ta’ laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti dwar il-Politika tat-Tabakk fit-3 ta’ Mejju 2023. Fl-aħħar nett, wasal feedback bil-miktub dwar ir-reviżjonijiet proposti tar-Rakkomandazzjoni mill-Azzjoni Konġunta dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (JATC-2).
Is-sejħa għal evidenza kienet miftuħa għall-kontribuzzjoni mit-22 ta’ Ġunju sal-20 ta’ Lulju 2022 u wasslet għal 207 tweġibiet. Il-maġġoranza tal-Organizzazzjonijiet Nongovernattivi, tal-istituzzjonijiet akkademiċi/tar-riċerka u tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-biċċa l-kbira jappoġġaw l-aġġornamenti proposti għar-Rakkomandazzjoni tal-2009. Xi wħud mill-punti li ġew enfasizzati jikkonċernaw l-importanza taż-żieda tal-prodotti emerġenti (inklużi l-prodotti mingħajr nikotina) u l-impatt pożittiv li l-aġġornamenti għar-Rakkomandazzjoni jkollhom fl-indirizzar taż-żieda fil-popolarità, tar-reklamar u tal-użu tal-prodotti emerġenti, b’mod partikolari fost it-tfal u ż-żgħażagħ. Barra minn hekk, ġiet enfasizzata l-importanza li tiġi żgurata l-armonizzazzjoni tal-liġijiet kontra d-duħħan u l-aerosol fl-Istati Membri kollha. Il-feedback li wasal min-negozji jopponi fil-biċċa l-kbira kwalunkwe aġġornament tar-Rakkomandazzjoni.
Matul l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni mmirati, il-biċċa l-kbira tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti enfasizzaw li l-emendi tar-Rakkomandazzjoni proposti jgħinu biex jipproteġu lill-pubbliku mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor. Huma nnotaw li dan ikollu effett pożittiv f’termini tal-armonizzazzjoni tar-regoli kontra d-duħħan fi ħdan l-Istati Membri u minn Stat Membri għall-ieħor u li l-impatt ekonomiku u l-piż amministrattiv li jirriżultaw ikunu minuri u megħluba mill-benefiċċji għas-saħħa. Ġew enfasizzati sfidi possibbli ta’ infurzar u ta’ konformità.
Il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li ġew ikkonsultati qablu li l-estensjoni proposta biex tkopri l-prodotti emerġenti u l-ispazji fil-beraħ ikollha impatt pożittiv fit-tnaqqis tal-esponiment għad-duħħan /għall-aerosols m’għand ħaddieħor u li din konsegwentement tkun tgħin biex tipproteġi lin-nies, b’mod partikolari lit-tfal, lill-adolexxenti u lil nies oħrajn li huma aktar vulnerabbli, pereżempju liċ-ċittadini b’mard kroniku jew b’kundizzjoni sottostanti tas-saħħa, jew lin-nies tqal. Huma nnotaw ukoll li r-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni tkun tikkontribwixxi għad-denormalizzazzjoni tat-tipjip u tal-użu tal-prodotti emerġenti. Xi organizzazzjonijiet enfasizzaw l-importanza li r-Rakkomandazzjoni riveduta tibqa’ “valida fil-futur” quddiem żviluppi u xejriet possibbli fi prodotti emerġenti tat-tabakk. Diversi organizzazzjonijiet indikaw ukoll il-benefiċċji ambjentali fi sfond ta’ tħassib sinifikanti dwar l-impatti ambjentali negattivi tat-tipjip u għall-użu tal-prodotti emerġenti, bħal-loqom tas-sigaretti mormija bħala żibel, il-“vapes” mhux riutilizzabbli jew li jintużaw darba biss u l-batteriji mormija. Fl-aħħar nett, il-biċċa l-kbira tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili raw l-interferenza u l-lobbjar tal-industrija, l-infurzar u l-konformità bħala sfidi relatati mar-reviżjoni.
Ir-rappreżentanti mill-industrija tat-tabakk u tal-prodotti relatati li ġew ikkonsultati kienu fil-biċċa l-kbira kontra l-emendi tar-Rakkomandazzjoni kurrenti rigward il-prodotti emerġenti u l-ispazji fil-beraħ. Huma enfasizzaw li l-prodotti emerġenti ma għandhomx ikunu soġġetti għall-istess livell ta’ restrizzjonijiet bħall-prodotti tradizzjonali tat-tabakk kombustibbli fil-kuntest tar-regoli kontra d-duħħan. Madankollu, xi rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk qablu wkoll li l-estensjoni tar-regoli għall-ispazji fil-beraħ fejn ikunu preżenti t-tfal u l-adolexxenti tista’ tgħin biex dawn jiġu protetti mid-duħħan u mill-aerosols m’għand ħaddieħor.
Ir-rappreżentanti mis-settur tal-HORECA kellhom fehmiet differenti. Xi wħud appoġġaw fil-biċċa l-kbira l-emendi proposti fir-rigward tal-kamp tal-applikazzjoni kemm tal-prodotti kif ukoll tal-ispazji; huma nnotaw li dan ikollu effett pożittiv fuq is-saħħa tal-impjegati fis-settur minħabba li dan ikun jgħin biex huma jiġu protetti mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor. Oħrajn esprimew ċertu livell ta’ riżerva għar-reviżjoni proposta tar-Rakkomandazzjoni, b’mod partikolari għall-miżura li jiġu inklużi l-ispazji fil-beraħ tal-istabbilimenti tal-ospitalità. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti min-negozji tal-HORECA enfasizzaw it-tħassib tagħhom dwar it-telf tal-klijenti, il-biża’ tagħhom li jista’ jkun li potenzjalment ikollhom jiddedikaw riżorsi biex jaġġustaw għal miżuri ġodda u li, fil-każ tal-industrija tal-lukandi, il-klijenti tagħhom jistgħu jaqilbu għas-settur tal-kiri għal żmien qasir, li jirriżulta f’kompetizzjoni kummerċjali inġusta. Ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni kwantitattiva jew stimi fattwali biex jappoġġaw l-impatti ekonomiċi negattivi li ssemmew. B’kuntrast għal dan, ir-rappreżentanti tal-impjegati fis-settur tal-HORECA ħasbu li l-impatt ekonomiku jkun newtrali u negliġibbli.
Ir-rappreżentanti mill-industrija tat-tabakk semmew li l-inizjattiva kienet se tnaqqas id-domanda kemm għall-prodotti tat-tabakk tradizzjonali kif ukoll għall-prodotti emerġenti bħas-sigaretti elettroniċi li tkun tħalli impatt negattiv fuq l-impjiegi fl-industrija tat-tabakk u tal-prodotti emerġenti.
Il-Grupp ta’ Esperti dwar il-Politika tat-Tabakk u l-Azzjoni Konġunta dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (JATC-2) appoġġaw l-inklużjoni tal-prodotti emerġenti u tal-ispazji fil-beraħ.
Il-kontribut, is-suġġerimenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Istati Membri u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn ġew analizzati u kkunsidrati kemm jista’ jkun u f’konformità mal-evidenza xjentifika rilevanti u disponibbli. L-eżiti dettaljati tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kollha u kif dawn ġew ikkunsidrati huma deskritti fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.
Ġbir u użu tal-għarfien espert
Kif imsemmi hawn fuq, sabiex tiġi appoġġata din ir-Rakkomandazzjoni, ġew organizzati diversi attivitajiet ta’ konsultazzjoni mmirati lejn gruppi ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti biex jinġabru opinjonijiet u evidenza.
Valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt ma kinitx meqjusa meħtieġ minħabba li l-inizjattiva proposta hija rakkomandazzjoni mhux vinkolanti għall-Istati Membri u tħalli lok għal approċċi nazzjonali differenti. Din l-inizjattiva għandha l-għan li taġġorna r-Rakkomandazzjoni preċedenti tal-2009 b’rispons għall-iżviluppi teknoloġiċi mill-2009 rigward il-prodotti emerġenti u li tevita approċċ każ b’każ meta jiġu applikati r-regoli kontra d-duħħan għall-ispazji pubbliċi. L-istudju tal-2021 dwar l-ambjenti mingħajr duħħan u r-reklamar tat-tabakk u tal-prodotti relatati wrew li r-reviżjoni hija mistennija li jkollha impatt soċjali u fuq is-saħħa pożittiv u li d-daqs tal-impatti ekonomiċi negattivi li jistgħu jiffaċċjaw l-operaturi ekonomiċi huwa limitat u/jew insinifikanti. L-evidenza ta’ sostenn u l-konklużjonijiet mill-istudju huma ppreżentati fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.
Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Mhux applikabbli.
Drittijiet fundamentali
[…]
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Mhux applikabbli
5.ELEMENTI OĦRAJN
Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tirrapporta dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri, fi żmien 5 snin wara l-adozzjoni tagħha.
Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Mhux applikabbli
Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Mhux applikabbli
2024/0230 (NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar l-Ambjenti Mingħajr Duħħan u Aerosol
li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, l-esponiment għad-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor huwa sors mifrux ta’ mortalità, ta’ morbidità u ta’ diżabilità fl-Unjoni. Tali esponiment huwa assoċjat mal-konsum tat-tabakk, li jibqa’ l-kawża ewlenija ta’ kanċers li jistgħu jiġu evitati, b’27 % tal-kanċers kollha attribwiti għall-użu tat-tabakk.
(2)L-użu tat-tabakk għadu mifrux globalment u madwar l-Unjoni kollha. Fl-2023, 24 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea huma stmati li jpejpu.
(3)Il-kost ekonomiku globali annwali tat-tipjip kien stmat għal US$ 1.4 triljun fl-2012, li hu ekwivalenti għal 1,8 % tal-prodott domestiku gross (GDP) globali. Diġà fl-2009, fl-UE, it-tipjip tat-tabakk sewa €544 biljun li hu madwar 4,6 % tal-EU27 flimkien mal-GDP.
(4)Huwa xieraq li jingħata kontribut lejn it-tnaqqis tal-livell tat-tipjip fl-Unjoni, fi qbil mal-objettiv tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer biex tinkiseb ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk fejn 5 % biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni tuża prodotti tat-tabakk meta mqabbla mal-24 % tal-lum.
(5)Il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ġiet żviluppata bil-għan li trawwem rispons internazzjonali effettiv u komprensiv għat-tixrid tal-epidemija globali tat-tabakk. L-Artikolu 8 tal-FCTC jirrikjedi li l-partijiet tagħha jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan tat-tabakk m’għand ħaddieħor fil-postijiet tax-xogħol, fit-trasport pubbliku u fil-postijiet fuq ġewwa; il-linji gwida annessi għandhom l-għan li jgħinu lill-partijiet jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 tal-FCTC.
(6)L-Istrateġija Ewropea dwar il-Kontroll tat-Tabakk adottata mill-Kumitat Reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. f’Settembru 2002, irrakkomandat li l-Istati Membri tad-WHO jiżguraw d-drittijiet taċ-ċittadini għal ambjent mingħajr duħħan billi, inter alia, jagħmlu l-ispazji fil-beraħ, il-postijiet tax-xogħol u t-trasport pubbliku mingħajr duħħan, jipprojbixxu t-tipjip fil-beraħ fl-istituzzjonijiet edukattivi kollha għall-minuri, fil-postijiet kollha tal-għoti tal-kura tas-saħħa u fl-avvenimenti pubbliċi, kif ukoll billi jikklassifikaw id-duħħan tat-tabakk fl-ambjent (ETS – environmental tobacco smoke) bħala karċinoġenu.
(7)L-emissjonijiet m’għand ħaddieħor mill-prodotti emerġenti jista’ potenzjalment ikollhom impatti ta’ ħsara fuq is-saħħa. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tenfasizza li l-emissjonijiet m’għand ħaddieħor mill-prodotti emerġenti jistgħu jesponu lill-persuni għal-livelli potenzjalment ta’ ħsara tal-materja partikolata u tas-sustanzi tossiċi ewlenin.
(8)L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa,,, enfasizzat, fost kwistjonijiet oħra relatati mal-prodotti emerġenti, l-effetti negattivi fuq is-saħħa mill-esponiment għall-aerosols m’għand ħaddieħor. Pereżempju, evidenza riċenti indikat li l-esponiment għall-emissjonijiet m’għand ħaddieħor mill-prodotti tat-tabakk imsaħħna kien assoċjat ma’ anormalitajiet respiratorji u kardjovaskulari sinifikanti mill-persuni fil-qrib,,,,,. Barra minn hekk, l-aerosols m’għand ħaddieħor minn sigaretti elettroniċi, inkluż kemm dawk bin-nikotina kif ukoll dawk mingħajrha, jesponu lill-persuni fil-qrib għall-materja f’partiċelli b’livelli kwantifikabbli u għas-sustanzi tossiċi u għall-kontaminanti ewlenin ,,,,,,.
(9)L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. tqis li l-ebda livell ta’ esponiment tal-kurrent laterali ma huwa sikur jew aċċettabbli4 u li għandu jittieħed approċċ bir-reqqa. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tirrakkomanda l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kontroll tat-tabakk, inkluż il-protezzjoni mill-esponiment, għas-sigaretti elettroniċi, 4,5.
(10)Fl-opinjoni tiegħu tal-2021 dwar is-sigaretti elettroniċi, il-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER) ikkonkluda li hemm evidenza dgħajfa sa moderata tar-riskji ta’ ħsara respiratorja, kardjovaskulari u karċinoġenika minħabba l-esponiment għall-aerosols m’għand ħaddieħor minn sigaretti elettroniċi.
(11)Ambjenti mingħajr duħħan u aerosol huma approċċ rikonoxxut u pprovat globalment biex tiġi protetta b’mod adegwat saħħet in-nies mill-effetti ta’ ħsara tad-duħħan tat-tabakk u tal-aerosols m’għand ħaddieħor.
(12)F’dawn l-aħħar snin, il-prodotti emerġenti bħas-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan kkonsolidaw l-ishma tas-suq tagħhom u l-użu tagħhom qed jiżdied. Abbażi tad-data tal-Ewrobarometru, il-prevalenza tal-użu tas-sigaretti elettroniċi madwar l-Unjoni hija ta’ 3 % u l-prevalenza tal-użu tal-prodotti tat-tabakk imsaħħan hija ta’ 2 %.
(13)Kwistjoni ta’ tħassib speċifiku b’rabta mal-iżviluppi tas-suq tal-prodotti emerġenti, bħas-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan, hija l-użu partikolari tagħhom u kemm dawn huma attraenti fost it-tfal u ż-żgħażagħ.
(14)L-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor huwa partikolarment perikoluż għat-tfal u għall-adolexxenti u jista’ jżid il-probabbiltà li dawn jibdew ipejpu 4,5,6.
(15)Fl-2023, 54 % tal-persuni li kienu jpejpu u li bħalissa qegħdin jpejpu huma stmati li bdew ipejpu regolarment qabel l-età ta’ 19-il sena; 14 % qabel l-età ta’ 15-il sena, tul it-tfulija1.
(16)L-użu tal-prodotti emerġenti li fihom in-nikotina, b’mod partikolari miż-żgħażagħ, huwa assoċjat ma’ vizzju u jista’ jsir punt tat-tluq għall-użu aktar tard tal-prodotti tat-tabakk tradizzjonali4.
(17)Huwa importanti li mhux biss jiġu kkunsidrati l-iżviluppi reċenti teknoloġiċi u tas-suq relatati mal-prodotti emerġenti iżda li jiġu kkoordinati aħjar l-oqfsa regolatorji nazzjonali kontra d-duħħan u l-aerosol u li jibqgħu validi għall-futur.
(18)Fil-preżent, l-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor f’postijiet bħall-ispazji fil-beraħ tal-postijiet tal-ospitalità u l-ispazji fil-beraħ maħsuba għall-użu mit-tfal u mill-adolexxenti huwa sinifikanti. Abbażi tad-data tal-Ewrobarometru tal-2023, 74 % ta’ dawk li wieġbu l-Ewrobarometru jgħidu li esperjenzaw nies li kienu qed ipejpu f’terrazzini fil-beraħ f’dawn l-aħħar 6 xhur u 71 % ta’ dawk li wieġbu jgħidu li esperjenzaw nies li kienu qed jużaw sigaretti elettroniċi u prodotti tat-tabakk imsaħħan fl-istess postijiet. 42 % ta’ dawk li wieġbu jgħidu li n-nies kienu qed ipejpu f’postijiet fil-beraħ maħsuba għall-użu mit-tfal u mill-adolexxenti u 49 % ta’ dawk li wieġbu jgħidu li esperjenzaw nies li jużaw is-sigaretti elettroniċi u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan fl-istess postijiet1.
(19)Bosta Stati Membri ħadu miżuri protettivi inkluż il-projbizzjoni tat-tipjip f’postijiet fuq ġewwa u fil-beraħ jew il-projbizzjoni tal-użu tal-prodotti emerġenti fil-postijiet pubbliċi .
(20)Għalhekk, huwa xieraq li jiġi estiż l-kamp tal-applikazzjoni tar-Rakkomandazzjoni biex tinkludi l-ispazji fil-beraħ speċifiċi biex in-nies fl-Unjoni, speċjalment it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nies vulnerabbli, pereżempju ċ-ċittadini b’mard kroniku jew b’kundizzjoni sottostanti tas-saħħa, jew lin-nies tqal jiġu protetti aħjar mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor mill-prodotti emerġenti, pereżempju l-prodotti tat-tabakk imsaħħan, is-sigaretti elettroniċi, kemm jekk fihom in-nikotina kif ukoll jekk le, is-surrogati tat-tabakk u kwalunkwe prodott ieħor li jarmi d-duħħan u/jew l-aerosol.
(21)B’appoġġ għar-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni, tnediet sejħa għal evidenza minn Ġunju sa Lulju 2022 u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, tal-operaturi ekonomiċi rilevanti u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn ġew ikkonsultati permezz tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni mmirati minn Marzu sa Mejju 2023.
(22)Il-Kummissjoni biħsiebha tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni effettiva tar-Rakkomandazzjoni permezz tal-programmi tal-UE u tal-għodod ta’ kollaborazzjoni eżistenti.
(23)B’mod partikolari, il-Kummissjoni tipprevedi li tgħin fit-tisħiħ tar-riċerka f’dan il-qasam. Dawn l-isforzi ta’ riċerka għandhom jinkludu l-prodotti emerġenti (bħas-sigaretti elettroniċi, kemm jekk fihom in-nikotina kif ukoll jekk le, u l-prodotti tat-tabakk imsaħħan); is-surrogati tat-tabakk li jarmu duħħan jew aerosols u kwalunkwe prodott ieħor li jarmi d-duħħan u/jew l-aerosol; u l-prodotti li jirrilaxxaw in-nikotina u l-prodotti li jixbhu l-użu tal-prodotti li jirrilaxxaw in-nikotina. Il-kooperazzjoni internazzjonali, inkluż fir-riċerka, dwar is-suġġetti koperti minn din ir-Rakkomandazzjoni, hija prevista wkoll li tissaħħaħ.
(24)Il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa sett ta’ għodod ta’ prevenzjoni li jappoġġaw il-protezzjoni aħjar tas-saħħa tat-tfal u taż-żgħażagħ fl-aktar snin vulnerabbli u formattivi ta’ ħajjithom, inkluża enfasi fuq il-prevenzjoni mid-dipendenza fuq it-tipjip u n-nikotina, u li jindirizzaw l-interkonnessjonijiet bejn is-saħħa mentali u fiżika u d-determinanti ewlenin tas-saħħa.
(25)Għandhom jitqiesu “l-Linji gwida annessi dwar il-protezzjoni mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk, kif adottati mit-Tieni Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO”. L-Istati Membri għandhom jitħeġġu jespandu u jmorru lil hinn mill-miżuri li jinsabu f’dawk il-linji gwida.
(26)Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri kamp ta’ applikazzjoni usa’ mir-Rakkomandazzjoni 2009/C 296/02 u tissostitwiha, bl-għan li n-nies fl-Unjoni jiġu protetti aħjar mid-duħħan u mill-aerosols m’għand ħaddieħor, filwaqt li tikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-objettivi relatati mat-tabakk tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-prevalenza u d-denormalizzazzjoni tat-tipjip u tal-użu tal-prodotti emerġenti.
B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:
1.Jipprovdu protezzjoni effettiva mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk fil-postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, fil-postijiet pubbliċi fuq ġewwa u fit-trasport pubbliku kif stipulat mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (FCTC tad-WHO) u abbażi tal-Linji Gwida dwar il-protezzjoni mill-esponiment għad-duħħan tat-tabakk fl-Anness li ġew adottati mit-Tieni Konferenza tal-Partijiet għall-FCTC.
2.Jipprovdu protezzjoni effettiva fil-postijiet tax-xogħol fuq ġewwa, fil-postijiet pubbliċi fuq ġewwa u fit-trasport pubbliku mill-esponiment għall-emissjonijiet m’għand ħaddieħor li joriġinaw mill-użu tal-prodotti emerġenti li jistgħu jarmu duħħan u/jew aerosols, pereżempju il-prodotti tat-tabakk imsaħħan, is-sigaretti elettroniċi, kemm jekk fihom in-nikotina kif ukoll jekk le, u s-surrogati tat-tabakk, u kwalunkwe prodott ieħor li jarmi d-duħħan u/jew l-aerosol.
3.Jipprovdu protezzjoni effettiva mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor f’żoni ta’ rikreazzjoni fil-beraħ magħżula, speċjalment fejn it-tfal spiss ikunu preżenti. Dawn għandhom jinkludu l-bandli pubbliċi, il-parks tad-divertiment, il-pixxini, iż-żoos u spazji simili oħrajn fil-beraħ.
4.Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols m’għand ħaddieħor fi kwalunkwe żona fil-beraħ jew parzjalment fil-beraħ (eż. iż-żoni parzjalment mgħottija, imdawra bil-ħitan jew b’reċint jew inkella delinjati ħdejn stabbiliment jew qribu, inklużi l-bjut, il-gallariji, il-verandi jew it-terrazzini) assoċjati mal-istabbilimenti tas-servizzi. Dawn għandhom jinkludu l-ispazji fil-beraħ tar-ristoranti, tal-ħwienet tax-xorb, tal-kafetteriji u l-ispazji fil-beraħ ta’ bini simili ieħor.
5.Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols m’għand ħaddieħor fi kwalunkwe żona fil-beraħ jew parzjalment fil-beraħ marbuta mat-trasport pubbliku, inkuż il-waqfiet tax-xarabank, tat-tram u tal-ferrovija u l-ajruporti.
6.Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols m’għand ħaddieħor fi kwalunkwe żona fil-beraħ assoċjata mal-kura tas-saħħa.
7.Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols m’għand ħaddieħor fi kwalunkwe żona fil-beraħ ta’ bini relatat mal-kura tas-saħħa. Dawn għandhom jinkludu l-isptarijiet, il-kliniċi, iċ-ċentri tas-saħħa, id-djar tal-anzjani u bini ieħor simili.
8.Jipprovdu protezzjoni effettiva mid-duħħan u mill-aerosols m’għand ħaddieħor fi kwalunkwe żona fil-beraħ ta’ bini li jipprovdi edukazzjoni u taħriġ lit-tfal u liż-żgħażagħ. Tali żoni għandhom jinkludu l-istituzzjonijiet ta’ indukrar tat-tfal ta’ qabel il-primarja, l-iskejjel primarji u sekondarji, l-istituzzjonijiet edukattivi vokazzjonali u tat-taħriġ, l-universitajiet, iċ-ċentri taż-żgħażagħ u bini ieħor simili.
9.Jikkunsidraw l-inklużjoni ta’ żoni fil-beraħ oħra fejn il-membri tal-pubbliku, inkluż it-tfal, il-minuri jew in-nies vulnerabbli x’aktarx li jinġabru, f’azzjonijiet komplementari li jipprevjenu l-użu u l-vizzju tat-tabakk u tan-nikotina, u jikkontribwixxu għal ambjenti komprensivi mingħajr duħħan u aerosol. Tali spazji jistgħu jinkludu fost oħrajn żoni fil-beraħ fejn jiġu organizzati avvenimenti, awditorji u żoni tal-ispettaturi f’avvenimenti pubbliċi, u spazji assoċjati mal-bini miftuħ għall-pubbliku minn fejn jgħaddu ħafna nies bil-mixi (pereż. daħliet taċ-ċentri kummerċjali, il-btieħi tal-bini miftuħ għall-pubbliku).
10.Jikkunsidraw l-inklużjoni ta’ żoni oħra, bħall-karozzi privati fejn huma preżenti t-tfal, il-minuri jew in-nies vulnerabbli, f’azzjonijiet komplementari li jipprevjenu l-użu u l-vizzju tat-tabakk u tan-nikotina, u jikkontribwixxu għal ambjenti komprensivi mingħajr duħħan u aerosol.
11.Jiżviluppaw u/jew isaħħu l-politiki ambjentali kontra d-duħħan u l-aerosol b’mod partikolari billi:
a)Jiżviluppaw l-istrateġiji u l-programmi nazzjonali biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva mill-esponiment għad-duħħan u għall-aerosols m’għand ħaddieħor.
b)Japplikaw u/jew jiżviluppaw kampanji ta’ prevenzjoni, tal-waqfien mit-tipjip u tas-sensibilizzazzjoni bħall-kampanji edukattivi, il-kampanji ta’ informazzjoni u biex jintlaħqu n-nies u biex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri kontra d-duħħan u l-aerosol. Tali kampanji jistgħu jkunu parti wkoll mill-inizjattivi biex jitnaqqas il-vizzju. Dawn jistgħu jkunu bbażati fuq u/jew jissupplimentaw l-inizjattivi ta’ prevenzjoni inklużi fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer.
c)Jiżguraw li jiġu stabbiliti strutturi u mekkaniżmi xierqa biex jippromwovu l-konformità u japplikaw u/jew jiżviluppaw l-aħħar prassi li jistgħu jtejbu l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri għal ambjenti mingħajr duħħan u aerosol.
12. Jaħdmu flimkien fuq l-iskambju tal-aħjar prassi dwar l-iżvilupp ta’ politiki, programmi u strateġija ġodda kontra d-duħħan u l-aerosol u t-tisħiħ ta’ dawk eżistenti biex jiġi żgurat li huma komprensivi, u dwar id-disinn u l-pilotaġġ ta’ approċċi ambizzjużi u effiċjenti lejn il-kisba ta’ ambjenti mingħajr duħħan u aerosol.
13. Jikkooperaw mill-qrib bejniethom u mal-Kummissjoni biex jiżviluppaw qafas koerenti ta’ definizzjonijiet, ta’ punti ta’ riferiment u ta’ indikaturi għall-implimentazzjoni effettiva ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u jimmonitorjaw, jevalwaw u jaġġornaw il-miżuri tagħha, kif xieraq.
14.Jirrapportaw lill-Kummissjoni, jiġifieri lill-Grupp ta’ Esperti dwar is-Saħħa Pubblika u lill-Grupp ta’ Esperti dwar il-Politika tat-Tabakk, dwar l-implimentazzjoni u l-progress tal-miżuri meħuda inizjalment 3 snin wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u kull 5 snin minn hemm ’il quddiem.
Ir-Rakkomandazzjoni 2009/C 296/02 hija sostitwita minn din ir-Rakkomandazzjoni.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Kunsill
Il-President