3.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 387/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1897

tat-28 ta’ Ġunju 2021

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) u (7), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ukrajna għal ftehim dwar spazju komuni tal-avjazzjoni. Bħala riżultat ta’ dawk in-negozjati, il-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”) ġie inizjalat fit-28 ta’ Novembru 2013.

(2)

L-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-Unjoni u l-applikazzjoni proviżorja tiegħu ma jaffettwawx l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tiġix interpretata bħala li tagħmel użu mill-possibbiltà għall-Unjoni li teżerċita l-kompetenza esterna tagħha fir-rigward ta’ oqsma koperti mill-Ftehim li jaqgħu taħt il-kompetenza kondiviża fejn tali kompetenza tkun għadha ma ġietx eżerċitata internament mill-Unjoni.

(3)

Sabiex ikunu jistgħu jinkisbu l-benefiċċji tal-Ftehim kmieni kemm jista’ jkun, dan jenħtieġ jiġi ffirmat u applikat fuq bażi proviżorja, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-proċedura li għandha tiġi segwita fir-rigward tal-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taħt il-punt (a) tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim dwar l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-Anness I tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, huwa b’dan approvat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi (1).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jaħtar lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa sabiex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 38(3) tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tadotta, wara konsultazzjoni suffiċjentement minn qabel mal-Kunsill jew mal-korpi preparatorji tiegħu, kif jista’ jiddeċiedi l-Kunsill, il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taħt il-punt (a) tal-Artikolu 15(3) tal-Ftehim dwar ir-reviżjoni tal-Anness I tal-Ftehim, sa fejn din tikkonċerna l-inklużjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dak l-Anness, soġġett għal kwalunkwe aġġustament tekniku meħtieġ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-28 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

M. do C. ANTUNES


(1)  Ara l-paġna 3 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.