European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2147

24.10.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2147

tat-23 ta’ Ottubru 2025

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/493 fir-rigward tal-inklużjoni ta’ produttur esportatur ġdid fil-lista ta’ “kumpaniji oħra li kkooperaw”

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(5) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/493 tat-12 ta’ Frar 2024 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-madum taċ-ċeramika li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11, il-paragrafu 2 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (“ir-Regolament ta’ rieżami”), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(4) tiegħu,

Billi:

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fit-12 ta’ Frar 2024, permezz tar-Regolament ta’ rieżami tal-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-madum taċ-ċeramika (“il-prodott ikkonċernat”), li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”).

(2)

Fl-investigazzjoni li rriżultat fl-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi fl-2011 (“l-investigazzjoni oriġinali”), il-kampjunar ġie applikat għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (3).

(3)

Il-Kummissjoni imponiet rati individwali ta’ dazju anti-dumping li jvarjaw minn 13,9 % sa 36,5 % fuq l-importazzjonijiet ta’ madum taċ-ċeramika għall-produtturi esportaturi mir-RPĊ inklużi fil-kampjun. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun, ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 30,6 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun kif imniżżel fl-Anness. Barra minn hekk, ġiet imposta rata ta’ dazju għall-pajjiż kollu ta’ 69,7 % fuq il-madum taċ-ċeramika minn kumpaniji fir-RPĊ li ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ rieżami, l-Artikolu 1(2) ta’ dak ir-Regolament jista’ jiġi emendat biex jiżdiedu produtturi esportaturi ġodda mal-lista tal-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun u jagħmluhom soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping medja ponderata xierqa. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

(a)

ma esportax il-prodotti deskritti fl-Artikolu 1, paragrafu 1 li joriġinaw mir-RPĊ matul il-perjodu bejn l-1 ta’ April 2009 u l-31 ta’ Marzu 2010 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali”);

(b)

ma huwiex relatat ma’ esportatur jew ma’ produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li kkoopera jew seta’ kkoopera fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju; kif ukoll

(c)

jew effettivament esporta l-prodott taħt rieżami li joriġina mir-RPĊ fil-pajjiż ikkonċernat jew inkella daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(5)

Fl-20 ta’ Marzu 2025, Hebei Lingbiao Technology Development Co., Ltd. (“l-applikant”) talbet lill-Kummissjoni biex tingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid u għalhekk tkun soġġetta għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 30,6 % (“trattament ta’ produttur esportatur ġdid” jew “NEPT”).

(6)

Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (NEPT) kif stipulat fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ rieżami (“il-kundizzjonijiet NEPT”), il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikant u talbet għal evidenza li turi li hu kien qed jissodisfa l-kundizzjonijiet għal NEPT. L-applikant ipprovda tweġiba għall-kwestjonarju.

(7)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset li hi meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant issodisfax il-kundizzjonijiet għal NEPT. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza sottomessa mill-applikant. Il-Kummissjoni infurmat lill-industrija tal-Unjoni bit-talba tal-applikant u stednitha tipprovdi l-kummenti tagħha.

C.   ANALIŻI TAT-TALBA

(8)

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni NEPT, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma esportax madum taċ-ċeramika lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali għaliex ġiet stabbilita wara.

(9)

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni NEPT, il-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant ma kien relatat mal-ebda wieħed mill-produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li kkooperaw jew setgħu kkooperaw fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju.

(10)

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni NEPT, il-Kummissjoni stabbiliet li, abbażi tal-evidenza dokumentarja pprovduta (dokumenti tal-bejgħ u doganali), l-applikant kien esporta madum taċ-ċeramika lejn l-Unjoni f’Novembru 2024.

(11)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikant ikkonforma mal-kundizzjonijiet NEPT.

(12)

Għaldaqstant, it-talba biex jingħata NEPT għandha tiġi aċċettata u l-applikant jenħtieġ li jkun soġġett għad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun, li bħalissa huwa stabbilit għal 30,6 %.

D.   DIVULGAZZJONI

(13)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom issejset id-deċiżjoni li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lil Hebei Lingbiao Technology Development Co., Ltd. Il-partijiet ngħataw il-possibbiltà li jibagħtu xi kummenti. No comments were received.

(14)

Ir-Regolament huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/493, il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-lista ta’ produtturi Ċiniżi li kkooperaw:

Isem

Kodiċi TARIC addizzjonali

“Hebei Lingbiao Technology Development Co., Ltd.

89XH”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU L, 2024/493, 13.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/493/oj.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1225/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2147/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)