19.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 117/32


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/635

tat-13 ta’ April 2022

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropeab’appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq(EUAM Iraq)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 (1), li tistabbilixxi Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq).

(2)

Fis-7 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/513 (2), li temenda l-mandat tal-EUAM Iraq u li testendih sat-30 ta’ April 2022.

(3)

Wara r-Rieżami Strateġiku tal-EUAM Iraq, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) irrakkomanda li l-mandat tal-EUAM Iraq jiġi emendat u estiż sat-30 ta’ April 2024.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 tiġi emendata skont dan.

(5)

L-EUAM Iraq ser titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Objettivi

L-objettivi strateġiċi tal-EUAM Iraq għandhom ikunu li:

(1)

tipprovdi pariri strateġiċi u għarfien espert lill-awtoritajiet Iraqin dwar l-aspetti ċivili tar-Riformi tas-Settur tas-Sigurtà, inkluż l-Istrateġija ta’ Sigurtà Nazzjonali, l-istrateġiji nazzjonali assoċjati u prijoritajiet oħra ta’ sigurtà nazzjonali;

(2)

tanalizza, tivvaluta u tidentifika opportunitajiet għal impenn ulterjuri min-naħa tal-Unjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u provinċjali b’appoġġ għall-ħtiġijiet tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà ċivili;

(3)

flimkien mad-Delegazzjoni tal-Unjoni, tinforma u tiffaċilita l-appoġġ tal-Unjoni u l-Istati Membri għall-ippjanar u l-implimentazzjoni fil-qasam tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà ċivili, biex tiġi żgurata koerenza fl-azzjoni tal-Unjoni.”;

(2)

fl-Artikolu 14(1),, jiżdied dan li ġej wara t-tielet sentenza:

“L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-EUAM Iraq għall-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2022 sat-30 ta’ April 2024 għandu jkun ta’ EUR 70 056 766,51 ”;

(3)

fl-Artikolu 17, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għandha tapplika sat-30 ta’ April 2024.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-Y. LE DRIAN


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1869 tas-16 ta’ Ottubru 2017 dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq) (ĠU L 266, 17.10.2017, p. 12).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/513 tas-7 ta’ April 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1869 dwar il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fl-Iraq (EUAM Iraq) (ĠU L 113, 8.4.2020, p. 38).