Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Italja għall-2015
u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Italja tal-2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex il-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività jingħata spinta.
(2)Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri. Flimkien dawn jiffurmaw il-“linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.
(3)Fit-8 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tal-Italja għall-perjodu 2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013, il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Italja għall-2015.
(4)Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellu jitwettaq rieżami fil-fond.
(5)Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex tingħata spinta lill-investiment, biex b'hekk jiġu aċċelerati r-riformi strutturali u tkompliet it-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.
(6)Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Italja. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Italja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta’ Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż inkluda wkoll ir-riżultati tar-rieżami fil-fond, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslet biex jiġi konkluż li l-Italja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, li jeħtieġu azzjoni deċiżiva ta' politika u monitoraġġ speċifiku. B'mod partikolari, huwa essenzjali li jiġi indirizzat l-għerq tal-kawża tal-produttività baxxa u persistenti tax-xogħol u l-kompetittività dgħajfa u d-dejn nazzjonali jinġieb f'perkors ta' tnaqqis. Il-ħtieġa għal azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju ta' effetti negattivi fuq l-ekonomija tal-Italja hija partikolarment kbira speċjalment meta wieħed iqis id-daqs tagħhom fuq l-unjoni ekonomika u monetarja b'mod iktar wiesa'.
(7)Fit-28 ta’ April 2015, l-Italja ressqet il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2015 tagħha u l-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2015. Biex jiġu ikkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.
(8)L-Italja bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u soġġetta għar-regola tranżitorja tad-dejn matul il-perjodu 2013-2015. Fis-27 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ħarġet Rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE, minħabba li ma kienx mistenni li l-Italja tagħmel progress suffiċjenti fir-rigward tal-konformità mar-regola tad-dejn fl-2014-2015. Fl-analiżi ġie konkluż li għandu jiġi kkunsidrat li l-kriterju tad-dejn dak iż-żmien kien konformi.
(9)Fit-30 ta’ April 2015, wara d-data tal-għeluq tat-Tbassir Ekonomiku tar-Rebbiegħa, il-Qorti Kostituzzjonali Taljana ddikjarat in-nuqqas ta' indiċjar temporanju ta’ pensjonijiet ogħla fl-2012-2013 bħala mhux kostituzzjonali. L-impatt baġitarju preċiż ta’ din id-deċiżjoni se jiddependi fuq l-operattività tiegħu mill-gvern Taljan dwar , li għad trid tiġi ċċarata. Fid-dawl ta’ dan it-tagħrif ġdid, il-ħruġ ta’ Rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-TFUE jista’ jitqies ġustifikat fi stadju aktar tard. Fin-nuqqas ta’ dan l-element il-ġdid u sakemm ikun hemm aktar kjarifika l-konklużjonijiet mir-rapport ta' Frar jistgħu jitqiesu bħala li għadhom validi b’mod wiesa’ f’dan l-istadju.
(10)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tagħha għall-2015, l-Italja talbet devjazzjoni temporanja ta’ 0.4 punti perċentwali tal-PDG mill-pjan ta’ aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv ta’ terminu medju fl-2016 biex jiġu kkunsidrati r-riformi strutturali ewlenin b’impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Id-dettalji li fuqhom jibbażaw dawn ir-riformi ġew stabbiliti fil-Programm ta' Riforma Nazzjonali tal-2015 tal-Italja. L-oqsma ta' riforma mressqin fil-programm li juru li għandhom impatt fuq is-sostenibblità tal-finanzi pubbliċi jinkludu: i) l-amministrazzjoni pubblika u s-simplifikazzjoni; ii) is-swieq tal-prodotti u s-servizzi; iii) is-suq tax-xogħol; iv) il-ġustizzja ċivili; v) l-edukazzjoni; vi) bidla fit-taxxa; u vii) rieżami tal-infiq bħala miżura finanzjarja. L-awtoritajiet stmaw li l-impatt tar-riformi fuq il-PDG reali huwa 1.8 punti perċentwali sal-2020, li jidher li huwa plawsibbli. Jekk jiġu implimentati b'mod sħiħ u fil-waqt, dawn ir-riformi se jkollhom impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Kondizzjonali fuq il-gvern Taljan li jieħu l-miżuri meħtieġa fl-2015 biex jikkumpensa b’mod xieraq għall-impatt permanenti fis-sentenza msemmija hawn fuq il-Qorti Kostituzzjonali sabiex jiżgura li: (i) L-Italja tibqa' taħt il-parti preventiva tal-Patt ta' Stabilita u Tkabbir: (ii) jinżamm marġni xieraq ta' sigurtà fir-rigward tal-valur referenzjarju tat-Trattat; u (iii) l-objettiv ta’ terminu medju jintlaħaq fi żmien erba’ snin tal-Programm ta’ Stabbiltà. L-Italja bħalissa tista' tiġi vvalutata bħala li tikkwalifika għal devjazzjoni temporanja mitluba fl-2016, bil-kundizzjoni li timplimenta b’mod xieraq ir-riformi miftiehma, li se jkunu immonitorjati skont is-Semestru Ewropew.
(11)Fil-Programm ta' Stabbilità tal-2015, qed jiġi ppjanat li d-defiċit nominali jitjieb b'mod gradwali għal 2,6 % tal-PDG sal-2015, u jkompli jitjieb għal 1,8 % tal-PDG fl-2018. Fil-Programm ta' Stabbiltà 2015, il-gvern jippjana li jilħaq l-objettiv fuq terminu medju – pożizzjoni baġitarja bilanċjata f'termini strutturali – sal-2017. Madankollu, il-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid jilħaq l-objettiv ta' terminu medju fl-2018. I-ksib tal-objettiv ta' terminu medju sal-2017 jidher li huwa xieraq, meta wieħed jikkunsidra l-applikazzjoni għall-klawsola tar-riforma strutturali kif ukoll l-impenji stabbiliti fil-Programm ta' Stabbiltà fl-2015.
(12)Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern mistenni li jilħaq l-punt massimu fl-2015 b'132,5 % u li jibda jonqos għal 120.0 % fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jsostni l-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawsibbli. Il-gvern għad irid jispeċifika t-tnaqqis tan-nefqa addizzjonali li se jippremettuh jevita l-implimentazzjoni taż-żieda leġiżlata tal-VAT fl-2016.
(13)L-Italja għandha ttejjeb il-bilanċ strutturali b'0,25 % tal-PDG fl-2015. Ibbażat fuq it-tbassir tar-rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni, l-aġġustament strutturali projettat lejn l-objettiv ta' terminu medju ta' 0,3 tal-PDG fl-2015 huwa konformi mal-obbligi tal-Italja skont il-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2016, l-Italja għandha ttejjeb il-bilanċ strutturali tagħha mill-anqas b'0,1 tal-PDG, b'kunsiderazzjoni għad-devjazzjoni permessa ibbażata fuq il-klawsola tar-riforma strutturali. Madankollu, skont is-suppożizzjoni ta' ebda bidla politika, it-tbassir tal-Kummissjoni juri deterjorament ta' 0,2 % tal-PDG li jirriżulta f'riskju ta' xi devjazzjoni. Għalhekk, jeħtieġu iktar miżuri. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u billi kkunsidera t-tbassir tar-rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskju li l-Italja mhux se tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
(14)Minkejja l-kontribuzzjoni mistennija għall-isforzi ta' tnaqqis tad-dejn, li hija sfida għall-Italja, fl-2014 l-implimentazzjoni tal-programm ambizzjuż ta' privatizzazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Taljani kellha xi dewmien; għaldaqstant, ir-rikavat mill-privatizzazzjoni fl-2014 kien ta' 0,2 % tal-PDG, li ma jilħaqx il-mira ta' 0,7 % fis-sena.
(15)Matul is-sena li għaddiet, l-Italja ħadet passi sinifikanti biex ittaffi il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol, li madankollu jibqa' għoli. In-numru u l-ambitu tan-nefqa tat-taxxa, b'mod partikolari ir-rati mnaqqsa tal-VAT,għadhom għoljin ħafna. Fir-rigward tat-tassazzjoni tal-proprjetà, kien hemm ftit li xejn progress fuq ir-riforma fir-reġistrazzjoni tal-artijiet, li taħthom huwa meħtieġ li jiġu riveduti l-valuri katastali mhux aġġornati. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tat-tassazzjoni ambjentali u t-tneħħija ta' sussidji tli jagħmlu ħsara lill-ambjent ma ġewx inidirizzati. L-Italja waqqfet Kumitat dwar it-tassazzjoni ambjentali. Dawn id-dimensjonijiet huma koperti mil-liġi abilitanti għar-riforma tat-taxxa, li l-implimentazzjoni tagħha, madankollu, kienet iddewmet minħabba nuqqas ta' digrieti leġiżlattivi. Minkejja xi azzjoni f'dan il-qasam, l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa fl-Italja hija kompromessa wkoll minn livelli baxxi u li tinvolvu spejjeż ta' konformità mat-taxxa u evażjoni għolja ta' taxxa (stmata mill-gvern EUR 91 biljun kull sena jew 5,6 % tal-PDG). Il-gvern ressaq miżuri biex jiżgura l-preċiżjoni tad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa li issa jridu jkunu operattivi b'mod sħiħ.
(16)Passi limitati biss inkisbu lejn titjib fit-tul fl-effiċjenza u l-kwalità tan-nefqa pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern. L-iffrankar baġitarju illeġiżlat, inkluż fil-livell reġjonali u lokali, ma jilħaqx dak li kien stipulat fil-Programm ta' Riform Nazzjonali tal-2014. Il-fatt li r-rieżami tal-infiq ma jkunx għadu parti integrali tal-proċess baġitarju jiddependi fuq l-effiċjenza fit-tul globali ta’ dan l-eżerċizzju. Dgħufijiet serji ikomplu jeffettwaw il-ġestjoni tal-fondi tal-UE, b’mod partikolari fir-reġjuni tan-Nofsinhar. Pjan strateġiku nazzjonali għal portijiet u l-loġistika qed jitħejja iżda ttieħdu passi parzjali biss biex titjieb il-ġestjoni tal-portijiet u l-konnessjonijiet tagħhom maż-żoni interni.
(17)L-amministrazzjoni pubblika tal-Italja għadha kkaratterizzata minn ineffiċjenzi sinifikanti li jaffettwaw l-ambjent tan-negozju u fuq il-kapaċità tal-pajjiż biex timplimenta r-riformi b’mod effettiv. Saru sforzi biex jitjiebu l-qafas istituzzjonali u l-kwalità ġenerali tal-amministrazzjoni pubblika li għadhom għaddejjin. Riforma ambizzjuża tal-Kostituzzjoni, immirata b’mod partikolari biex tiġi ċċarata d-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn il-livelli differenti tal-gvern, hija mistennija sa tmiem l- 2015. Riforma komprensiva tal-amministrazzjoni pubblika biex tindirizza t-tibdil tal-persunal, il-mobilità u l-kumpens hija pendenti. Għalkemm ittieħdu numru ta’ passi għat-trawwim tat-trasparenza u biex tingħata s-setgħa lill-awtorità nazzjonali kontra l-korruzzjoni, ir-reviżjoni tal-istatut tal-limitazzjonijiet — ikkunsidrata wkoll minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħala pilastru tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-Italja — għadha ma ġietx implimentata. Ittieħdu passi importanti f’dawn l-aħħar snin kemm biex titjieb il-provvediment tal-ġustizzja, tiġi riveduta l-ġeografija tal-qrati u jinħolqu qrati speċjalizzati, kif ukoll biex titnaqqas id-domanda għaliha, permezz tal-promozzjoni ta’ soluzzjoni ta’ tilwim barra l-qrati. It-tul tal-proċedimenti għadu problema kbira u r-riformi li saru għad iridu jagħtu l-frott.
(18)Sa minn tmiem l- 2008, il-proporzjon ta’ self improduttiv tas-settur bankarju Taljan żdied bil-kbir, prinċipalment fir-rigward tal-iskoperturi korporattivi tal-banek. Sa issa r-rata tas-soluzzjoni ta’ assi danneġġati kienet baxxa wisq u d-disponiment tagħhom baqa’ limitat. Dan huwa parzjalment minħabba s-sottożvilupp tas-suq tad-dejn privat fi kriżi tal-Italja. Leġiżlazzjoni riċenti indirizzat nuqqasijiet fil-governanza korporattiva tal-akbar banek kooperattivi (banche popolari), iżda r-rwol tal-fondazzjonijiet u r-rwol tal-banek kooperattivi żgħar (banche di credito cooperativo) qed jiġu indirizzati permezz ta’ ftehimiet ta’ n-natura mhux vinkolanti u awtoregolatorja. Aktar ristrutturar u konsolidazzjoni tas-settur bankarju Taljan huwa ġustifikat biex titjieb l-effettività ta’ medjazzjoni finanzjarja u jiġi appoġġat l-irkupru ekonomiku.
(19)Liġi abilitanti f'firxa wiesgħa, għar-riforma tas-suq tax-xogħol, il-"Jobs Act", ġiet adottata f’Diċembru 2014 u żżomm id-direzzjoni tar-riformi preċedenti. Din tipprovdi b’mod partikolari għal bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-ħarsien tal-impjiegi, is-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad, il-governanza u l-funzjonament ta’ politiki attivi u passivi tas-suq tax-xogħol u l-konċiljazzjoni bejn il-ħajja familjari u dik professjonali. L-implimentazzjoni effettiva ta’ din il-liġi se jiddependi b’mod kruċjali fuq id-digrieti ta’ implimentazzjoni leġiżlattivi neċessarji li jiġu adottati. Dawn jindirizzaw l-użu tal-iskemi ta’ supplimentazzjoni tal-pagi, ir-reviżjoni tal-arranġamenti kuntrattwali, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u t-tisħiħ tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Negozjar tat-tieni livell, li jista’ tikkontribwixxi biex il-pagi jiġu allinjati aħjar mal-produttività u jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fid-ditti, għadu jikkonċerna biss minoranza ta’ kumpaniji. Il-ftehim ta’ Jannar 2014 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-kejl tar-rappreżentattività tat-trejdjunjins fis-settur tal-manifattura jista’ jgħin biex jiġi promoss negozjar tat-tieni livell iżda għadu mhuwiex operattiv. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, għalkemm qed tikber, għadha fost l-aktar baxxa fl-UE. Barra minn hekk, il-qgħad fost iż-żgħażagħ laħaq kważi 43 % fit-tielet kwart tal-2014 u l-proporzjon ta’ żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u l-24 sena li m’għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ huwa l-ogħla fl-UE. Xi wħud mill-kawżi jinsabu fis-sistema edukattiva, li għadha kkaratterizzata minn eżiti tal-iskola taħt il-medja tal-UE, u rati relattivament għolja ta’ studenti li jitilqu mill-iskola kmieni. 54,6 % biss minn dawk bejn il-15 u l-34 sena li ggradwaw mill-ewwel u mit-tieni stadju tal-edukazzjoni terzjarja fi żmien it-tliet snin preċedenti kienu impjegati, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 78,6 %. L-Italja esperjenzat waħda mill-ogħla żidiet fir-rati tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-UE, b’impatt partikolari fuq it-tfal. L-iskemi ta’ assistenza soċjali għadhom frammentati u mhux effettivi fl-indirizzar ta’ din l-isfida li jwasslu għal ineffiċjenzi ta’ spejjeż sostantivi.
(20)Firxa ta’ restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni għadhom qed ifixklu l-funzjonament xieraq tas-swieq tal-prodotti u tas-servizzi. Liġi li tindirizza ċerti ostakli f’numru ta’ setturi, inklużi l-assigurazzjoni, it-telekominikazzjoni u d-distribuzzjoni tal-fjuwil, hija pendenti fil-Parlament. Għad fadal xi ostakli sinifikanti f’setturi oħra importanti, inklużi s-servizzi pubbliċi lokali, l-ajruporti u l-portijiet, is-servizzi legali, is-servizzi bankarji, l-ispiżeriji u l-kura tas-saħħa. Għad hemm dgħufijiet sinifikanti fl-akkwist pubbliku minkejja l-użu usa’ tal-akkwist ċentralizzat. Is-servizzi pubbliċi lokali, li juru sinjali ċari ta’ ineffiċjenza, jibqgħu protetti mill-kompetizzjoni, u dan għandu effetti negattivi wkoll fuq il-finanzi pubbliċi. Proċeduri miftuħa huma użati għal proporzjon żgħir ta’ għotjiet kuntrattwali, filwaqt li l-parti l-kbira tal-kuntratti isiru permezz ta’ għotjiet interni jew proċeduri simili.
(21)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Italja u ippublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali u s-segwitu ingħata għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Italja fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Italja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 6 ta' hawn taħt.
(22)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja, u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 ta' hawn taħt.
(23)Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 6 ta' hawn taħt.
(24)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-Euro. L-Italja għandha tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet,
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:
1.Tikseb aġġustament fiskali ta’ mill-anqas 0.25 % tal-PDG lejn l-objettiv ta’ terminu medju fl-2015 u ta’ 0,1 % tal-PDG fl-2016 billi tieħu l-miżuri strutturali meħtieġa kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016, b'kunsiderazzjoni għad-devjazzjoni permessa għall-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali kbar. Timplimenta malajr u bir-reqqa l-programm tal-privatizzazzjoni u tuża l-qligħ mhux mistenni biex ikun hemm aktar progress biex il-proporzjon tad-dejn ġenerali tal-gvern jitwassal għal perkors xieraq. Timplimenta l-liġi abilitanti għar-riforma tat-taxxa sa Settembru 2015, b’mod partikolari r-reviżjoni tal-infiq tat-taxxa u tal-valuri katastali u l-miżuri biex titjieb il-konformità mat-taxxa.
2.Tadotta l-pjan strateġiku nazzjonali ippjanat għall-portijiet u l-loġistika, b’mod partikolari biex tgħin biex jiġi promoss it-trasport intermodali permezz ta’ konnessjonijiet aħjar. Tiżgura li l-Aġenzija għall-Koeżjoni Territorjali ssir kompletament operattiva b’tali mod li l-ġestjoni tal-fondi tal-UE titjieb b’mod sinifikanti.
3.Tadotta u timplimenta l-liġijiet pendenti bil-għan li jittejjeb il-qafas istituzzjonali u l-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika. Tirrevedi l-istatut tal-limitazzjonijiet sa nofs l-2015. Tiżgura li r-riformi adottati biex itejbu l-effiċjenza tal-ġustizzja ċivili jgħinu fit-tnaqqis tat-tul tal-proċedimenti.
4.Tintroduċi miżuri vinkolanti sa tmiem l-2015 biex tindirizza d-dgħufijiet li għad hemm fil-governanza korporattiva tal-banek, b’mod partikolari tar-rwol tal-fondazzjonijiet, u tieħu miżuri biex taċċellera t-tnaqqis b’bażi wiesgħa ta’ self improduttiv.
5.Tadotta d-digrieti leġiżlattivi dwar l-użu tal-iskemi ta’ supplimentazzjoni tal-pagi, ir-reviżjoni tal-arranġamenti kuntrattwali, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u t-tisħiħ tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Tistabbilixxi, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f’konformità mal-prattiki nazzjonali, qafas effettiv għal negozjar kuntrattwali tat-tieni livell. Bħala parti mill-isforzi sabiex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ, tadotta u timplimenta r-riforma ppjanata u tkabbar l-edukazzjoni terzjarja b'orjentazzjoni vokazzjonali.
6.Timplimenta l-aġenda ta’ simplifikazzjoni għall-2015-2017 biex ittaffi l-piż amministrattiv u regolatorju. Tadotta miżuri li jsaħħu l-kompetizzjoni fis-setturi kollha koperti mil-liġi tal-kompetizzjoni u tieħu azzjoni deċiżiva biex tneħħi l-ostakli li għad fadal. Tiżgura li s-servizzi pubbliċi lokali li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-għotjiet interni jiġu rrettifikati sa mhux aktar tard minn tmiem l-2015.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President