European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/57

16.1.2025

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/57

tal-15 ta’ Jannar 2025

li tistabbilixxi l-format tal-informazzjoni li għandhom jagħmlu disponibbli l-Istati Membri għall-finijiet tar-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2193 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2025) 81)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/2193 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3), it-tieni subparagrafu, tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2015/2193 teżiġi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2029, l-ebda impjant tal-kombustjoni medju eżistenti b’input termiku nominali ugwali għal 5 MW jew inqas ma jitħaddem mingħajr permess jew mingħajr ma jkun irreġistrat. Bħala konsegwenza, id-disponibbiltà tad-data għal dawk l-impjanti tista’ tkun limitata qabel dik id-data.

(2)

Għall-fini tar-rappurtar, l-Istati Membri jridu jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Ottubru 2026 u sal-1 ta’ Ottubru 2031, rapporti b’informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2193, dwar kull azzjoni meħuda biex tiġi vverifikata l-konformità tat-tħaddim tal-impjanti tal-kombustjoni medji mad-Direttiva (UE) 2015/2193 u dwar kull azzjoni ta’ infurzar għall-finijiet tagħha.

(3)

L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Ottubru 2026, rapporti bi stima tal-emissjonijiet annwali totali ta’ SO2, ta’ NOx u ta’ trab minn impjanti tal-kombustjoni medji.

(4)

Il-formati tekniċi li jridu jintużaw mill-Istati Membri għar-rappurtar f’konformità mal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2193 jenħtieġ li jitfasslu b’tali mod li jgħin lill-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ sinteżi dwar l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva skont l-Artikolu 11(4) tagħha. Dawk il-formati tekniċi jenħtieġ li jindirizzaw id-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva (UE) 2015/2193 u jippermettu l-forniment ta’ data aggregata, inkluż dwar il-kategoriji tal-impjanti, l-emissjonijiet, id-dħul tal-enerġija u l-kapaċità.

(5)

Sabiex jiġu żgurati l-konsistenza u l-koerenza tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2193, u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni trid tagħmel disponibbli għall-Istati Membri għodda elettronika għar-rappurtar għall-finijiet tar-rappurtar, f’konformità mal-Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2015/2193.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 75(1) tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-fini tar-rappurtar lill-Kummissjoni tal-istima tal-emissjonijiet annwali totali tad-diossidu tal-kubrit (SO2), tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx) u tat-trab skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2193, l-Istati Membri għandhom jużaw il-format stabbilit fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   Għall-fini tar-rappurtar lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2193, dwar kull azzjoni meħuda biex tiġi vverifikata l-konformità tat-tħaddim tal-impjanti tal-kombustjoni medji mad-Direttiva (UE) 2015/2193 u dwar kull azzjoni ta’ infurzar għall-finijiet tagħha, skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2193, l-Istati Membri għandhom jużaw il-format stabbilit fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jużaw l-għodda elettronika għar-rappurtar imsemmija fl-Artikolu 11(3), l-ewwel subparagrafu, tad-Direttiva (UE) 2015/2193 biex jippreżentaw l-informazzjoni mitluba fl-Annessi I u II ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Jannar 2025.

Għall-Kummissjoni

Jessika ROSWALL

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 313, 28.11.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2193/oj.

(2)  Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/75/oj).


ANNESS I

FORMAT TEKNIKU GĦAR-RAPPURTAR TA’ INFORMAZZJONI DWAR L-IMPJANTI TAL-KOMBUSTJONI MEDJI KOPERTI MID-DIRETTIVA (UE) 2015/2193

PARTI 1

Kategoriji ta’ impjanti

Din it-tabella tipprovdi l-kategoriji ta’ impjanti li jridu jintużaw biex tiġi pprovduta l-informazzjoni meħtieġa skont il-partijiet 2 u 3 (1).

1.1

Ġodda jew eżistenti

Kif definiti skont l-Artikolu 3(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2015/2193

1.2

Klassijiet tal-kapaċità (input termiku nominali) (2)

—

ugwali għal jew iktar minn 1 MWth u inqas minn jew ugwali għal 5 MWth

—

iktar minn 5 MWth u inqas minn jew ugwali għal 20 MWth

—

iktar minn 20 MWth

1.3

Tipi ta’ impjanti

—

impjanti li mhumiex magni u turbini tal-gass

—

magni

—

turbini tal-gass

1.4

Tipi ta’ karburanti

—

bijomassa solida

—

karburanti solidi oħra

—

żejt tal-gass

—

karburanti likwidi li mhumiex żejt tal-gass

—

gass naturali

—

karburanti gassużi li mhumiex gass naturali

—

karburanti mħallta.

PARTI 2

Metadata

2.1

Stat Membru

Identifikazzjoni tal-Istat Membru li qiegħed jippreżenta r-rapport

2.2

Awtorità Kompetenti

Identifikazzjoni tal-awtorità kompetenti responsabbli mir-rapport (dipartiment, indirizz, numru tat-telefon u email)

2.3

Għadd ta’ impjanti

Għadd ta’ impjanti għal kull kategorija ta’ impjanti

2.4

Sena tar-rappurtar

Is-sena kalendarja li għaliha jirreferi r-rappurtar (3)

PARTI 3

Emissjonijiet, dħul ta’ enerġija u kapaċità

3.1

SO2, NOx, u emissjonijiet tat-trab

Stima tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tat-trab, espressa bħala l-kwantità totali f’tunnellati għal kull sena kalendarja li tiġi skarikata mill-impjanti għal kull kategorija ta’ impjanti

3.2

Dħul ta’ enerġija

Stima tal-karburant totali użat mill-impjanti, espressa f’terajoules fis-sena għal kull kategorija ta’ impjanti

3.3

Kapaċità aggregata totali

Stima tal-kapaċità installata totali, espressa bħala s-somma tal-input termiku nominali tal-impjanti kollha għal kull kategorija ta’ impjanti


(1)  Eżempju ta’ kategorija: bojlers ġodda b’qawwa termika ta’ iktar minn 5 MW u inqas minn jew ugwali għal 20 MWth, li jaħarqu karburanti likwidi minbarra ż-żejt tal-gass.

(2)  Għall-impjanti tal-kombustjoni medji ġodda jista’ jintuża l-input termiku nominali totali.

(3)  Preferibbilment l-2025. Jekk mhux possibbli, l-2024 jew l-2023, skont f’liema sena tkun disponibbli l-aktar data reċenti. Għat-tieni rapport, preferibbilment l-2030. Jekk mhux possibbli, l-2029 jew l-2028, skont f’liema sena tkun disponibbli l-aktar data reċenti.


ANNESS II

FORMAT TEKNIKU GĦAR-RAPPURTAR TA’ INFORMAZZJONI DWAR L-IMPJANTI TAL-KOMBUSTJONI MEDJI KOPERTI MID-DIRETTIVA (UE) 2015/2193

Għall-fini tar-rappurtar lill-Kummissjoni tal-informazzjoni stabbilita f’dan l-Anness, kwalunkwe referenza għall-“Kategorija ta’ impjanti” jenħtieġ li tinftiehem bħala referenza għat-tabella “Parti 1. Kategoriji ta’ pjanti” stabbilita fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni.

PARTI 1

Metadata

1.1

Stat Membru

Identifikazzjoni tal-Istat Membru li qiegħed jippreżenta r-rapport

1.2

Organizzazzjoni tal-Istat Membru għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2193

Deskrizzjoni tal-awtorità/awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2193 (livell nazzjonali, livell reġjonali, livell lokali) u mid-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet

1.3

Sena tar-rappurtar

Is-sena kalendarja li għaliha jirreferi r-rappurtar (1)

PARTI 2

Informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva

2.1

Permessi jew Reġistrazzjoni

Metodu, imsemmi fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2193, li jkun qiegħed jintuża fis-sena ta’ rappurtar għal kull kategorija ta’ impjanti (l-użu tal-permess, ir-reġistrazzjoni, jew it-tnejn)

2.2

Proċedura

Proċedura għall-għoti ta’ permess jew għar-reġistrazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 5(3) tad-Direttiva (UE) 2015/2193, li tkun qiegħda tintuża fis-sena ta’ rappurtar għal kull kategorija ta’ impjanti (deskrizzjoni tal-proċedura u URL għall-proċedura, jekk disponibbli)

2.3

Reġistru

Il-preżenza ta’ reġistru b’informazzjoni dwar kull impjant tal-kombustjoni medju skont l-Artikolu 5(5) tad-Direttiva (UE) 2015/2193 użat fis-sena ta’ rappurtar għal kull kategorija ta’ impjanti (IVA jew LE),

jekk IVA, id-deskrizzjoni tar-reġistru (għadd ta’ reġistri, livell tar-reġistri — nazzjonali, reġjonali, lokali)

Ir-reġistri huma disponibbli għall-pubbliku fuq l-Internet? (IVA jew LE)

Jekk iva, il-URL tar-reġistru/i

2.4

Regoli vinkolanti ġenerali

Adozzjoni ta’ regoli vinkolanti ġenerali fir-rigward tal-Artikolu 5(6) tad-Direttiva (UE) 2015/2193 u referenza għal dawn ir-regoli (id-deskrizzjoni tal-użu u l-URL disponibbli għall-pubbliku)

2.5

Għadd ta’ impjanti li jagħmlu parti mis-sistemi iżolati żgħar (SIS) jew mis-sistemi iżolati mikro (MIS)

Għadd ta’ impjanti li jagħmlu parti mis-sistemi iżolati żgħar (SIS, small isolated systems) jew mis-sistemi iżolati mikro (MIS, micro isolated systems), kif iddefinit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2015/2193, fis-sena ta’ rappurtar għal kull kategorija ta’ impjanti

2.6

Użu ta’ eżenzjonijiet

Eżenzjonijiet applikati fir-rigward ta’:

l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva (UE) 2015/2193

l-Artikolu 6(8)

Għal kull skema ta’ eżenzjoni, l-għadd ta’ impjanti kkonċernati.

2.7

Valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet aktar stretti

Ħarsa ġenerali lejn il-każijiet fejn il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet aktar stretti huma fis-seħħ fir-rigward tal-Artikolu 6(9) tad-Direttiva (UE) 2015/2193 fis-sena ta’ rappurtar (deskrizzjoni qasira tar-raġunijiet u l-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet aktar stretti). Din l-informazzjoni tiġi rrappurtata għal kull kategorija ta’ impjanti meta din l-informazzjoni tkun disponibbli f’dan il-livell.

2.8

Bidliet fl-impjanti tal-kombustjoni medji

Eżempji ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/2193 bl-għan li jiżguraw li l-operatur jinforma lill-awtorità kompetenti dwar il-bidliet ippjanati fl-impjanti tal-kombustjoni medji li jaffettwaw il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet applikabbli

2.9

Sistema għall-kontroll tal-konformità

Il-metodu użat biex jiġi vverifikat li l-emissjonijiet immonitorjati, b’kejl kontinwu jew perjodiku, ma jkunux jaqbżu l-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2015/2193 (deskrizzjoni tas-sistema msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2015/2193 bħall-użu tal-ispezzjonijiet, tal-awtokejl, tal-kejl estern jew ta’ miżuri oħra, u l-użu tal-organizzazzjonijiet akkreditati biex iwettqu l-kontrolli).

2.10

Azzjonijiet ta’ infurzar meħuda

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet ta’ infurzar meħuda fis-sena ta’ rappurtar fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, kif imsemmi fl-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2015/2193 (deskrizzjoni qasira tal-proċeduri stabbiliti biex tiġi infurzata d-Direttiva u t-tipi ta’ azzjonijiet ta’ infurzar, fosthom il-penali stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva (UE) 2015/2193).

2.11

Sospensjoni tal-operazzjonijiet

Sommarju tat-tip ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità msemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2015/2193 li wasslu għas-sospensjoni tal-operazzjonijiet.


(1)  Għall-ewwel rapport, preferibbilment l-2025. Jekk mhux possibbli, l-2024 jew l-2023, skont f’liema sena tkun disponibbli l-aktar data reċenti. Għat-tieni rapport, preferibbilment l-2030. Jekk mhux possibbli, l-2029 jew l-2028, skont f’liema sena tkun disponibbli l-aktar data reċenti.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/57/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)