|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1141 |
26.5.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1141
tad-19 ta’ Mejju 2026
dwar it-talba għar-reġistrazzjoni, skont ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Drittijiet għan-Natura: L-għoti tas-Setgħa liċ-Ċittadini biex Jirrappreżentaw u Jipproteġu l-Ekosistemi”
(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-27 ta’ Marzu 2026, ġiet ippreżentata talba lill-Kummissjoni għar-reġistrazzjoni ta’ inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Drittijiet għan-Natura: L-għoti tas-Setgħa liċ-Ċittadini biex Jirrappreżentaw u Jipproteġu l-Ekosistemi”. |
|
(2) |
L-għan ta’ din l-Inizjattiva kif espress mill-organizzaturi huwa li “Tirrikonoxxi d-Drittijiet tan-Natura fil-liġi Ewropea permezz ta’ att legali bħal direttiva jew regolament biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ekosistemi”. L-organizzaturi: “Aħna nfittxu li mmorru lil hinn mit-trattament tan-natura bħala proprjetà billi nirrikonoxxu l-ekosistemi bħala entitajiet ħajjin b’valur intrinsiku u bi drittijiet fundamentali” inklużi “d-drittijiet li jeżistu, li jirriġeneraw il-bijokapaċitajiet u ċ-ċikli vitali tagħhom, u li jiġu restawrati”. L-organizzaturi jqisu li l-“[e]kosistemi għandhom jingħataw ukoll personalità ġuridika”. L-għan huwa wkoll li “ċ-ċittadini u l-komunitajiet jingħataw is-setgħa li jaġixxu bħala amministraturi u rappreżentanti tal-ekosistemi, kemm biex jipprevjenu l-ħsara kif ukoll biex jappoġġaw il-protezzjoni, ir-restawr u r-riġenerazzjoni. Għalhekk, dawn ir-rappreżentanti għandu jkollhom locus standi u miżuri legali addizzjonali meta jiddefendu d-drittijiet tal-ekosistemi, filwaqt li jibnu fuq l-eżempju ta’ Mar Menor fi Spanja”. L-anness tal-inizjattiva jipprovdi dettalji ulterjuri dwar l-isfond tagħha, is-suġġett tagħha u l-objettivi tagħha. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni tqis li, abbażi tal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) b’rabta mal-Artikolu 191(1) tat-TFUE, tista’ tadotta proposta għal att legali biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-ekosistemi, inklużi d-drittijiet li jeżistu, li jirriġeneraw il-bijokapaċitajiet u ċ-ċikli vitali tagħhom, u li jiġu restawrati. Att bħal dan jista’ jagħti wkoll personalità ġuridika lill-ekosistemi u jagħti liċ-ċittadini u lill-komunitajiet locus standi biex jaġixxu f’isimhom. |
|
(4) |
Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ebda parti mill-inizjattiva ma taqa’ manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. |
|
(5) |
Dik il-konklużjoni ma taffettwax il-valutazzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet sostantivi konkreti meħtieġa biex il-Kummissjoni taġixxi, inkluża l-konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà u l-kompatibbiltà mad-drittijiet fundamentali, ikunux issodisfati f’dan il-każ. |
|
(6) |
Il-grupp ta’ organizzaturi pprovda evidenza xierqa li huwa jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2019/788 u ħatar il-persuni ta’ kuntatt f’konformità mal-Artikolu 5(3), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament. |
|
(7) |
L-inizjattiva la hija manifestament abbużiva, frivola jew vessatorja u lanqas ma tmur manifestament kontra l-valuri tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew kontra d-drittijiet minquxin fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(8) |
Għalhekk, l-inizjattiva intitolata "Id-Drittijiet għan-Natura: L-għoti tas-Setgħa liċ-Ċittadini biex Jirrappreżentaw u Jipproteġu l-Ekosistemi”, jenħtieġ li tiġi rreġistrata. |
|
(9) |
Il-konklużjoni li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2019/788 huma ssodisfati, ma timplikax li l-Kummissjoni b’xi mod jew ieħor tikkonferma l-korrettezza fattwali tal-kontenut tal-inizjattiva, li hija r-responsabbiltà unika tal-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva. Il-kontenut tal-inizjattiva jesprimi biss il-fehmiet tal-grupp ta’ organizzaturi, u bl-ebda mod ma jista’ jitqies li jirrifletti l-fehmiet tal-Kummissjoni. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej intitolata “Drittijiet għan-Natura: L-għoti tas-Setgħa liċ-Ċittadini biex Jirrappreżentaw u Jipproteġu l-Ekosistemi” għandha tiġi rreġistrata.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-grupp ta’ organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “Drittijiet għan-Natura: L-għoti tas-Setgħa liċ-Ċittadini biex Jirrappreżentaw u Jipproteġu l-Ekosistemi”, irrappreżentata minn Emmanuel SCHLICHTER u Marine YZQUIERDO li qegħdin jaġixxu bħala persuni ta’ kuntatt.
Magħmul fi Strasburgu, id-19 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kummissjoni
Maroš ŠEFČOVIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/788/oj.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1141/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)