European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1796

25.6.2024

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2024/1796

tal-24 ta’ Ġunju 2024

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 359/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1795 tal-24 ta’ Ġunju 2024 li temenda d-Deċiżjoni 2011/235/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ April 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/235/PESK (2) u r-Regolament (UE) Nru 359/2011 (3).

(2)

Abbażi ta’ rieżami tad-Deċiżjoni 2011/235/PESK u r-Regolament (UE) Nru 359/2011, u sabiex tiġi ffaċilitata azzjoni umanitarja bbażata fuq il-prinċipji minn atturi umanitarji imparzjali fl-Iran, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li ċerti organizzazzjonijiet u aġenziji li jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni jiġu eżentati mill-projbizzjoni li jagħmlu fondi jew riżorsi ekonomiċi disponibbli għal persuni, entitajiet u korpi deżinjati, għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li jiġi introdott mekkaniżmu ta’ deroga għal dawk l-organizzazzjonijiet u l-atturi involuti f’attivitajiet umanitarji li ma jistgħux jibbenefikaw minn dik l-eżenzjoni umanitarja

(3)

Fl-24 ta’ Ġunju 2024 , il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2024/1795 li temenda d-Deċiżjoni 2011/235/PESK. Id-Deċiżjoni (PESK) 2024/1795 tintroduċi eċċezzjonijiet umanitarji mill-miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Iran.

(4)

Dawk l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 359/2011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (UE) Nru 359/2011, jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

1.   Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2) ma għandhiex tapplika għall-fondi jew riżorsi ekonomiċi li jsiru disponibbli mill-organizzazzjonijiet u aġenziji li huma vvalutati skont il-pilastru mill-Unjoni u li magħhom l-Unjoni ffirmat ftehim qafas ta’ sħubija finanzjarja li abbażi tiegħu l-organizzazzjonijiet u l-aġenziji jaġixxu bħala sħab umanitarji tal-Unjoni, dment li l-għoti ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran.

2.   F’każijiet mhux koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u b’deroga mill-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jagħtu awtorizzazzjonijiet speċifiċi jew ġenerali, taħt tali kundizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi li huma jqisu xierqa, biex jirrilaxxaw ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew biex jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, dment li l-forniment ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jkun meħtieġ għal finijiet esklużivament umanitarji fl-Iran.

3.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva, talba għall-informazzjoni jew notifika għal iktar żmien mill-awtorità kompetenti rilevanti fi żmien 5 ijiem ta’ xogħol mid-data tal-wasla ta’ talba għall-awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 2, l-awtorizzazzjoni għandha titqies li ngħatat.

4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont il-paragrafi 2 jew 3 fi żmien ġimagħtejn minn tali awtorizzazzjoni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-24 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L, 2024/1795, 24.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1795/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/235/PESK tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100, 14.4.2011, p. 51).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 359/2011 tat-12 ta’ April 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran (ĠU L 100 14.4.2011, p. 1).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1796/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)