29.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/24


REGOLAMENT (KE) Nru 545/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2009

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali bdiet taffettwa serjament lill-attività tat-trasportaturi bl-ajru. Din wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku tal-ajru matul il-perijodu ta’ skedar tax-xitwa 2008/2009. Il-perijodu ta’ skedar tas-sajf 2009 wkoll se jintlaqat minn dik il-kriżi ekonomika.

(2)

Sabiex ikun żgurat li n-nuqqas ta’ użu tas-slots allokati għall-perijodu ta’ skedar 2009 ma jwassalx biex it-trasportaturi bl-ajru jitilfu d-dritt għal dawk is-slots, huwa meħtieġ li jkun speċifikat b’mod ċar u mhux ambigwu li dak il-perijodu ta’ skedar huwa milqut mill-kriżi ekonomika.

(3)

Il-Kummissjoni għandha tkompli tanalizza l-impatt tal-kriżi ekonomika fuq is-settur tat-trasport bl-ajru. Jekk il-qagħda ekonomika tkompli sejra lura qabel il-perijodu ta’ skedar tax-xitwa 2009-2010, il-Kummissjoni tkun tista’tagħmel proposta biex jiġġeddu s-sistemi li jinsabu f’dan ir-Regolament għall-perijodu ta’ skedar tax-xitwa 2010/2011. Qabel issir proposta bħal din, għandu jkun hemm evalwazzjoni sħiħa tal-impatt li tanalizza l-effetti possibbli fuq il-kompetizzjoni u l-konsumaturi u għandha ssir biss jekk din il-proposta tagħmel parti minn proposta għal reviżjoni ġenerali tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni tas-slots fl-ajruporti tal-Komunità (3) sabiex jiġu solvuti l-ineffiċjenzi fl-allokazzjoni tas-slots attwali u sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tal-kapaċità skarsa fl-ajruporti li jkollhom konġestjoni ta’ traffiku.

(4)

Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan u b’urġenza. Din l-emenda bl-ebda mod ma għandha taffettwa s-setgħat tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 10a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10a

Għall-finijiet tal-Artikolu 10(2), il-koordinaturi għandhom jaċċettaw li t-trasportaturi bl-ajru għall-perjodu tal-iskedar għas-Sajf 2010 għandhom id-dritt għall-istess serje ta’ slots kif kienu allokati lilhom fil-bidu tal-perjodu tal-iskedar għas-Sajf 2009, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.”;

2.

L-Artikolu 10b huwa mħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

Š. FÜLE


(1)  Opinjoni tal-24 ta’ Marzu 2009 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Mejju 2009 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2009.

(3)   ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1.