27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 250/31


DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III — Il-Kummissjoni

(2011/550/UE, Euratom)

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (1),

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010) 963 — C7-0211/2010) (2),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-kwittanza għas-sena finanzjarja 2008 (COM(2010) 650), u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw dak ir-rapport ((SEC(2010) 1437 u SEC(2010) 1438)),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2010 bit-titolu “Sinteżi tal-kisbiet tal-ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2009” (COM(2010) 281),

—

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2009 (COM(2010) 447) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (SEC(2010) 994),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar it-tweġibiet tal-Istati Membri għar-rapport annwali tal-2009 tal-Qorti tal-Awdituri (COM(2011) 104),

—

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ bażiipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (4),

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 bit-titolu “Aktar kontrolli jew anqas? Is-sejbien tal-aħjar bilanċ bejn in-nefqa amministrattiva tal-kontroll u r-riskju ta’ żball” (COM(2010) 261), u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni maħruġin ma’ dik il-komunikazzjoni (SEC(2010) 640 u (SEC(2010) 641),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Iskejjel Ewropej għas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-Iskejjel,

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009(05891/2011 – C7-0053/2011),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE, l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 179a u 180b tat-Trattat Euratom,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), kif emendat bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (6) u (KE) Nru 1525/2007 (7), u b’mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A7-0134/2011),

A.

billi skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha timplimenta l-baġit u tiġġestixxi programmi u għandha tagħmel dan, skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b’koperazzjoni mal-Istati Membri fuq ir-responsabilità tagħha stess, wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ tmexxija finanzjarja tajba,

1.

Jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009;

2.

Jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fir-riżoluzzjoni li hija parti integrali mid-Deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III – Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi, u fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-Kwittanza tal-Kummissjoni għall-2009 (8);

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-Deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet li huma parti integrali minnha, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura l-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

Il-President

Jerzy BUZEK

Is-Segretarju Ġenerali

Klaus WELLE


(1)   ĠU L 69, 13.3.2009.

(2)   ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.

(3)   ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.

(4)   ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.

(5)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)   ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1.

(7)   ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9.

(8)  Testi adottati, P7_TA(2011) 195 (Ara paġna 63 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

b’osservazzjonijiet li jagħmlu parti integrali mid-Deċiżjonijiet dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III — Il-Kummissjoni u aġenziji eżekuttivi

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (1),

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010) 963 — C7-0211/2010) (2),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għad-deċiżjoni ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2008 (COM(2010) 650), u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw dak ir-rapport ((SEC(2010) 1437 u SEC(2010) 1438),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2010 bit-titolu “Sinteżi tal-kisbiet tal-ġestjoni tal-Kummissjoni fl-2009” (COM(2010) 281),

—

wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-awditjar intern imwettaq fl-2009 (COM(2010) 447), u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja dan ir-rapport (SEC(2010) 994),

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar it-tweġibiet tal-Istati Membri għar-rapport annwali tal-2009 tal-Qorti tal-Awdituri (COM(2011) 104),

—

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet, kif ukoll il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet ta’ bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (4),

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2010 bit-titolu “Aktar” kontrolli jew anqas? Is-sejbien tal-aħjar bilanċ bejn in-nefqa amministrattiva tal-kontroll u r-riskju ta’ żball (COM(2010) 261), u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni maħruġin ma’ dik il-komunikazzjoni (SEC(2010) 640 u (SEC(2010) 641),

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009(05891/2011 — C7-0053/2011),

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-aġenziji eżekuttivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009 (05893/2011 — C7-0054/2011),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 274, 275 u 276 tat-Trattat KE, l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 179a u 180b tat-Trattat Euratom,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5) (“ir-Regolament Finanzjarju”) kif emendat bir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (6) u (KE) Nru 1525/2007 (7), u b’mod partikolari l-Artikoli 55, 145, 146 u 147 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (8), u b’mod speċjali l-Artikolu 14(2) u (3) tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A7-0134/2011),

A.

billi l-Kummissjoni Barroso I kellha objettiv strateġiku li tikseb dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni pożittiva mill-Qorti tal-Awdituri sal-2009, u billi dan l-objettiv ma nltaħaqx,

B.

billi t-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni billi ppreveda li din għandha timplimenta l-baġit u tiġġestixxi programmi (l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea) u għandha tagħmel dan fuq ir-responsabilità tagħha stess (l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) - irrispettivament mill-metodu ta’ implimentazzjoni applikat - u li l-Istati Membri għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni biex jiġi żgurat li l-approprjazzjonijiet jintużaw b’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba,

C.

billi t-Trattat ta’ Lisbona ppreveda wkoll li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ evalwazzjoni dwar il-finanzi tal-Unjoni fuq il-bażi tar-riżultati miksuba (l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea),

D.

billi ċ-ċittadini Ewropej jistennew li l-flus tal-kontribwenti fiskali jintużaw b’mod korrett, effiċjenti u utli u billi l-kwistjoni tad-‘daqs’ tal-baġit tal-Unjoni għandha tiġi diskussa fuq il-bażi tal-objettivi li għandhom jinkisbu, kif ukoll fuq il-bażi tal-kompetenzi u r-responsabilitajiet mogħtija mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

E.

billi l-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li l-Qorti tal-Awdituri tipprovdi lill-Parlament u l-Kunsill dikjarazzjoni tal-assigurazzjoni fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jżid li d-dikjarazzjoni tista’ tiġi supplimentata minn evalwazzjonijiet speċifiċi għal kull qasam ewlieni tal-attività tal-Unjoni,

F.

billi mhux biss il-Kummissjoni imma wkoll l-Istati Membri għandhom jinżammu responsabbli għall-fatt li l-Qorti tal-Awdituri, s’issa, għadha ma kinetx kapaċi toħroġ dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni kompleta,

G.

billi d-dikjarazzjonijiet obbligatorji ta’ ġestjoni nazzjonali, maħruġa u ffirmati f’livell ministerjali u debitament ivverifikati minn awditur indipendenti, huma pass meħtieġ u indispensabbli biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas attwali ta’ sjieda u għall-perċezzjoni mifruxa ta’ ġestjoni finanzjarja ħażina fil-livell tal-Unjoni,

H.

billi s-sistema ta’ assigurazzjoni attwali, liema sistema għandha diversi livelli, għadha ma tiggarantix il-konformità tal-infiq tal-Unjoni mar-rekwiżiti ta’ legalità, regolarità u ġestjoni finanzjarja tajba li huma previsti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament Finanzjarju,

I.

billi stati indipendenti — u mhux reġjuni — huma membri tal-Unjoni u billi l-Istati Membri, anke jekk l-istruttura tagħhom hija federali, għandhom responsabilità lejn id-dinja ta’ barra u l-Unjoni,

J.

billi l-proċess ta’ “responsabilità” huwa strumentali għal ġestjoni tajba, peress li jtejjeb it-twettiq u l-analiżi, filwaqt li jipprevedi t-tibdiliet fil-ġestjoni u l-istrateġija u biex isir użu aħjar mir-riżorsi skarsi u billi, kif ġie osservat mill-Kunsill, l-użu preċiż u responsabbli tar-riżorsi tal-UE huwa wieħed mill-mezzi essenzjali biex tiġi rinfurzata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej (9),

K.

billi jeħtieġ li nitbiegħdu mill-“kultura ta’ intitolamenti” attwali u nieħdu miżuri deċiżivi favur l-implimentazzjoni ta’ kultura ta’ responsabilità kemm f’livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni u nindirizzaw kemm il-kwistjonijiet ta’ konformità kif ukoll dawk ta’ prestazzjoni sabiex tissaħħaħ il-leġittimità tal-Unjoni,

L.

billi l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għandhom jiġu pprovduti b’evidenza ta’ assigurazzjoni f’forma ta’ Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni minn organizzazzjonijiet internazzjonali li jimplimentaw l-għajnuna tal-Unjoni,

M.

billi t-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-Unjoni, tal-kwalità tal-infiq u tal-arranġamenti biex il-Kummissjoni tinżamm responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi tagħha, huwa prijorità għolja u objettiv ewlieni għall-Parlament li għandu jintlaħaq matul ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, il-qafas finanzjarju multiannwali l-ġdid u r-riforma fil-baġit,

N.

billi għandhom jitfasslu proposti konkreti għall-implimentazzjoni effiċjenti ta’ laqgħat tripartiti regolari bejn il-President tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni — kif previst fl-Artikolu 324 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tiġi żgurata koperazzjoni tajba bejn dawn l-istituzzjonijiet,

O.

billi s-simplifikazzjoni u r-regolazzjoni aħjar għandhom jiġu rinfurzati b’ġestjoni aktar effiċjenti fil-Kummissjoni u l-Istati Membri,

P.

billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar is-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Programmi ta’ Qafas ta’ Riċerka (10), il-Parlament esprima l-opinjoni tiegħu dwar ċerti diffikultajiet marbuta mal-monitoraġġ u ċ-ċertifikazzjoni tar-riċerka,

Q.

billi r-rwol tal-Qorti tal-Awdituri huwa li tiċċekkja l-informazzjoni, u billi l-kapaċità tal-Qorti tal-Awdituri li twettaq ir-responsabilitajiet tagħha b’mod effettiv skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea m’għandha bl-ebda mod tiġi ristretta,

R.

billi l-mandat tal-Qorti tal-Awdituri biex jiġi vverifikat l-użu ta’ fondi tal-Unjoni jinkludi l-verifika minn korpi ta’ sħubija pubblika-privata,

S.

billi l-Qorti tal-Awdituri tista’ tassigura l-koordinazzjoni meħtieġa għall-introduzzjoni tal-mekkaniżmi, bħall-mekkaniżmu ta’ stabilità, li r-regoli ta’ governanza tagħhom għandhom jiżguraw arraġamenti ta’ verifika xierqa, flimkien ma arranġamenti għal responsabilità u trasparenza sħiħa,

T.

billi l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-effiċjenza tal-arranġamenti ta’ verifika esterna attwali tal-Unjoni,

U.

billi s-simplifikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni settorjali — pereżempju permezz tal-istandardizzazzjoni u l-istabbiliment ta’ sett ta’ regoli dwar l-akkwist — u l-konformità mar-Regolament Finanzjarju huma meħtieġa biex jinkiseb titjib sinifikanti fil-prestazzjoni u t-tnaqqis ta’ burokrazija li tfixkel,

V.

billi r-rwol tal-Kummissjoni huwa wkoll li tipprovdi gwida lill-Istati Membri u li tippromwovi kontinwament prattika tajba fost il-korpi nazzjonali,

W.

billi bosta miżuri deċiżi fl-2008, bħall-Faċilità tal-Ikel b’baġit ta’ EUR 1 000 000 000, it-tħaffif tal-ħlasijiet tal-Fondi Strutturali permezz tal-Pjan ta’ Rkupru Ekonomiku Ewropew u l-estensjoni tal-perjodu ta’ eliġibilità għal bosta programmi fl-2009 ppreżentaw sfida għall-kontroll baġitarju fl-2009 u lil hinn,

Sejbiet ġenerali

Kontijiet

1.

Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Unjoni sa ċertu punt jippreżentaw, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Unjoni sal-31 ta’ Diċembru 2009, u r-riżultati tal-operazzjonijiet u l-fluss ta’ flus;

2.

Jikkundanna l-fatt li l-Kunsill ressaq l-opinjoni tiegħu tard;

3.

Iqis li mhuwiex normali li l-kontijiet annwali jiġu ppreżentati b’kapital proprju negattiv ta’ EUR 44 700 000 000 u jistaqsi jekk l-ammonti rikjesti mill-Istati Membri għandhomx jiddaħħlu bħala assi, peress li l-istima ta’ EUR 37 000 000 000 f’pensjonijiet tal-persunal tikkostitwixxi impenn ċar; jinnota l-ispjegazzjonijiet provduti mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni li skont hu l-istandards tal-kontabilità internazzjonali applikabbli għas-settur pubbliku ġew rispettati; jipproponi li tingħata kunsiderazzjoni għall-ħolqien ta’ fond tal-pensjonijiet tal-Unjoni sabiex ikunu esternalizzati l-impenji finanzjarji ta’ dan it-tip fir-rigward tal-persunal;

4.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex telimina r-riskju ta’ dikjarazzjonijiet foloz fil-kontijiet fil-futur billi titratta n-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri mingħajr dewmien;

5.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tipprovdih, fil-futur, b’dikjarazzjoni ta’ affidabilità waħdanija fuq il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bl-istess mod li jiġri għall-affidabilità tal-kontijiet;

Legalità u regolarità

6.

Jinnota li filwaqt li l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni taħt ir-responsabilità tagħha stess, fil-fehim preżenti ta’ ‘ġestjoni kondiviża’, il-biċċa l-kbira tal-funzjonijiet ta’ ġestjoni jsiru minn korpi nazzjonali li mhumiex responsabbli direttament fil-livell tal-Unjoni u li fuqhom il-Kummissjoni għandha setgħat limitati ta’ infurzar; huwa tal-fehma għalhekk li dawn il-korpi għandhom ikunu direttament responsabbli fil-livell tal-Unjoni lejn il-Kummissjoni; jinsisti li dan ma jneħħix ir-responsabilità minn fuq il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, anzi min-naħa l-oħra, jirrikjedi li tkun iebsa ma’ kull Stat Membru li ma jwettaqx ir-responsabilitajiet tiegħu fil-qafas tal-ġestjoni kondiviża;

7.

Jitlob, għalhekk, skont l-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li fir-rigward tal-kontrolli tal-ġestjoni kondiviża tiżdied il-kooperazzjoni bejn il-korpi ta’ verifika nazzjonali u l-Qorti tal-Awdituri; jipproponi li tkun eżaminata l-possibilità li l-korpi ta’ verifika nazzjonali, fil-kapaċità tagħhom bħala awdituri esterni indipendenti akkreditati, u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-istandards tal-verifika internazzjonali, joħorġu ċertifikati ta’ verifika nazzjonali għall-ġestjoni tal-fondi tal-Unjoni, li jingħataw lill-gvernijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu ppreżentati matul il-proċess ta’ kwittanza skont proċedura interistituzzjonali ad hoc li għandha tiġi introdotta;

8.

Ifakkar li l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità ewlenija għall-ġestjoni u l-kontroll kwotidjani tan-nefqa tal-Unjoni taħt il-ġestjoni kondiviża u li l-korpi nazzjonali għandhom jiftħu u jipproċessaw fajls għall-għajnuna finanzjarja mill-Unjoni u jivvalidaw talbiet għal rimborż ippreżentati lill-Kummissjoni;

9.

Jinnota l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet li skontha l-pagamenti għall-gruppi ta’ politika “L-Agrikoltura u r-Riżorsi Naturali”, “Il-Koeżjoni”, “Ir-Riċerka, l-Enerġija u t-Trasport”, “L-Għajnuna esterna, l-Iżvilupp u t-Tkabbir” u “L-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza” huma materjalment milquta minn żbalji, u li s-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll huma biss “parzjalment effettivi” biex jevitaw jew isibu u jikkoreġu r-rimborż iddikjarati iżjed jew ineliġibbli (Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, paragrafu X);

10.

Jinnota li r-rata ta’ żbalji l-aktar probabbli fil-pagamenti stmata mill-Qorti tal-Awdituri għall-gruppi ta’ politika “L-Agrikoltura u r-Riżorsi Naturali” (EUR 56 318 000 000), “Ir-Riċerka, l-Enerġija u t-Trasport” (EUR 7 966 000 000), “L-Għajnuna Esterna, l-Iżvilupp u t-Tkabbir” (EUR 6 596 000 000) u “L-Edukazzjoni u ċ-Ċittadinanza” (EUR 2 153 000 000) hija bejn 2 % u 5 %;

11.

Jinnota li r-rata ta’ żbalji l-aktar probabbli fil-pagamenti, stmata mill-Qorti tal-Awdituri għall-grupp ta’ politika “Il-Koeżjoni” (nefqa ċertifikata rimborżata ta’ EUR 23 081 000 000) hija ogħla minn 5 %, għalkemm il-Parlament ma jafx ir-rata ta’ żbalji eżatta;

12.

Jinnota wkoll li r-riżultati tal-verifika tal-Qorti tal-Awdituri juru żieda marġinali ħafna fl-istima tagħha tar-rata ta’ żbalji l-aktar probabbli fir-rigward ta’ pagamenti għall-grupp tal-politika “L-Agrikoltura u r-Riżorsi Naturali” u tnaqqis sinifikanti fl-istima tagħha tar-rata ta’ żbalji l-aktar probabbli fir-rigward tal-pagamenti għall-grupp tal-politika “Il-Koeżjoni”;

13.

Jinnota li t-tnaqqis fir-rata ta’ żbalji l-aktar probabbli jaf ikun dovut għall-kompożizzjoni tal-kampjun tal-Qorti tal-Awdituri, li kien fih Stati Membri iżgħar, b’sistemi politiċi ċentralizzati, bħal fil-każ tad-Danimarka, l-Estonja, il-Lussemburgu u l-Ungerija; iwissi kontra l-konklużjonijiet prematuri minħabba li s-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll tal-Istati Membri huma biss “parzjalment effettivi”; jiddispjaċih li din il-problema fundamentali għadha teżisti;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu titjib annwali fir-rati ta’ żbalji l-aktar probabbli fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni; iqis li l-għan għandu jkun li r-rata titnaqqas taħt il-livell limitu tal-materjalità, u b’hekk tkun żgurata dikjarazzjoni ta’ affidabilità pożittiva mill-Qorti tal-Awdituri;

15.

Ifakkar fl-istediniet ripetuti tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għall-introduzzjoni ta’ dikjarazzjonijiet obbligatorji ta’ ġestjoni nazzjonali, (NMDs) maħruġa u ffirmati f’livell ministerjali, li jkunu pubbliċi u debitament ivverifikati minn awditur indipendenti minħabba li tali dikjarazzjonijiet huma l-ewwel pass meħtieġ u indispensabbli biex tittejjeb l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali u biex tiżdied ir-responsabilità nazzjonali fl-użu ta’ flus tal-Unjoni; itenni (11) li għall-Istati Membri b’sistemi federali jew b’deċentralizzazzjoni qawwija dawn l-NMDs jistgħu jieħdu l-forma, totalment jew parzjalment, ta’ ġabra ta’ dikjarazzjonijiet reġjonali, sakemm kull komponent tad-dikjarazzjoni jkun ġie vverifikat u ffirmat minn uffiċjal politiku elett; jinsisti li l-Kummissjoni tippreżenta din il-proposta sa Settembru 2011 irrispettivament mill-fatt li xi Stati Membri jistgħu jkunu għadhom ma qablux ma’ din l-inizjattiva;

16.

Jinnota li l-NMDs għandu jkun fihom informazzjoni sħiħa dwar l-użu tal-fondi tal-Unjoni, u li wara l-iffirmar tal-NMDs fil-livell ministerjali għandhom isiru pubbliċi;

17.

Jiddispjaċih li fir-rigward tal-programmi ta’ ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri għadhom ma jirrikonoxxux bis-sħiħ ir-responsabilità msaħħa tagħhom li tinsab imħaddna fl-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

Mekkaniżmi ta’ rkupru u korrezzjoni

18.

Ifakkar li fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha r-responsabilità aħħarija li tiżgura li l-ammonti mħallsa b’mod inkorrett jiġu rkuprati u li n-nuqqasijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri jiġu kkoreġġuti kemm jista’ jkun malajr;

19.

Ifakkar li mill-proċedura ta’ kwittanza tal-2005 ’l quddiem, il-Parlament Ewropew inkoraġġixxa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi meħtieġa biex tiġi żgurata l-kompletezza u l-preċiżjoni tal-informazzjoni disponibbli, bl-għan li jipprovdu evidenza affidabbli biex jippermettu lill-Qorti tal-Awdituri tevalwa l-effikaċja tal-mekkaniżmi tal-korrezzjoni multiannwali;

20.

Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni, fin-Nota 6 tal-Kontijiet Annwali tal-Unjoni Ewropea, is-sena finanzjarja 2009, irrispondiet għat-talbiet tal-Parlament billi inkludiet aktar informazzjoni dettaljata dwar l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji li hija għamlet fil-passat;

21.

Jinnota wkoll id-differenzi importanti bejn “l-irkupru” (ammonti riċevuti b’mod inkorrett jitħallsu lura mir-riċevitur) u “l-korrezzjoni finanzjarja” (li tindirizza n-nuqqasijiet fis-sistema, liema nuqqasijiet jikkawżaw konsegwenzi finanzjarji li jbatuhom il-kontribwenti fiskali nazzjonali); jenfasizza li l-mekkaniżmu ta’ “korrezzjoni finanzjarja” ma għandux jintuża bħala mod sempliċi li bih ikun evitat l-użu tal-proċedura ta’ rkupru u li kull meta possibbli proċedura ta’ rkupru għandha tiġi applikata biex ikun żgurat li dawk li bbenefikaw minn somom imħallsa b’mod mhux korrett ma jżommux dawn il-fondi; ifakkar fir-rikjesta tiegħu li d-data kollha marbuta mal-irkupri għandha tifforma parti integrali u inkluża fil-bażi tad-data tal-benefiċjarji finali;

22.

Jiddispjaċih li għall-grupp ta’ politika “Il-Koeżjoni” huma biss 20 % tal-ammonti kkonfermati fl-2009 li ġew implimentati u xorta jibqa’ ammont totali ta’ EUR 2 332 000 000 ta’ korrezzjonijiet biex jiġi implimentat fl-aħħar tal-2009 (Rapport Annwali, punt 1.44);

23.

Jilqa' b'sodisfazzjoni li l-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-Kummissjoni tippreżenta informazzjoni kompluta dwar l-irkupri u l-korrezzjonijiet finanzjarji tagħha; jiddeplora, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni mhux dejjem tirċievi informazzjoni kompleta u affidabbli mill-Istati Membri;

24.

Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu s-sistemi tagħhom għall-kontroll, għas-sejba u għar-rappurtaġġ tal-korrezzjonijiet lill-Kummissjoni, u biex il-Kummissjoni tirfina l-linji gwida tar-rappurtaġġ finanzjarju biex tiżgura li l-informazzjoni relevanti kollha dwar l-operazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni fuq diversi snin tiġi żvelata b’mod xieraq fil-kontijiet; jistieden ulterjorment lill-Kummissjoni biex iżżomm lill-Parlament infurmat dwar l-isforzi tagħha li tivverifika l-ħidma tal-awtoritajiet tal-verifika nazzjonali;

25.

Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-korrezzjonijiet skont il-valur jinvolvu korrezzjonijiet finanzjarji fuq Stati Membri jew pajjiżi terzi, aktar milli rkupri minn benefiċjarji individwali li rċevew fondi tal-UE b’mod inkorrett (Rapport Annwali punt 1.50);

26.

Jemmen li r-regoli futuri applikabbli għall-baġit u l-programmi tal-Unjoni għandhom jipprovdu li l-fondi mhux minfuqa tal-Unjoni ma jingħatawx lura lill-Istati Membri jekk Stat Membru ma jkunx ħallas lura lill-Unjoni l-ammonti riċevuti b’mod inkorrett u jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja li għadha ma tħallsitx mill-Istati Membri qabel ma jintraddu lil dawn tal-aħħar l-approprjazzjonijiet mhux minfuqa allokati mill-baġit annwali;

27.

Jissuspetta, b’xi ftit preokkupazzjoni, li skont is-sistema attwali, li ma tinkludix multi u tagħmilha possibbli li tiġi sostituta l-biċċa l-kbira tan-nefqa li titqies mhux eliġibbli mill-Kummissjoni jew mill-Qorti tal-Awdituri, jidher li l-Istati Membri għandhom interess limitat fl-iżvilupp ta’ sistemi ta’ kontroll effiċjenti li jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis tas-sehem tagħhom fl-infiq tal-Unjoni; għalhekk itenni l-opinjoni tiegħu mir-riżoluzzjoni ta’ kwittanza tal-2008, li r-riallokazzjoni ta’ nefqa mhux eliġibbli għandha tiġi permessa biss jekk tinstab mill-Istati Membri nnifishom; jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll li l-Kummissjoni għamlet użu mill-possibilità l-ġdida li tissospendi immedjatament il-ħlasijiet u tirrikjedi li s-sospensjoni tal-ħlasijiet tkompli tintuża b’mod determinat u konsistenti, biex id-deċiżjonijiet meħuda u r-raġunijiet għalihom ikunu ċari għall-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa sistema li tikkastiga lil dawk li ma jilħqux il-miri, u tippremja lil dawk li jkollhom prestazzjoni tajba, billi jitnaqqas il-piż amministrattiv tagħhom;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament b’analiżi tal-kapaċità tal-aġenziji tal-pagament li tipprovdi data affidabbli, ibbażata, barra minn hekk, fuq id-dikjarazzjonijiet ex ante u kontrolli fuq il-post u tqabbel dawk id-dikjarazzjonijiet u dawk il-verifiki mal-informazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Awdituri, u tivverifika l-veraċità tal-informazzjoni pprovduta minn dawn il-korpi fl-aħħar erba’ snin;

29.

Hu konxju mill-fatt li sospensjoni tal-ħlasijiet kultant tista’ toħloq kompromess b’implimentazzjoni rapida, iżda konvint li fil-każijiet fejn riskju għoli huwa diġà stabbilit, l-affidabilità għandha tieħu preċedenza fuq il-ħeffa;

30.

Għaldaqstant, ma jaqbilx mal-istqarrija tal-Kummissjoni li l-korrezzjonijiet finanzjarji jirrappreżentaw “inċentiva qawwija għall-Istati Membri sabiex itejbu s-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll tagħhom u b’hekk jevitaw jew jidentifikaw u jirkupraw ħlasijiet irregolari lil benefiċjarji finali” (Il-Kontijiet Annwali tal-Unjoni Ewropea, is-sena finanzjarja 2009, Nota 6, paġna 100);

31.

Jinnota li l-korrezzjonijiet finanzjarji jistgħu jkunu indikatur dwar jekk politika ġietx implimentata skont ir-regoli stabbiliti u li n-numru regolari u li dejjem jiżdied tal-korrezzjonijiet finanzjarji jista’ jindika mhux biss il-fatt li l-Kummissjoni qed tissodisfa l-irwol ta’ sorveljanza tagħha b’mod aktar strett iżda wkoll li l-korrezzjonijiet finanzjarji kellhom biss effett limitat bħala miżura preventiva u strutturali; jinnota wkoll li l-isforzi tal-Istati Membri biex joħolqu sistemi effiċjenti huma influwenzati mill-effiċjenza tas-sorveljanza tal-Kummissjoni;

32.

Jilqa’ n-nota ta’ gwida tal-Kummissjoni marbuta mar-rappurtar tal-irkupri; jitlob lill-Kummissjoni tanalizza bir-reqqa r-rapporti tal-Istati Membri dwar l-irkupri u, jekk meħtieġ, twettaq taħriġ ulterjuri;

Ir-responsabilità u t-trasparenza ta’ Stat Membru

33.

Jinnota bi tħassib il-pass kajman tat-titjib fil-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-Unjoni; fl-istess ħin jinnota l-opinjonijiet ripetuti kemm tal-Qorti tal-Awdituri kif ukoll tal-Kummissjoni li l-kwalità tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll huma differenti ħafna fost l-Istati Membri u fost il-programmi differenti; jitlob lill-Kummissjoni biex sistematikament tqis dawn id-differenzi fis-sistemi ta’ kontroll u tagħmel disponibbli evalwazzjonijiet ċari tal-isforzi tal-Istati Membri biex jinstabu l-irregolaritajiet sabiex jiġi żgurat li dawk l-Istati Membri li jsibu irregolaritajiet ogħla minħabba sistemi ta’ kontroll aktar onerużi fl-ebda mument ma jiġu skreditati;

34.

Jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li t-tagħrif dwar l-irkupri, il-korrezzjonijiet finanzjarji u s-sospensjonijiet għandu jkun faċilment aċċessibbli għall-pubbliku;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika fir-Rapport ta’ Sinteżi valutazzjoni tal-punti b’saħħithom u ta’ dawk dgħajfa tas-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll tal-Istati Membri individwali fuq il-bażi tax-xogħol ta’ verifika li diġà twettaq kif ukoll informazzjoni relevanti oħra disponibbli; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinkludi rapport ta’ progress dwar it-titjib fl-informazzjoni dwar il-kwittanza; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi “tabella ta’ riżultati”dwar il-kwalità tal-kontrolli għal kull Stat Membru u għal kull qasam tal-politika skont il-mudell matriċi li ġej:

 

Qasam ta’ politika A

Qasam ta’ politika B

Qasam ta’ politika C

Eċċ.

Stat Membru A

 

 

 

 

Stat Membru B

 

 

 

 

Stat Membru C

 

 

 

 

Eċċ.

 

 

 

 

36.

Jenfasizza li livelli baxxi ta’ frodi u ta’ rati ta’ żball jistgħu jfissru dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll u viċi versa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, abbażi ta’ data konkreta għal kull Stat Membru u għal kull qasam ta’ politika, tirrapporta lill-Parlament dwar l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll u biex, flimkien mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), timplimenta kontroll aktar strett fuq l-infiq tal-flus tal-Unjoni;

37.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, biex tagħti opinjoni dwar il-kwalità tal-awtoritajiet nazzjonali tal-verifika rigward il-ġestjoni komuni, b’referenza partikolari għall-kompetenza teknika u l-indipendenza;

38.

Jinnota li d-Dikjarazzjoni ta’ Affidabilità attwali hija espressjoni tar-regolarità u l-legalità tal-ġestjoni finanzjarja fl-Unjoni kollha, u li ma fihiex informazzjoni dwar ir-rati ta’ żball fl-Istati Membri individwali;

39.

Jemmen li huwa ta’ importanza kbira li jiġi analizzat jekk ċerti żbalji jseħħux fl-Istati Membri kollha bejn wieħed u ieħor bl-istess frekwenza; jinnota li, jekk dan ikun il-każ, is-soluzzjoni għandha tkun azzjoni fl-Unjoni kollha; madankollu, jinnota wkoll li jekk ċerti żbalji jinsabu prinċipalment fi Stati Membri jew reġjuni speċifiċi, għandhom jiġu previsti soluzzjonijiet oħra;

40.

Jemmen li “tabella ta’ riżultati” dwar il-kwalità tal-kontrolli għal kull Stat Membru u għal kull qasam tal-politika kif mitluba għandha tkun element importanti f’tali analiżi u jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi din it-talba, l-ewwel nett bir-Rapport ta’ Sinteżi tagħha dwar l-2011 u f’ħin tajjeb għall-proċedura ta’ kwittanza 2010;

41.

Jissuġerixxi li l-Qorti tal-Awdituri għandha twettaq awditjar okkażjonali bbażat fuq l-istess mudell matriċi sabiex is-27 Stat Membru jkunu awditjati għal qasam ta’ politika speċifiku li jippermetti li l-kwalità ta’ kontrolli jiġu evalwati b’mod komparattiv;

42.

Barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni biex fir-Rapport ta’ Sinteżi tippubblika informazzjoni ċara u mingħajr ekwivoċi dwar il-valur tal-ordnijiet ta’ rkupru li nħarġu kontra l-Istati Membri individwali kif ukoll preżentazzjoni sistematika tar-riżultati tal-mekkaniżmi ta’ rkupru u ta’ korrezzjoni;

43.

Jinnota li bosta Stati Membri qed iwettqu aġġustamenti fiskali diffiċli fil-baġits domestiċi tagħhom, u li l-valur għal flus, l-effiċjenza u t-trasparenza saru dejjem aktar importanti fl-infiq pubbliku domestiku;

44.

Iqis li tali aġġustamenti u tfaddil fiskali huma għodda importanti fl-irkupru tal-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet nazzjonali kif ukoll f’dawk tal-Unjoni;

45.

Jikkunsidra li l-iżgurar ta’ ġestjoni finanzjarja sikura u ta’ baġit ibbilanċjat u ta’ daqs xieraq, għandu jgħin biex ikun hemm valur għal flus fir-rigward kemm tal-baġits domestiċi kif ukoll tal-baġit tal-Unjoni; jemmen, għaldaqstant, li l-prinċipji ta’ valur għal flus u trasparenza għandhom ikunu fil-qalba tal-azzjonijiet kollha biex titjieb il-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-Unjoni;

46.

Għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli b’mod pubbliku s-sommarji annwali tal-Istati Membri bħala parti mill-proċedura ta’ kwittanza tas-sena d-dieħla u taġġorna l-informazzjoni pprovduta f’dawn is-sommarji biex tippreżenta stampa ċara tal-prestazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja tal-Istati Membri; jenfasizza li jekk is-sommarji annwali tal-Istati Membri jsiru disponibbli b’mod pubbliku, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala pass lejn l-NMDs u mhux bħala mira fih innifsu;

47.

Iqis li rieżami tar-Regolament Finanzjarju għandu jkun ibbażat fuq evalwazzjoni tar-Regolament eżistenti, u jinnota li rieżami mhuwiex għan fih innifsu;

Riskju tollerabbli ta’ żball

48.

Jemmen li s-sistemi ta’ kontroll ma jistgħux jimmiraw għal riskju żero fl-oqsma ta’ nfiq kollha, mhux biss minħabba li dan ikun estremament għali, iżda wkoll minħabba li mhuwiex probabbli li jinkiseb riskju żero fl-oqsma ta’ nfiq kollha; jaċċetta li ċertu riskju ta’ żball se jeżisti dejjem meta jiġi implimentat kwalunkwe programm ta’ nfiq; jenfasizza li t-tolleranza ta’ riskju mhuwiex l-istess bħat-tolleranza ta’ żball u jtenni li l-Kummissjoni trid tieħu approċċ ta’ tolleranza żero fir-rigward tal-każijiet kollha ta’ ġestjoni ħażina u frodi;

49.

Jinnota li din id-diskussjoni qed isseħħ biss fil-livell tal-Unjoni u jfakkar li “r-rati ta’ żbalji” għall-implimentazzjoni ta’ programmi nazzjonali min-naħa tal-amministrazzjonijiet nazzjonali mhumiex magħrufa;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika d-dgħufijiet fis-sistemi attwali tal-ġestjoni u l-kontroll kif ukoll biex tanalizza l-ispiża u l-benefiċċji ta’ diversi bidliet possibbli; jenfasizza li fejn hu diffiċli biex jinkiseb livell għoli biżżejjed ta’ konformità mar-regoli ta’ skema, numru ta’ għażliet: bħas-simplifikazzjoni tar-regoli, it-tfassil mill-ġdid tal-programm, kontrolli iktar stretti, jew it-terminazzjoni tal-programm, huma possibbli;

51.

Jenfasizza li kwalunkwe paragun bejn il-benefiċċji u l-ispejjeż stmati tal-kontrolli għandu jkun ibbażat fuq twemmin raġjonevoli li l-kontrolli qed jiġu applikati b’mod effiċjenti u effettiv; ikompli jenfasizza li bħalissa dan mhuwiex għalkollox il-każ hekk kif uriet il-Qorti tal-Awdituri għal bosta snin meta ddikjarat li s-sistemi tal-ġestjoni u l-kontroll għadhom effettivi b’mod parzjali biss;

52.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni tuża l-kunċett ta’ “riskju tollerabbli ta’ żball” esklussivament biex timmaniġġja r-riskju ta’ żball u bħala bażi biex tiddeċiedi liema livell ta’ użu irregolari tal-fondi għandu jiġi kkunsidrat bħala aċċettabbli ex post; huwa tal-opinjoni li approċċ orjentat lejn il-ġejjieni għal introduzzjoni possibbli ta’ kunċett komprensiv ta’ “riskju tollerabbli ta’ zball” għandu jinkludi fir-Regolament Finanzjarju rekwiżit biex il-Kummissjoni tqabbel il-proposti ta’ nfiq mal-evalwazzjoni tar-riskji ta’ irregolarità;

53.

Jitlob li jsir studju dwar id-distinzjoni bejn il-livell minimu tal-materjalità, li huwa marbut mat-twettiq ta’ verifika u għalhekk huwa suġġett għal valutazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri, u r-rata ta’ żball aċċettabbli, li huwa kunċett marbut mal-verifiki interni li l-Kummissjoni hija responsabbli għalihom;

Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS)

54.

Jinnota li “l-awditjar intern” fil-Kummissjoni jitwettaq mill-IAS orizzontali u mill-Kapaċità ta’ Awditjar Intern (IAC) vertikali f’kull Direttorat Ġenerali; jemmen li dan il-mudell jista’ jkun effiċjenti biss jekk ix-xogħol imwettaq mill-IAC jkun affidabbli; jinnota, madankollu, li verifika min-naħa tal-IAS tar-riżultati tal-verifiki tal-IAC jista’ jiġi kkunsidrat bħala attività ta’ kontroll u jista’ jkun ta’ ħsara għar-relazzjoni bejn l-IAS u l-IAC;

55.

Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex twettaq reviżjoni esterna tal-kwalità tal-IAC kollha fil-Kummissjoni u biex tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultati;

56.

Jipproponi li l-Kummissjoni tissepara s-setgħa ġerarkika bejn persuni b’responsabbiltà tal-kontabilità u persuni responsabbli għat-trasferiment ta’ fondi b’applikazzjoni tar-regoli abitwali dwar is-sigurtà u s-separazzjoni tas-setgħat għal kontroll intern fil-ġestjoni tat-teżor;

57.

Jinnota r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-awtorità ta’ kwittanza (COM(2010) 447) dwar l-Awditur Intern imwettaq fl-2009 u li l-Awditur Intern tal-Kummissjoni huwa tal-opinjoni li ħarsa ġenerali fil-livell tal-istituzzjoni hija meħtieġa jekk il-proċessi komuni bħall-analiżi tar-riskju u l-ġestjoni tal-kontinwità tan-negozju għandhom ikunu effettivi għall-protezzjoni tal-istituzzjoni fit-totalità tagħha u sabiex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja sikura;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel lill-korpi xierqa responsabbli għall-kisba ta’ din il-ħarsa ġenerali u biex jagħmlu rakkomandazzjonijiet xierqa filwaqt li jieħdu ħsieb li ma titnaqqasx ir-responsabilità għall-implimentazzjoni ta’ kull proċess; jirrakkomanda li l-qafas ta’ governanza tal-Kummissjoni jiġi adattat biex jippermetti ħarsa ġenerali istituzzjonali mtejba; japprezza li kieku jiġi infurmat f’ħin adegwat dwar l-iżviluppi f’din il-kwistjoni;

59.

Jistieden lill-IAS jalloka parti mir-riżorsi tiegħu għal eżaminazzjoni dwar jekk l-infiq mid-Direttorati Ġenerali ewlenin huwiex effiċjenti, ekonomiku u effettiv u b’hekk jikkompleta l-verifiki finanzjarji u ta’ konformità attwali;

60.

Jistieden ukoll lill-IAS tivverifika l-metodoloġija li għandha tintuża biex jitħejja r-rapport ta’ valutazzjoni dwar l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u biex tevalwa x-xogħol li jkun sar;

Verifika waħda

61.

Iħeġġeġ l-introduzzjoni ta’ mudell ta’ verifika waħda li permezz tiegħu l-verifiki jitwettqu, jiġu rreġistrati u rrappurtati skont standard komuni – kif propost mill-Qorti tal-Awdituri fl-Opinjoni tagħha 2/2004 u kif appoġġjat kemm-il darba mill-Parlament – fejn kull livell ta’ kontroll jinbena fuq dak preċedenti, bl-għan li jitnaqqas il-piż fuq il-korp li qed jiġi verifikat u li titjieb il-kwalità tal-attivitajiet tal-awditjar iżda mingħajr ma tiġi mfixkla l-indipendenza tal-korpi tal-awditjar ikkonċernati; jemmen li l-kontrolli interni għandhom jipprovdu assigurazzjoni raġjonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet, u konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività u jenfasizza li l-kontrolli għandhom jiġu kkoordinati biex tiġi evitata duplikazzjoni mhux meħtieġa; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Qorti tal-Awdituri hija l-awditur estern tal-Unjoni u għaldaqstant mhix element tal-kontroll intern;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport dwar il-vijabilità tal-introduzzjoni ta’ mudell ta’ verifika waħda applikabbli għall-baġit tal-Unjoni biex b’hekk jispiċċa darba għal dejjem il-kuntrast attwali li jeżisti bejn is-sistemi tal-kontroll intern nazzjonali u dawk tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-kampjunar tal-awditjar minflok approċċ ibbażat fuq il-kampjunar statistiku;

63.

Ifakkar fl-opinjoni espressa fil-paragrafu 65 tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ April 2006 (12) rigward il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2004 li talbet li “l-entitajiet nazzjonali tal-verifika jerfgħu r-responsabilità li jikkontrollaw l-użu lokali ta’ fondi tal-UE, sabiex kwalunkwe konsiderazzjoni ta’ ħolqien ta’ uffiċċji nazzjonali tal-Qorti tal-Awdituri ma tkunx meħtieġa”; jemmen li jekk l-entitajiet nazzjonali tal-verifika ma jridux li l-entitajiet pubbliċi fl-Istati Membri tagħhom jieħdu f’idejhom il-kontroll tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni, għandha tingħata konsiderazzjoni lir-riorganizzazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri sabiex uħud mill-membri tagħha jkollhom responsabbiltà għal oqsma ta’ politika definiti filwaqt li oħrajn ikollhom responsabbiltà għal gruppi ta’ Stati Membri; jinnota li billi l-għadd ta’ membri tal-Qorti tal-Awdituri kważi rdoppja fis-snin riċenti, filwaqt li l-għadd ta’ oqsma ta’ politika ma rdoppjax, il-ġestjoni ta’ dan il-fatt għandha tkun parti mill-kompetenzi tal-Qorti tal-Awdituri;

Trasparenza

64.

Jinnota s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi Magħquda Volker u Markus Schecke GbR C-92/09 u Hartmut Eifert C-93/09 (13) u l-ħtieġa sussegwenti li jiġi bbilanċjat “l-interess tal-Unjoni Ewropea fl-iżgurar tat-trasparenza tal-atti tagħha u fl-iżgurar tal-aħjar użu tal-fondi pubbliċi kontra l-indħil fid-dritt tal-benefiċjarji konċernati għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom inġenerali u għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom b’mod partikolari” (Volker u Markus Schecke GbR, paragrafu 77 tas-sentenza); jenfasizza madankollu li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fil-validità tal-prinċipju tat-trasparenza (Volker u Markus Schecke GbR, paragrafu 68) kif iddikjarat fl-Artikoli 1 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u ssottolinjat ukoll li “l-pubblikazzjoni fuq l-Internet ta’ data skont l-isem rigward il-benefiċjarji konċernati […] issaħħaħ il-kontroll pubbliku tal-użu li għalih dawk il-flus jintużaw u tikkontribwixxi għall-aħjar użu tal-fondi pubbliċi” (Volker u Markus Schecke GbR, paragrafu 75);

65.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti segwitu għat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u tipproponi malajr kriterji li skonthom l-interess pubbliku fit-trasparenza għandu jingħata prijorità fuq il-protezzjoni tad-data personali tal-benefiċjarji tal-fondi tal-Unjoni; ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja pproponiet kriterji bħall-perjodi li matulhom persuni fiżiċi rċevew fondi tal-Unjoni, il-frekwenza ta’ tali għajnuna jew in-natura u l-ammont tal-għajnuna (Volker u Markus Schecke GbR, paragrafu 89);

66.

Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-kriterji msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-Regolament Finanzjarju, fil-leġiżlazzjoni settorjali jew f’kull att ieħor b’mod li jippermetti livell għoli ta’ trasparenza, filwaqt li jkun żgurat li d-data dwar il-benefiċjarji li taqa’ taħt dawn il-kriterji tkun tista’ terġa’ tiġi ppubblikata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja l-obbligu tal-Istati Membri li jippubblikaw id-data b’mod korrett u fil-ħin dovut, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati tas-sorveljanza tagħha fir-Rapport ta’ Sinteżi li jmiss;

67.

Ifakkar fit-talba tiegħu mir-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2008 biex jiġu standardizzati l-istruttura u l-preżentazzjoni tad-data tal-benefiċjarji fis-siti nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, inklużi dettalji tar-riċevituri u l-proġetti tagħhom;

68.

Itenni t-twemmin tiegħu li t-trasparenza hija wieħed mill-istrumenti ewlenin fil-kisba ta’ nfiq legali u regolari u jemmen li l-objettiv għandu jkun il-ħolqien ta’ sistema onlajn unika u komprensiva (bażi ta’ data ċentrali) li tkun tista’ tiġi aċċessata faċilment minn kwalunkwe individwu u li għalhekk tippermetti lill-pubbliku jkollu aċċess faċli għal informazzjoni kompleta u sħiħa dwar in-nefqa tal-Unjoni skont il-linja baġitarja u skont il-benefiċjarju; jinsisti li l-Kummissjoni tiġbor data rigward il-benefiċjarji tal-fondi f’dik il-bażi ta’ data ċentrali u tagħmel id-data miġbura aċċessibbli faċilment u faċli biex tintuża; barra minn hekk jirrikjedi li d-data tiġi ppubblikata f’format “open data” paragunabbli, li jista’ jsir tiftix fih u li jkun jista’ jinqara bil-magni f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;

69.

Jipproponi, sabiex tiżdied it-trasparenza, li l-bażi ta’ data ċentrali rigward il-benefiċjarji tal-fondi għandha tagħmilha possibbli li jiġu vviżwalizzati mhux biss il-flussi tal-flus f’ċifri, iżda anke l-konnessjonijiet bejn l-atturi differenti fi proġett f’livelli differenti, filwaqt li titqies dejjem il-protezzjoni tal-privatezza;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, waqt li tkun qed tistabbilixxi din il-bażi ta’ data ċentrali, tislet ispirazzjoni mill-American Recovery Accountability and Transparency Board u l-websajt tiegħu (www.recovery.gov);

Evalwazzjonijiet

71.

Jenfasizza li biex il-pubbliku jkollu fiduċja fil-baġit tal-Unjoni, iridu jiġu segwiti tliet objettivi:

—

li l-kontijiet jagħtu “stampa vera u ġusta” tal-qagħda finanzjarja tal-Unjoni,

—

li n-nefqa kollha tkun “legali u regolari” u tingħata dikjarazzjoni pożittiva ta’ assigurazzjoni mill-Qorti tal-Awdituri,

—

li n-nefqa kollha twassal għar-riżultati kollha li kienet maħsuba għalihom,

u jinnota li anke jekk jintlaħqu l-ewwel żewġ objettivi, fil-fatt jistgħu jibqgħu jinħlew riżorsi konsiderevoli sakemm ma tingħatax biżżejjed attenzjoni lit-tielet wieħed ukoll;

72.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid is-sistemi tagħha għall-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-programmi ta’ nfiq sabiex tivvaluta jekk humiex qed jagħtu valur miżjud, jekk humiex qed irendu l-valur skont il-flus li qed jintefqu, u jekk humiex qed jilħqu l-objettivi li għalihom ġew stabbiliti; jinsisti li tali evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu u jiġu vvalutati indipendentement; għalhekk, jitlob li jitressqu evalwazzjonijiet indipendenti lill-Parlament u lill-kumitati rilevanti tiegħu għall-iskrutinju tagħhom;

Mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet

73.

Jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u tad-29 ta’ Ottubru 2010 (EUCO 25/1/10) u li l-“Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern jaqblu dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet sabiex tkun issalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja taż-żona tal-euro”;

74.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jagħtu l-kunsiderazzjoni dovuta lill-kwestjonijiet li ġejjin meta jfasslu mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet:

—

għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti xierqa għall-verifika esterna pubblika u responsabilità u trasparenza sħiħa għall-mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet,

—

għandha tiġi żgurata l-affidabilità tad-data u tal-istatistika,

—

għandhom jiġu ċċarati l-arranġamenti tar-responsabilità u r-rappurtaġġ u għandhom ikunu involuti wkoll l-atturi kollha li l-kapital tagħhom se jkun involut fit-twaqqif tal-mekkaniżmu,

—

għandhom jiġu definiti l-iskrutinju politiku tal-Parlament ta’ kwalunkwe ħruġ ta’ eurobonds, inġenerali, u tal-mekkaniżmu permanenti għall-kriżijiet, b’mod partikolari;

Denunzjaturi

75.

Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid il-briefing u t-taħriġ mogħtija lill-persunal rigward “Titolu II: Id-Drittijiet u l-Obbligi tal-Uffiċjali” tar-Regolamenti tal-Persunal biex ikun żgurat li l-persunal kollu jkun jaf sew it-termini tiegħu u b’mod partikolari l-obbligi skont l-Artikolu 22a(96); jitlob lill-Kummissjoni tagħti dettalji lill-kumitat kompetenti tal-Parlament dwar il-ħidma li saret f’dan il-qasam;

L-Iskejjel Ewropej

76.

Jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ma sabitx żbalji li jistgħu jitfgħu dubju fuq l-affidabilità tal-kontijiet li hija vverifikat u fuq il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-kontijiet;

77.

Jistieden lill-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali tal-Iskejjel Ewropej biex jiżgura bla dewmien li jsir segwitu dettaljat tar-rakkomandazzjonijiet tal-2008 u l-2009 tal-Qorti tal-Awdituri;

78.

Jinnota żieda fl-ispejjeż ġenerali fejn għalliema maħtura minn Stati Membri kienu neqsin għal perjodi twal u kellhom jiġu sostitwiti b’għalliema part-time; jistenna li l-iskejjel ikunu jistgħu jipprovdu ċifri ta’ dawn l-ispejjeż żejda;

Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

79.

Jinnota li r-reputazzjoni tal-Unjoni hija influwenzata b’mod qawwi mill-perċezzjoni pubblika tas-servizz ċivil tagħha; jinnota li l-aħħar riforma tar-Regolamenti tal-Persunal ma adattatx id-dispożizzjonijiet tagħhom għal ambjent tax-xogħol li nbidel u lanqas wasslet għal politika ta’ rimunerazzjoni li tipprevedi paga ndaqs għall-istess xogħol; jinnota li fiha vantaġġi u benefiċċji li m’għadhomx jgħoddu għal żmienna; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti għal modernizzazzjoni komprensiva tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż it-tmiem tal-vantaġġi u l-benefiċċji li m’għadhomx jgħoddu għal żmienna;

Sejbiet speċifiċi

80.

Jilqa’ l-miżuri konkreti u l-iskedi ta’ żmien korrispondenti ppreżentati mill-Kummissjoni b’riżultat tad-diskussjonijiet kostruttivi fil-proċedura ta’ kwittanza;

Agrikoltura u riżorsi naturali — EUR 56 300 000 000

81.

Jilqa’ bi pjaċir il-fatt li l-Kummissjoni rnexxielha tnaqqas ir-rata ta’ żball għal madwar 2 % fis-snin reċenti; madankollu, jinnota li r-rata ta’ żball żdiedet kemm kemm fl-2009;

82.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi biex tiżgura li t-tnaqqis fir-rata ta’ żball issir tendenza li tinżamm sena wara sena sabiex ikun żgurat li l-irregolaritajiet jispiċċaw;

83.

Ifakkar li prattikament in-nefqa kollha għall-iżvilupp agrikolu u rurali qed titwettaq permezz ta’ ġestjoni kondiviża;

84.

Jinnota li fuq il-bażi tar-riżultati tal-verifika tagħha, il-Qorti Ewropea tistima li l-aktar rata ta’ żball probabbli għall-“Agrikoltura u r-riżorsi naturali”, li tirrappreżenta kważi nofs il-baġit, hija bejn it-2 % u l-5 %;

85.

Jinnota wkoll li fl-2009, minn 241 tranżazzjoni eżaminata, 66 (27 %) ġew affettwati minn żball u li 42 (64 %) minn dawn it-tranżazzjonijiet ġew affettwati minn żbalji kwantifikabbli speċjalment l-iżbalji li jikkonċernaw l-eliġibilità u l-preċiżjoni, li jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet żejda ta’ art eliġibbli;

86.

Iqis li l-effikaċja tal-oqsma ta’ nfiq kollha, mhux biss il-proġetti individwali, għandhom ikunu evalwati abbażi tat-tendenza ġenerali tagħha għall-iżbalji;

87.

Jinnota t-titjib tas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK) fil-Greċja wara l-attenzjoni kontinwa tal-Parlament;

88.

Ifakkar, madankollu, li l-Qorti tal-Awdituri fis-snin reċenti sabet l-effettività tas-SIAK milquta b’mod avvers minn data mhux preċiża fil-bażijiet ta’ data, minn kontrolli reċiproċi mhux kompleti jew minn segwitu mhux korrett jew inkomplet tal-anomaliji;

89.

Jinnota li għall-verifika tagħha fl-2009 ta’ tmien aġenziji tal-pagament, il-Qorti tal-Awdituri sabet li s-sistemi kienu effettivi biex jiżguraw ir-regolarità tal-pagamenti f’aġenzija waħda biss, parzjalment effettivi f’erba’ aġenziji, u mhux effettivi fit-tliet aġenziji l-oħra;

90.

Jinnota l-konklużjoni tal-Qorti tal-Awdituri li s-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll għall-Agrikoltura u r-riżorsi naturali kienu, fl-aħjar sitwazzjoni, parzjalment effettivi biex jiżguraw ir-regolarità tal-pagamenti;

91.

Jinnota wkoll li l-Qorti tal-Awdituri tikkonkludi li jinħtieġ li s-SIAK tara titjib sinifikanti fi tlieta mit-tmien aġenziji tal-pagament ivverifikati;

92.

Jinnota wkoll li l-Qorti tal-Awdituri sabet li r-Rapport Annwali tal-Attivitajiet u d-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura pprovdew biss valutazzjoni parzjalment ġusta tal-ġestjoni finanzjarja b’rabta mar-regolarità tal-pagamenti;

93.

Jiddeplora l-fatt li l-prattika tal-Istati Membri li jiddefinixxu indipendentement l-art agrikola użata tirriżulta f’allokazzjoni ħażina sostanzjali ta’ pagamenti skont l-erja; jistenna li r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni jqis din il-prattika u jiddeskriviha b’eżempji;

94.

Jistieden lill-Kummissjoni:

—

ittejjeb l-affidabilità u l-kompletezza tad-data rreġistrata fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Ħbula tar-Raba’,

—

tieħu miżuri proattivi biex tiżgura li l-bażijiet tad-data kollha tas-SIAK jipprovdu sekwenza tal-verifika affidabbli u kompleta għall-modifiki kollha li jsiru, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil dawk il-pajjiżi li r-riputazzjoni tagħhom ma tantx hi tajba,

—

tiċċara u ssaħħaħ aktar ir-regoli sabiex l-għajnuna diretta tal-Unjoni ma tingħatax lil applikanti li la użaw l-art għall-biedja u lanqas ma żammewha f’Kundizzjonijiet Agrikoli u Ambjentali Tajba,

—

tirrevedi u ttejjeb il-linji gwida fir-rigward tax-xogħol li jrid isir mill-korpi ta’ ċertifikazzjoni, b’mod partikolari x-xogħol relatat mal-validazzjoni tal-istatistika tal-kontroll u l-ispezzjoni tal-Istati Membri, u tagħti lill-Parlament l-għadd tal-aġenziji tal-pagamenti eżistenti u valutazzjoni tas-solidità tagħhom,

—

tkompli tnaqqas aktar il-burokrazija, tissimplifika l-proċeduri u tevita l-effetti negattivi fuq il-bdiewa li joriġinaw mill-pletora ta’ regoli, li f’xi każijiet huma konfliġġenti,

—

iżżomm lill-Parlament aġġornat regolarment dwar il-progress tax-xogħol;

95.

Huwa tal-fehma li l-laqgħat tripartitiċi tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali, li fil-fatt kienu importanti għall-għarfien reċiproku u l-evalwazzjoni tal-problemi b’rabta mal-eżerċizzji annwali tad-DAS (dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni) fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, għandhom jiġu estiżi għall-qasam tal-politika dwar l-agrikoltura u r-riżorsi naturali sabiex jiġu ffaċilitati interpretazzjoni u applikazzjoni armonizzati tar-regoli dwar il-ġestjoni u l-kontroll tan-nefqa, kif ukoll approċċ koordinat bejn il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri;

96.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li l-approvazzjoni ta’ konformità tqiegħed wisq enfasi fuq korrezzjonijiet b’rata fissa u fuq aġġustamenti ta’ konformità li ma jikkonċernawx il-benefiċjarju aħħari;

Koeżjoni — EUR 35 500 000 000

97.

Ifakkar li l-ġestjoni tal-infiq ta’ Koeżjoni hu kondiviż mal-Istati Membri, li n-nefqa ssir permezz ta’ numru kbir ta’ programmi operattivi (OPs) multiannwali, li l-Kummissjoni tapprova l-OPs fuq il-bażi ta’ proposti mill-Istati Membri u l-Istati Membri jagħżlu l-proġetti individwali li għandhom jiġu inklużi fl-OPs;

98.

Ifakkar li l-Istati Membri jikkofinanzjaw il-proġetti skont in-nefqa ta’ koeżjoni; jinnota li sistemi effikaċi ta’ ġestjoni u kontroll huma ta’ interess għall-Istati Membri, li jipparteċipaw permezz tal-konfinanzjament nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni taħdem b’mod deċiż biex ittejjeb u tegħleb lakuni temporanji fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll;

99.

Jinnota li l-istimi tal-Qorti tal-Awdituri huma li r-rata ta’ żbalji l-aktar probabbli għall-qasam tal-politika ta’ Koeżjoni tammonta għal aktar minn 5 %; jinnota li l-frekwenza tal-iżbalji reġgħet naqset għat-tielet sena konsekuttiva;

100.

Jinnota wkoll li 36 % tal-pagamenti għal proġetti kien fihom l-iżbalji, u li dan għadu l-qasam bl-ogħla rata ta’ żbalji;

101.

Iqis li l-oqsma ta’ nfiq stess, mhux biss il-proġetti individwali, għandhom ikunu evalwati abbażi tat-tendenza ġenerali għall-iżbalji;

102.

Jinnota l-kumplessità tal-qafas regolatorju tal-Koeżjoni, li jirrikjedi konformità kemm mar-rekwiżiti nazzjonali, inklużi s-setgħat reġjonali u dawk lokali, u kemm ma’ varjetà ta’ linji politiċi u regoli tal-Unjoni, bħal dawk relatati mal-akkwist pubbliku u l-għajnuna Statali, in-numru kbir ta’ awtoritajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politika ta’ Koeżjoni fl-Istati Membri u n-numru saħansitra akbar ta’ benefiċjarji u riċevituri tal-appoġġ tal-Unjoni;

103.

Iqis li tali kumplessità hija kwistjoni importanti li għandha titqies meta jkunu qed jiġu deċiżi titjibiet u simplifikazzjonijiet;

104.

Jinnota li l-parti l-kbira tal-proporzjon tar-rata ta’ żbalji stmata hija attribwita għal żbalji ta’ eleġibilità u nuqqasijiet serji ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku; jinnota wkoll li n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku waħdu jammonta għal 43 % tal-iżbalji kwantifikabbli kollha u jifforma madwar tliet kwarti tar-rata ta’ żbalji stmata;

105.

Jinnota li l-ksur tal-proċeduri tal-akkwist jiżvela n-nuqqas li jiġi kompletat is-suq intern tal-Unjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex jistabbilixxu pjattaforma għall-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-metodoloġija użata fir-rigward tal-gravità tal-ksur identifikat fil-qasam tal-akkwist pubbliku;

106.

Jinnota wkoll li d-diversità ta’ interessi, bla ebda dubju, se tinfluwenza l-implimentazzjoni effettiva tal-obbligi ta’ kontroll tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna n-nefqa tal-Unjoni fl-Istat Membru rispettiv u l-kontribuzzjonijiet nazzjonali lill-baġit tal-Unjoni mill-Istat Membru rispettiv;

107.

Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza r-raġunijiet għal dak il-ksur tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u tikkoopera b’mod deċiż mal-Istati Membri biex jegħlbu d-diffikultajiet identifikati;

108.

Jilqa’, f’dan ir-rigward, il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku - Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti (COM(2011) 15); jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex sal-2012 jiffinalizzaw l-adozzjoni tar-riforma tar-regoli bażiċi tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku (id-Direttivi 2004/17/KE (14) u 2004/18/KE (15) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill);

109.

Jinsab imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri sabet ukoll numru sinifikanti ta’ nuqqasijiet fil-proċeduri tas-sejħiet għall-offerti u tal-ikkuntrattar;

110.

Jinnota li għal mill-inqas 30 % tal-iżbalji li nstabu mill-Qorti tal-Awdituri kien hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membri inkarigati għall-implimentazzjoni tal-OPs biex l-iżball jinstab u jiġi kkoreġut qabel ma tiġi ċċertifikata n-nefqa lill-Kummissjoni;

111.

Jemmen li din is-sejba tpoġġi f’dubju serju l-effiċjenza ta’ sistema li fiha l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità ewlenija għall-eżattezza tan-nefqa ddikjarata;

112.

Ifakkar li l-verifiki tal-ġestjoni huma kontrolli ewlenin biex jiġu evitati l-irregolaritajiet, u jiddispjaċih li għal 11 mis-16-il OP ivverifikat, il-verifiki mwettqa mill-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-Istati Membri kienu konformi b’mod parzjali biss mar-rekwiżiti regolatorji;

113.

Jinnota li, b’mod ġenerali, is-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll għall-perjodu ta’ pprogrammar 2007-13 kienu konformi b’mod parzjali biss mad-dispożizzjonijiet ewlenin ivverifikati tal-qafas regolatorju;

114.

Josserva li ċ-ċifri finali jistgħu biss jiġu determinati għas-snin finanzjarji li jistgħu jitqiesu magħluqin, u li, għalhekk, s’issa, is-sena finanzjarja tal-2004 biss tista’ titqies magħluqa;

115.

Ifakkar li l-irwol tal-Kummissjoni jinkludi l-għotja ta’ gwida lill-Istati Membri u l-iżvilupp ta’ prattiki tajba fost il-korpi nazzjonali; jistieden lid-DĠ kollha tal-Kummissjoni jkomplu jtejbu l-prestazzjoni tagħhom f’dan ir-rigward;

116.

Jenfasizza li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri huma, fil-maġġoranza tagħhom, partijiet interessati ta’ linji politiċi li huma jimplimentaw f’ġestjoni kondiviża; jenfasizza, f’dak ir-rigward, li l-ġestjoni kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri tiddependi minn atmosfera ta’ rispett u rikonoxximent reċiproku bejn l-amministrazzjonijiet ikkonċernati; jenfasizza li din l-atmosfera, fil-biċċa l-kbira, tista’ tissaħħaħ ulterjorment f’ġestjoni kwotidjana u tista’ twassal għall-ħolqien ta’ kuntatti bejn l-amministrazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-Istati Membri;

117.

Jitlob lill-Kummissjoni tidentifika u xxerred l-aqwa prattika fost l-Istati Membri sabiex tippermetti assorbiment akbar tal-fondi u l-fluss tal-likwidità mtejjeb għall-benefiċjarji billi jiġu emendati u ssemplifikati l-Fondi Strutturali billi jiġu implimentati r-regolamenti fil-livell nazzjonali;

118.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li, skont l-OLAF, jeżistu dejjem aktar provi li, f’ħafna każijiet, il-frodi fil-Fondi Strutturali huma organizzati u ppjanati u ma rriżultawx minn sempliċi opportunità; jistieden lill-partijiet interessati kollha fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni jikkollaboraw bill-qrib biex isibu tarf ta’ dan il-fenomenu. (Rapport Annwali OLAF 2010, p. 41);

119.

Jiddeplora l-ħruġ tard tas-sommarji annwali tal-Istati Membri dwar il-Fondi Strutturali, li abbażi tagħhom huwa impossibbli li tinkiseb assigurazzjoni adegwata tar-regolarità tal-implimentazzjoni tal-programmi reġjonali; iqis dan bħala raġuni suffiċjenti biex il-pagamenti mill-Fondi Strutturali destinati lill-Istati Membri jiġu sospiżi;

120.

Jistieden lill-Kummissjoni, b’rabta mar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, teżamina l-effikaċja persważiva u dissważiva kif ukoll il-vantaġġi u t-titjib li dawn jafu jġibu f’termini ta’ ġestjoni finanzjarja tajba; iqis li għandu wkoll jittieħed kont li fil-perjodu 2007-2013 ġew introdotti modifiki importanti fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll, u li, għaldaqstant, tinħtieġ valutazzjoni tar-riżultati biex jiġi introdott titjib ġdid; hu tal-opinjoni li l-introduzzjoni ta’ dan l-istrument għandha tassew isservi biex il-Kummissjoni tkun kapaċi tissodisfa l-kompitu tagħha li tissorvelja lill-Istati Membri u tiżgura funzjonament effettiv tas-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll;

121.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-kuntatti mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għall-iskop ta’ skambju reċiproku ta’ informazzjoni biex jiġu indirizzati kwistjonijiet pendenti bla dewmien;

122.

Jinsab tassew imħasseb dwar l-istandard baxx kontinwu ta’ xi sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri u r-rata baxxa ta’ progress fit-titjib ta’ dawn is-sistemi;

123.

Jistieden lill-Kummissjoni biex fir-Regolament Finanzjarju tinkludi talba għal NMDs obbligatorji maħruġa u ffirmati f’livell ministerjali u debitament ivverifikati minn awditur indipendenti bħala l-ewwel pass vitali lejn responsabilità nazzjonali akbar għan-nefqa tal-Unjoni; hu tal-opinjoni li mingħajr l-introduzzjoni ta’ dan l-istrument, il-Kummissjoni mhux se tkun kapaċi tissodisfa l-kompitu tagħha li tissorvelja lill-Istati Membri u tiżgura funzjonament effettiv tas-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll;

124.

Jiġbed l-attenzjoni lejn ir-Regoli ta’ Proċedura, b’mod partikolari lejn l-Anness VI, l-Artikolu 6(3) tiegħu, li skonthom il-President, f’isem il-Parlament, “fuq il-bażi ta’ rapport mill-kumitat kompetenti għall-kontroll tal-baġit, jista’ jiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra l-istituzzjoni kkonċernata skont l-Artikolu 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbliġi li jirriżultaw mill-kummenti li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ kwittanza jew ir-riżoluzzjonijiet l-oħra li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-infiq”; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti ta’ laqgħat regolari u tripartiti skont il-proċedura baġitarja kif imsemmi fl-Artikolu 324 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

125.

Jiddispjaċih li l-korpi taċ-ċertifikazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (16) huma nieqsa minn standards tal-awditjar koerenti u ċari; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi grupp ta’ ħidma mal-Istati Membri biex flimkien jippreparaw standards tal-awditjar uniformi sabiex ix-xogħol ta’ verifika tal-korpi li jiċċertifikaw/jivverifikaw ikompli jitjieb;

126.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament in-numru u valutazzjoni tas-solidità tal-awtoritajiet eżistenti tal-ġestjoni;

Ir-riċerka, l-enerġija u t-trasport — EUR 8 000 000 000

127.

Ifakkar li l-maġġoranza tan-nefqa għal dan il-grupp tal-politika hija implimentata mill-Kummissjoni b’ġestjoni ċentralizzata diretta u, kulma jmur, b’ġestjoni ċentralizzata indiretta permezz ta’ aġenziji u Impriżi Konġunti;

128.

Jinnota li l-aktar rata probabbli ta’ żbalji stmata mill-Qorti tal-Awdituri għal dan il-qasam ta’ politika tvarja bejn it-2 % u l-5 %.

129.

Ikompli jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kienu biss parzjalment effettivi fl-iżgurar tar-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

130.

Jinnota li s-sors prinċipali ta’ żbalji f’dan il-grupp tal-politika jibqa’ r-rimborż ta’ spejjeż tal-persunal u spejjeż indiretti ddikjarati żżejjed għall-proġetti tar-riċerka; jieħu nota wkoll biż-żieda fir-riżervi dwar il-ġestjoni diretta (minn 4 għal 9) l-aktar b’konsegwenza ta’ kriterji kumplessi ta’ eliġibilità;

131.

Josserva wkoll li, fid-dawl tal-importanza partikolari tar-riċerka u l-iżvilupp għall-ekonomija tal-Unjoni, l-iżbalji f’dan il-qasam huma partikolarment allarmanti;

132.

Ifakkar li r-rendikonti tal-ispejjeż tal-benefiċjarji tal-FP6 ippreżentati għal rimborż għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tal-verifika maħruġ minn awditur indipendenti li jiċċertifika li l-awditur indipendenti għandu assigurazzjoni raġjonevoli li l-ispejjeż iddikjarati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-eleġibilità; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, mill-ammissjoni tal-Kummissjoni stess, il-kriterji ta’ aċċettabilità adottati għall-ksib taċ-ċertifikazzjoni huma restrittivi wisq;

133.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet żbalji fi 43 % tar-rendikonti tal-ispejjeż ivverifikati — kemm fl-2009 kif ukoll fl-2008 — li kienu rċevew opinjoni mhux kwalifikata mill-awditur li jiċċertifika qabel ma ġew sottomessi għar-rimborż;

134.

Jinnota li filwaqt li l-Kummissjoni żiedet sostanzjalment l-ammont ta’ spejjeż ineliġibbli li ġew irkuprati matul l-2009, l-ammonti dovuti li jistgħu jiġu rkuprati wrew żieda simili u kważi ttriplikaw għal EUR 31 500 000;

135.

Iqis li l-fiduċja tal-pubbliku fil-qasam tar-riċerka, enerġija u trasport hija ferm importanti, billi huwa previst li, fis-snin li ġejjin, dan il-qasam se jżid il-perċentwal tiegħu fil-baġit tal-UE;

136.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-awdituri indipendenti li ċċertifikaw b’mod inkorrett ir-rendikonti tal-ispejjeż jintgħamlu konxji mill-kriterji tal-eleġibilità għall-ispejjeż iddikjarati u jekk ikun applikabbli jinżammu responsabbli, tirrevedi l-operat tas-sistema għaċ-ċertifikazzjoni tal-metodoloġiji għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-benefiċjarji, tnaqqas id-dewmien fl-irkupru ta’ ammonti mħallsa mhux dovuti u timponi sanzjonijiet fejn ikun meħtieġ, tkompli tissimplifika aktar ir-regoli tal-finanzjament tar-riċerka, ittejjeb b’mod sinifikanti l-aċċess għall-SMEs għall-finanzjamenti għar-riċerka u tiżgura responsabilità sħiħa għall-użu xieraq tal-flus tal-Unjoni;

137.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tipprovdi ċertezza ġuridika billi tastjeni milli tapplika retroattivament definizzjoni aktar rigoruża tar-regoli għall-parteċipazzjoni u billi tastjeni milli titlob lill-benefiċjarji jerġgħu jikkalkulaw ir-rendikonti finanzjarji diġà approvati mis-servizzi tal-Kummissjoni, b’hekk jitnaqqas il-bżonn ta’ verifiki ex post u korrezzjonijiet retroattivi; jitlob lill-Kummissjoni ssolvi malajr sitwazzjonijiet preċedenti li ġejjin minn kontrolli li għadejjin, billi taġixxi b’għaqal u b’rispett lejn il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba; jirrakkomanda li t-tilwim rigward sitwazzjonijiet preċedenti bħal dawn jinħall permezz ta’ ftehim bejn il-partijiet kollha, abbażi, pereżempju, ta’ verifika oħra indipendenti u/jew bl-intervent ta’ medjatur indipendenti ad hoc;

138.

Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni bdiet tagħmel użu tas-sanzjonijiet tagħha fil-qasam tar-riċerka (34 azzjoni, EUR 514 330 riċevuti); madankollu, jappoġġa l-konklużjoni tal-IAS li hemm il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu b’saħħtu għas-sejbien tal-frodi;

139.

Barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-IAS jeżerċita l-istess setgħat fuq il-korpi stabbiliti mill-Unjoni li jkollhom personalità ġuridika u li jirċievu kontribuzzjonijiet mill-baġit (l-Impriżi Konġunti tal-Unjoni) bħal dawk li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 185(3) tar-Regolament Finanzjarju;

140.

Jemmen li l-FP8 għandu jkun ibbażat fuq bidla radikali tal-opinjoni inkluża l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ bonus li parzjalment tissostitwixxi s-sistema attwali ta’ ħlas bil-quddiem u inkluż l-aċċess aħjar għal kapital ta’ riskju sabiex tittejjeb l-effiċjenza;

L-Għajnuna Esterna, l-Iżvilupp u t-Tkabbir — EUR 6 600 000 000

141.

Ifakkar li l-parti l-kbira tan-nefqa f’dan il-qasam ta’ politika hija soġġetta għal ġestjoni ċentralizzata diretta mis-servizzi tal-Kummissjoni, fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni jew fil-livell tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni (id-“Delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea” wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea); jieħu nota wkoll tal-użu dejjem akbar tal-ġestjoni konġunta, pereżempju, fil-Faċilità tal-Ikel;

142.

Iqis li l-effikaċja tal-oqsma ta’ nfiq stess, mhux biss il-proġetti individwali, għandhom ikunu evalwati abbażi tat-tendenza ġenerali tagħha għall-iżbalji;

143.

Jinnota li l-aktar rata probabbli ta’ żbalji stmata mill-Qorti tal-Awdituri għad-dominju vverifikat tvarja bejn it-2 % u l-5 %;

144.

Jinnota wkoll li l-valutazzjoni ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri dwar is-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll hija biss parzjalment effettiva;

145.

Jinnota wkoll li l-Qorti tal-Awdituri sabet li r-Rapport Annwali tal-Attività u d-dikjarazzjoni mogħtija mid-Direttur Ġenerali tal-EuropeAid jipprovdu biss valutazzjoni parzjalment ġusta tal-ġestjoni finanzjarja f’relazzjoni mar-regolarità;

146.

Josserva li l-valutazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll fil-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati hija proċess kontinwu li jsir fil-qafas tal-pjan tar-rotta relatati mal-proċess ta’ ġestjoni deċentralizzata għall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA) li jwassal għall-għoti ta’ setgħat ta’ ġestjoni min-naħa tal-Kummissjoni lill-komponent, programm jew miżura speċifiċi fl-ambitu tal-IPA;

147.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati bil-għan li ttejjeb b’mod effikaċi s-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, tippromwovi l-aħjar prattika għall-ġlieda kontra l-frodi u tiggarantixxi li l-prattika tagħhom tkun konformi mar-regoli u mal-istandards kollha tal-Unjoni;

148.

Jiddeplora l-fatt li f’xi wħud mill-pajjiżi potenzjalment kandidati, il-ħatriet fl-ambitu tal-amministrazzjoni pubblika għadhom isiru bi ksur tal-liġi tas-servizz pubbliku; jiddispjaċih li f’ħafna każijiet, il-ġudikatura ma taħdimx b’mod sodisfaċenti; jistieden lill-Kummissjoni tippovdi lill-pajjiżi potenzjalment kandidati kollha bil-kompetenza esperta meħtieġa u bl-għarfien istituzzjonali meħtieġ għall-ġlieda effikaċi tal-korruzzjoni u għat-tkomplija tar-riformi neċessarji;

149.

Jinsab imħasseb bir-rati ta’ rifjut għoljin fil-pajjiżi b’implimentazzjoni deċentralizzata, jiġifieri fejn id-Delegazzjonijiet tal-Unjoni jikkontrollaw ex ante il-fajls tal-akkwist; jenfasizza li jidher li l-awtoritajiet nazzjonali f’dawk il-pajjiżi jsibu diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta’ titjib deċiżiv meħtieġ biex jiġu evitati l-kontrolli ex ante min-naħa tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u l-pajjiżi kandidati jtejbu d-djalogu u jiggarantixxu kooperazzjoni effikaċi;

150.

Jieħu nota tar-Rapport Speċjali Nru 12/2009 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-effettività tal-proġetti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni għall-Balkani tal-Punent;

151.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-valutazzjoni pożittiva tal-Qorti tal-Awdituri dwar is-sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll applikati fil-qasam tal-għajnuna umanitarja; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni akbar lis-segwitu tad-dgħufijiet żvelati mill-verifiki tagħha fuq is-sħab li jimplimentaw u tislet benefiċċju sħiħ minn dan is-segwitu kif ukoll tagħti attenzjoni akbar lill-monitoraġġ ta’ kemm qed isir użu taċ-ċentri ta’ akkwist umanitarju;

152.

Jistieden lis-suċċessur tad-DĠ RELEX biex ilesti l-metodoloġija ta’ kontrolli ex post tiegħu u jindirizza mingħajr dewmien ir-rakkomandazzjonijiet relatati li jsiru mill-Awditur Intern;

153.

Jistieden lid-DĠ ELARG biex jiżviluppa u jistabbilixxi mekkaniżmi biex jiffaċilita l-analiżi u s-segwitu tar-riżultati tal-missjonijiet ta’ verifika mwettqa u biex jiddedika biżżejjed riżorsi għall-analiżi tad-dikjarazzjonijiet finali pendenti ppreżentati mill-Istati Membri li ngħaqdu reċentament mal-Unjoni, iżda li jirrelataw mal-perjodu ta’ qabel l-adeżjoni;

154.

Jistieden lid-DĠ ECHO jtejjeb il-valutazzjonijiet tad-dokumentazzjoni tal-proposti għal azzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja (bħalma hi l-introduzzjoni ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni standardizzati) u jirrapporta dwar l-esperjenza tiegħu bl-implimentazzjoni tal-Faċilità tal-Ikel fir-Rapport Annwali dwar l-Attività tiegħu għall-2010;

155.

Josserva li jaf ikun hemm ukoll effetti negattivi fl-għoti tal-għajnuna barranija, ngħidu aħna meta reġimi korrotti fil-pajjiżi benefiċjarji jiġġestixxu ħażin il-fondi, u li l-ħidma għall-prevenzjoni tat-tali effetti għandha tingħata l-ogħla prijorità;

156.

Jilqa’ favorevolment il-fatt li l-Kummissjoni nefqet EUR 396 000 000 bejn l-2007 u l-2010 biex tagħti sostenn lill-kandidati għall-adeżjoni għall-impenn tagħhom biex itejbu s-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll il-progress li sar f’dan ir-rigward; iwissi, madankollu, kontra ottimiżmu eċċessiv u jitlob lill-Kummissjoni tforni provi li juru li dan l-ammont ta’ flus intefaq b’mod effiċjenti u jekk strutturi ta’ kontroll imtejba wasslux effettivament għal żieda tas-sanzjonijiet kontra atturi korrotti, fosthom każijiet bi profil għoli, jekk il-liġijiet ġewx implimentati bis-sħiħ, u jekk ir-riformi ngħatawx sostenn;

157.

Josserva bi tħassib id-dgħufijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri fis-sistema ta’ implimentazzjoni deċentralizzata (DIS) fil-Kroazja u fit-Turkija; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta dwar kull miżura meħuda biex tiġi indirizzata din il-problema u tipprovdi stimi tal-ammont ta’ nfiq f’riskju;

158.

Jitlob lill-Kummissjoni, u partikolarment lid-DĠ ELARG, tintensifika l-isforzi tagħha biex tittratta d-dikjarazzjonijiet finali għall-programm Phare, il-programm CARDS u l-faċilità ta’ tranżizzjoni u tipproċedi bl-għeluq ta’ dawn il-programmi b’mod prudenti u fil-ħin;

159.

Jiddispjaċih bil-fatt li perċentwal konsiderevoli tal-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni huwa ttrattat fil-kapitoli 3 (agrikoltura — EUR 254 000 000) u 4 (koeżjoni — EUR 65 000 000) tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri; jinsab sorpriż bl-assenza ta’ informazzjoni fir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar żjarat ta’ verifika għal kull pajjiż li jsiru fil-pajjiżi mhux membri tal-Unjoni, għall-kuntrarju tas-snin preċedenti;

160.

Jiddispjaċih bil-fatt li DĠ REGIO ma wettaq l-ebda missjoni ta’ verifika fil-Kroazja fl-2009 minkejja li hemmhekk hemm problemi kbar fil-proċess tas-sejħiet għal offerti;

161.

Jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tinforma lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li l-għajnuna futura tal-Unjoni se tkun soġġetta għat-tressiq ta’ evidenza tal-assigurazzjoni fil-forma ta’ Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni;

162.

Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri tispjega r-raġunijiet għaliex l-għażla tat-tranżazzjonijiet għall-kapitolu tal-għajnuna esterna tagħti rata ta’ żbalji relattivament baxxa (13 %), proporzjon kbir ta’ żbalji mhux kwantifikabbli fil-livell tad-Delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-ebda prova ta’ żball relatati mal-preċiżjoni jew l-okkorrenza f’qasam li, skont in-natura stess tiegħu, jinsab f’riskju għoli ta’ użu ħażin ta’ fondi; jitlob lill-Kummissjoni, u partikolarment lid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni, jipprovdu rendikont tal-entrati ċar u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi faċilitata l-analiżi tal-Qorti tal-Awdituri;

Edukazzjoni u Ċittadinanza — EUR 2 200 000 000

163.

Ifakkar li l-maġġoranza tan-nefqa f’dan il-qasam hija ġestita b’ġestjoni ċentralizzata indiretta jew permezz ta’ ġestjoni kondiviża;

164.

Jilqa’ l-irwol pożittiv tal-Kummissjoni f’dan il-qasam billi jipprovdi gwida lill-Istati Membri u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli tippromwovi prattika tajba fost korpi nazzjonali;

165.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri sabet li r-rata ta’ żball għall-għeluq għandha tkun bejn it-2 % u l-5 % u li s-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll għal dan il-qasam tal-politika kienu biss parzjalment effettivi għall-iżgurar tar-regolarità tal-għeluq imwettaq fl-2009;

166.

Huwa mħasseb li 29 mill-120 għeluq verifikat (24 %) kien fihom żbalji kwantifikabbli;

167.

Huwa mħasseb li s-sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll fil-livell tal-Kummissjoni fl-2009 ħallew għadd sinifikanti ta’ żbalji mhux misjuba u mhux korretti fl-għeluq li sar dik is-sena;

168.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ il-kontrolli fuq l-għeluq sabiex jiġi żgurat li żbalji jinstabu u jiġu kkorreġuti u sabiex jiġi evitat li żbalji identifikati preċedentement jerġgħu jseħħu.

Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji — EUR 700 000 000

169.

Ifakkar li l-programmi ewlenin f’dan il-grupp tal-politika huma partijiet mis-Sitt u s-Seba’ Programmi ta’ Qafas (FP) għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku (EUR 222 000 000), il-finanzjament relatat tal-aġenziji tal-Unjoni (EUR 116 000 000), il-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni (EUR 92 000 000) u l-Programm ta’ Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) li segwa l-Programm Multiannwali għall-Intrapriża u l-Intraprenditorija (MAP) (EUR 175 000 000);

170.

Ifakkar ukoll li l-maġġoranza tal-azzjonijiet taħt il-FP6, il-FP7 u s-CIP huma ffinanzjati permezz ta’ ftehim dwar l-għajnuna finanzjarja mal-Kummissjoni, u l-għotjiet għandhom jitħallsu kif ġej: pagament bil-quddiem mal-iffirmar tal-ftehim dwar l-għajnuna finanzjarja, segwit b’pagamenti interim u finali li jirrimborżaw in-nefqa eliġibbli fuq il-bażi tar-rendikonti tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji.

171.

Ifakkar li r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar il-kwittanza għas-sena 2007 u għas-sena 2008 t-tnejn jistiednu lill-Kummissjoni tippermetti lill-benefiċjarji jużaw l-ispejjeż medji għall-persunal għal kull ċentru tal-ispejjeż u tastjeni milli titlob spejjeż individwali għal kull persuna involuta attivament fi proġett ta’ riċerka speċifiku; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 174 tal-24 ta’ Jannar 2011 dwar it-tliet miżuri li jissemplifikaw l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 970/2006/Euratom;

172.

Jinnota li r-riskju ewlieni għar-regolarità huwa li l-ispejjeż eliġibbli fir-rendikonti tal-ispejjeż jiġu ddikjarati iżjed u li dan ma jinstabx mis-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll tal-Kummissjoni u li l-Qorti tal-Awdituri tevalwa bħala “għoli” ir-riskju għar-regolarità ta’ pagamenti magħmula fuq il-bażi ta’ rendikonti tal-ispejjeż;

173.

Jinnota l-eżempji illustrattivi msemmija mill-Qorti tal-Awdituri fir-rigward ta’:

—

is-Sitt Programm ta’ Qafas fejn in-nuqqasijiet serji fir-rendikonti tal-ispejjeż la nstabu mill-kumpanija li pprovdiet iċ-ċertifikat tal-verifika, u lanqas ma nstabu matul iż-żewġ kontrolli ex post imwettqa minn kumpanija esterna tal-verifika oħra f’isem il-Kummissjoni,

—

is-Seba’ Programm ta’ Qafas fejn benefiċjarju applika metodoloġija għall-kalkolu tal-ispejjeż tal-persunal li ma kinitx tikkonforma la mar-regoli FP6 u lanqas tal-FP7 u għalhekk, għal proġett wieħed ivverifikat, l-ispejjeż kienu ddikjarati żejda b’aktar minn 17 % u li l-istess metodoloġija kienet applikata għal 13-il proġett ieħor,

—

l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) — Ġestjoni kondiviża — fejn il-Qorti tal-Awdituri nnutat li ġew inklużi spejjeż li m’għandhomx ikunu ffinanzjati mill-Komunità jew spejjeż li ma ngħatawx biżżejjed sostenn li ammontaw għal kważi 10 % tal-kampjun li saritlu verifika, kif ukoll nuqqasijiet serji fir-regoli u l-proċeduri tal-akkwist;

174.

Jinnota bi tħassib u huwa inkwetat bil-fatt li l-Qorti tal-Awdituri tkompli ssib żbalji f’pagamenti li għalihom tkun ingħatat opinjoni mhux kwalifikata mill-awditur approvat u li l-Qorti tal-Awdituri tqis iċ-ċertifikazzjoni tal-verifika bħala waħda li hija biss parzjalment effettiva għall-identifikazzjoni ta’ żbalji fl-ispejjeż iddikjarati;

175.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri tikkonkludi li pagamenti f’dan il-grupp tal-politika ma kienx fihom żbalji materjali imma wkoll li l-Qorti tal-Awdituri tirrakkomanda li għandha tingħata attenzjoni lit-tip u lil-limitu ta’ żbalji misjuba fin-nefqa qafas għar-riċerka; jinnota li filwaqt li tnejn minn kull tliet sistemi ta’ sorveljanza u ta’ kontroll għal dan il-grupp tal-politika ġew evalwati bħala effettivi, sistema waħda kienet biss parzjalment effettiva għall-iżgurar tar-regolarità tal-pagamenti;

176.

Jistieden lill-Kummissjoni:

—

tanalizza l-arranġamenti eżistenti għall-verifika ex ante, bil-għan li tistabbilixxi l-livell ta’ effikaċja,

—

tqis, abbażi tal-esperjenza miksuba, jekk l-użu ta’ ċertifikazzjoni minn awditur estern maħtur minn benefiċjarju jikkostitwixxix kontroll effikaċi, u tanalizza metodi alternattivi ta’ verifika,

—

tkabbar l-għarfien tal-awdituri li jiċċertifikaw dwar ir-regoli tal-eliġibilità tan-nefqa bl-għan li titjieb l-affidabilità taċ-ċertifikati tal-verifika li joħorġu, u, jekk huwa applikabbli, dawn l-awdituri jinżammu responsabbli,

—

tkompli ttejjeb il-kwalità tal-kontrolli ex ante fuq il-proċeduri ta’ akkwist u l-pagamenti interim/finali tagħha u tiżgura li l-funzjonijiet ta’ kontroll ex post ikunu koperti minn programmi ta’ xogħol;

Rieżami Komprensiva tan-Nefqa

177.

Jistieden lill-Kummissjoni biex matul l-2011 twettaq kemm jista’ jkun malajr rieżami komprensiva tan-nefqa tal-oqsma kollha ta’ attività biex tiżgura li n-nefqa kollha tikseb valur għall-flus sabiex tidentifika iffrankar possibbli li jnaqqas il-pressjoni fuq il-baġit f’dan il-perjodu ta’ awsterità;

178.

Jemmen li talbiet għal aktar infiq f’oqsma prijoritarji kruċjali jistgħu jiġu sodisfatti minn programmi eżistenti u għalhekk għandu jsir aktar skrutinju ta’ programmi skaduti jew mhux effettivi sabiex il-fondi jiġu allokati mkien ieħor;

Azzjonijiet prijoritarji

179.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq lill-kumitat kompetenti tal-Parlament pjan li jippreżenta l-azzjonijiet li biħsiebha tieħu fir-rigward ta’ riforma tal-proċedura attwali ta’ kwittanza, tal-NMDs, it-tlestija għalkollox tal-istruttura ta’ governanza tal-Kummissjoni, l-interruzzjoni u s-sospensjoni sistematiċi tal-pagamenti kif ukoll it-tneħħija tal-miżura u t-titjib tal-mekkaniżmi korrettivi;

Riforma tal-proċedura ta’ kwittanza attwali

180.

Jistieden lill-Kummissjoni torganizza diskussjoni interistituzzjonali li, fil-fażi inizjali, tinvolvi, fl-ogħla livell, rappreżentanti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-Parlament, u fit-tieni fażi r-rappreżentanti mill-Istati Membri, ta’ parlamenti nazzjonali u istituzzjonijiet ta’ verifika supremi, bil-għan li jingħata bidu għal dibattitu komprensiv dwar is-sistema attwali tal-proċedura tal-kwittanza;

181.

Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex jonqsu l-perjodi involuti fil-proċess ta’ kwittanza, sabiex il-votazzjoni fil-plenarja ssir fis-sena wara s-sena finanzjarja li tkun qed tiġi riveduta; jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Awdituri u lill-istituzzjonijiet kollha jqassru u jsaħħu l-proċedura ta’ kwittanza biex issir iktar trasparenti u tinftiehem miċ-ċittadini tal-Unjoni li jħallsu t-taxxi;

Dikjarazzjonijiet nazzjonali ta’ mmaniġġjar

182.

Jenfasizza li d-dikjarazzjonijiet nazzjonali ta’ mmaniġġjar (NMDs) għandhom jitqiesu bħala strument li jiffaċilita responsabilità nazzjonali akbar għall-infiq tal-Unjoni billi kemm il-parlamenti nazzjonali kif ukoll l-istituzzjonijiet nazzjonali ta’ verifika jingħataw l-opportunità jipparteċipaw fl-iżgurar tal-legalità, ir-regolarità u l-prestazzjoni tal-infiq tal-Unjoni; huwa tal-opinjoni li l-NMDs huma strument li jippermetti li l-istituzzjonijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaħdmu flimkien filwaqt li jirrispettaw l-irwoli u r-responsabilitajiet ta’ xulxin;

183.

Ifakkar li mill-2005 ’l quddiem, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għall-introduzzjoni ta’ NMDs obbligatorji;

184.

Jenfasizza li mhux biss il-maniġer tal-Unjoni iżda l-ġestjoni nazzjonali wkoll għandhom jinżammu responsabbli għall-infiq sakemm madwar 80 % tal-baġit jiġi implimentat mill-awtoritajiet nazzjonali;

185.

Huwa talab ripetutament li kull Ministru tal-finanzi nazzjonali għandu joħroġ u jiffirma dikjarazzjoni nazzjonali ta’ mmaniġġjar (NMD) rigward l-użu tal-fondi u ssuġġerixxa wkoll li l-istituzzjoni tal-verifika nazzjonali jew awditur indipendenti ieħor għandhom jivverifikaw id-dikjarazzjoni nazzjonali ta’ mmaniġġjar tal-Ministru tal-finanzi għaliex l-ivverifikar ta’ dikjarazzjoni maħruġa minn ministeru nazzjonali normalment taqa’ taħt il-mandat ta’ xi istituzzjoni nazzjonali indipendenti ta’ verifika;

186.

Jilqa’ favorevolment il-fatt li xi Stati Membri (jiġifieri d-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u l-Isvezja) jipproduċu NMDs, iżda josserva li jvarjaw f’dawk li huma kwalità u ċarezza;

187.

Iqis li l-fatt li dawn l-Istati Membri jipproduċu NMDs juri lill-bqija tal-Istati Membri li huwa fattibbli li dan isir;

188.

Jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit annwali tal-Unjoni (COM(2010) 815, l-Artikolu 56) tipprevedi l-introduzzjoni ta’ dikjarazzjonijiet ta’ ġestjoni f’livell maniġerjali; jenfasizza li l-Parlament iqis li din il-proposta għandha tkun pass ’il quddiem lejn NMDs li huma l-objettiv aħħari;

189.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta formali għall-introduzzjoni ta’ NMDs obbligatorji debitament iffirmati minn kull Ministru tal-finanzi nazzjonali skont il-passi li ġejjin:

—

analiżi tal-kwalità, tal-kompletezza, l-objettività, ir-relevanza u l-utilità tal-NMDs eżistenti inkluża l-valutazzjoni tal-valur miżjud tal-informazzjoni mogħtija kif ukoll nuqqasijiet possibbli fihom,

—

it-tfassil ta’ linji gwida dwar id-definizzjoni ta’ aspetti ewlenin komuni tal-NMDs li jiżguraw li huma se jkunu utli kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Qorti tal-Awdituri,

—

it-tħejjija ta’ pjan direzzjonali li jindika d-data li fiha l-Istati Membri għandhom ikunu ħadu l-passi ewlenin fil-proċess ta’ introduzzjoni tal-NMDs, kif ukoll kif ukoll l-introduzzjoni tal-NMDs obbligatorji fir-Regolament Finanzjarju sal-1 ta’ Jannar 2014 li huwa l-bidu tal-Perspettivi Finanzjarji ġodda;

u jipproponi li s-sostanza tal-NMDs għandha tkun konformi mal-istandards internazzjonali tal-awditjar u għandha tgħin il-verifika li ssir mill-Qorti tal-Awdituri;

Il-kompletar tal-istruttura ta’ governanza tal-Kummissjoni

190.

Jenfasizza li kemm ir-Rapport Annwali dwar l-Attività tad-Direttorat Ġenerali kif ukoll ir-Rapport ta’ Sinteżi tal-Kulleġġ tal-Kummissarji huma elementi importanti biex il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti spjegazzjoni lill-awtorità ta’ kwittanza;

191.

Jistieden lill-Kummissjoni b’analoġija mas-sejħa għat-tħejjija tal-NMDs fuq livell politiku biex tiġi ffinalizzata l-istruttura ta’ governanza tagħha biż-żieda tal-firma tal-Kummissarju responsabbli għar-Rapport Annwali dwar l-Attività tad-Direttorat Ġenerali u billi r-Rapport ta’ Sinteżi — li għandu jinkludi wkoll tabella ta’ valutazzjoni dwar il-kwalità tal-kontrolli għal kull Stat Membru u qasam tal-politika - jiġi ffirmat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea;

192.

Jinnota li sabiex tiġi finalizzata l-istruttura ta’ governanza tal-Kummissjoni, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jissaħħu l-proċeduri biex jippermettu li l-Kulleġġ jadotta Rapport ta’ Sinteżi u jippermettu l-involviment u l-parteċipazzjoni ta’ Kummissarji individwali fit-tħejjija tar-Rapport Annwali dwar l-Attività tad-Direttorat Ġenerali li jinkludi l-miżuri applikabbli li ġejjin għas-sena finanzjarja 2010:

—

it-trażmissjoni lill-kumitat kompetenti tal-Parlament u l-pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħa li fiha l-Kulleġġ jadotta r-Rapport ta’ Sinteżi,

—

it-trażmissjoni lill-kumitat kompetenti tal-Parlament tad-dikjarazzjoni mid-Direttorat Ġenerali dwar il-laqgħa tiegħu mal-Kummissarju responsabbli li tispjega b’mod ċar u komplet il-kontenut tad-deliberazzjonijiet tagħhom dwar ir-Rapporti Annwali dwar l-Attività kif ukoll xi riservi;

193.

Jenfasizza li dawn il-miżuri m’għandhom bl-ebda mod inaqqsu r-responsabilità diretta ta’ kull Direttorat Ġenerali jew ta’ uffiċjali oħra li jawtorizzaw b’delega;

Attivazzjoni sistematika tal-interruzzjoni u s-sospensjoni tal-pagamenti kif ukoll it-tneħħija tal-miżura

194.

Jinnota li l-korrezzjonijiet finanzjarji totali kkonfermati fl-2009 għall-azzjonijiet strutturali weħidhom jammontaw għal EUR 7 719 000 000 (il-Kontijiet Annwali tal-Unjoni Ewropea, is-sena finanzjarja 2009, paġna 112); josserva, madankollu, li biss EUR 5 387 000 000(7 719 000 000 — 2 332 000 000) (paġna 103) ġew implimentati u rreġistrati fil-kontijiet; huwa tal-opinjoni li d-differenza bejn l-ammonti li għandhom jiġu korretti u l-ammonti li ġew korretti attwalment tagħmel neċessarja l-ħtieġa li tiġi introdotta sospensjoni awtomatika, mingħajr deċiżjoni tal-Kummissjoni, ta’ pagamenti hekk kif l-evidenza turi nuqqasijiet sinifikanti fil-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll;

195.

Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi attivazzjoni sistematika tal-interruzzjonijiet u s-sospensjonijiet tal-pagamenti hekk kif l-evidenza tissuġġerixxi nuqqasijiet sinifikanti fil-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri;

196.

Jemmen li l-proċess li jwassal għall-kisba ta’ interruzzjoni sistematika u ta’ sospensjoni sistematika ta’ pagamenti għandu jinkludi:

—

it-trażmissjoni lill-kumitat kompetenti tal-Parlament tal-informazzjoni li turi b’mod ċar l-interruzzjonijiet u s-sospensjonijiet kollha tal-pagamenti s’issa, kif ukoll ir-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet,

—

deskrizzjoni ta’ kriterji ċari u mhux ekwivoki applikabbli għad-Direttorati Ġenerali kollha u li ma jħallu l-ebda spazju għal interpretazzjoni ta’ interruzzjonijiet/sospensjonijiet futuri tal-pagamenti kif ukoll it-tneħħija ta’ interruzzjonijiet/sospensjonijiet tal-pagamenti li bihom għandu jinħoloq mekkaniżmu sistematiku mingħajr ma tittieħed deċiżjoni minn qabel fil-livell politiku,

—

l-inklużjoni fir-Regolament Finanzjarju tal-prinċipju tal-interruzzjoni u s-sospensjoni sistematiċi tal-pagamenti attivati minn provi ta’ nuqqasijiet sinifikattivi fil-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Istati Membri u l-iżvilupp ta’ linji gwida komprensivi għall-Istati Membri sabiex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali jevitaw in-nuqqas ta’ fehim u l-irregolaritajiet,

—

it-trażmissjoni mill-Kummissjoni ta’ kopja ta’ kwalunkwe ittra ta’ rkupru u kwalunkwe ittra li tħabbar korrezzjonijiet finanzjarji lill-Parlament nazzjonali u lill-istituzzjoni suprema nazzjonali ta’ verifika tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll lill-kumitat kompetenti tal-Parlament;

Titjib ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni

197.

Jinsisti li l-Kummissjoni ttejjeb il-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni biex jiġi żgurat li l-konsegwenzi finanzjarji ta’ pagamenti li saru b’mod inkorrett jinġarru mill-benefiċjarji u mhux minn dawk li jħallsu t-taxxi;

198.

Jemmen li l-proċess li jwassal għall-kisba ta’ dan l-objettiv għandu jinkludi wkoll il-preżentazzjoni ta’ dan li ġej lill-kumitat kompetenti tal-Parlament:

—

lista ċara, komprensiva u korretta bis-sħiħ tal-korrezzjonijiet finanzjarji kollha implimentati mill-2000 ‘l quddiem, kif ukoll l-informazzjoni dwar jekk il-pagamenti rċevuti b’mod inkorrett ġewx irkuprati jew sostitwiti bi proġetti oħra, f’liema każ għandha tiġi ppreżentata wkoll valutazzjoni kwalitattiva ta’ dawn il-proġetti ta’ sostituzzjoni,

—

il-miżuri li għandhom jittieħdu wara l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri li “il-Kummissjoni mhux dejjem tirċievi informazzjoni affidabbli mill-Istati Membri” (Rapport Annwali 2009, punt 1.49), b’lista tal-Istati Membri kkonċernati u l-ammont ta’ irregolaritajiet kif ukoll l-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-“proċedura standardizzata” (it-tweġiba tal-Kummissjoni fir-Rapport Annwali 2009, punt 1.34) introdotta għall-perjodu 2007-2013,

—

pjan ta’ azzjoni dwar il-mod kif jiġu integrati u rikonċiljati aħjar il-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar ir-rati annwali ta’ żbalji fil-livell tal-benefiċjarji u l-ħidma tal-Kummissjoni dwar is-segwitu mogħti lil dawn il-konklużjonijiet kif ukoll il-korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri magħmulin matul iċ-ċiklu ta’ ħajja kollu tad-diversi programmi sal-proċedura ta’ għeluq u inkluża l-identifikazzjoni tal-pagamenti li jistgħu jkunu suġġetti għal verifika ulterjuri u għal proċeduri ta’ approvazzjoni tal-kontijiet u segwitu aħjar għall-isforzi ta’ rkupru tal-Istati Membri;

Eżaminatur tal-Prestazzjoni

199.

Jistieden lill-Kummissjoni taħtar “eżaminatur tal-prestazzjoni” responsabbli għall-preparazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni meħtieġ skont l-Artikolu 318 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li għandu jiġi approvat mill-Kulleġġ tal-Kummissarji sabiex tiġi stabbilita “sjieda” ċara ta’ dan ir-rapport;

200.

Jemmen li r-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jitfassal sabiex ir-relazzjoni bejn l-indikaturi prinċipali ta’ prestazzjoni, il-bażi legali/politika tagħhom, l-ammont tan-nefqa u r-riżultati miksuba tkun ċara u trasparenti u l-metodoloġija li għandha tintuża għall-produzzjoni ta’ dan ir-rapport għandha tiġi vverifikata mill-IAS, li għandu jivvaluta wkoll ix-xogħol li jkun sar, u li l-indikaturi prinċipali ta’ prestazzjoni użati mid-dipartimenti kollha fil-Kummissjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku;

201.

Huwa tal-opinjoni li r-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jiġi ppreżentat fis-sessjoni Plenarja matul dibattitu li fih anki l-Qorti tal-Awdituri se tkun mistiedna biex tippreżenta l-opinjoni tagħha dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni;

Introduzzjoni ta’ loġika ġdida għall-infiq

202.

Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi loġika ġdida għall-infiq bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-infiq u li jiġi żgurat li l-fondi pprovduti minn dawk li jħallsu t-taxxi fl-Unjoni jintefqu kemm b’mod korrett kif ukoll b’mod għaqli, u inklużi l-prinċipji li ġejjin:

—

l-istabbiliment tal-baġit tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ eżaminazzjoni tal-politika proposta, l-ispejjeż ta’ ‘twettiq’ għall-korpi involuti u l-benefiċjarji u l-objettivi li jistgħu jintlaħqu bil-fondi disponibbli,

—

l-iżgurar li l-iskemi u l-programmi jkunu realistiċi u sempliċi kemm jista’ jkun,

—

l-iżgurar ta’ responsabilità għall-infiq li tkun sħiħa u li dwarha jkun intlaħaq ftehim;

u jipproponi li l-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri, tistudja proċedura bil-ħsieb li tikseb dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni ġenerali għal kull Perspettiva Finanzjarja u, fl-istennija ta’ bażi ġuridika li tagħmel tali proċedura obbligatorja, tapplikaha b’mod volontarju;

Osservazzjonijiet mill-kumitati li taw opinjoni

Kumitat għall-Iżvilupp

203.

Jinsab imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri sabet li s-sistemi ta’ superviżjoni u ta’ kontroll għall-għajnuna esterna u l-iżvilupp kienu biss parzjalment effettivi fl-iżgurar tar-regolarità tal-ħlasijiet u li l-ħlasijiet kienu affettwati minn żbalji materjali; jinsab imħasseb li l-iżbalji f’xi ħlasijiet finali misjuba mill-Qorti tal-Awdituri ma nstabux mill-Kummissjoni u li l-Kummissjoni ma tissorveljax kemm iċ-Ċentri ta’ Akkwist Umanitarju qed jintużaw mill-imsieħba; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li għadd ta’ tranżazzjonijiet affettwati mill-iżball (13 %) kien inqas minn nofs il-għadd tas-snin ta’ qabel, madankollu jenfasizza li jeħtieġ li jsiru sforzi biex dan il-persentaġġ ikompli jonqos aktar;

204.

Jinnota li “dgħufijiet identifikati matul il-verifiki regolari tas-sistemi tal-imsieħba mhux dejjem jiġu indirizzati … b’manjiera f’waqtha” (17) mid-DĠ ECHO; għalhekk, iħeġġeġ lid-DĠ ECHO jagħmel il-kapaċità tiegħu ta’ monitoraġġ u segwitu aktar b’saħħitha u effikaċi;

205.

Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-aspetti ambjentali b’mod aktar komprensiv fil-proġetti ta’ żvilupp, inklużi l-programmi ta’ appoġġ mill-baġit, u tevalwa l-integrazzjoni ambjentali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jiddispjaċih li dawn in-nuqqasijiet jistgħu jkunu kkawżati min-nuqqas fil-għadd tal-persunal u jistenna bil-ħerqa l-progress mal-wasla tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

206.

Jitlob għal darba oħra li jkun hemm involviment akbar tal-parlamenti u konsultazzjoni akbar tas-soċjetà ċivili lokali fil-pajjiżi sħab meta jkunu qed jitfasslu u jiġu rieżaminati d-Dokumenti Strateġiċi tal-Pajjiż li jirrigwardaw l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI);

207.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin lill-pajjiżi sħab jiżviluppaw il-kapaċitajiet tal-kontroll parlamentari u tal-ivverifikar u żżid it-trasparenza u l-aċċess pubbliku għat-tagħrif, b’mod partikolari meta l-għajnuna tiġi pprovduta permezz tal-appoġġ mill-baġit, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1), punt (b), tar-Regolament dwar id-DCI (18), u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment dwar il-progress li jsir;

208.

Jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni turi li nefqet mill-inqas 20 % tal-għajnuna għall-iżvilupp f’edukazzjoni bażika u sekondarja kif ukoll f’kura bażika tas-saħħa, inkluż l-aċċess sikur għall-ilma u għal kondizzjonijiet iġjeniċi tajba; barra minn hekk jissuġġerixxi li l-valutazzjonijiet tal-impatt li jispjegaw din in-nefqa għandhom jitwettqu bir-reqqa bil-għan li tiġi massimizzata l-effikaċja tal-programmi li jsiru;

209.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel aktar enfasi fuq is-saħħa tan-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b’mod ġenerali, u fuq it-titjib tas-saħħa materna b’mod partikolari, peress li dan huwa l-qasam fejn il-miri tal-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju huma l-aktar ‘il bogħod milli jintlaħqu;

210.

Jenfasizza li l-mekkaniżmi tal-għajnuna għall-iżvilupp għandu jkollhom l-għan ukoll li joħolqu l-ġid, u li jsostnu intrapiżi żgħar u ta’ daqs medju, peress li l-ħolqien tal-ġid jibqa’ għodda kruċjali fit-taffija tal-faqar; ifakkar li hu stmat li kull sena jintilfu mat-EUR 800 000 000 000 mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz tal-flussi illeċiti tal-kapital, sitwazzjoni li jekk tiġi pprevenuta tista’ toħroġ deċiżiva biex jittaffa l-faqar u jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju;

211.

Japprezza l-fatt li l-organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti spiss ikollhom esperjenza u għarfien espert speċifiċi li mhux lakemm issibhom faċilment f’postijiet oħra; jesprimi tħassib, madankollu, li l-Kummissjoni ma turix b’mod konvinċenti minn qabel jekk l-għażla ta’ organizzazzjoni tan-NU tkunx fil-fatt aktar effiċjenti u effikaċi minn modi oħra ta’ kif titwassal l-għajnuna (19); jistieden lill-Kummissjoni timplimenta proċess aktar trasparenti u oġġettiv biex jintgħażlu l-mezzi li bihom tiġi implimentata l-għajnuna;

212.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura viżibbiltà aħjar tal-attivitajiet iffinanzjati mill-Unjoni lil hinn minn xtutha.

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

213.

Jinnota li l-allokazzjonijiet ta’ ħlas tal-qafas finanzjarju 2000-2006 għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) previsti għall-2009 ġew utilizzati fil-livell ta’ 97,1 % (EUR 1 540 000 000); jirrimarka li l-pagamenti intermedji u l-prefinanzjament għall-qafas finanzjarju tal-2007-2013 ammontaw għal EUR 11 300 000 000; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni għal titjib tal-ġestjoni finanzjarja; jiddeplora l-fatt li, minkejja l-kriżi finanzjarja, l-Istati Membri mhumiex qed jużaw riżorsi tal-FSE;

214.

Jinnota li l-frekwenza tal-iżbalji ilha tonqos dawn l-aħħar tliet snin, minn 54 % fl-2007 għal 36 % fl-2009; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tnaqqas ir-rata ta’ żbalji; jitlob għal aktar sforz biex titnaqqas b’mod speċjali r-rifużjoni ta’ spejjeż li mhumiex eliġibbli;

215.

Jitlob lill-Kummissjoni tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja billi ssegwi l-pjan ta’ azzjoni li jħaffef il-proċeduri ta’ deċiżjoni dwar il-korrezzjonijiet finanzjarji;

216.

Jilqa’ l-fatt li l-implimentazzjoni tal-programm tal-FSE fl-2009 ffukat fuq l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, b’mod partikolari fuq il-miżuri mmirati biex itejbu l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol (30,6 % (20)) u fuq l-attivitajiet għall-iżvilupp ta’ taħriġ edukattiv u vokazzjonali (22,8 % (20)), l-inklużjoni soċjali (20,8 % (20)) u l-opportunitajiet indaqs (6,5 % (20));

217.

Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżomm lill-Istati Membri kollha responsabbli għalkollox li jagħtu rendikont permezz ta’ rapporti annwali ta’ kontrolli ta’ verifika u sommarji ta’ rapporti annwali;

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

218.

Jenfasizza l-importanza tal-linji tal-baġit 17 02 02 (attivitajiet favur il-konsumaturi) u 17 01 04 03 (relatati mal-ġestjoni amministrattiva) għal implimentazzjoni effettiva ta’ kull programm annwali ta’ ħidma taħt il-Programm tal-Konsumaturi 2007-2013 u jistieden lill-Kummissjoni żżid il-pubbliċità mogħtija lill-għotjiet disponibbli (speċjalment fir-rigward tal-azzjonijiet konġunti fil-qafas tar-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi (Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21)), fejn ma ġiet irċevuta l-ebda applikazzjoni); huwa sodisfatt bl-użu b’riżultati tajba tar-riżorsi addizzjonali (EUR 2 000 000) ipprovduti fl-2009 għall-proġett pilota rigward miżuri ta’ monitoraġġ fil-qasam tal-politika tal-konsumaturi;

219.

Jilqa’ l-edizzjonijiet sussegwenti tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (CMS) bħala għodda importanti għal monitoraġġ aħjar u klassifikazzjoni innovattiva tas-swieq; iqis li l-bażi empirika li nħolqot għandha tkun fil-bażi ta’ ideat ġodda ta’ politika fil-livell tal-Unjoni u fil-livell nazzjonali u jitlob lill-Kummissjoni tuża r-riżultati tas-CMS fit-tfassil tal-politika tagħha fl-oqsma kollha relevanti;

220.

Jinnota b’interess kbir it-trasformazzjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa Pubblika għall-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi (EAHC) u l-ewwel sena ta’ operazzjoni tagħha taħt mandat estiż; jifraħ lill-EAHC talli laħqet il-miri stabbiliti għall-immaniġġjar tal-għotjiet u l-kuntratti skont il-Programm tal-Konsumaturi (Deċiżjoni Nru 1926/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22)); iqis, madanakollu, li huwa problematiku l-fatt li 3 % tal-pagamenti saru wara d-data ta’ skadenza tal-pagament;

221.

Jilqa’ t-titjib li sar sabiex tinkiseb rata ta’ eżekuzzjoni ta’ 92 % għall-krediti ta’ ħlas għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tas-suq intern (linja baġitarja 12 02 01); jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni għall-programm SOLVIT (linja baġitarja 12 02 02) mistennija tkun qrib it-92 % meta jitqiesu l-pagamenti tul l-2008, l-2009 u l-2010 flimkien; itenni l-bżonn li tinżamm linja separata tal-baġit għas-SOLVIT;

222.

Jenfasizza l-importanza tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza l-effikaċja tal-programmi kurrenti ta’ finanzjament għall-SMEs u tiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi tar-riċerka tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ strumenti finanzjarji fil-baġit tal-Unjoni;

223.

Jinnota l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar merkanzija introdotta illeċitament fit-territorju tal-Unjoni (fil-punt 2.22 tar-Rapport Annwali tagħha) u t-tweġiba tal-Kummissjoni, li tindika l-kjarifika pprovduta mill-Kodiċi Doganali Modernizzat; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lura kemm jista’ jkun malajr dwar is-segwitu li ngħata lis-sentenzi relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja;

224.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw metodi xierqa tal-analiżi tar-riskju biex jiffukaw il-kontrolli doganali fuq kummerċjanti jew kunsinni ta’ riskju kbir; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jissupplimentaw il-kontrolli abbażi tar-riskju b’għadd ta’ kontrolli magħżula b’mod aleatorju; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari, hija u tfassal id-dispożizzjonijiet implimentattivi tal-Kodiċi Doganali Modernizzat, għat-twettiq ta’ kontrolli fiżiċi fuq l-oġġetti, sew għal raġunijiet fiskali kif ukoll għal dawk ta’ sikurezza/sigurtà; u jitlob li jittejbu l-kontrolli ta’ qabel/wara l-verifika fir-rigward ta’ proċeduri simplifikati u l-ikklerjar ċentralizzat;

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

225.

Jinnota li fil-baġit tal-2009, kif kien finalment adottat u mbagħad emendat matul is-sena, speċifikament għall-linji politiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ attività tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, kien inkluż total ta’ EUR 2 427 000 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 2 103 000 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet; jinnota wkoll li minnhom:

—

EUR 934 582 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 830 594 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu destinati għan-Netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport (TEN-T),

—

EUR 17 600 000 kienu disponibbli f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 14 500 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għas-sikurezza tat-trasport,

—

EUR 64 971 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 29 054 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu destinati għall-Programm Marco Polo,

—

EUR 146 902 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 109 257 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu destinati għall-aġenziji tat-trasport u l-Aworità Superviżorja Ewropea tal-GNSS,

—

EUR 427 424 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji u EUR 388 859 000 f’approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet kienu destinati għat-trasport, inkluż il-qasam ta’ prijorità dedikat għall-mobilità sostenibbli fl-ibliet, fis-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp teknoloġiku,

—

EUR 2 750 000 f’approprjazzjonijiet għall-impenji kienu destinati għat-tneħħija tal-perikli fit-trasport,

—

EUR 3 800 000 f’approprjazzjoniet għall-impenji u EUR 3 600 000 f’approprjazzjoniet għall-ħlasijiet kienu destinati għat-turiżmu;

226.

Jiddispjaċih li fil-verifika tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009, il-Qorti tal-Awdituri għal darba oħra għażlet li tikkonċentra fuq il-politika tar-riċerka u l-enerġija u mhux wisq fuq il-politika tat-trasport;

227.

Jilqa’ r-rata għolja sostnuta ta’ użu tal-fondi għall-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet għall-proġetti fil-qasam tat-TEN-T, li t-tnejn jammontaw għal kważi 100 %; jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li finanzjament xieraq mill-baġits nazzjonali jkun disponibbli biex jissodisfa dan l-impenn tal-Unjoni; ifakkar li l-Parlament appoġġja livell ogħla ta’ finanzjament tal-Unjoni; jilqa’ r-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-proġetti tal-Programm Multiannwali tal-2007-2013 TEN-T ppubblikata fis-27 ta’ Ottubru 2010, li timmira lejn ottimizzazzjoni tal-użu tal-fondi TEN-T u tenfasizza l-importanza ta’ proġetti ta’ ppjanar finanzjarju affidabbli;

228.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li għal darb’oħra r-rata tal-użu tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għas-sigurtà u l-ottimizzazzjoni tas-sistemi tat-trasport u għad-drittijiet tal-passiġġieri kienu baxxi (73 %); jiddispjaċih li r-rata ta’ użu ta’ 100 % tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Programm Marco Polo II inkisbet biss għaliex nofs l-approprjazzjonijiet oriġinarjament allokati għalih ġew riallokati matul is-sena 2009;

229.

Jilqa’ ż-żieda sostanzjali fir-rata ta’ użu tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet għall-Programm Galileo meta mqabbel mal-2008 u jenfasizza l-importanza kunsiderevoli ta’ dak il-programm għas-setturi tal-loġistika u t-trasport sostenibbli;

230.

Jinnota l-fatt li testijiet ta’ spezzjoni ta’ kampjuni fuq tranżazzjonijiet jirrivelaw marġini ta’ żball wisq probabbli bejn 2 % u 5 %; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex tkompli tnaqqas din il-figura;

231.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri esprimiet il-fehma li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport huma legali u regolari fl-aspetti sinifikattivi kollha; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija rnexxielha timla l-postijiet li kienu għadhom vakanti fi tmiem l-2008;

232.

Jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti li l-politika reġjonali u l-politika tat-trasport ikunu trasparenti permezz tal-forniment ta’ informazzjoni xierqa lill-kontributuri tat-taxxi u lill-awtoritajiet baġitarji, u li jkunu aktar ikoordinati mill-qrib, partikolarment fir-rigward tal-iffinanzjar tat-TEN-T, peress li fil-preżent il-valur miżjud potenzjali Ewropew tal-proġetti bil-kemm jiġi eżaminat u konsegwentement il-fondi ma jintużawx bl-aktar mod effettiv possibbli biex jiġu eliminati l-konġestjoni u l-problemi b’konnessjoni mal-qsim tal-fruntieri jew il-konnessjonijiet inadegwati;

233.

Jinsisti li l-proċedura għall-għażla u l-approvazzjoni tal-proġetti tat-trasport fil-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni għandu jkollha bażi aktar soda;

234.

Jilqa’ r-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 8/2010 dwar l-investiment fl-infrastruttura tal-ferrovija tal-UE u, fuq kollox, l-affermazzjoni li l-koordinaturi attwali tat-TEN-T kellhom sehem importanti, b’mod partikolari billi ffaċilitaw il-kuntatti bejn il-partijiet interessati; jappoġġa r-rakkomandazzjoni li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-ħatra ta’ aktar koordinaturi għall-proġetti l-oħra ta’ prijorità;

235.

Jinnota l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-proġetti ta’ prijorità ma ntgħażlux fuq il-bażi tal-fluss tat-traffiku reali u antiċipat u li jista’ jsir użu akbar tal-analiżijiet bejn l-ispejjeż magħmula u l-benefiċċju miksub; jinnota, madankollu, li l-proġetti ta’ prijorità jissodisfaw ukoll l-objettivi Ewropej ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u x-xewqa li t-tibdil fil-klima jiġi miġġieled permezz ta’ appoġġ għal mezzi ta’ trasport li jirrispettaw aktar lill-ambjent;

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

236.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li sar progress sinifikanti fil-livell tal-implimentazzjoni tal-impenji fil-baġit għaż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (97,7 % meta mqabbel ma’ 87,5 % fl-2008), kif ukoll fil-livell tal-implimentazzjoni tal-ħlasijiet (89,6 % meta mqabbel ma’ 80,9 % fl-2008);

237.

Jiddeplora l-fatt li l-livell ta’ kanċellazzjonijiet ta’ ħlasijiet kien għoli daqshekk (8,5 %) primarjament minħabba kanċellazzjonijiet ta’ ħlasijiet fil-baġit għall-Aġenziji u għas-sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) fuq skala kbira (SIS II and VIS);

238.

Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rati għoljin ta’ implimentazzjoni tal-erba’ Fondi ta’ “Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi Migratorji”; jinnota li l-livelli għoljin ta’ implimentazzjoni jirriflettu wkoll l-utilità ta’ dawk il-fondi u jitlob li dan il-fatt jitqies għall-ippjanar baġitarju tal-ġejjieni u fid-diskussjonijiet tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, fid-dawl tar-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu mħejjija mill-Kummissjoni;

239.

Jiddispjaċih li l-livell ta’ implimentazzjoni tal-ħlasijiet kien inqas fir-rigward tal-programmi “Id-Drittijiet Fundamentali u Ġustizzja” u “Is-sigurtà u s-salvagwardjar tal-libertajiet”; jieħu nota tal-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni, jiġifieri li r-riżultati tas-sejħiet għall-proposti ma kinux sodisfaċenti u li l-kriżi ekonomika għamlitha aktar diffiċli għall-applikanti li jiżguraw li jkollhom il-kofinanzjament;

240.

Jiddeplora l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri nnotat li xi aġenżiji naqsu milli jressqu dikjarazzjonijiet dwar l-ammonti konsolidati tagħhom jew ressqu dikjarazzjonijiet modifikati u li t-tagħrif li huma meħtieġa jipprovdu kien ilu ma jingħata għal bosta snin;

241.

Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika r-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu dwar il-fondi u l-programmi differenti malajr kemm jista’ jkun;

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

242.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex kostantement tnaqqas ir-rata tal-iżbalji biex isir l-għeluq u tivvaluta mill-qrib il-ġenerazzjoni preċedenti ta’ programmi; jinnota li r-rata ta’ żbalji fil-ġestjoni tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ programmi turi tendenza ta’ tnaqqis meta mqabbla mal-ġenerazzjoni preċedenti, fatt li jirrifletti l-utilità tal-bidliet tekniċi mdaħħla fir-regoli tal-programmi attwali;

243.

Jinnota li, fil-qasam ta’ politika “Edukazzjoni u Kultura”, il-biċċa l-kbira tat-tranżazzjonijiet kollha huma implimentati permezz tal-aġenziji nazzjonali; jilqa’ f’dan ir-rigward l-isforzi li l-Kummissjoni għamlet biex tassisti lill-aġenziji nazzjonali jtejbu s-sistemi ta’ kontabilità tagħhom u jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa fil-każ ta’ nonkonformità mar-rekwiżiti ta’ verifika tal-Unjoni;

244.

Jesprimi s-sodisfazzjoni tiegħu dwar l-estensjoni tal-użu tal-għodda tal-informatika, peress li dan inaqqas il-burokrazija żejda u jista’ jgħin b’mod konsiderevoli biex jiffaċilita l-proċeduri għall-applikanti u jnaqqas iż-żmien meħtieġ biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet;

245.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura u l-aġenziji nazzjonali jkomplu l-ħidma tagħhom dwar proċeduri flessibbli u biex inaqqsu ulterjurment id-dewmien fil-ħlasijiet, peress li l-benefiċjarji huma intitolati jistennew li l-iskedi taż-żmien indikati fil-gwidi għall-programmi jew komunikazzjonijiet uffiċjali oħra jiġu rispettati;

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

246.

Jikkunsidra r-rati ta’ implimentazzjoni ġenerali tal-intestaturi bagitarji għall-ambjent, is-saħħa pubblika u s-sikurezza tal-ikel bħala sodisfaċenti;

247.

Jenfasizza r-rata globali ta’ 97,12 % ta’ implimentazzjoni tal-baġit fil-qasam tal-ambjent li tirrapreżenta riżultat aħjar meta mqabbel mal-95,15 % f’approprijazzjonijiet ta’ impenn tas-sena ta’ qabel; jinnota, barra minn hekk, li l-implimentazzjoni tal-ħlasijiet kienet fil-livell għoli ta’ 99,92 %;

248.

Jilqa’ l-livell ta’ implimentazzjoni ġeneralment notevoli ta’ krediti ta’ impenn u krediti ta’ ħlasijiet fil-qasam tas-saħħa pubblika, li hi qrib il-100 % għall-approprijazzjonijiet ta’ impenn fil-linji baġitarji kollha;

249.

Jinnota li l-livell għoli ta’eżekuzzjoni fil-qasam tas-Sikurezza tal-Ikel, is-Saħħa tal-Annimali u l-benesseri u s-saħħa tal-pjanti ta’ 98 % f’impenji, baqa’ stabbli meta mqabbel mas-sena ta’ qabel; jirrikonoxxi implimentazzjoni ta’ ħlasijiet kemmxejn anqas (82 %); jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jippreżentaw lill-Kummissjoni bi stimi aktar preċiżi rigward il-miżuri ta’ eradikazzjoni;

250.

Jilqa’ l-kisba ta’ rata ta’ implimentazzjoni ta’ 99,35 % tal-baġit operattiv ta’ LIFE+, speċjalment għaliex l-awtorità baġitarja kienet żiedet l-approprijazzjonijiet għall-impenji b’EUR 29 000 000 meta mqabbla mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni; jinnota li, skont it-tielet sejħa għall-programm LIFE+, intgħażlu 210 proġett li jkopru azzjonijiet fl-oqsma tan-Natura u l-Bijodiversità (84), il-Politika tal-Ambjent u l-Governanza (115), u l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (11);

251.

Jenfasizza l-fatt li l-kontribut għall-attivitajiet ambjentali internazzjonali, hu maħsub biex ikopri l-kontribuzzjonijiet obbligatorji u volontarji għall-konvenzjonijiet, protokolli u ftehimiet internazzjonali u biex tintlaħaq ir-rata ta’ implimentazzjoni ġenerali ta’ 84,46 % meta mqabbla mar-rata ta’ 76,12 % fl-2008; jirrikonoxxi li r-rata ta’ implimentazzjoni hi soġġetta wkoll għal varjazzjonijiet tar-rata ta’ skambju, peress li ħafna kontribuzzjonijiet jitħallsu f’dollari Amerikani;

252.

Jinnota li l-Istrument Finanzjarju għall-Prevenzjoni Ċivili li jkopri r-reazzjoni għad-diżastri, l-azzjonijiet ta’ tħejjija u l-miżuri għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tal-effetti ta’ emerġenza kiseb rata ta’ implimentazzjoni ta’ 72,56 %, li jikkorrispondu għal EUR 15 411 000; konsegwentement jirrimarka li r-rata ta’ implimentazzjoni fl-approprijazzjonijiet ta’ ħlasijiet hi ta’ 44,52 %, peress li s-sejħiet għall-offerti kienu ppubblikati biss fl-ewwel nofs tal-2009 u għalhekk il-proġetti għadhom mhumiex lesti;

253.

Jirrimarka li fir-rigward tal-fondi ta’ emerġenza u tal-fondi marbutin mal-okkorenza tad-diżastri, id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż finali għall-ħlasijiet mill-Istati Membri spiss huma ħafna inqos mill-istima inizjali; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jippreżentaw lill-Kummissjoni stimi aktar preċiżi u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa appoġġ ulterjuri għall-Istati Membri fil-proċess ta’ stima;

254.

Jinnota, li skont il-baġit għall-2009, tliet proġetti pilota u żewġ azzjonijiet preparatorji kienu implimentati fil-qasam tal-ambjent u erba’ fil-qasam tas-saħħa pubblika; jinnota l-kwalità fqira ta’ proposti mressqa għall-proġett pilota “Skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit fil-Baħar Baltiku” fejn, konsegwentement ma kien iffirmat l-ebda kuntratt; jirrikonoxxi t-tneħħija tal-azzjoni preparatorja fuq postijiet ta’ kontroll fir-rigward tat-trasport tal-annimali, minħabba l-kwalità fqira tal-proposti, li ma laħqux il-kriterji ta’ evalwazzjoni minimi mitluba;

255.

Jenfasizza kemm hu importanti li s-sejħiet għall-offerti jkunu ffukkati aħjar u li tingħata aktar għajnuna lill-applikanti, speċjalment fil-programmi tas-saħħa pubblika, sabiex jiġi evitat it-tressiq ta’ applikazzjonijiet għal proġetti li jkunu jidhru ċar li mhumiex eliġibbli għall-iffinanzjar jew li huma ta’ kwalità fqira; jirrikonoxxi, madankollu, li xi proġetti dejjem ser jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ implimentazzjoni;

256.

Jinnota li l-konformità mad-dispożizzjonijiet amministrattivi u finanzjarji tar-Regolament Finanzjarju ma għandhiex toħloq dewmien żejjed fl-għoti ta’ għotjiet jew fl-għażla ta’ proġetti għal finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb il-proċeduri amministrattivi li għandhom impatt fuq l-implimentazzjoni ta’ approprijazzjonijiet ta’ impenn u ta’ ħlasijiet;

257.

Jinnota li fl-aħħar tal-2009, l-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u l-Konsumaturi, entità amministrattiva tal-Kummissjoni, kellha f’idejha l-ġestjoni ta’ portafoll ta’ 361 proġett għal programmi tas-saħħa pubblika bi spejjeż maqsuma, li minnhom 287 kienu ftehimiet iffirmati, u li kienu jirrappreżentaw total ta’ kontribuzzjonijiet tal-Unjoni ta’ EUR 156 000 000; jenfasizza li l-baġit amministrattiv neċessarju għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni b’kollox kien jammonta għal total ta’ EUR 6 400 000 għall-Aġenzija eżekuttiva għall-Programm tas-Saħħa Pubblika (PHEA); jieħu nota tal-metodi l-ġodda ta’ rappurtar strutturat li jippermettu monitoraġġ aħjar tal-implimentazzjoni tal-baġit biex jiġu evitati t-trasferimenti bil-quddiem u biex il-prinċipju ta’ annwalità tal-baġit jiġi applikat b’mod strett;

258.

Iqis li l-komunikazzjoni bejn l-aġenziji u l-Istituzzjonijiet, iżda wkoll bejn l-aġenziji u l-opinjoni pubblika Ewropea, għandha xi lakuni; iħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha fi ħdan l-aġenziji kif anki fl-istituzzjonijiet itejbu l-komunikazzjoni bejnjiethom u jiżviluppaw aktar ir-relazzjonijiet pubbliċi;

259.

Iħeġġeġ lid-DĠ SANCO u lid-DĠ ENVI tal-Kummissjoni biex jirrapurtaw kull sena lill-kumitati rispettivi tal-Parlament fi ħdan il-proċedura ta’ kwittanza dwar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proġetti u l-programmi implimentati;

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

260.

Jinnota li, fir-rapport tagħha dwar l-eżekuzzjoni tal-Baġit tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2009, il-Qorti tal-Awdituri tosserva “li l-pagamenti għas-sena li ntemmet fil- 31 ta’ Diċembru 2009 għall-grupp tal-politika l-Għajnuna Esterna, l-Iżvilupp u t-Tkabbir ġew milquta minn livell sinifikanti ta’ żbalji materjali” (23); jinsab imħasseb minħabba l-fatt li l-iżbalji huma relatati mal-eliġibbiltà kif ukoll ma’ irregolaritajiet li jaffettwaw il-proċeduri tal-iffirmar ta’ kuntratti, jiġifieri s-setturi l-aktar vulnerabbli għall-ġestjoni ħażina u għall-frodi (24);

261.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu, għal dak li jikkonċerna r-regolarità tat-tranżazzjonijiet għall-infiq fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, għaż-żieda fil-frekwenza tat-tranżazzjonijiet li ġew iġġudikati għalkollox “regolari” mill-Qorti tal-Awdituri meta mqabbla maċ-ċifri tal-2008 u tal-2007;

262.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu ukoll għall-introduzzjoni, fl-2009, ta’ proċeduri ġodda u ta’ listi ta’ kontroll li ppermettew li jiġu msaħħa l-proċeduri ta’ kontroll ex ante fi ħdan id-DĠ RELEX;

263.

Jinsisti, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-PESK u tal-Politika Ewropea ta’ Sigurtà u ta’ Difiża (PESD), fuq il-fatt li l-Parlament ikun informat malajr bid-definizzjoni tal-objettivi u l-għażliet tal-missjonijiet sabiex ikun jista’ jifformula aħjar ir-rakkomandazzjonijet tiegħu lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà;

264.

Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-Kummissjoni nefqet EUR 396 000 000 bejn l-2007 u l-2010 biex tgħin lill-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni fl-isforzi tagħhom biex itejbu s-sistemi ġudizzjarji u biex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni u jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu ukoll għall-progress li sar f’dan ir-rigward; iwissi, madankollu, kontra ottimiżmu eċċessiv u jitlob lill-Kummissjoni tagħti provi li juru li dawn il-flejjes ġew utilizzati b’mod effikaċi u tiddikjara jekk it-titjib tal-istrutturi ta’ kontroll wassalx verament għal taħrix tas-sanzjonijiet kontra l-persuni korrotti, inklużi fl-affarijiet li huma koperti ħafna mill-midja, jekk il-liġijiet humiex implimentati għalkollox u jekk ir-riformi humiex sostnuti;

265.

Jinnota li qed isir rikors dejjem akbar għall-ġestjoni komuni fil-qafas tal-Faċilità tal-Ikel u jistieden lid-DĠ ECHO jagħti rendikont tal-esperjenza tiegħu fl-implimentazzjoni tal-Faċilità tal-Ikel fir-rapport annwali tal-attività tiegħu għall-2010;

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

266.

Jinnota li l-fondi ta’ koeżjoni huma suġġetti għal regoli partikolarment kumplessi u jkunu implimentati b’mod differenti minn infiq ieħor tal-Unjoni, u dan jagħmilhom aktar vulnerabbli għall-iżbalji; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rata tal-iżbalji fl-infiq għall-koeżjoni għadha l-ogħla mill-pagamenti kollha tal-Unjoni b’iktar minn 5 % fl-2009; jenfasizza, madankollu, it-tnaqqis kbir fir-rata tal-iżbalji meta mqabbel mal-2008, u għalhekk jitlob għal aktar simplifikazzjoni u sostenn tekniku akbar sabiex l-Istati Membri u r-reġjuni jkunu jistgħu jiżguraw implimentazzjoni aktar effikaċi; ifakkar li l-awtoritajiet reġjonali għandhom jingħataw l-għarfien tekniku u l-ħiliet mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri li jippermettulhom itejbu l-effikaċja u l-effettività tar-riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom;

267.

Jinnota li l-ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku għadu waħda mir-raġunijiet l-aktar frekwenti għall-irregolaritajiet, li huma parzjalment dovuti għall-kumplessità tiegħu; jirrakkomanda s-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tar-regoli tal-akkwist pubbliku sabiex titnaqqas l-inċidenza ġenerali tal-iżbalji;

268.

Huwa mħasseb li d-DĠ REGIO jiddikjara fid-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tal-Attività Annwali tiegħu għall-2009 li għal 38 mid-79 programm ikkonċernat, id-DĠ REGIO ma jkollux assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi fir-rigward tar-rimborżi fl-2009 tan-nefqa ddikjarata; jitlob iktar dettalji dwar l-informazzjoni nieqsa rigward ir-rimborżi fl-2009; jinnota li l-Istati Membri għandhom obbligu li jipprovdu biżżejjed informazzjoni fir-Rapporti ta’ Attività Annwali tagħhom u jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi sistema ta’ penali fil-każ li l-informazzjoni pprovduta ma tippermettix lill-Kummissjoni tikkonstata l-legalità u r-regolarità;

269.

Jilqa’ l-Opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri Nru 1/2010 dwar “It-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-baġit tal-Unjoni Ewropea: Riskji u sfidi” u jiġbed l-attenzjoni għall-effettività parzjali ta’ sistemi ta’ sorveljanza u kontroll f’numru ta’ oqsma ta’ riskju għoli rigward il-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku, b’mod partikolari l-koeżjoni u l-iżvilupp rurali;

270.

Fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ċċarati r-regoli u l-iskemi ta’ mmaniġġjar taħt il-ġestjoni konġunta, u fir-rigward tal-politika ta’ koeżjoni jenfasizza li din il-kjarifika għandha tkun kemm jista’ jkun attwata sabiex ikunu evitati kontradizzjonijiet mar-Regolament Finanzjarju; jinnota li l-problemi ta’ governanza bejn ir-Regolament Finanzjarju u r-regolamenti ta’ koeżjoni jistgħu jkunu evitati b’allinjament aħjar tar-regoli ta’ eliġibilità bejn diversi linji politiċi; hu tal-fehma, madankollu, li s-simplifikazzjoni, b’mod partikolari fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, teħtieġ li tiżgura l-istabbiltà tar-regoli u l-iskemi ta’ ġestjoni fuq medda twila ta’ żmien;

271.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirriflettu fuq jekk hux ta’ min li jiġi żviluppat il-prinċipju tar-“rabta ta’ fiduċja” li jippermetti li jitnaqqsu l-kontrolli fuq sistemi li rriżultaw effikaċi fil-ġlieda kontra l-iżbalji u l-frodi;

272.

Jinnota li s-sistemi ta’ kontroll u verifika għall-programmi INTERREG huma parzjalment nieqsa minn approċċ uniformi rikonoxxut mill-korpi ta’ verifika tal-Istati Membri parteċipanti kollha; jitlob rikonoxximent reċiproku ta’ sett komuni ta’ regoli u standards fost l-awtoritajiet tal-Istati Membru involuti fil-verifika u l-kontroll għall-programmi transkonfinali;

273.

Jirreferi, għal osservazzjonijiet oħra ta’ natura speċifika, li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni ta’ kwittanza tiegħu, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 dwar il-konklużjonijiet fir-rigward tar-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza lill-Kummissjoni għall-2009 (25).

(1)   ĠU L 69, 13.3.2009.

(2)   ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.

(3)   ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.

(4)   ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.

(5)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(6)   ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1.

(7)   ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9.

(8)   ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1.

(9)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ecofin dwar il-linji gwida baġitarji għall-2011 adottati fis-16 ta’ Marzu 2010, dok. 6794/10, l-24 ta’ Frar 2010, paġna 9.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2010) 401.

(11)  Pereżempju l-paragrafi 23 u 24 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ April 2007 b’kummenti li jiffurmaw parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2005, Taqsima III — Kummissjoni (ĠU L 187, 15.7.2008, p. 25).

(12)   ĠU L 340, 6.12.2006, p. 5.

(13)  Sentenza tad-9 ta’ Novembru 2010 fil-Każijiet Magħquda C-92/09 u C-93/09, Volker u Markus Schecke GbR u Hartmut Eifert v Land Hessen, għadha mhix ippubblikata fl-ECR.

(14)   ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(15)   ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.

(16)   ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(17)  Rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit 2009, p. 144, paragrafu 6.42.

(18)  Ir-Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi strument ta’ finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41).

(19)  Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 15/2009 dwar “Assistenza tal-UE implimentata permezz ta’ organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti: it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-monitoraġġ”.

(20)  Tal-infiq iċċertifikat.

(21)   ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.

(22)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 39.

(23)   ĠU C 303, 9.11.2010, p. 146.

(24)   ĠU C 303, 9.11.2010, p. 140.

(25)  Testi adottati, P7_TA(2011) 195 (Ara paġna 63 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2011

dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza lill-Kummissjoni 2009

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (1),

—

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009 (SEC(2010) 963 — C7-0211/2010) (2),

—

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit fir-rigward tas-sena finanzjarja 2009, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet (3), u r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri,

—

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabilità tal-kontijiet kif ukoll il-legalità u r-regolarità tat-transazzjonijiet sottostanti pprovduta mill-Qorti tal-Awdituri skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (4),

—

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2011 dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III – Il-Kummissjoni (5), u r-riżoluzzjoni tiegħu b’osservazzjonijiet li tifforma parti integrali minn dik id-Deċiżjoni,

—

wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri mfassla skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2011 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2009 (05891/2011 — C7-0053/2011),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 179a u 180b tat-Trattat Euratom,

—

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (6), u b’mod partikolari l-Artikoli 145, 146 u 147 tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 76 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A7-0135/2011),

A.

billi, skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tesegwixxi l-baġit u tamministra l-programmi u għandha tagħmel dan, skont l-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri fuq responsabilità tagħha stess, b’osservanza tal-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja solida,

B.

billi r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jipprovdu tagħrif dwar kwistjonijiet ta’ tħassib marbuta mal-implimentazzjoni ta’ fondi, li għalhekk huma utli għall-Parlament fl-eżerċitar tar-rwol tiegħu ta’ awtorità ta’ kwittanza,

C.

billi l-kummenti tiegħu dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jiffurmaw parti integrali mid-Deċiżjoni tal-Parlament tal-10 ta’ Mejju 2011 dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima III — Il-Kummissjoni,

KUMMENTI ĠENERALI

1.

Jilqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri rnexxielha tipproduċi, kull sena, aktar rapporti speċjali ta’ kwalità aħjar; jiddispjaċih dwar il-fatt li, sfortunatament, mhux dejjem tingħatalhom l-attenzjoni politika li jistħoqqilhom minħabba r-regoli applikabbli fil-Parlament;

2.

Jirrimarka li dawk ir-rapporti speċjali huma ta’ importanza kbira meta wieħed jirrifletti dwar il-programmi u l-proġetti u meta jbiddilhom jew jadattahom, peress li jistgħu jwasslu għal użu aktar effiċenti tar-riżorsi umani u baġitarji; japprezza l-attitudni pożittiva tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ dawk il-proċessi u r-rieda tagħha li tieħu azzjoni pronta biex toffri rimedju għall-parti l-kbira tan-nuqqasijiet innutati mill-Qorti tal-Awdituri f’dawk ir-rapporti;

3.

Jistieden għal darba oħra lill-korpi kompetenti tiegħu biex jadattaw ir-regoli b’tali mod li l-kumitat kompetenti jkun jista’ jiddeċiedi - fuq il-bażi tal-importanza tal-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri - jekk ikunx hemm il-ħtieġa li jitfassal rapport ta’ inizjattiva għall-plenarja barra mill-kwota stabbilita għar-rapporti ta’ inizjattiva proprja;

KUMMENTI SPEĊIFIĊI

Parti I:   Rapport Speċjali Nru. 15/2009 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “Assistenza tal-UE implimentata permezz ta’ organizzazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti: it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-monitoraġġ”

4.

Jinnota li l-fondi ta’ żvilupp tal-Unjoni indirizzati permezz tal-korpi tan-NU rduppjaw għal aktar minn EUR 1 biljun bejn l-2002 u l-2008;

5.

Japprezza li jekk wieħed jaħdem permezz tal-korpi tan-NU, dan jista’ jiġġenera ekonomiji ta’ skala, kif ukoll għajnuna aktar effikaċi bħala riżultat ta’ koordinament aħjar tad-donaturi, però jindika li dan mhux bilfors ikun dejjem il-każ, peress li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ta’ spiss iġibu magħhom għerf prezzjuż tal-kamp lokali u l-involviment tagħhom jista’ jwassal għal sjieda akbar mis-sħab tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

6.

Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet li hemm diffikultajiet biex ir-rekwiżiti legali stretti għall-għażla oġġettiva u trasparenti tas-sħab jiġu tradotti fi kriterji prattiċi għall-finijiet ta’ appoġġ għat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

7.

Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni tfassal kriterji u proċessi ċari għall-għażla li jiggarantixxu li, f’kull każ, jintgħażlu l-mekkaniżmi ta’ forniment l-aktar effiċenti u effikaċi;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkontrolla b’aktar reqqa l-proġetti ta’ għajnuna implimentati permezz tan-NU sabiex taċċerta l-impatt u l-kost-effettività reali tagħhom;

9.

Hu tal-fehma li l-proposta tal-Kummissjoni dwar fondi fiduċjarji minn bosta donaturi għandha tgħaqqad flimkien il-kapaċitajiet tal-Kummissjoni li toħloq, tiġġestixxi u tikkoordina tali fondi bi skrutinju demokratiku u baġitarju suffiċenti;

10.

Jemmen li l-kooperazzjoni mas-sistema tan-NU għandha tiddependi mill-progress sodisfaċenti fir-rigward tal-proċess ta’ riforma tan-NU, l-istatus tal-Kummissjoni fis-sistema tan-NU u l-iżvilupp tal-proċeduri u l-prattiki fir-rigward tal-prosekuzzjoni ta’ atti kriminali mwettqa minn persunal f’organizzazzjonijiet internazzjonali; jemmen, barra minn hekk, li hemm bżonn li titwaqqaf sistema għas-sejbien tal-fatti u l-irkupru ta’ flus l-Unjoni minfuqa bla bżonn;

11.

Jara l-ħtieġa li jitlesta għalkollox il-qafas ta’ kontroll eżistenti billi jingħata aċċess għar-rapporti tal-verifika interna tan-NU lill-uffiċjali awtorizzanti b’delega kompetenti tal-Kummissjoni, lis-Servizz tal-Verifika Interna tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri;

12.

Jemmen li l-Parlament għandu jingħata evidenza ta’ assigurazzjoni fil-forma ta’ dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni mill-organizzazzjoni internazzjonali simili għad-dikjarazzjoni li l-uffiċjali awtorizzanti b’delega kompetenti tal-Kummissjoni huma meħtieġa li joħorġu u simili għad-dikjarazzjonijiet nazzjonali dwar il-ġestjoni li l-Parlament jitlob mill-Istati Membri;

13.

Hu tal-fehma li l-ħolqien tas-Servizz Estern għall-Azzjoni Esterna u l-istruttura kkumplikata tiegħu, li jippermetti lill-uffiċjali tiegħu jamministraw il-fondi tal-Kummissjoni fl-azzjonijiet esterni, jagħmel il-problemi ta’ ġestjoni u kontroll aktar urġenti; Jemmen, konsegwentement, li hu essenzjali għall-Unjoni li tasal fl-istess livell mal-Istati Membri fin-NU sabiex tikseb progress viżibbli fil-kontroll u, skont il-każ, fis-segwitu tal-irkupri jew responsabilitajiet oħrajn;

14.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-ammont ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew tal-Iżvilupp fil-livell nazzjonali u dak reġjonali fil-pajjiżi AKP u tiżgura viżibilità aħjar għall-attivitajiet esteri ffinanzjati mill-Unjoni;

Parti II:   Rapport Speċjali Nru 17/2009 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “L-azzjonijiet ta’ taħriġ vokazzjonali għan-nisa kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew”

15.

Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea fl-attivitajiet kollha tagħha; għaldaqstant, l-aspetti tal-ġeneru għandhom jiġu kkunsidrati fl-istadji kollha tal-proċedura baġitarja inkluż fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-verifika tal-baġit tal-Unjoni Ewropea;

16.

Ifakkar lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kummissjoni fis-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-istudju dwar il-fattibilità dwar l-ibbaġitjar skont il-ġeneri;

17.

Jilqa’ r-rapport ibbażat fuq evalwazzjonijiet li saru fil-livell ta’ Kummissjoni u f’ħames Stati Membri (il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit), li b’kollox huma responsabbli għal 76 % tan-nefqa, li tittratta azzjonijiet ta’ taħriġ vokazzjonali għan-nisa kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew matul il-perijodu tal-programmazzjoni 2000-2006. jinnota, madankollu, li r-rapport żvela għadd ta’ dgħufijiet fl-istabbiliment tal-miżuri u fil-għażla tal-proġetti vverifikati mill-Qorti tal-Awdituri; u jinnota nuqqasijiet fir-rigward tal-immoniterjar tal-prestazzjoni tal-programmi;

18.

Jinnota li l-azzjonijiet ta’ taħriġ li jinsabu fil-programmi li ġew verifikati ma ġewx stabbiliti bħala reazzjoni diretta għall-analiżi tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u li l-miżuri stabbiliti kellhom it-tendenza li jħallu lok għal għażla wiesgħa fir-rigward ta’ kif l-azzjonijiet kellhom jiġu implimentati, u naqsu milli jiffukaw b’mod suffiċenti fuq gruppi destinatarji speċifiċi; jiddispjaċih li l-Qorti tal-Awdituri ma qisitx il-kwistjonijiet aktar wiesgħa li jirrigwardaw is-suġġett ta’ kif in-nisa jmorru lura fid-dinja tax-xogħol, jew li jkollhom il-ħiliet tagħhom imtejba;

19.

Jifhem li l-programmi operattivi futuri jeħtieġu jqisu analiżi tas-suq tax-xogħol ħalli l-attivitajiet ta’ taħriġ ikunu jistgħu jirrispondu għal dak li jinstab f’din l-analiżi; jibqa’, madankollu, tal-fehma li t-taħriġ għan-nisa jeħtieġ iseddaq il-ħiliet tagħhom, waqt li jqis il-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa, bħall-kura tat-tfal u arranġamenti flessibbli tax-xogħol; jappoġġa, barra minn hekk, il-fehma li għandha titwaqqaf proċedura effikaċi tal-għażla tal-proġetti biex tapprova proġetti li jittrattaw in-nuqqas ta’ ugwaljanza u jirrispondu għall-problemi enfasizzati fl-analiżi;

20.

Jinnota li bl-użu tal-indikaturi attwali, il-kriterji tal-għażla tal-proġetti fl-Istati Membri vverifikati ma ttrattawx b’mod suffiċenti l-analiżijiet tas-suq tax-xogħol u lanqas żguraw li l-proġetti magħżula kienu konformi mal-objettivi ġenerali tal-programmi; jirrakkomanda li, fil-futur, l-indikaturi jkunu ffukati aktar fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi, li jiġu stabbiliti miri ċari u li titjieb l-affidabilità tal-informazzjoni biex jiġi żgurat li l-evalwazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru b’mod effikaċi mill-awtoritajiet implimentattivi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivverifika l-istabbiliment mill-Istati Membri ta’ indikaturi xierqa u possibbli, biex tiżgura li tinġabar data affidabbli, biex b’hekk wieħed jasal għal konklużjonijiet sinifikanti dwar l-effiċenza u l-effettività tal-azzjonijiet kofinanzjati; jitlob li jkun infurmat b’mod regolari dwar il-progress miksub, filwaqt li jiġi żgurat li l-obbligi fuq l-isponsers tal-proġetti ma jsirux ta’ piż;

22.

Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri tikkunsidra n-nota tal-Kummissjoni fir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, rigward l-intestaturi 4 u 13 tal-baġit, li tgħid li huma usa’ fl-ambitu u jinkludu inter alia l-politika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

23.

B’kunsiderazzjoni tad-differenza li għad hemm bejn is-sessi fir-rigward tal-pagi fl-Ewropa, jistieden lill-Kummissjoni tkompli tippromwovi azzjonijiet ta’ taħriġ vokazzjonali speċifikament għan-nisa, bil-għan li jkunu jistgħu jiksbu jew itejbu l-ħiliet meħtieġa biex jiġi rrimedjat dan it-tagħwiġ;

24.

Jiddispjaċih dwar il-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport Annwali li jirrigwardaw il-pagamenti mhux dovuti fl-implimentazzjoni tal-proġett Daphne II; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi s-sitwazzjoni u tiżgura implimentazzjoni xierqa tal-programm Daphne fil-ġejjieni;

25.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri li l-informazzjoni dwar il-politiki tal-“gender mainstreaming” u d-dejta speċifika għall-ġeneri jiġu inklużi fir-rapport tal-kwittanza baġitarja;

Parti III:   Rapport Speċjali Nru 1/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “Il-proċeduri ssimplifikati doganali għall-importazzjoni huma kkontrollati b’mod effettiv?”

26.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u l-analiżi dettaljata li saret mill-Qorti;

27.

Japprezza r-rwol ewlieni tal-proċeduri ssimplifikati doganali għall-importazzjoni għall-operaturi ekonomiċi fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, imma jiddispjaċih li tali proċeduri wasslu għal livelli mhux ġustifikati ta’ telfiet għall-baġit tal-Unjoni u diversi ksur fil-politika tal-kummerċ tal-Unjoni;

28.

Jilqa’ l-qafas regolatorju mtejjeb għal proċeduri ssimplifikati għall-importazzjoni, li daħal mill-bidu tal-2009 u jistenna li l-Kummissjoni tlesti l-linji gwida tagħha għall-verifiki ex post mingħajr aktar dewmien u mhux aktar tard mill-aħħar tal-2011;

29.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dan il-qafas b’mod rapidu u jistieden lill-Kummissjoni timmoniterja l-progress bir-reqqa kollha;

30.

Iqis in-nuqqas ta’ kontrolli effikaċi, li jiżvela r-rapport, għal proċeduri ssimplifikati fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Istati Membri bħala inaċċettabbli, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvestiga aktar l-effettività tal-kontrolli għall-proċeduri simplifikati fl-Istati Membri, u b’mod partikolari tinvestiga l-progress fit-tmexxija ta’ verifiki ex post min-naħa tal-Istati Membri (pereżempju, il-frekwenza, il-metodoloġija, l-użu tal-analiżi tar-riskji, l-organizzazzjoni tagħhom), u tippreżenta r-riżultati ta’ tali investigazzjoni lill-Parlament sa tmiem l-2011 fir-rigward ta’ mill-inqas nofs l-Istati Membri u sa tmiem l-2012 fir-rigward tal-bqija tal-Istati Membri;

31.

Hu tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar sforz fl-iżgurar tal-ġbir effettiv tad-dazji doganali, b’mod partikolari minħabba l-fatt li huma jżommu 25 % ta’ dawk id-dazji bħala kumpens għall-ispejjeż tal-ġbir tagħhom;

32.

Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri tikkunsidra segwitu għal dan ir-rapport speċjali wara l-introduzzjoni tal-linji gwida għall-verifiki ex post u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament estimi tat-telfiet fir-Riżorsi Proprji Tradizzjonali bħala riżultat tal-kontrolli ineffettivi attwali għall-proċeduri ssimplifikati fl-Istati Membri;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-idea Olandiża għall-verifiki ta’ qabel l-awtorizzazzjoni, li, għalkemm mhux segwiti b’mod ġenerali fl-Olanda, instabu mill-Qorti tal-Awdituri li jikkorrispondu għalkollox għall-mudell ta’ kontroll tal-Qorti, u tirrakkomanda l-użu ta’ dak il-mudell fi Stati Membri oħra u tgħarraf lill-Parlament bil-progress li jkun sar sa Settembru 2011;

34.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga f’aktar dettall il-kwistjoni tal-abbuż tas-“supersimplifikazzjonijiet” (rinunzji tan-notifiki) u tipprovdi lill-Parlament ċifri ddettaljati dwar il-frekwenza tas-supersimplifikazzjonijiet skont kull Stat Membru sa tmiem il-proċedura ta’ kwittanza għall-2009; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi f’aktar dettall iċ-ċirkostanzi speċjali li taħthom il-kummerċjanti jistgħu jibbenefikaw mir-rinunzji tan-notifiki;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina sa Frar 2011 il-każijiet tal-Belġju, Franza, l-Irlanda, l-Isvezja u r-Renju Unit, fejn il-kummerċjanti ma setgħux jipprovdu d-dokumentazzjoni doganali mitluba fil-qafa tal-verifiki ex post, u tgħarraf lill-Parlament bl-azzjonijiet meħuda minn dawk l-Istati Membri bil-għan li jirrimedjaw is-sitwazzjoni qabel tmiem il-proċedura ta’ kwittanza tal-2009;

36.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ politika ta’ sanzjonijiet koerenti tal-Unjoni li trid tiġi imposta mill-Istati Membri fuq il-kummerċjanti li jaġixxu bi ksur tar-regoli dwar il-proċeduri simplifikati li ddaħħlu biex ikunu jistgħu jiffaċilitaw l-operazzjonijiet ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament rigward il-passi meħuda biex ikun hemm rimedju għal din is-sitwazzjoni;

37.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu lill-operaturi ekonomiċi konxji mir-responsabilitajiet tagħhom meta jkunu qed jużaw il-proċeduri ssimplifikati, ħaġa li tkun tinkludi t-taħriġ obbligatorju;

Parti IV:   Rapport Speċjali Nru 2/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “L-effettività tal-iskemi ta’ sostenn għall-Istudji fid-Disinn u l-Kostruzzjoni ta’ Infrastrutturi Ġodda taħt is-Sitt Programm ta’ Qafas għar-Riċerka”

38.

Jinnota l-kompetizzjoni dejjem tikber li qed tiffaċċja l-Unjoni minn kompetituri tradizzjonali u pajjiżi b’ekonomiji emerġenti fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni; jinnota, għalhekk, li r-riċerka u speċifikament l-infrastruttura tar-riċerka l-ġdida, hija essenzjali biex l-Unjoni tikseb l-objettivi spjegati fl-Istrateġija UE 2020: tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv;

39.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra bir-reqqa l-elementi kollha bil-għan li tikseb l-aħjar valur għall-flus minfuqa; jinnota, madankollu, li ma hemm l-ebda evidenza espliċita pprovduta minn dan ir-rapport speċjali jew fit-tweġiba tal-Kummissjoni li tista’ twassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni fil-fatt verament kisbet l-aħjar valur għall-flus minfuqa;

40.

Jenfasizza l-importanza tal-konklużjoni tal-analiżi tal-Kummissjoni li saret fl-2000 li hemm nuqqas ta’ massa kritika fl-iżvilupp teknoloġiku relatat mal-infrastrutturi; jinnota li la minn dan ir-rapport speċjali u lanqas mit-tweġiba tal-Kummissjoni ma jista’ jiġi konkluż li l-karatteristiċi u l-għadd tal-proġetti ffinanzjati (28 b’kollox) laħqu din il-massa kritika; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tkompli tiċċara aktar f’dan il-każ partikolari l-objettiv li tintlaħaq massa kritika u l-mod kif ġiet promossa;

41.

Jinnota li, fir-rigward tal-istudji tad-disinni, ma jidhirx li l-Qorti tal-Awdituri, meta kienet qed tintervista lill-benefiċjarji, lir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka, lir-rappreżentanti tal-komunità tar-riċerka u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri u l-Istati Assoċjati, qieset il-fatt li dawn il-partijiet min-natura tagħhom huma predisposti b’mod pażittiv għall-istudji implimentati; barra minn hekk, jinkoraġġixxi lill-Qorti tal-Awdituri tuża evidenza kumplementari bil-għan li teżamina aħjar l-effettività tal-proġetti ikkonċernati;

42.

Jinnota li skont it-tweġiba tal-Kummissjoni, il-“finanzjament tal-UE taħt l-iskema tal-Kostruzzjoni ta’ Infrastrutturi Ġodda ma kienx intenzjonat li jagħti bidu għal xi deċiżjoni li tinbena infrastruttura ġdida imma li tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea”; jinnota, madankollu, li hemm definizzjoni insuffiċenti tat-termini “dimensjoni Ewropea” u “valur miżjud Ewropew” (7) u speċifikament kif dawn jitkejlu u b’liema mod il-fondi minfuqa għal dawn il-proġetti jikkorrispondu għat-termini “dimensjoni Ewropea” u “valur miżjud Ewropew”; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tkompli tiċċara aktar dawn it-termini, b’mod speċifiku u li jista’ jitkejjel;

43.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni li l-benefiċċji li jiġu mill-użu ta’ għejun ta’ finanzjament kumplementari għandhom jiġu ċċarati għall-applikanti potenzjali u għandhom ikomplu jiġu promossi aktar mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, anke jekk ikun sar progress sinifikanti taħt is-Seba’ Programm Qafas;

44.

Jinnota li l-użu ta’ għejun ta’ finanzjament kumplementari huwa fattur kruċjali fl-istabbiliment ta’ infrastrutturi tar-riċerka ġodda fis-snin li għad iridu jiġu;

45.

Jinnota li hemm ħtieġa li l-Kummissjoni tieħu passi prattiċi biex tamministra b’mod adegwat l-aspett kumplementari, billi twettaq fost affarijiet oħra ċċekkjar għall-finanzjament doppju jew kofinanzjament li ma jkunx eliġibbli;

46.

Ifakkar li l-Kummissjoni ppubblikat, fl-2008, Gwida Prattika għall-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u stiednet lill-Istati Membri jtejbu l-arranġamenti għal użu kkoordinat tal-finanzjament;

47.

Jitlob lill-Qorti tal-Awdituri twettaq, mill-perspettiva tal-kontijiet u minn dik baġitarja, valutazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tas-sigurtà ffinanzjati mill-Unjoni, inklużi l-FP6, il-PASR u l-FP7, bħala segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-istudju tad-Dipartiment Politiku C tal-Parlament bl-isem “Rieżami tal-miżuri ta’ sigurtà fil-programm ta’ qafas għar-riċerka” ta’ Ottubru 2010;

Parti V:   Rapport Speċjali Nru 3/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “Il-Valutazzjonijiet tal-Impatt fl-istituzzjonijiet tal-UE huma ta’ appoġġ għat-teħid tad-deċiżjonijiet?”

48.

Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri, u japprova uffiċjalment l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet tagħha;

49.

Jilqa’ l-bidu tajjeb u jfaħħar it-titjib li għaddej bħalissa tas-sistema ta’ Valutazzjoni tal-Impatt (VI) tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, l-aġġornament kostanti tal-linji gwida tal-VI tal-Kummissjoni u t-tisħiħ tar-rwol tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt (BVI);

50.

Jinnota, b’sodisfazzjon, li skont dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri l-proċeduri tal-VI saru parti integrali tal-proċess tal-iżvilupp tal-politiki u kkontribwew għat-titjib tal-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni;

51.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri mmirati għat-titjib tat-trasparenza tal-proċess ta’ ppjanar tal-VI; jemmen li l-Kummissjoni għandha mhux biss tispjega r-raġunijiet għaliex hi meħtieġa VI, imma wkoll ixxandar pubblikament ir-raġunijiet wara kwalunkwe deċiżjoni li ma ssirx VI (b’mod partikolari f’każijiet meta l-BVI ikun identifika l-ħtieġa li ssir VI);

52.

Hu tal-fehma, kif hemm iddikjarat fit-tieni rapport interim dwar l-attivitajiet leġiżlattivi u r-relazzjonijiet interistituzzjonali mill-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Riforma Parlamentari tal-21 ta’ Mejju 2008, li l-VI għandhom ikopru l-inizjattivi leġiżlattivi kollha inklużi l-miżuri ta’ simplifikazzjoni u ta’ komitoloġija; jistieden lill-partijiet kollha involuti jiddefinixxu mill-ġdid l-ambitu tal-VI waqt it-taħdidiet interistituzzjonali li jmiss, b’mod partikolari filwaqt li jqisu l-bidliet li ddaħħlu dan l-aħħar mit-Trattat ta’ Londra;

53.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi lill-partijiet interessati, mhux biss fix-xogħol preparatorju tal-VI, imma wkoll tikkonsulta lill-partijiet interessati dwar l-abbozzi tar-rapporti tal-VI, u, fuq l-approċċ meħud minn xi pajjiżi tal-OECD, ixxandar pubblikament l-abbozzi tal-VI;

54.

Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni ttejjeb l-ippjanar tal-proċess tal-VI bil-għan li tipprovdi ħin biżżejjed għall-iskrutinju tal-BVI;

55.

Hu tal-fehma li l-preżentazzjoni u d-diskussjoni tal-VI għandhom ikunu parti integrali mix-xogħol leġiżlattiv tal-Parlament u jinkoraġġixxi lill-kumitati tiegħu jistiednu lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni jipparteċipaw f’dan aktar spiss;

56.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-kummenti kritiċi dwar in-natura mtawla u teknika tal-VI, kif ukoll dwar il-kumplessità tal-lingwaġġ użat; jemmen li titjib f’dawk l-oqsma jseddaq is-siwi tal-VI għal-leġiżlaturi, għall-partijiet interessati u għall-pubbliku;

57.

Jinnota, madankollu, li l-indipendenza tal-VIs kif qed jitwettqu bħalissa hija dubjuża minħabba l-fatt li l-membri tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt (IAB) tal-Kummissjoni, li huwa responsabbli għall-VI tal-Kummissjoni, huma maħtura mill-President tal-Kummissjoni u huma suġġetti għall-istruzzjonijiet tiegħu;

58.

Jinnota wkoll li l-istess problema sseħħ fir-rigward tal-valutazzjonijiet ex post tal-Kummissjoni li huma ta’ valur limitat biss bħala appoġġ għall-Parlament fis-superviżjoni tiegħu tal-implimentazzjoni tal-baġit mill-Kummissjoni;

59.

Jenfasizza li l-VI m’għandhomx iseħħu biss qabel l-adozzjoni ta’ test leġiżlattiv (ex ante) iżda għandhom jitwettqu wkoll wara l-adozzjoni tiegħu (ex post); ifakkar li dan huwa neċessarju sabiex jiġi vvalutat aktar bir-reqqa jekk l-oġġettivi ta’ liġi fil-verità ntlaħqux u jekk att legali għandux jiġi adattat jew għandux jinżamm;

60.

Huwa konvint li VI u valutazzjonijiet imwettqa f’isem il-Parlament isaħħu l-fehim tal-pubbliku ġenerali dwar il-valur tal-politiki tal-Unjoni, u jkollhom rwol fil-ħolqien ta’ parteċipazzjoni pubblika u dibattitu pubbliku;

61.

Jenfasizza li d-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni jillimita r-rwol tal-Parlament u jemmen b’mod qawwi li VI u valutazzjonijiet indipendenti, ħielsa u mingħajr restrizzjonijiet jagħtu vuċi aktar b’saħħitha lill-Membri tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-iżviluppi futuri tal-politiki Ewropej;

Parti VI:   Rapport Speċjali Nru 4/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “Hemm probabbiltà li t-tfassil u l-ġestjoni tal-iskema ta’ mobbiltà tal-programm Leonardo da Vinci jwasslu għal riżultati effettivi?”

62.

Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u l-valutazzjoni tajba tat-tfassil u l-ġestjoni tal-iskema ta’ mobbiltà tal-programm Leonardo da Vinci li hemm fih;

63.

Jinnota b’sodisfazzjon, il-konklużjoni ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri li t-tfassil u l-ġestjoni tal-iskema ta’ mobbiltà tal-programm Leonardo da Vinci jistgħu jwasslu għal riżultati effettivi;

64.

Minkejja li huwa konxju bis-sħiħ mill-kumplessità tal-kompitu li jiġu żviluppati indikaturi xierqa għall-ħafna objettivi stabbiliti għall-programm, u filwaqt li jagħraf il-progress ta’ dan l-aħħar f’dak ir-rigward, jinsab imħasseb minħabba l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri sabet nuqqas ta’ sistema komprensiva għall-kejl tal-impatt tal-programm, kif ukoll minħabba l-fatt li wara tliet snin li ilu għaddej il-programm, perjodu li jirrappreżenta bejn wieħed u ieħro nofs it-tul tiegħu, il-Kummissjoni mhijiex kapaċi tivvaluta kif qed jintlaħqu l-objettivi;

65.

Jistieden lill-Kummissjoni tgħarraf lill-Parlament bil-progress fl-istabbiliment ta’ għodda ġdida ta’ tiftix ta’ sħab li tkun faċli biex tintuża u effikaċi, li tkun tindirizza d-diffikultajiet tal-applikanti biex isibu sħab ospitanti f’pajjiżi oħra;

66.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura valutazzjoni korretta tal-applikazzjonijiet permezz ta’ żvilupp ulterjuri tal-manwal tal-valutazzjonijiet għall-evalwaturi u billi tintegra, fiż-żjarat tagħha ta’ sorveljanza tal-kwalità u tal-impatt fil-pajjiżi parteċipanti, iċċekkjar tal-valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet, fil-każ li l-analiżi tal-valur miżjud ta’ tali ċċekkjar toħroġ pożittiva;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema komprensiva għat-tikjil tal-impatt tal-programm u ttejjeb is-sistema għar-rappurtar fuq ir-riżultati u l-effetti tal-programm, u b’mod partikolari, tiffinalizza l-applikazzjoni tas-softwer LLPLink għar-rappurtar fuq it-tikjil tal-impatt mingħajr dewmien, u żżomm il-Parlament mgħarraf bil-progress f’dak ir-rigward;

68.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-dgħufijiet li hemm fil-kontrolli identifikati fir-rapport speċjali tal-Qorti;

Parti VII:   Rapport Speċjali Nru 5/2010 tal-Qorti tal-Awdituri intitolat “L-implimentazzjoni tal-approċċ Leader għall-iżvilupp rurali”

69.

Jinnota li, kif tindika l-Qorti tal-Awdituri, hemm numru ta’ oqsma fejn jista’ jsir titjib sinifikanti biex jiġi żgurat il-valur miżjud li huwa kruċjali għall-approċċ Leader; isibha ta’ dispjaċir kbir li 10 snin wara l-verifika preċedenti li għamlet il-Qorti tal-Awdituri tal-approċċ Leader, jippersistu l-istess dgħufijiet serji;

70.

Jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet 3, 4, 5 u 6 tal-Qorti tal-Awdituri;

71.

Jaqbel mar-rakkomandazzjoni 1 li l-finanzjament għall-proġetti li jkunu tlestew m’għandux jingħata imma jqis li dan m’għandux iżomm lil Leader milli jiffinanzja l-espansjoni ta’ proġetti eżistenti; għalhekk, jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposti li jkunu jagħmlu possibbli l-espansjoni ta’ proġetti fejn applikazzjoni ġdida għal finanzjament tkun ġiet ippreżentata għal fażijiet sussegwenti;

72.

Jinnota fir-rakkomandazzjoni 2 li l-membri tal-gruppi ta’ azzjoni lokali (LAGs) għandhom “ikunu assenti minn kull diskussjoni, valutazzjoni jew deċiżjoni” fejn ikollhom kwalunkwe “interess personali, politiku, professjonali jew ta’ negozju f’proposta għal proġett”; jinnota, barra minn hekk, li r-Regolament Finanzjarju jipprojbixxi azzjonijiet li jistgħu jirriżultaw f’konflitt ta’ interess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li r-Regolament Finanzjarju jkun applikat għalkollox mill-membri tal-kumitati tal-valutazzjoni tal-proġetti u mill-kumitati tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-LAGs; jaqbel li dikjarazzjoni bil-miktub tal-interess dejjem għandha ssir fejn ikun relevanti u li d-dikjarazzjonijiet ta’ interess għandhom jiġu ppubblikati fil-minuti tal-laqgħa;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura definizzjoni ċara tal-kunċett ta’ “interess fi proġett” u hu tal-fehma li t-tniżżil ta’ minuti ddettaljati tal-laqgħat kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet għandu jsir in-norma, biex jitnaqqsu l-preokkupazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ ekwità fil-għażla tal-proġetti u biex tissaħħaħ it-trasparenza u n-newtralità fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

74.

Jemmen li biex jiġi żgurat l-element tal-“valur miżjud” tal-Leader il-Kummissjoni għandha tkompli tinkoraġġixxi aktar lil-LAGs jidħlu għal ħidma ta’ involviment fil-komunità biex jiġu identifikati atturi lokali li jkunu kapaċi jiżviluppaw aktar proġetti strateġiċi f’oqsma kif qed jiġri bħalissa f’ Mecklenburg-Vorpommern (il-Ġermanja) u fl-Irlanda;

75.

Jistieden lill-Kummissjoni ddaħħal, mingħajr dewmien, miżuri li jżidu t-trasparenza tal-għażla tal-proġetti, bl-użu tal-eżempji ta’ Mecklenburg-Vorpommern (il-Ġermanja) u Pays de la Loire (Franza) u jemmen li għandha tiddaħħal sistema li taħtha l-LAGs jippubblikaw il-minuti tal-laqgħat tal-għażla tal-proġetti fuq il-websajts tagħhom;

Parti VIII:   Rapport Speċjali Nru 6/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “Ir-riforma tas-suq taz-zokkor laħqet l-għanijiet prinċipali tagħha?”

76.

Jinnota li, f’termini ġenerali, ir-riforma tal-2006 tas-suq taz-zokkor tal-Unjoni kienet suċċess u laħqet l-objettivi li tiżdied il-kompetittività u tonqos id-differenza fil-prezz bejn is-suq intern tal-UE u s-suq dinji;

77.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri għandha riżervi dwar it-tikjil tal-kompetittività ibbażat biss fuq reġjuni; jenfasizza li l-Kummissjoni ma kellhiex l-opportunità li teżamina l-kompetittività attwali tal-koltivaturi u l-fabbriki individwali; jinsab imħasseb li, jekk, f’dak is-sens, il-kompetittività f’reġjun tkun ibbażata mhux fuq il-potenzjal reali tagħha iżda fuq it-tgħawwiġ tas-suq minħabba kwoti relattivament għoljin f’ċerti reġjuni bbażati fuq kriterji politiċi, is-sitwazzjoni l-ġdida maħluqa mir-riforma ma tiggarantixxix l-aqwa u l-aħjar f’dak li hu l-potenzjal kompetittiv reali ta’ dawn ir-reġjuni;

78.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li d-data dwar il-produttività u l-effiċenza tal-produtturi taz-zokkor tista’ tkun utli ħafna għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tar-riforma; għalhekk, jistaqsi lill-Kummissjoni għalfejn ma imponietx tali data bħala prerekwiżit biex tiġi riċevuta l-għajnuna finanzjarja.

79.

Jistaqsi lill-Kummissjoni għalfejn il-produtturi l-kbar taz-zokkor li rrinunzjaw il-kwoti tagħhom billi aċċettaw il-kumpens mill-fond ta’ ristrutturar bħala inċentiv finanzjarju biex jitilqu mis-settur, ma ġewx mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-mod kif użaw dak il-kumpens; jinnota, barra minn hekk, l-importanza tal-ġbir u tat-trattament ta’ tali informazzjoni sabiex wieħed jippromwovi organizzazzjoni aktar effettiva u effiċenti tal-Politika Agrikola Komuni fil-futur;

80.

Ifakkar li l-fabbriki taz-zokkor jokkupaw post importanti fil-politika agrikola u l-preżenza tagħhom lokalment hija prerekwiżit għall-produzzjoni tal-pitravi għalkemm dan ma japplikax għar-raffinaturi tradizzjonali tal-kannamieli minħabba l-fatt li l-kannamieli jiġi prodott barra mill-Unjoni; jistaqsi, għalhekk, lill-Kummissjoni x’ġid pubbliku serviet l-għajnuna tranżizzjonali mħallsa lill-industrija tal-kannamieli;

81.

Jenfasizza sa fejn għandha x’taqsam il-kwota addizzjonali tal-iżoglukożju, li l-produzzjoni industrijali tagħha m’għandhiex x’taqsam mad-disponibilità lokali tal-qamħirrun u materja prima oħra u li, bħalma ssemmi l-Kummissjoni, il-prezz tal-qamħirrun u materja prima oħra użata għall-ipproċessar tal-iżoglukożju jibqa’ mhux affettwata; jinnota, għaldaqstant, li t-talba u x-xejra tal-konsum tal-iżoglukożju huma fundamentalment differenti mill-konsum taz-zokkor; jaqbel, bħala riżultat, mal-Qorti tal-Awdituri li “il-loġika li jiġu inklużi dawk il-kwoti addizzjonali bla ħlas fi tnaqqis sussegwenti tal-kwoti mhi ċara xejn” (8) u jistaqsi lill-Kummissjoni x’ġid pubbliku ħareġ fil-każ tal-allokazzjonijiet bla ħlas li ngħataw lill-produtturi tal-iżoglukożju;

82.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk il-fondi pprovduti għall-iskema ta’ ristrutturar intużawx għar-rilokazzjoni ta’ xi fabbriki ta’ produzzjoni tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi li jingħataw trattament preferenzjali mill-Unjoni, ladarba l-issussidjar tal-produttività barra l-Ewropa ma kienx wieħed mill-objettivi tar-riforma taz-zokkor;

83.

Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-benefiċċji taż-żieda fil-konċentrazzjoni industrijali fis-settur jew ma huma kkumbinati mal-ebda trasferiment tat-tnaqqis fil-prezz għall-konsumaturi jew huma kkumbinati ma’ trasferiment limitat tiegħu; jistaqsi, għalhekk, jekk il-Kummissjoni ħaditx xi miżuri jew inizjattivi matul ir-riforma taz-zokkor, jew fil-kuntest tagħha, biex tiżgura li t-tnaqqis fil-prezz taz-zokkor bil-kwantità jgħaddi għall-konsumatur finali;

84.

Jinnota li skont ir-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri, hemm “differenzi kbar li jvarjaw minn bilanċ nett pożittiv ta’ EUR 390 kull tunnellata rrinunzjata meta mqabbla mal-ispejjeż netti tal-għeluq għal bilanċ nett negattiv ta’ EUR 226 kull tunnellata” (9) u jistaqsi jekk ir-riforma setgħetx tiġi mfassla b’tali mod li dawn il-varjazzjonijiet kienu jiġu mminimizzati;

85.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li “m’hemmx data komprensiva dwar l-impatt tar-rinunzji għall-kwoti fuq l-ekonomiji lokali, fuq kemm intilfu impjiegi jew fuq l-impjieg alternattiv ta’ persunal li qabel kien impjegat fil-fabbriki li ġew żarmati” (10) u jikkunsidra din id-data utli ħafna sabiex wieħed ikollu stampa ġenerali tar-riforma fuq ir-reġjuni kkonċernati; jinnota, għaldaqstant, li meta jkun hemm fluss ta’ fondi mill-Unjoni għal benefiċjarju, wieħed jista’ jistenna fluss bil-kontra ta’ informazzjoni trasparenti dwar il-mod kif dawn il-fondi intużaw, li bl-ebda mod ma jikkontradixxi l-kompetenzi tal-Istati Membri, fuq il-bażi tad-dritt li l-Ewropej li jħallsu t-taxxi għandhom li jkunu jafu;

86.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li l-Istati Membri li ddeċidew li jagħtu għajnuna għad-diversifikazzjoni kellhom jistabbilixxu programmi nazzjonali għar-ristrutturar bid-dettalji tal-miżuri ta’ diversifikazzjoni li għandhom jitwettqu fir-reġjuni kkonċernati u kellhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dawn il-programmi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tagħti indikazzjoni tal-impatt tal-għajnuna għad-diversifikazzjoni fuq ir-reġjuni affettwati;

87.

Jaqbel mal-Qorti tal-Awdituri li l-Kummissjoni għandha tipproponi sensiela ta’ miżuri “għat-tneħħija ta’ dawk ir-riġiditajiet u r-restrizzjonijiet fis-sistema attwali tal-kwoti li jaffettwaw ħażin il-kompetittività tal-koltivaturi u tal-produtturi” (11);

88.

Ma jistax, fir-rigward tar-rimarka tal-Qorti tal-Awdituri li l-Unjoni saret aktar dipendenti fuq l-importazzjonijiet, jagħti ġudizzju dwar it-tweġiba tal-Kummissjoni li, f’termini ġenerali, “il-livell ta’ awtoprovvista fi ħdan il-kwota miżmuma wara r-riforma (madwar 85 %) jista’ jiġi kkunsidrat bħala sodisfaċenti” (12), waqt li jikkunsidra l-ftuħ tas-suq tal-Unjoni għall-pajjiżi terzi; jinnota li d-diskussjoni fuq id-disponibilità tal-provvista la hija ddokumentata tajjeb u lanqas ma hija ssostanzjata tajjeb, il-Parlament ma kellu l-ebda aċċess għal xi studju dwar l-aqwa livell tad-disponibilità taz-zokkor jew sitwazzjonijiet possibbli li juru l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ disponibilità tiegħu u r-reazzjonijiet possibbli (u l-ispejjeż relevanti) fil-każ li jseħħ tħarbit maġġuri tas-suq dinji taz-zokkor;

Parti IX:   Rapport Speċjali Nru 8/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “It-titjib tal-prestazzjoni tat-trasport fuq l-assi ferrovjarji trans-Ewropej: L-investiment tal-UE fl-infrastruttura ferrovjarja kien effettiv?”

89.

Jilqa’ l-pubblikazzjoni tar-rapport mħejji tajjeb u kostruttiv tal-Qorti tal-Awdituri u l-analiżi dettaljata li saret mill-Qorti;

90.

Hu tal-fehma li titjibiet fid-definizzjoni tal-Proġetti Prijoritarji jistgħu jkomplu jseddqu aktar il-koordinament u l-konċentrazzjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina d-definizzjoni ta’ Proġetti Prijoritarji skont il-ħtiġijiet li jistgħu jiġu ppruvati f’dawk li huma servizzi ferrovjarji eżistenit u antiċipati;

91.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-azzjoni meħtieġa bil-għan li l-infrastruttura ferrovjarja tiġi addattata b’tali mod li tipprovdi għas-servizzi trans-Ewropej filwaqt li jinħolqu l-konnessjonijiet neqsin f’postijiet transkonfinali, jitneħħew il-punti ta’ konġestjoni minn fuq assi importanti u tiġi sostitwita jew aġġornata l-infrastruttura ferrovjarja l-qadima;

92.

Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni bil-ħsieb li tagħmel progress fil-livell Ewropew bil-leġiżlazzjoni adottata; hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tkompli ttejjeb aktar il-kooperazzjoni mal-Istati Membri bil-għan li l-miżuri leġiżlattivi rigward is-sikurezza ferrovjarja u d-drittijiet tal-passiġġieri, il-ftuħ tas-swieq u l-interoperabilità fil-livell tal-Unjoni jiġu trasposti b’suċċess fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

93.

Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli tinvesti riżorsi sinifikanti li jikkontribwixxu għat-titjib tat-tħejjija tal-proġetti;

94.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonsulta esperti esterni tal-infrastruttura ferrovjarja biex jiġu evalwati aħjar l-aspetti tekniċi tal-proġetti proposti qabel ma jiġu approvati skont il-Fond ta’ Koeżjoni;

95.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa tħejjija aħjar tal-proġetti bil-għan li jonqos ir-riskju ta’ eskalazzjonijiet tal-ispejjeż ta’ proġetti futuri influwenzati minn fatturi mhux prevedibbli, bħalma huma kundizzjonijiet ġeografiċi li jkunu diffiċli b’mod mhux mistenni, u rekwiżiti ta’ ħarsien ambjentali;

96.

Jinnota li kultant ikun hemm dewmien qabel ma l-infrastruttura tkun tista’ tibda tintuża; jitlob lill-Kummissjoni tikkoopera aktar mill-qrib mal-Istati Membri bil-għan li fl-ippjanar futur isiru t-titjibiet meħtieġa;

97.

Jilqa’ l-prestazzjoni effettiva tas-sezzjonijiet dedikati għas-servizzi ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri li hi misjuba li hija f’konformità mal-aspettattivi;

98.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri osservat diversi kumplikazzjonijiet, inklużi differenzi fil-gauge (il-wisa’ tal-binarji), fl-enerġija tat-trazzjoni, fis-sistemi (tas-sinjalar) ta’ kontroll tal-ferroviji, it-tul tal-ferroviji u r-regoli operazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tgħin b’mod aħjar lill-Istati Membri fil-progress li jagħmlu biex itaffu tali kumplikazzjonijiet, ħaġa li tkun taġevola t-titjibiet fl-iżviluppar tal-konnessjonijiet tat-trasport trans-Ewropew; jirrimarka li l-Unjoni teħtieġ twettaq rwol importanti fil-promozzjoni tal-interoperabilità tan-netwerks nazzjonali flimkien ma’ appoġġ finanzjarju effiċenti;

99.

Jinnota li l-ħatra ta’ koordinaturi Ewropej tejbet konsiderevolment l-implimentazzjoni tal-proġetti TEN-T billi ġew ikkonċentrati l-investimenti u billi ġie ffaċilitat l-iżvilupp tal-Proġetti Prijoritarji; jistieden lill-Kummissjoni żżomm kif inhu r-rwol li bħalissa qed jitwettaq mill-koordinaturi u tevalwa l-possibilità li jiġu maħtura aktar koordinaturi fit-taqsimiet tal-Proġetti Prijoritarji li jiffaċċjaw kumplikazzjonijiet sinifikanti;

100.

Huwa tal-fehma li r-responsabilitajiet tal-Aġenzija Eżekuttiva tat-TEN-T għandhom jiġu estiżi f’dak li jirrigwarda ż-żieda ta’ kontroll effiċenti u l-proċedura ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-kofinanzjament tal-Proġetti Prijoritarji;

101.

Jinnota li filwaqt li l-konċentrazzjoni tal-kofinanzjament tat-TEN-T f’postijiet transkonfinali ttejbet mill-2006 ‘l hawn, għad baqa’ ħafna riżultati x’jinkisbu, inklużi l-eliminazzjoni tal-konġestjonijiet u l-inklużjoni tal-konnessjonijiet neqsin;

102.

Jenfasizza li l-problemi u l-kwistjonijiet kollha pendenti għandhom jiġu evalwati meta tkun qed tiġi issir it-tħejjija għar-reviżjoni tal-linji gwida tat-TEN-T;

103.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-politika tat-TEN-T bil-għan li taffronta l-isfidi futuri relatati mal-objettivi tat-tibdil fil-klima, ma’ aktar tkabbir ekonomiku u mal-koeżjoni soċjali u ekonomika;

Parti X:   Rapport Speċjali Nru 9/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “L-infiq tal-Miżuri Strutturali tal-UE fuq il-provvista tal-ilma għall-konsum domestiku qed jintuża bl-aqwa mod?”

104.

Jenfasizza li l-ilma, u speċjalment l-ilma tax-xorb, huwa riżorsa naturali strateġika li, bħal riżorsi naturali oħra, qed tiżdied il-pressjoni fuqha fis-seklu 21 minħabba ż-żieda kontinwa fid-domanda u, għalhekk, huwa kompitu u dover tal-Parlament li jagħti attenzjoni partikolari lill-protezzjoni u lill-użu prudenti u razzjonali tal-ilma, sabiex jiġu żgurati kwalità tajba tal-ilma u provvista suffiċenti tal-ilma tax-xorb għall-popolazzjoni li qed tikber u għall-ġenerazzjonijiet futuri;

105.

Jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet kostruttivi tal-Qorti tal-Awdituri u jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni akbar lill-ġestjoni integrata tal-ilma, li taqdi interessi kemm ambjentali u kemm ekonomiċi, filwaqt li jippreparaw il-programmi u l-proġetti tagħhom għal kofinanzjament mill-Unjoni u biex jimmiraw li jimmassimizzaw il-valur miżjud tal-intervent tal-UE;

106.

Jenfasizza l-ħtieġa ta’ eżami aktar rigoruż tal-proġetti fl-istadju tal-applikazzjoni bil-għan li jiġu evitati n-nuqqasijiet, għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb aktar l-użu ta’ gwida u listi ta’ kontroll billi tipprovdi kriterji aktar ċari għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għotjiet biex jittejbu l-effettività u l-konsistenza tal-proċeduri u tar-riżultati tagħhom, kif ukoll biex tiġi żgurata azzjoni ta’ segwitu xierqa f’każijiet fejn ma tkunx ipprovduta l-informazzjoni jew l-azzjoni meħtieġa;

107.

Jinsab ixxukkjat b’dak li sabet il-Qorti tal-Awdituri li għalkemm xi proġetti tlestew diversi snin qabel ma saret il-verifika, ma kinux qed joperaw minħabba nuqqas ta’ infrastruttura kumplementari; għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex isir ippjanar aħjar tal-proġetti bil-għan li jevitaw li infrastrutturi li jiswew ħafna flejjes, bħal dawk tas-settur tal-provvista tal-ilma, jispiċċaw ma jiffunzjonawx bħala riżultat tal-konnessjonijiet neqsin min-netwerk;

108.

Jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw ippjanar aħjar billi jagħmlu evalwazzjonijiet komprensivi tal-ħtiġijiet u jiżguraw, kemm jista’ jkun, li l-investimenti jkunu effiċenti u ekonomiċi billi jikkunsidraw il-potenzjal li jiġu rkuprati l-ispejjeż mill-utenti u li tiżdied l-effiċjenza tal-użu tal-ilma bil-għan li jiġu mħarsa r-riżorsi tal-ilma, imma wkoll billi jimmiraw li jżidu l-effiċjenza tal-użu tal-ilma u li jnaqqsu t-telf;

109.

Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw koordinazzoni aħjar u jinvolvu aktar partijiet interessati fl-ippjanar tal-proġetti bil-għan li jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawk fejn investimenti mmirati li jżidu l-kapaċità tal-provvista tal-ilma jsiru f’muniċipju mingħajr ma jiġi kkunsidrat it-tnaqqis fil-konsum li jirriżulta minn investimenti oħra fl-istess muniċipju, jew fejn l-investimenti jsiru f’sistema ta’ provvista supramuniċipali mingħajr ma l-muniċipji jagħmlu l-impenn li jużawha;

Parti XI:   Rapport Speċjali Nru 10/2010 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat “Il-miżuri speċifiċi favur l-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar ‘il bogħod tal-Unjoni u tal-ġżejjer minuri tal-Eġew”

110.

Jilqa’ r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri u t-tweġibiet tal-Kummissjoni;

111.

Japprova uffiċjalment ir-rakkomandazzjoni Nru 1 tal-Qorti tal-Awdituri; jirrikonoxxi, b’referenza għall-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 tat-30 ta’ Jannar 2006 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni (13), li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika fir-rigward tal-abbozzar ta’ programmi konsistenti mal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni; jagħraf il-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri xierqa fil-livell nazzjonali skont il-linji gwida stabbiliti; jilqa’ r-rwol tal-Kummissjoni biex jiġi determinat jekk il-programmi humiex konsistenti mal-liġi tal-Unjoni kif ukoll biex jiġi pprovdut koordinament mal-awtoritajiet nazzjonali waqt il-fażi tal-ipprogrammar, rwol li jinkludi wkoll il-linji gwida li huma mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri; jenfasizza, b’mod partikolari, l-importanza tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri bil-ħsieb li jittejbu l-indikaturi tal-kontroll u l-effiċjenza;

112.

Japprova uffiċjalment ir-rakkomandazzjoni Nru 2 tal-Qorti tal-Awdituri; jilqa’ l-emenda tal-artikolu relevanti tar-Regolament (KE) Nru 247/2006, kif propost proposta mill-Kummissjoni, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ rieżami annwali tal-Istati Membri;

113.

Japprova uffiċjalment ir-rakkomandazzjoni Nru 3 tal-Qorti tal-Awdituri; jirrikonoxxi li l-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika fir-rigward tad-definizzjoni tal-miżuri; jinnota li involviment aktar mill-qrib min-naħa tal-parteċipanti tal-programmi u analiżi economika aktar dettaljata fl-Istati Membri kkonċernati jistgħu jgħinu biex isir titjib tal-miżuri; jirrimarka li, meta d-definizzjoni tal-miżuri ssir fil-livell nazzjonali, għandhom jitqiesu objettivi sostenibbli bil-għan li tiġi evitata għalkollox kull enfasi żejda fuq miżuri superfiċjali; iqis li f’ċerti reġjuni huma ġġustifikati l-ħlasijiet ta’ għajnuna b’rata waħda kif ukoll il-ħlasijiet ta’ għajnuna bbażata purament fuq il-produzzjoni, iżda jitlob ukoll li jiġu żviluppati proċeduri sostenibbli bil-ħsieb li tiġi ggarantita l-vijabilità tal-biedja fir-reġjuni kkonċernati;

114.

Japprova uffiċjalment ir-rakkomandazzjoni Nru 4 tal-Qorti tal-Awdituri; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jfasslu linji gwida għal indikaturi ta’ kontroll konġunti; huwa konxju li l-karatteristiċi differenti tal-pajjiżi koperti minn programmi individwali jikkumplikaw l-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ kontroll li jkunu applikabbli fl-Unjoni kollha; huwa tal-fehma, madankollu, li indikaturi ta’ kontroll konġunti huma fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli tal-biedja u taż-żoni rurali; jilqa’ l-proċess ta’ konsultazzjoni magħmula mill-Kummissjoni mal-Istati Membri bil-għan li jiġu definiti indikaturi ta’ kontroll konġunti li għandhom jiġu applikati għall-programmi mill-2011 ’il quddiem; iqis dan il-proċess ta’ konsultazzjoni bħala approċċ li jista’ jservi ta’ mudell għal oqsma oħra li fihom l-Unjoni tipprovdi finanzjament;

115.

Japprova uffiċjalment ir-rakkomandazzjoni Nru 5 tal-Qorti tal-Awdituri; jilqa’ l-proposta magħmula mill-Qorti tal-Awdituri li l-perjodu ta’ bejn il-valutazzjonijiet tal-programmi jitnaqqas għal inqas minn ħames snin; jinnota t-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-proposta tal-Qorti tal-Awdituri; jagħmel l-istess rakkomandazzjoni bħall-Qorti tal-Awdituri li l-perjodu ta’ bejn l-evalwazzjonijiet jitnaqqas minn ħames snin għal sena, ikunu xi jkunu r-rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni li l-Istati Membri jressqu lill-Kummissjoni; jitlob, barra minn hekk, li tiġi stabbilita sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni biex tiġi ssorveljata d-data miġbura mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ indikaturi ta’ kontroll rappreżentattivi, ħaġa li ġġib użu aktar effettiv u sostenibbli tal-għajnuna finanzjarja;

116.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri b’mod aktar effettiv; jinnota li l-Kummissjoni ma tista’ ġġiegħel lill-ebda Stat Membru jimplimenta l-bidliet proposti li huma maħsuba biex itejbu s-sostenibilità tal-programmi; huwa tal-fehma li involviment aktar mill-qrib tal-Kummissjoni fil-miżuri ta’ kontroll se jwassal għal żieda fl-effiċjenza tal-programmi;

117.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1)   ĠU L 69, 13.3.2009.

(2)   ĠU C 308, 12.11.2010, p. 1.

(3)   ĠU C 303, 9.11.2010, p. 1.

(4)   ĠU C 308, 12.11.2010, p. 129.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2011) 194 (Ara paġna 31 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(7)  Rapport Speċjali Nru 2/2010, tweġiba tal-Kummissjoni fuq il-punti 25-26: “L-objettiv tal-iskema tal-Kostruzzjoni ta’ Infrastrutturi Ġodda kien li jiġu ottimizzati l-infrastrutturi Ewropej billi jiġi pprovdut appoġġ limitat għall-iżvilupp ta’ numru ristrett ta’ proġetti għal infrastrutturi ġodda f’każijiet li huma ġġustifikati kif suppost fejn dan l-appoġġ jista’ jkollu effett katalizzanti kritiku f’dak li hu valur miżjud Ewropew”.

(8)  Rapport Speċjali Nru 6/2010, il-punt 43.

(9)  Rapport Speċjali Nru 6/2010, il-punt 72.

(10)  Rapport Speċjali Nru 6/2010, il-punt 73.

(11)  Rapport Speċjali Nru 6/2010, il-rakkomandazzjoni 2.

(12)  Rapport Speċjali Nru 6/2010, tweġiba tal-Kummissjoni, il-punt 58.

(13)   ĠU L 42, 14.2.2006, p. 1.