Brussell, 13.11.2020

COM(2020) 714 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

f'konformità mal-Artikoli 9(1c), 21a(5) u 24a(4) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 2020/696 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19


Werrej

1    Introduzzjoni    

2    Deskrizzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna    

2.1    Miżuri li jikkonċernaw liċenzji operattivi temporanji    

2.2    Miżuri ta’ emerġenza (restrizzjonijiet fuq titjiriet) relatati mal-pandemija tal-COVID-19    

2.3    Regoli temporanji dwar is-servizzi fuq l-art – kuntratti    

2.4    Regoli temporanji dwar is-servizzi fuq l-art – proċedura tal-għażla    

3    Kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-perjodi rilevanti    

3.1    It-tnaqqis persistenti fil-livell tat-traffiku tal-ajru bejn l-2019 u l-2020 (perjodu korrispondenti)    

3.2    It-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ġie kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19    

3.3    It-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru x’aktarx jippersisti fil-futur prevedibbli    

3.4    It-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru rriżulta f’interruzzjoni tal-provvista ta’ servizzi fuq l-art jew f’diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament għall-groundhandlers    

3.5    Ir-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet ma għadhomx meħtieġa biex tiġi indirizzata l-pandemija persistenti tal-COVID-19    

4    Konklużjoni    

1Introduzzjoni

Mill-bidu tal-2020 ’l hawn, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv profond fuq it-trasport bl-ajru fl-Ewropa u madwar id-dinja. Ir-restrizzjonijiet għal raġunijiet ta’ saħħa u fuq l-ivvjaġġar, li ġew introdotti mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi b’reazzjoni għall-pandemija, naqqsu bil-kbir id-domanda u l-fiduċja tal-konsumaturi, li min-naħa tagħhom wasslu għal tnaqqis rekord u fit-tul fit-traffiku tal-ajru fl-Unjoni Ewropea 1 .

L-għadd ta’ titjiriet operati fl-ispazju tal-ajru Ewropew naqas b’sa 90 % minn Marzu sa April 2020, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019 2 . L-ajruporti tal-Ewropa xorta mmaniġġjaw aktar minn 5 miljun passiġġier fl-1 ta’ Marzu 2020 iżda dak in-numru kien naqas għal 174 000 biss sal-31 ta’ Marzu 2020 (inqas b’97.1 % meta mqabbel mal-istess jum fl-2019). Mit-2 ta’ Awwissu 2020 ’l hawn, it-tnaqqis kien ta’ madwar 70 % meta mqabbel mal-istess jum fl-2019 3 . Il-merkanzija ma ntlaqtitx daqshekk bis-saħħa, peress li kienet 19 % inqas f’Awwissu f’termini ta’ tunnellati kilometri ta’ merkanzija 4 . F’Ottubru 2020, id-data miġbura mill-Analiżi tal-Impatt Ekonomiku tal-ICAO tistma li l-2020 se tkun ikkaratterizzata minn tnaqqis globali ta’ postijiet offruti mil-linji tal-ajru f’firxa ta’ bejn 50 % u 52 %, tnaqqis f’għadd ta’ passiġġieri f’firxa ta’ bejn 2 875 u 2 978 miljun u telf fid-dħul operattiv gross mill-passiġġieri fil-firxa ta’ bejn EUR 330 u 340 biljun.

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal diffikultajiet fil-konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru 5 u tad-Direttiva dwar is-Servizzi fuq l-Art 6 . It-tnaqqis bla preċedent fid-domanda u r-rata għolja ta’ kanċellazzjonijiet irriżultaw f’għadd ta’ problemi f’daqqa għall-operaturi tal-ajru u l-kumpaniji tas-servizzi fuq l-art. L-ewwel nett, it-trasportaturi tal-ajru ffaċċjaw problemi ta’ likwidità li setgħu jikkawżaw is-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzja operattiva tagħhom jew is-sostituzzjoni tagħha b’liċenzja temporanja, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ekonomika strutturali biex dan iseħħ. It-tieni, il-kumpaniji tas-servizzi fuq l-art li l-kuntratti/l-awtorizzazzjonijiet tagħhom kienu waslu fi tmiemhom iffaċċjaw diffikultajiet serji fl-aċċess għall-finanzjament. It-tielet, minħabba l-espożizzjoni finanzjarja tal-kumpaniji tas-servizzi fuq l-art, l-ajruporti tqiegħdu f’pożizzjoni vulnerabbli fejn setgħu jitilfu l-uniku fornitur tas-servizzi fuq l-art f’każ li jfalli.

Barra minn hekk, ir-rati ta’ kontaġju jew ta’ mwiet mill-COVID-19 kif ukoll il-fatt li din kienet marda mhux magħrufa wasslu lil ħafna Stati Membri biex jimponu restrizzjonijiet fuq titjiriet ġewwa l-UE skont l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru f’tentattiv biex iwaqqfu jew inaqqsu t-tixrid tal-marda, li minħabba t-tul bla preċedent tal-kriżi u r-regoli proċedurali applikabbli, ħolqu piż amministrattiv tqil u bla bżonn għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni.

Għalhekk, fil-25 ta’ Mejju 2020, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2020/696 li jemenda r-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru biex jindirizza l-problemi msemmija hawn fuq u joffri lill-partijiet ikkonċernati affettwati, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, l-għajnuna meħtieġa minn ċerti regoli amministrattivi u biex jiżgura perspettiva finanzjarja aħjar għall-partijiet ikkonċernati fis-settur affettwat.

Skont l-Artikoli 9(1c), 21a(5) u 24a(4) tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni sabiex tindirizza l-kriterji stabbiliti fir-Regolament. 7

Skont l-istess Artikoli, abbażi tal-informazzjoni u d-data disponibbli għaliha, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta’ Novembru 2020 u, jekk ikun meħtieġ, għandha tadotta atti delegati li jestendu l-perjodi tad-dispożizzjonijiet temporanji. Dawk is-setgħat delegati jingħataw lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ sena mit-28 ta’ Mejju 2020.

Dan ir-rapport ta’ sinteżi jivvaluta s-sitwazzjoni abbażi ta’ data miġbura mill-Eurocontrol, u data dwar kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet u fatturi ta’ tagħbija minn kampjun ta’ linji tal-ajru tal-UE. Huwa bbażat ukoll fuq evidenza u data ppubblikati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) dwar il-persistenza tal-pandemija tal-COVID-19. Bejn Lulju u Awwissu 2020, il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-partijiet ikkonċernati rilevanti, jiġifieri l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-linji tal-ajru, l-ajruporti u l-groundhandlers dwar l-implimentazzjoni u l-ħtieġa kontinwa tal-miżuri.

2Deskrizzjoni tal-miżuri ta’ għajnuna 

2.1Miżuri li jikkonċernaw liċenzji operattivi temporanji

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, l-awtoritajiet kompetenti tal-liċenzji tal-Istati Membri jridu jirrevokaw jew jissospendu l-liċenzja operattiva ta’ trasportatur tal-ajru tal-UE f’diffikultajiet finanzjarji u jistgħu jissostitwixxuhom b’liċenzja operattiva temporanja.

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni, li kienu finanzjarjament b’saħħithom qabel il-pandemija, bdew jiffaċċjaw problemi ta’ likwidità li jistgħu jikkawżaw is-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzja operattiva tagħhom jew is-sostituzzjoni tagħha b’liċenzja temporanja, mingħajr ma jkun hemm ħtieġa ekonomika strutturali biex dan iseħħ. Il-ħruġ ta’ liċenzja temporanja jista’ jibgħat sinjal negattiv lis-suq dwar il-kapaċità ta’ trasportatur tal-ajru li jibqa’ fuq saqajh, li min-naħa tiegħu jaggrava kwalunkwe problema finanzjarja, li altrimenti tkun temporanja.

Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2020/696 ippermetta lill-awtoritajiet kompetenti tal-liċenzji ma jirrevokawx jew ma jissospendux il-liċenzja operattiva fil-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Diċembru 2020 jekk il-valutazzjoni tal-vijabbiltà finanzjarja tkun twettqet matul dak il-perjodu u sakemm is-sikurezza ma kinitx f’riskju u kien hemm prospett realistiku ta’ rikostruzzjoni finanzjarja sodisfaċenti fit-12-il xahar ta’ wara.

2.2Miżuri ta’ emerġenza (restrizzjonijiet fuq titjiriet) relatati mal-pandemija tal-COVID-19

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, Stat Membru jista’ jirrifjuta, jillimita jew jimponi kundizzjonijiet fuq l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku biex jittratta problemi għall-għarrieda ta’ durata qasira li jirriżultaw minn ċirkostanzi imprevedibbli u inevitabbli. Tali azzjoni għandha tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza u għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

Sabiex jiġi żgurat li tali azzjoni tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità, tat-trasparenza u ta' kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji, il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu infurmati mingħajr dewmien dwar tali azzjoni b’ġustifikazzjoni adegwata. Barra minn hekk, jekk il-problemi li jkunu jeħtieġu dik l-azzjoni jkomplu jeżistu għal aktar minn 14-il jum, l-Istat Membru jrid jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan u jista’, bil-ftehim tal-Kummissjoni, itawwal l-azzjoni għal aktar perjodi sa 14-il jum. Il-Kummissjoni tagħti l-ftehimiet tagħha għall-perjodi ta’ estensjoni permezz ta’ deċiżjoni.

L-Artikolu 21 jindirizza problemi ta’ durata qasira u l-esperjenza fl-istadji bikrija tat-tifqigħa tal-COVID-19 uriet li din ma ġietx adattata għall-kriżi tal-COVID-19, li mistennija ddum diversi xhur, u dan ipoġġi piż amministrattiv bla bżonn fuq il-Kummissjoni u fuq l-Istati Membri.

Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2020/696 introduċa deroga temporanja għar-rekwiżiti proċedurali stabbiliti fl-Artikolu 21 għall-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu u l-31 ta’ Diċembru 2020. Din id-deroga tippermetti lill-Istati Membri jżommu miżura ta’ emerġenza temporanja, ġustifikata u proporzjonata li tindirizza l-pandemija tal-COVID-19 mingħajr il-qbil tal-Kummissjoni dment li tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza u tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji.

2.3Regoli temporanji dwar is-servizzi fuq l-art – kuntratti

Skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar is-Servizzi fuq l-Art, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta’ fornituri ta’ servizzi fuq l-art fl-ajruporti. F’każijiet bħal dawn, il-fornituri jridu jintgħażlu għal perjodu massimu ta’ seba’ snin. Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis f’daqqa fl-attività tat-trasport bl-ajru fuq skala bla preċedent, li rriżulta f’diffikultajiet finanzjarji serji għall-fornituri tas-servizzi fuq l-art. Għalhekk, il-fornituri li l-kuntratti tagħhom jiskadu matul il-kriżi jew sa tmiem is-sena wara l-bidu tal-kriżi ma jistgħux jipprovdu garanzija suffiċjenti ta’ sostenibbiltà lill-kredituri tagħhom bħala kriterju biex jiksbu self u konsegwentement jistgħu jesperjenzaw diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-finanzjament.

Għal din ir-raġuni, ir-Regolament (UE) 2020/696 ippreveda li l-kuntratti ta’ fornituri li jiskadu bejn it-28 ta’ Mejju 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2021 jistgħu jiġu estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2022.

2.4Regoli temporanji dwar is-servizzi fuq l-art – proċedura tal-għażla

L-Artikolu 11(1)(e) tad-Direttiva dwar is-Servizzi fuq l-Art jistipula li, f’każ li fornitur ta’ servizzi fuq l-art iwaqqaf l-attività tiegħu qabel tmiem il-perjodu li għalih intgħażel minn offerta mwettqa skont dak l-Artikolu, dan għandu jiġi sostitwit billi tintuża dik l-istess proċedura.

Il-pandemija tal-COVID-19 tista’ twassal għal insolvenzi possibbli tal-fornituri ta’ servizzi fuq l-art li jirriżultaw fit-twaqqif tal-attività tagħhom. F’ajruporti fejn in-numru ta’ fornituri huwa limitat, dan jista’ jirriżulta f’sitwazzjoni fejn fornitur wieħed jew aktar jieqfu milli jipprovdu s-servizzi tagħhom qabel ma fornitur ġdid ikun jista’ jintgħażel abbażi tal-proċedura normali stabbilita fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi fuq l-Art. Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz, tkun meħtieġa sostituzzjoni rapida ta’ dan il-fornitur.

Għalhekk, ir-Regolament (UE) 2020/696 jippermetti lill-korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport, għall-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2020, jagħżel fornitur ta’ servizz direttament biex jipprovdi s-servizzi għal perjodu massimu ta’ sitt xhur jew għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2020, skont liema jkun l-itwal.

3Kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-perjodi rilevanti

Skont ir-Regolament (UE) 2020/696, il-Kummissjoni tingħata setgħat delegati biex testendi l-perjodi ta’ applikabbiltà tal-miżuri eċċezzjonali rilevanti msemmija fil-paragrafi 3.1- 3.5. It-tabella ta’ hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati:

It-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru meta mqabbel mal-livell tat-traffiku fil-perjodu korrispondenti fl-2019 għadu jippersisti

It-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ġie kkawżat mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19

It-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru x’aktarx jippersisti fil-futur prevedibbli

Interruzzjoni tal-provvista ta’ servizzi fuq l-art jew diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament għall-fornituri ta’ servizzi ta’ servizzi fuq l-art fl-ajruporti tal-Unjoni

Il-persistenza tal-pandemija tal-COVID-19

Limitazzjonijiet jew impożizzjonijiet ta’ kundizzjonijiet dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku mill-Istati Membri x’aktarx li jkunu meħtieġa wara l-31 ta’ Diċembru 2020

Miżuri li jikkonċernaw liċenzji operattivi temporanji (art. 9(1b))

x

x

x

Miżuri ta’ emerġenza (restrizzjoni tat-titjiriet) relatati mal-pandemija tal-COVID-19) (art. 21a(4))

x

x

Regoli temporanji dwar is-servizzi fuq l-art - kuntratti (art. 24a(3))

x

x

x

x

Regoli temporanji dwar is-servizzi fuq l-art - proċedura tal-għażla (art. 24a(3))

x

x

x

x

3.1It-tnaqqis persistenti fil-livell tat-traffiku tal-ajru bejn l-2019 u l-2020 (perjodu korrispondenti)

Għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, id-data dwar il-livelli tat-traffiku tal-ajru, l-użu tas-slots, il-fattur ta’ tagħbija, u t-titjiriet ikkanċellati f’ġimgħa partikolari tal-2020 tqabblet mal-istess ġimgħa tal-2019.

Id-data tal-Eurocontrol tistabbilixxi l-bidu tat-tnaqqis fir-ritmu tat-traffiku tal-ajru fiż-ŻEE fil-ġimgħa 11 fl-2020 bi tnaqqis ta’ 17 % meta mqabbel mal-istess ġimgħa fl-2019. It-traffiku tal-ajru kompla jonqos malajr u rriżulta fi tnaqqis ta’ 59 % u 82 % meta mqabbel mal-ġimgħat 12 u 13 tal-2019 rispettivament. L-aktar punti baxxi ġew irreġistrati fil-ġimgħat 15 u 16 (tnaqqis ta’ 89 %). Wara, it-traffiku beda jiżdied gradwalment, iżda kien għadu biss f’26 % tal-livelli tal-2019 mit-22 ta’ Ġunju 2020 (il-ġimgħa 26), tnaqqis ta’ 74 % fit-traffiku tal-ajru meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Matul ix-xahar ta’ Awwissu 2020 (il-ġimgħat 32-36) il-livelli tat-traffiku tal-ajru laħqu 53 % meta mqabbla ma’ Awwissu 2019, iżda fil-bidu ta’ Settembru 2020, il-livelli reġgħu bdew jonqsu u sal-aħħar tax-xahar kienu ta’ 46 % meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2019.

Illustrazzjoni 1.1

(sors: Eurocontrol)

B’riżultat tat-tnaqqis fit-traffiku, il-kanċellazzjonijiet tat-titjiriet sparaw ’il fuq (illustrazzjoni 1.2) meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. Il-kanċellazzjonijiet tat-titjiriet jibdew jirkupraw mill-ġimgħa 9 u jkomplu jiżdiedu b’rata mgħaġġla mill-ġimgħa 11.

Illustrazzjoni 1.2  Sors: Data miġbura mill-Kummissjoni mit-trasportaturi tal-ajru 8

Sadanittant, il-fattur ta’ tagħbija medju għal għaxar trasportaturi tal-ajru Ewropej li pprovdew data lill-Kummissjoni naqas minn 80 % fil-ġimgħa 9 għal 26 % fil-ġimgħa 15. Mhux biss it-trasportaturi tal-ajru qed itiru inqas, iżda l-ftit titjiriet li fadal għad għandhom ammont ta’ sits mhux prenotati.

Sal-ġimgħa 23, meta l-ivvjaġġar bl-ajru ġewwa l-UE kien reġa’ nfetaħ b’mod sinifikanti, il-fattur ta’ tagħbija medju rkupra għal 44 % u matul nofs Awwissu tela’ għal 56 %. Matul l-istess ġimgħa fl-2019, il-fattur ta’ tagħbija medju tal-istess trasportaturi tal-ajru varja minn 75 % (il-ġimgħa 4) għal 89 % (il-ġimgħa 26).

Illustrazzjoni 1.3 

Sors: Data miġbura mill-Kummissjoni mit-trasportaturi tal-ajru 9  

3.2It-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru ġie kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19

Ħafna pajjiżi wieġbu għall-pandemija tal-COVID-19 billi introduċew projbizzjonijiet fuq it-titjiriet u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, li wħud minnhom għadhom fis-seħħ sal-lum 10 . Dan ħalla impatt serju fuq l-ivvjaġġar bl-ajru ġewwa l-UE u internazzjonali billi r-restrizzjonijiet li jawtorizzaw “ivvjaġġar essenzjali” biss irażżnu d-domanda għal livell fejn il-biċċa l-kbira tar-rotot ma jistgħux jibqgħu jiġu operati kummerċjalment 11 . 

Restrizzjonijiet fuq titjiriet ġewwa l-UE ntużaw kmieni minn xi Stati Membri bħala miżura għall-prevenzjoni jew it-trażżin tat-tixrid ulterjuri tal-COVID-19. Biex tippromwovi kontinwazzjoni fl-operat tas-servizzi tal-merkanzija, matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Kummissjoni introduċiet linji gwida għall-iffaċilitar tal-operazzjonijiet tal-merkanzija bl-ajru 12 . L-ogħla livell tal-projbizzjonijiet fuq it-titjiriet bil-passiġġieri bejn l-Istati Membri ġie rreġistrat matul il-perjodu mill-20 sas-26 ta’ Marzu 2020, li matulu 20 Stat Membru introduċew projbizzjonijiet fuq it-titjiriet. Minn hemm ’il quddiem, kien hemm tnaqqis bil-mod, fil-31 ta’ Marzu 2020, 16-il Stat Membru kellhom projbizzjonijiet fuq it-titjiriet u fis-6 ta’ April, 14-il Stat Membru. 11-il Stat Membru kienu ħarġu restrizzjonijiet fuq titjiriet meta l-eżenzjoni proċedurali daħlet fis-seħħ. Mis-7 ta’ Lulju, seba’ Stati Membri kellhom projbizzjonijiet fuq it-titjiriet lejn ftit pajjiżi speċifiċi li għandhom rata ogħla ta’ każijiet tal-COVID-19. Fl-aħħar ta’ Settembru, erba’ Stati Membri kien għad kellhom projbizzjonijiet fuq it-titjiriet (ara t-taqsima 4).

Fir-rigward ta’ titjiriet barra l-UE, fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 13 li tirrakkomanda restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi għaż-żona tal-UE+ 14 għal xahar. Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE qablu li jimplimentaw ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali. L-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen implimentawha wkoll. Din ir-restrizzjoni ġiet estiża diversi drabi.

Matul is-sajf, l-Istati Membri bdew jintroduċu mill-ġdid ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fl-UE. Fl-4 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 15 biex tiżgura li kwalunkwe miżura meħuda mill-Istati Membri li tirrestrinġi l-moviment liberu minħabba l-pandemija tal-COVID-19 tiġi kkoordinata u kkomunikata b’mod ċar fil-livell tal-UE. Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi erba’ oqsma ewlenin fejn l-Istati Membri għandhom jaħdmu aktar mill-qrib flimkien, bħal dwar kriterji u limiti komuni għall-Istati Membri meta jiddeċiedu jekk jintroduċux restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, qafas komuni għal miżuri applikati għal vjaġġaturi minn żoni ta’ riskju għoli, u informazzjoni ċara u f’waqtha lill-pubbliku dwar kwalunkwe restrizzjoni.

Lil hinn mill-ambjent regolatorju, il-fiduċja tal-konsumatur hija fattur ewlieni li jaffettwa l-livelli tat-traffiku u li jissuġġerixxi rabta bejn tnaqqis fit-traffiku tal-ajru u t-tifqigħa tal-COVID-19. S’issa għad m’hemmx wisq data dwar dan. L-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika Irlandiż wettaq stħarriġ dwar il-fiduċja tal-passiġġieri fl-ivvjaġġar bl-ajru. Kważi erba’ rispondenti minn kull ħamsa (78,0 %) irrapportaw li jħossuhom “skomdi” jew “skomdi ħafna” bil-prospett li jagħmlu vjaġġ internazzjonali bl-ajruplan. 16 L-introduzzjoni mill-ġdid ta’ miżuri tal-fruntieri u tal-kwarantina f’għadd ta’ Stati Membri b’mod mhux ikkoordinat u spiss imprevedibbli kompliet timmina l-fiduċja tal-konsumaturi, kif muri minn data reċenti, li naqqset l-ivvjaġġar ferm lil hinn mill-effett dirett tar-restrizzjonijiet attwali.

Ir-rapporti ekonomiċi tal-IATA dwar il-kriżi li ġew ippubblikati regolarment juru li minn Frar 2020, il-prenotazzjonijiet meta mqabbla mas-sena ta’ qabel naqsu b’rata dejjem ogħla sa nofs April. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-prenotazzjonijiet irkupraw xi ftit iżda għadhom bi tnaqqis ta’ 82 % sa mill-aħħar ta’ Ġunju 2020. Jidher li hemm korrelazzjoni bejn iż-żieda fil-każijiet ġodda u t-tnaqqis fil-prenotazzjonijiet. 17 Barra minn hekk, l-IATA kienet qed tikkummissjona stħarriġiet regolari dwar il-fiduċja tal-passiġġieri minn mindu bdiet it-tifqigħa tal-COVID-19. F’April, madwar 60 % tar-rispondenti indikaw li probabbli li jerġgħu lura għall-ivvjaġġar fi żmien ftit xhur minn meta tkun battiet il-pandemija. F’Ġunju, din iċ-ċifra niżlet għal 45 %. F’Settembru, aktar minn nofs ir-rispondenti indikaw li se jistennew minn 6 xhur sa sena qabel ma jerġgħu jibdew jivvjaġġaw. Għalhekk, ir-rieda li wieħed jivvjaġġa tibqa’ baxxa u hija mistennija li tkompli għax-xhur li ġejjin. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ kwarantina obbligatorja fid-destinazzjoni huwa wieħed mid-deterrenti ewlenin. 83 % tar-rispondenti indikaw li mhux se jivvjaġġaw jekk ikun hemm ċans ta’ kwarantina wara l-wasla.

Dak li ntqal hawn fuq juri rabta qawwija bejn it-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru u t-tifqigħa tal-COVID-19.

3.3It-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru x’aktarx jippersisti fil-futur prevedibbli

Fiċ-ċirkostanzi attwali, huwa diffiċli li wieħed ibassar l-evoluzzjoni eżatta tal-livelli tat-traffiku tal-ajru, iżda t-tbassir disponibbli juri li t-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru se jippersisti fl-2021 u ritorn għal-livelli ta’ qabel il-COVID mhux se jseħħ qabel l-2024 18 .. Il-fatturi li se jkollhom impatt fuq kif jevolvu l-livelli tat-traffiku tal-ajru huma r-restrizzjonijiet tat-titjiriet u tal-ivvjaġġar, ix-xejriet tal-prenotazzjonijiet tal-konsumaturi, u l-miżuri regolatorji tas-saħħa imposti fuq l-industrija. Dawn huma relatati mill-qrib mal-possibbiltà ta’ żieda mill-ġdid tal-każijiet u man-nuqqas ta’ vaċċin. Il-previżjonijiet kollha huma affettwati minn livell għoli ta’ inċertezza.

Skont il-Eurocontrol 19 l-għadd totali ta’ titjiriet mistennija fl-Ewropa se jerġa’ jonqos gradwalment. F’Awwissu kien ġie nnutat irkupru żgħir għal 51 % wara li ntlaħaq l-aktar punt baxx f’April 2020 iżda ma kienx sostenibbli. F’Jannar 2021, l-għadd ta’ titjiriet huwa mistenni li jkun 60 % inqas mill-2019 (minflok 20 % fix-xenarju preċedenti tiegħu). Dan ix-xenarju jassumi l-probabbiltà li l-Istati Membri jibqgħu mhux ikkoordinati fir-rispons tagħhom għall-ivvjaġġar bl-ajru transfruntier, li d-domanda tal-passiġġieri tibqa’ baxxa ħafna minħabba l-inċertezza tal-COVID-19, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà u l-konfużjoni dwar ir-restrizzjonijiet/il-miżuri ta’ kwarantina, u li l-linji tal-ajru se jkomplu jnaqqsu l-kapaċità fid-dawl ta’ livell baxx ħafna ta’ prenotazzjonijiet bil-quddiem. Skont il-Eurocontrol, it-traffiku mistenni jiżdied bil-mod fi Frar 2021, iżda xorta jkun 50 % inqas minn fi Frar 2020.

Mid-29 ta’ Settembru 2020 20 , l-IATA wkoll naqqset il-previżjoni ekonomika tagħha. Issa qed tistenna li l-kilometri tal-passiġġieri bi dħul (RPK) globali 21 jonqsu b’66 % fl-2020 meta mqabbla mal-2019 u b’68 % f’Diċembru 2020 meta mqabbla ma’ Diċembru 2019 kontra tnaqqis ta’ 55 % li hija pprevediet f’Lulju 2020.

Rigward ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, il-Kummissjoni rrakkomandat 22 lill-Istati Membri ta’ Schengen u lill-Istati Assoċjati ma’ Schengen biex ineħħu l-kontrolli fil-fruntieri interni sal-15 ta’ Ġunju 2020. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li qabel kienu introduċew mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni minħabba l-pandemija tal-COVID-19 semgħu r-rakkomandazzjoni, u dan irriżulta f’żieda fit-traffiku tal-passiġġieri skedat kummerċjali (ara l-Illustrazzjoni 1.1). Fir-rigward tar-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-Unjoni, mill-1 ta’ Lulju 2020, Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 23 tat parir li jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali minn lista inizjali ta’ pajjiżi terzi, li għandha tiġi rieżaminata regolarment.

Madankollu, filwaqt li kien mistenni titjib kontinwu fit-traffiku tal-ajru matul il-perjodu tas-sajf Ewropew, minħabba miżuri inqas stretti u minħabba li tneħħew ir-restrizzjonijiet fil-kuntest ta’ xejriet ta’ tnaqqis f’għadd ta’ każijiet fl-Ewropa b’mod ġenerali, matul is-sajf tal-2020 reġgħet ġiet irrapportata żieda fil-każijiet tal-COVID-19 f’ħafna pajjiżi taż-ŻEE. 24 Hemm ukoll preċedent storiku li juri li l-pandemiji jiżviluppaw f’diversi mewġiet. Dan jista’ jwassal għal tnaqqis imġedded fit-traffiku tal-ajru.

Fir-rigward tad-domanda futura għat-traffiku tal-ajru u l-fiduċja tal-konsumatur, b’mod partikolari fil-kuntest tar-rapport ta’ sinteżi dwar is-slots 25 , il-partijiet ikkonċernati li ġew ikkuntattjati mis-servizzi tal-Kummissjoni (linji tal-ajru, aġenti tal-ivvjaġġar, sistemi ta’ prenotazzjoni kompjuterizzata) iddikjaraw li huwa diffiċli ħafna li jsiru projezzjonijiet għal wara l-istaġun ta’ skedar tax-xitwa 2020/2021. Filwaqt li qabel il-COVID-19, il-linji tal-ajru kienu diġà setgħu joffru skedi għas-sena ta’ wara, il-linji tal-ajru bħalissa qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jipprevedu skedi għall-istaġun li jmiss. Il-linji tal-ajru qed iżommu l-iskedi tat-titjiriet taħt reviżjoni kostanti, biex jirreaġixxu għal bidliet imprevedibbli fir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar jew tat-titjiriet u għad-domanda tal-passiġġieri li hija diffiċli biex tiġi prevista 26 . 

Filwaqt li l-prenotazzjonijiet ġewwa l-UE bdew jirpiljaw għas-sajf tal-2020, l-irkupru fit-traffiku tal-passiġġieri fin-network Ewropew tal-ajruporti waqaf f’Awwissu, x’aktarx minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li reġgħu ddaħħlu minn diversi Stati 27 . Ir-rati ta’ prenotazzjonijiet għal titjiriet barra mill-UE kienu saħansitra aktar baxxi. L-aħħar aġġornament tal-IATA dwar il-prospetti tal-ivvjaġġar bl-ajru globali jindika prenotazzjonijiet aktar dgħajfa tal-passiġġieri fir-raba’ kwart meta mqabbel mat-tielet kwart tal-2020 28 . 

Fir-rigward ta’ miżuri regolatorji oħrajn tas-saħħa, bħala parti mill-istrateġija ta’ ħruġ, qed jiġu implimentati miżuri sanitarji fl-avjazzjoni bbażati b’mod wiesa’ fuq il-linji gwida tal-EASA/ECDC 29 . Il-miżuri dwar it-tbegħid u d-diżinfettar tal-ispazji jistgħu jnaqqsu l-ammont ta’ passiġġieri u ta’ titjiriet li jistgħu jilqgħu l-ajruporti, meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel it-tifqigħa. Dawn jistgħu jnaqqsu temporanjament jew b’mod dejjiemi l-kapaċità effettiva tal-ajruporti meta mqabbel mas-sitwazzjoni qabel il-COVID-19. Fl-istess ħin dawn il-miżuri jistgħu jikkontribwixxu biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumatur, madankollu xorta sa ċertu punt.

B’riżultat ta’ dan, il-linji tal-ajru qed inaqqsu gradwalment il-kapaċità offruta lis-suq. Dak li ntqal hawn fuq jissuġġerixxi li l-livelli tat-traffiku tal-ajru fl-2020 lanqas biss jilħqu nofs il-livelli tal-2019. Is-swieq domestiċi se jirkupraw aktar malajr mis-swieq internazzjonali. L-ICAO qed tistenna tnaqqis fin-numru ta’ postijiet offruti fl-Ewropa fl-2020 bi 52 %-58 % għat-traffiku internazzjonali tal-passiġġieri u bi 33 % sa 36 % fuq titjiriet domestiċi 30 .

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-perspettiva lil hinn mill-2020 hija inċerta ħafna, iżda ż-żidiet imġedda fil-każijiet tal-COVID-19 u l-ħtieġa li jinżammu miżuri ta’ konteniment sanitarji jissuġġerixxu li t-traffiku tal-ajru tal-passiġġieri jaf ma jilħaqx il-livelli tal-2019 sakemm jgħaddu diversi snin - anke jekk fl-2021 ikun disponibbli vaċċin kontra l-COVID-19.

3.4It-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru rriżulta f’interruzzjoni tal-provvista ta’ servizzi fuq l-art jew f’diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament għall-groundhandlers

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-kumpaniji tas-servizzi fuq l-art intlaqtu severament mill-pandemija tal-COVID-19 u mit-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru deskritt hawn fuq. Ħafna fornituri ta’ servizzi fuq l-art iltaqgħu ma’ diffikultajiet finanzjarji, kif muri mill-grupp Swissport li daħal f’ristrutturar u l-aħbar dwar id-diffikultajiet finanzjarji li ltaqgħu magħhom is-sussidjarji tiegħu 31 , WISAG li tat is-sensja lil 800 impjegat fil-Ġermanja 32 , il-pakkett ta’ salvataġġ mogħti lil Aviapartner Belgium u Malév Ground Handling li waqqfu l-operazzjonijiet 33 . Dan juri li t-tnaqqis fit-traffiku tal-ajru jirriżulta f’interruzzjoni tal-provvista ta’ servizzi fuq l-art u diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament mill-groundhandlers.

Abbażi tal-previżjonijiet għal-livell tat-traffiku tal-ajru sa tmiem Diċembru 2021, huwa probabbli li aktar fornituri ta’ servizzi fuq l-art se jkollhom jinterrompu l-forniment tagħhom ta’ servizzi fuq l-art qabel ma s-suq ikun irkupra mill-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 34 . Hemm riskju reali li jistgħu jseħħu aktar fallimenti fost il-fornituri tas-servizzi fuq l-art matul l-2021. Fallimenti bħal dawn għandhom probabbiltà kbira li jwasslu għal interruzzjonijiet f’daqqa tas-servizzi fuq l-art. Għalhekk, l-ajruporti jistgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni fejn ikollhom bżonn isibu fornitur alternattiv ta’ servizzi fuq l-art f’perjodu ta’ żmien qasir ħafna. Il-każ tal-ajruport ta’ Brussell, fejn Brussels Airport Company (BAC) setgħet tagħżel b’mod urġenti sostitut waral-falliment ta’ Swissport Belgium, wera l-utilità tal-miżura 35 . 

Madankollu, il-fornituri ta’ servizzi fuq l-art li għandhom diffikultajiet biex ikollhom aċċess għall-finanzjament minħabba l-iskadenza tal-kuntratti tagħhom jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-estensjoni tagħhom skont id-deroga attwali (sal-31 ta’ Diċembru 2022) sabiex jiksbu l-krediti meħtieġa u jiżguraw il-kontinwità tan-negozju tagħhom. Barra minn hekk, il-kuntratti estiżi jagħtu lill-ajruporti biżżejjed żmien biex jagħmlu stedina għal offerti għal fornituri ta’ servizzi fuq l-art addizzjonali biex itejbu r-reżiljenza tagħhom f’każ ta’ volatilità kontinwa fis-settur tat-trasport bl-ajru.

3.5Ir-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet ma għadhomx meħtieġa biex tiġi indirizzata l-pandemija persistenti tal-COVID-19

Minn meta ġie adottat l-Artikolu 21a tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru, il-Kummissjoni kienet f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri, b’mod partikolari mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili, biex tissorvelja s-sitwazzjoni b’mod kontinwu. Dan wera li r-restrizzjonijiet tat-titjir jistgħu ma jkunux l-aktar miżura xierqa u meħtieġa biex titrażżan it-tifqigħa tal-COVID-19 kif spjegat aktar hawn taħt.

Kien hemm approċċi pjuttost differenti minn Stat Membru għall-ieħor matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament 36 . Il-Kummissjoni ppubblikat l-informazzjoni ladarba din irċevietha mingħand l-Istati Membri biex tiżgura t-trasparenza 37 u l-Eurocontrol kienet qed toħroġ sommarji tal-NOTAMs korrispondenti kuljum 38 . F’konformità mal-linji gwida tagħha dwar kif is-servizzi tat-trasport, il-konnettività u l-moviment liberu jistgħu jiġu rrestawrati progressivament hekk kif is-sitwazzjoni tas-saħħa tippermetti dan 39 , u filwaqt li titqies ukoll l-implimentazzjoni tal-Protokoll tal-COVID-19 għas-Sikurezza tas-Saħħa fl-Avjazzjoni adottat mill-EASA/ECDC 40 li jipprovdi gwida dwar kif jiġi ffaċilitat ir-restawr sikur u gradwali tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru, il-Kummissjoni qed tistieden regolarment lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili jeżaminaw mill-ġdid il-projbizzjonijiet fuq it-titjiriet tagħhom. B’riżultat ta’ dan, l-Istati Membri gradwalment qed ineħħu r-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet tagħhom, u xi drabi jissostitwixxuhom b’miżuri oħra bħal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u miżuri tas-saħħa pubblika. Madankollu, matul il-perjodu tas-sajf, xi Stati Membri bdew idaħħlu mill-ġdid il-projbizzjonijiet fuq it-titjiriet lejn għadd ta’ Stati Membri bħala reazzjoni għaż-żieda fil-każijiet tal-COVID-19 f’diversi pajjiżi 41 .

Il-proċedura simplifikata skont ir-Regolament (UE) 2020/696 tippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ emerġenza biex jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 mingħajr piż amministrattiv bla bżonn, iżda xorta tħalli l-obbligu għall-Istati Membri li jiġġustifikaw b’mod adegwat il-miżura minħabba l-effett negattiv sinifikanti tagħha fuq il-funzjonament tas-suq intern u jiżguraw li tkun proporzjonata mal-objettiv tas-saħħa pubblika segwit.

Il-COVID-19 issa nfirxet mad-dinja kollha, b’każijiet fil-ħames kontinenti. Fl-istadji bikrija tal-kriżi, kemm id-WHO flimkien mal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u l-ECDC issuġġerew li restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal żmien qasir jistgħu jikkontribwixxu għat-trażżin tat-tifqigħa billi jnaqqsu t-tixrid tal-marda. Madankollu, l-evidenza turi li r-restrizzjoni tal-moviment tal-persuni u tal-merkanzija fit-tul mhijiex effettiva fil-ġlieda kontra l-pandemiji fil-biċċa l-kbira tas-sitwazzjonijiet u tista’ tiddevja r-riżorsi minn interventi oħra. 42 Illum, anke jekk il-pandemija għadha theddida kbira għas-saħħa pubblika għall-pajjiżi tal-UE, kien hemm żviluppi importanti sa mill-bidu tal-kriżi, bħal titjib fl-għarfien dwar ir-riskju tat-trażmissjoni u l-iżvilupp ta’ miżuri dijanjostiċi u preventivi oħra, li jippermettu lis-servizzi tat-trasport jerġgħu jiġu rrestawrati progressivament 43 . L-Istati Membri kollha stabbilew miżuri oħra, bħal miżuri sanitarji u tas-saħħa, li jidhru aktar xierqa, effettivi u proporzjonati mir-restrizzjonijiet tat-titjir biex irażżnu l-pandemija tal-COVID-19 44 . 

Xi Stati Membri huma tal-fehma li peress li huwa diffiċli li wieħed ibassar is-sitwazzjoni epidemjoloġika, jista’ jkun hemm il-ħtieġa li jerġgħu jiddaħħlu l-projbizzjonijiet fuq it-titjiriet filwaqt li l-Istati Membri l-oħrajn li wieġbu għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni jqisu li hemm miżuri u mekkaniżmi oħra stabbiliti biex jiżguraw li l-firxa tkun limitata u li l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet unilaterali fuq it-titjiriet tinterferixxi mar-rispons koordinat għall-COVID-19 u tfixkel l-irkupru. Barra minn hekk, huma jargumentaw li l-Artikolu 21 tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru se jkompli jippermetti lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri ta’ emerġenza meħtieġa, fejn dan ikun iġġustifikat.

Bil-Protokoll dwar is-Sikurezza tas-Saħħa tal-Avjazzjoni tal-COVID-19 adottat mill-EASA/ECDC 45 , il-linji tal-ajru jqisu li r-restrizzjonijiet unilaterali fuq it-titjiriet ma għadhomx meħtieġa u jistgħu jiġu revokati peress li l-miżuri ta’ monitoraġġ ta’ qabel it-titjira u livell għoli ta’ saħħa u sikurezza abbord jitqiesu aktar effettivi u proporzjonati biex jiġu ttattati passiġġieri minn pajjiżi b’rati għoljin ta’ trażmissjoni minn projbizzjonijiet fuq it-titjiriet. Projbizzjonijiet unilaterali fuq it-titjiriet ġewwa l-UE bbażati fuq kriterji li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor, imposti xi kultant b’avviż ta’ ftit sigħat biss, u l-aktar għal perjodi qosra, ħolqu ħafna konfużjoni u inċertezza legali fis-suq b’impatt negattiv fuq it-trasportaturi iżda wkoll fuq il-passiġġieri, kif ukoll impatt indirett fuq is-sitwazzjoni tal-groundhandlers u l-ajruporti. L-industrija tqis li approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE bi kriterji oġġettivi applikati b’mod uniformi madwar l-UE jgħin biex tiġi evitata l-konfużjoni fis-suq 46 . 

Filwaqt li huwa ċar li l-pandemija tal-COVID-19 għadha tippersisti, l-evoluzzjoni tal-pandemija, it-titjib fl-għarfien tal-virus u l-epidemjoloġija tiegħu u l-implimentazzjoni mill-Istati Membri kollha ta’ miżuri sanitarji u tas-saħħa komprensivi ma jidhrux li jiġġustifikaw aktar il-ħtieġa tal-Istati Membri li jimponu restrizzjonijiet fuq it-titjiriet ġewwa l-UE sabiex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, il-kundizzjoni fl-Artikolu 21a(4) biex jiġu estiżi r-regoli proċedurali ssimplifikati lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2020 mhijiex issodisfata.

4Konklużjoni

Fiż-żmien meta dan ir-rapport jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-livell tat-traffiku tal-ajru għadu qed jonqos b’mod sinifikanti meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. Minkejja d-diffikultajiet fit-tbassir preċiż tal-perkors ta’ rkupru tal-livelli tat-traffiku tal-ajru, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li l-livelli baxxi tat-traffiku tal-ajru u tad-domanda tal-passiġġieri attribwibbli għall-pandemija tal-COVID-19 se jippersistu matul l-2021. Ir-ritorn għal-livelli ta’ qabel il-COVID mhuwiex mistenni għal disversi snin. Madankollu għadu kmieni wisq f’dan l-istadju biex nikkonkludu jekk il-kanċellazzjonijiet tat-titjiriet humiex se jkomplu jseħħu wara l-2021 f’livelli daqstant sinifikanti.

Restrizzjonijiet nazzjonali u mhux ikkoordinati fuq passiġġieri u titjiriet lejn/minn ċerti destinazzjonijiet, rekwiżiti ta’ kwarantina, miżuri sanitarji li jippermettu vvjaġġar sikur, u l-fiduċja tal-konsumatur, se jkunu fatturi ewlenin li jixprunaw il-veloċità li biha jirkupra t-traffiku tal-ajru.

Minħabba l-persistenza tal-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq it-traffiku tal-ajru, huwa mistenni li fl-2021, it-trasportaturi tal-ajru se jkomplu jħabbtu wiċċhom ma’ problemi serji ta’ likwidità, li jistgħu jwasslu għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzja operattiva tagħhom. Huwa mistenni wkoll li l-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq fis-settur tas-servizzi fuq l-art se jipprevalu fl-2021 u jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-fornituri tas-servizzi fuq l-art bir-riskju li jirriżulta f’fallimenti addizzjonali. Għalhekk, l-interruzzjoni tal-provvista tas-servizzi fuq l-art u d-diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament għall-groundhandlers aktarx li jippersistu matul l-2021.

Il-kundizzjonijiet biex jiġu estiżi, permezz ta’ att delegat, il-miżuri fl-Artikoli 9(1b) relatati mal-liċenzji temporanji, u 24a(3) dwar is-servizzi tal-servizzi fuq l-art li bħalissa jintemmu fil-31 ta’ Diċembru 2020 huma għalhekk sodisfatti.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, minħabba l-iskadenza tagħhom diġà fil-31 ta’ Diċembru 2020, u fid-dawl tal-ħtieġa kontinwa tagħhom skont il-kundizzjonijiet fl-Artikolu 9(1b) u l-Artikolu 24a(3), il-Kummissjoni se testendi d-derogi relatati mal-liċenzji operattivi u l-għażla ta’ groundhandlers permezz ta’ att delegat sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Fir-rigward tad-deroga attwali dwar il-validità estiża tal-kuntratti ta’ servizzi fuq l-art, li tippermetti t-titwil tal-kuntratti sal-31 ta’ Diċembru 2022, u abbażi tad-data limitata fit-tul disponibbli, il-Kummissjoni ma tqisx, f’dan l-istadju, li l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tagħha lil hinn mill-aħħar tal-2022 huma sodisfatti.Il-Kummissjoni madankollu se tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni mill-qrib.

Fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu miżuri ta’ emerġenza li jirrifjutaw, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, abbażi tal-evidenza disponibbli dwar l-iżviluppi fil-pandemija u l-għarfien tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-marda, tali miżuri ma għadhomx meħtieġa fid-dawl ta’ miżuri aktar xierqa oħra biex titrażżan il-firxa tal-marda, bħal miżuri sanitarji u tas-saħħa effettivi, u fid-dawl tal-Artikolu 21 tar-Regolament dwar is-Servizzi tal-Ajru. Għalhekk, il-kundizzjoni fl-Artikolu 21a(4) biex il-miżura tiġi estiża b’att delegat għal wara l-31 ta’ Diċembru 2020 mhijiex sodisfatta u l-perjodu ta’ validità attwali mhux se jiġi estiż.

Il-Kummissjoni se tibqa’ tissorvelja u tevalwa s-sitwazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni u hija lesta tikkunsidra miżuri ulterjuri, fejn dan ikun iġġustifikat, biex tiġi mmaniġġata l-kriżi u tiġi pprovduta għajnuna għall-irkupru.

(1)      L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjaratha “Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ta’ Rilevanza Internazzjonali” fit-30 ta’ Jannar u pandemija fil-11 ta’ Marzu 2020 (ara https://www.who.int/dg/speeches/detail/who-director-general-s-opening-remarks-at-the-media-briefing-on-covid-19---11-march-2020).
(2)       https://www.eurocontrol.int/Economics/DailyTrafficVariation-States.html
(3)       https://www.aci-europe.org/industry-topics/covid-19.html
(4)      https://www.iata.org/en/iata-repository/publications/economic-reports/air-freight-monthly-analysis---august-2020/
(5)      Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3–20.
(6)      Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità, ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36–45.
(7)      Dawn il-kriterji huma stabbiliti fl-Artikoli 9(1b), 21a(4) u 24a(3) u elenkati fit-taqsima 4.
(8)      6 trasportaturi tal-ajru ewlenin Ewropej (tradizzjonali, bi prezz baxx u reġjonali) ipprovdew lill-Kummissjoni s-sett ta’ data dwar l-użu tas-slots. Iċ-ċifri jirreferu għan-numru ta’ slots operati meta mqabbel mas-slots miżmuma qabel il-bidu tal-istaġun (id-Data tal-Linja Bażi Storika). 6 trasportaturi tal-ajru ewlenin Ewropej (tradizzjonali, bi prezz baxx u reġjonali) ipprovdew lill-Kummissjoni s-sett ta’ data dwar it-titjiriet ikkanċellati.
(9)      6 trasportaturi tal-ajru ewlenin Ewropej (tradizzjonali, bi prezz baxx u reġjonali) ipprovdew lill-Kummissjoni bis-sett tad-data dwar il-fatturi tat-tagħbija.
(10)      https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/health/coronavirus-response/travel-and-transportation-during-coronavirus-pandemic_en għal ħarsa ġenerali tal-miżuri li għadhomfis-seħħ.
(11)      Muri mit-tnaqqis fit-traffiku deskritt fit-taqsima 3.1 u r-raġuni għaliex qabelxejn ġiet introdotta l-eżenzjoni.
(12)      Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea: L-Iffaċilitar tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija bl-Ajru waqt it-Tifqigħa tal-COVID-19, adottati fis-26 ta’ Marzu 2020. https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1597918301932&uri=CELEX%3A52020XC0327%2803%29
(13)      COM(2020) 115, 16 ta’ Marzu 2020.
(14)      Iż-“żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inklużi l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Stati Assoċjati ma’ Schengen.
(15)      https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/council-proposal-coordinated-approach-restriction-movement_en.pdf
(16)      https://www.cso.ie/en/releasesandpublications/ep/p-sic19cler/socialimpactofcovid-19surveyjune2020measuringcomfortlevelsaroundtheeasingofrestrictions. Ta’ min wieħed jgħid li l-Irlanda kellha fis-seħħ miżuri ta’ kwarantina għall-vjaġġaturi internazzjonali kollha li jaslu l-Irlanda fiż-żmien meta sar l-istħarriġ, u dan kellu impatt fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni.
(17)       https://www.iata.org/en/iata-repository/publications/economic-reports/Flexibility-will-be-critical-to-restart/ slide 4.
(18)      https://www.iata.org/en/iata-repository/publications/economic-reports/Five-years-to-return-to-the-pre-pandemic-level-of-passenger-demand/
(19)      Ara l-aħħar “Current Status Scenario” tal-Eurocontrol minn Settembru 2020 -     https://www.eurocontrol.int/sites/default/files/2020-09/eurocontrol-draft-traffic-scenarios-14092020.pdf
(20)      https://www.iata.org/en/iata-repository/publications/economic-reports/downgrade-for-global-air-travel-outlook/
(21)      Il-kilometri tal-passiġġieri bi dħul (RPK) huma metrika tal-industrija tal-linji tal-ajru li turi n-numru ta’ kilometri vvjaġġati mill-passiġġieri li jħallsu. Hija kkalkulata bħala n-numru ta’ passiġġieri bi ħlas immultiplikat bid-distanza totali vvjaġġata.
(22)      COM(2020)399 final.
(23)      https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9208-2020-INIT/mt/pdf.
(24)       https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/covid-19-rapid-risk-assessment-20200810.pdf . Fl-10 ta’ Awwissu 2020, l-ECDC irrapporta riskju ġenerali ta’ eskalazzjoni tal-COVID-19 fil-pajjiżi kollha tal-UE/taż-ŻEE.
(25)      COM(2020) 558 final.
(26)      Il-linji tal-ajru jridu jippjanaw u jħejju għal diversi xenarji fin-nuqqas ta’ xejriet ċari dwar l-imġiba tal-konsumatur, l-evoluzzjoni tal-marda, u l-illaxkar tar-regoli dwar l-użu tas-slots. Dan iwassal għal deċiżjonijiet subottimali dwar l-ispejjeż għall-infrastruttura, ix-xogħol u l-kummerċjalizzazzjoni. Anke f’sena normali, l-istaġun tax-xitwa huwa wieħed ta’ sfida akbar għal-linji tal-ajru, li normalment jagħmlu ħafna mill-profitti tagħhom matul l-istaġun tas-sajf. Din is-sena, mingħajr il-protezzjoni li seta' joffrilhom staġun tas-sajf bi profitt, il-prospetti għal-linji tal-ajru għax-xitwa u aktar fit tul jidhru ta’ sfida.
(27)      Il-linji tal-ajru jindikaw li l-prattiki tal-prenotazzjoni tal-konsumaturi nbidlu. Qabel, il-konsumaturi kienu jipprenotaw minn xhur qabel, filwaqt li issa b’riżultat tat-tnaqqis fil-prevedibbiltà u l-kunfidenza fl-ivvjaġġar, il-prenotazzjonijiet qed iseħħu ħafna aktar tard. L-informazzjoni pprovduta mill-IATA tissuġġerixxi li madwar 60 % tal-prenotazzjonijiet issa qed isiru fil-ġimagħtejn qabel l-operazzjoni, filwaqt li meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019, aktar minn 60 % tal-prenotazzjonijiet saru bejn aktar minn 20 jum sa 11-il jum qabel.
(28)      https://www.iata.org/en/iata-repository/publications/economic-reports/downgrade-for-global-air-travel-outlook/
(29)      https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/EASA-ECDC_COVID-19_Operational-guidelines-for-management-of-passengers-issue-2.pdf
(30)      https://www.icao.int/sustainability/Documents/COVID-19/ICAO_Coronavirus_Econ_Impact.pdf
(31)           Eż., it-tmiem ta’ Swissport Belgium u t-tħabbira ta’ Swissport Finland dwar il-ħtieġa li jitkeċċew sa 700 mill-1350 impjegat tagħha, ( https://yle.fi/uutiset/osasto/news/upm_swissport_to_cut_1200_jobs/11512488 ) filwaqt li Swissport Western Europe qed tikkunsidra li tnaqqas madwar 4500 impjieg fir-Renju Unit u l-Irlanda ( https://www.euronews.com/2020/06/24/swissport-to-cut-over-4-000-jobs-in-uk-and-ireland-due-to-covid-19 ).
(32)       https://newsabc.net/aviation-in-crisis-ground-service-provider-wisag-cuts-around-800-jobs-in-berlin/  
(33)       https://hungarytoday.hu/national-asset-management-terminates-remnant-of-former-hungarian-airline-malev/   https://bbj.hu/economy/govt-declares-malev-gh-of-strategic-importance_185815  
(34)       https://www.ft.com/content/82d6c72a-4a9c-4210-a235-fadbe326ff34  
(35)      Fit-8 ta’ Ġunju 2020, Swissport Belgium falliet, u ħalliet lill-Ajruport ta’ Brussell b’kumpanija waħda ta’ servizzi fuq l-art. Mill-1 ta’ Lulju 2020, Alyzia SAS bdiet tipprovdi s-servizz. Sakemm tiġi organizzata l-proċedura tas-soltu għall-għażla ta’ handler ġdid, il-kumpanija Franċiża ngħatat liċenzja temporanja għal perjodu ta’ sitt xhur għall-immaniġġar tal-bagalji u tar-rampa. Tista’ toffri wkoll servizzi ta’ mmaniġġjar tal-passiġġieri (bħaċ-check-in) u t-tindif. Sors: BAC.
(36)      Xi Stati Membri nnotifikaw projbizzjonijiet fuq it-titjiriet kollha ġewwa l-UE b’xi eżenzjonijiet (bħal fil-każ ta’ titjiriet ta’ emerġenza jew ta’ ripatrijazzjoni). Uħud innotifikaw projbizzjonijiet diretti lejn Stat Membru wieħed jew ftit Stati Membri. Seba’ Stati Membri ma għamlux użu mill-possibbiltà offruta fl-Artikolu 21 jew 21a tar-Regolament peress li qiesu li l-ħtieġa li jagħmlu dan għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika ma kinitx teżisti. Huma pprivileġġaw miżuri li jirrestrinġu jew jikkondizzjonaw l-aċċess għat-territorju tagħhom għal persuni minn ċerti reġjuni jew pajjiżi u miżuri tas-saħħa (bħal ittestjar u traċċar).
(37)      https://ec.europa.eu/transport/coronavirus-response_en
(38)      https://www.public.nm.eurocontrol.int/PUBPORTAL/gateway/spec/index.html L-avviżi lill-Avjaturi fihom l-informazzjoni kollha dwar il-kundizzjonijiet imposti mill-pajjiżi dwar l-operat tas-servizzi tal-ajru.
(39)      Ara https://ec.europa.eu/info/files/covid-19-guidelines-progressive-restoration-transport-services-and-connectivity_en
(40)      Ara https://www.easa.europa.eu/document-library/general-publications/covid-19-aviation-health-safety-protocol
(41)      Fl-1 ta’ Ottubru 2020, erba’ Stati Membri kien għad kellhom projbizzjonijiet fuq it-titjiriet ġewwa l-UE.
(42)      https://www.icao.int/Security/COVID-19/Pages/default.aspx; https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/Considerations-related-to-measures-for-travellers-reduce-spread-COVID-19-in-EUEEA.pdf
(43)      Ara l-Protokoll dwar is-Saħħa u s-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-EASA/ECDC.
(44)      Skont l-ECDC, peress li issa hemm sistemi ta’ sorveljanza ddedikati tal-COVID-19, miżuri estensivi tas-saħħa pubblika stabbiliti, u ttestjar u traċċar tal-kuntatti tal-popolazzjoni kontinwi, il-pajjiżi għandhom ikunu ppreparati aħjar biex jipprevjenu u jikkontrollaw kwalunkwe tfaċċar mill-ġdid ta’ każijiet.
(45)      Ara https://www.easa.europa.eu/document-library/general-publications/covid-19-aviation-health-safety-protocol
(46)      Ara n-nota 15 f’qiegħ il-paġna - Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19.