SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Ġunju 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Sempliċi provvista ta’ faċilitajiet – Tqegħid għad-dispożizzjoni f’appartamenti ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li tippermetti li jinqabdu sinjali u t-trażmissjoni ta’ programmi – Natura lukrattiva – Prinċipju ta’ newtralità teknoloġika”

Fil-Kawża C‑135/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA)

vs

GL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA), minn F. Seifert, Rechtsanwalt,

–

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard u E. Timmermans, bħala aġenti,

–

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Kunnert, A. Posch u J. Schmoll, bħala aġenti,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Samnadda u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Gesellschaft für musikalische Aufführungs- und mechanische Vervielfältigungsrechte eV (GEMA), organu għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, u GL, l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti, dwar allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur minn dan tal-aħħar, minħabba t-tqegħid għad-dispożizzjoni, f’appartamenti li huwa jopera, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li tippermetti li jinqabdu sinjali u t-trażmissjoni ta’ programmi, b’mod partikolari ta’ mużika.

Il‑kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève (l-Isvizzera), fl-20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (iktar ’il quddiem it-“TDA”), li ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208), u li daħal fis-seħħ, fir-rigward tal-Unjoni Ewropea, fl-14 ta’ Marzu 2010 (ĠU 2010, L 32, p. 1).

4

L-Artikolu 8 tad-TDA, intitolat “Dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 11(1)(ii), 11bis(1)(i) u (ii), 11ter(1)(ii), 14(1)(ii) u 14bis(1) tal-[Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Berna fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979], awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi għandhom igawdu d-dritt esklużiv għall-awtorizzazzjoni ta’ kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, b’mezzi bil-fil jew mingħajr fil, inklużi t-tqegħid għad-disposizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’tali mod li l-membri tal-pubbliku jistgħu ikollhom aċċess għalihom minn post u ħin li huma jagħżlu individwalment.”

5

Il-konferenza diplomatika tal-20 ta’ Diċembru 1996 adottat dikjarazzjonijiet komuni fir-rigward tat-TDA.

6

Id-dikjarazzjoni komuni dwar l-Artikolu 8 ta’ TDA hija fformulata kif ġej:

“Huma mifhum illi s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi sabiex tkun tista’ ssir jew issir komunikazzjoni ma tammontax, fiha nnifisha, għal komunikazzjoni fis-sens ta’ dan [it-Trattat jew tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979]. […]”

Id‑dritt tal‑Unjoni

7

Il-premessi 4, 9, 10, 23 u 27 tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu:

“(4)

Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, […] u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea […]

[…]

(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattività fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk irrikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)

Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(23)

Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola ebda att ieħor.

[…]

(27)

Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.”

8

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

Id‑dritt Ġermaniż

9

L-Artikolu 15 tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. 1965 I, p. 1273), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“[…]

(2)   Barra minn hekk, l-awtur għandu d-dritt esklużiv li jikkomunika x-xogħol tiegħu lill-pubbliku f’forma immaterjali (dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku). Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jinkludi b’mod partikolari:

1.

id-dritt ta’ preżentazzjoni, ta’ eżekuzzjoni u ta’ rappreżentazzjoni (Artikolu 19);

2.

id-dritt tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 19a);

3.

id-dritt tat-trażmissjoni (Artikolu 20);

4.

id-dritt ta’ komunikazzjoni permezz ta’ mezzi viżivi jew awdjo (Artikolu 21);

5.

id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ programmi trażmessi u t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (Artikolu 22).

(3)   Il-komunikazzjoni hija pubblika meta tkun intiża għal diversi membri tal-pubbliku. Il-pubbliku jinkludi lil kull persuna li ma hijiex marbuta b’relazzjonijiet personali ma’ dak li jisfrutta x-xogħol jew mal-persuni l-oħra li lilhom ix-xogħol isir perċettibbli jew aċċessibbli f’forma intanġibbli.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

10

GEMA, organu għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-mużika, ressqet quddiem l-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju, talba għad-danni abbażi tad-drittijiet tal-awtur kontra GL, operatur ta’ binja ta’ 18-il appartament, minħabba li dan tal-aħħar iqiegħed għad-dispożizzjoni, f’dawn l-appartamenti, settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li tippermetti li jinqabdu sinjali u t-trażmissjoni f’dawn l-appartamenti ta’ programmi, b’mod partikolari ta’ mużika, bi ksur tal-Artikolu 15 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali.

11

Din il-qorti għandha dubji dwar jekk tali tqegħid għad-dispożizzjoni jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-binja inkwistjoni ma hijiex mgħammra b’ “antenna ċentrali” li tippermetti d-distribuzzjoni tas-sinjali f’dawn l-appartamenti.

12

Hija tirrileva, f’dan il-kuntest, li, fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C‑306/05, EU:C:2006:764), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm is-sempliċi provvista ta’ installazzjonijiet fiżiċi ma tikkostitwixxix, bħala tali, “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, id-distribuzzjoni ta’ sinjal permezz ta’ settijiet tat-televiżjoni minn lukanda lill-klijenti li jkunu qegħdin joqgħodu fil-kmamar ta’ dan l-istabbiliment, indipendentement mit-teknika użata għat-trasmissjoni tas-sinjal, tikkostitwixxi tali komunikazzjoni. Fid-digriet tagħha tat‑18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillokis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon (C‑136/09, EU:C:2010:151), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li lukanda twettaq “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tinstalla settijiet tat-televiżjoni fil-kmamar tal-istabbiliment tagħha u tqabbadhom ma’ “antenna ċentrali” ta’ dan l-istabbiliment li tirrendi dawn is-settijiet tat-televiżjoni kapaċi li jaqbdu l-programmi trażmessi. Min-naħa l-oħra, mis-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI (C‑753/18, EU:C:2020:268), jirriżulta li l-provvista ta’ settijiet tar-radju fil-karozzi tal-kiri ma tikkostitwixxix tali komunikazzjoni lill-pubbliku.

13

Il-qorti tar-rinviju tqis li din il-ġurisprudenza ma tippermettix li tingħata risposta b’ċertezza għad-domanda dwar jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-operatur ta’ bini ta’ appartamenti, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li tippermetti li jinqabdu sinjali u t-trażmissjoni ta’ programmi f’dawn l-appartamenti, mingħajr ma jkun hemm “antenna ċentrali”, jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Potsdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Potsdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Hemm komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2001/29] meta l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti jqiegħed għad-dispożizzjoni, f’din il-binja, televiżjonijiet li jirċievu xandiriet permezz ta’ antenna interna mingħajr ma hemm riċezzjoni ċentrali sabiex tittrażmetti s-sinjali?”

Fuq id‑domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri t-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti mogħtija b’kiri, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li, mingħajr intervent ieħor, jaqbdu sinjali u jippermettu t-trażmissjoni ta’ programmi.

16

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument magħżul individwalment minnu.

17

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament, skont din id-dispożizzjoni, l-awturi għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom jindaħlu bejn eventwali utenti tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw li jwettqu, u dan sabiex jipprojbixxu li dan isir (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 30, u tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18

Peress li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 ma jispeċifikax il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, għandhom jiġu ddeterminati s-sens u l-portata ta’ dan il-kunċett, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva u fid-dawl tal-kuntest taqa’ fih id-dispożizzjoni interpretata (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 45, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, b’mod kostanti, li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jinftiehem, kif tenfasizza l-premessa 23 ta’ din id-direttiva, f’sens wiesa’, li jkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni u, għalhekk, kwalunkwe trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid, ta’ din in-natura, ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż it-trażmissjoni. Fil-fatt, mill-premessi 4, 9 u 10 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li din għandha l-għan prinċipali li tistabbilixxi livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 46, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Rigward il-kuntest li taqa’ fih id-dispożizzjoni inkwistjoni, mill-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, li essenzjalment għandha l-istess formulazzjoni tad-dikjarazzjoni komuni li tikkonċerna l-Artikolu 8 tat-TDA, jirriżulta li “s-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI, C‑753/18, EU:C:2020:268, punt 33).

21

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 3(1), jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku, u jimplika evalwazzjoni individwalizzata (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 37, u tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji kumplimentari, ta’ natura mhux awtonoma u li huma interdipendenti. Peress li f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, dawn il-kriterji jistgħu jkunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna, għandhom jiġu applikati kemm b’mod individwali kif ukoll fl-interazzjoni ma’ xulxin (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 35, u tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fost dawn il-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ir-rwol indispensabbli tal-utent u n-natura intenzjonali tal-intervent tiegħu. Fil-fatt, dan iwettaq “att ta’ komunikazzjoni” meta jintervjeni, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu aċċess għal xogħol protett, u dan b’mod partikolari fejn, fl-assenza ta’ dan l-intervent, dawn il-klijenti ma jkunux jistgħu, bħala prinċipju, igawdu mix-xogħol imxandar (sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 46, u tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura lukrattiva ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, ma hijiex irrilevanti, anki jekk din in-natura ma hijiex neċessarjament kundizzjoni indispensabbli li tiddetermina l-eżistenza stess ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-“reċettività” tal-pubbliku tista’ tkun rilevanti, fis-sens li t-trażmissjoni ta’ xogħlijiet protetti għandha natura lukrattiva meta l-utent jista’ jislet minn dan benefiċċju ekonomiku marbut mal-attrattività u, għalhekk, mal-frekwentazzjoni ikbar tal-istabbiliment li fih huwa jwettaq din it-trażmissjoni, filwaqt li tali natura lukrattiva tkun nieqsa meta l-pubbliku kkonċernat ma jagħti ebda importanza lil tali trażmissjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training (C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 50 sa 52).

26

Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa, b’mod partikolari, ir-rwol indispensabbli tal-utent sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal xogħlijiet protetti u n-natura intenzjonata tal-intervent tiegħu, b’mod partikolari jekk dan ikun ta’ natura lukrattiva, li jippermetti li ssir distinzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, minn naħa, bejn il-“komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u, min-naħa l-oħra, is-“sempliċi provvista ta’ faċilitajiet”, fis-sens tal-premessa 27 ta’ din id-direttiva.

27

Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, li jirriżultaw minn ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li la l-provvista ta’ sett tar-radju integrat f’vettura bil-mutur tal-kiri, li tippermetti tinqabad, mingħajr ebda intervent addizzjonali min-naħa tal-kumpannija tal-kiri, it-trażmissjoni terrestri aċċessibbli fiż-żona fejn il-vettura tkun tinsab, u lanqas il-provvista ta’ tagħmir ta’ ħoss, u, jekk ikun il-każ, ta’ software li jippermetti t-trażmissjoni ta’ mużika ċirkostanti, ma jikkostitwixxux “atti ta’ komunikazzjoni”. Tali atti jikkostitwixxu fil-fatt, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “provvista ta’ faċilitajiet”, fis-sens tal-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI, C‑753/18, EU:C:2020:268, punt 34, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 69).

28

Għal dan l-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari li jekk is-sempliċi fatt li l-użu ta’ tagħmir huwa neċessarju sabiex il-pubbliku jkun jista’ effettivament igawdi x-xogħol iwassal b’mod awtomatiku sabiex l-intervent tal-awtur ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni jiġi kklassifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, kull “provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ isseħħ komunikazzjoni” tikkostitwixxi tali att, fatt li l-premessa 27 tad-Direttiva 2001/29, li ssegwi, essenzjalment, id-dikjarazzjoni komuni rigward l-Artikolu 8 tat-TDA, teskludi b’mod espliċitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward tal-operaturi ta’ kafé-ristorant, ta’ lukanda jew ta’ stabbiliment termali u ta’ ċentru ta’ edukazzjoni mill-ġdid, li dawn tal-aħħar iwettqu att ta’ komunikazzjoni meta jittrażmettu deliberatament lill-klijentela tagħhom xogħlijiet protetti, billi jiddistribwixxu volontarjament sinjal permezz ta’ riċevituri ta’ televiżjoni jew ta’ radju li huma jkunu installaw fl-istabbiliment tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 46; tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 196; tas‑27 ta’ Frar 2014, OSA, C‑351/12, EU:C:2014:110, punt 26, kif ukoll tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 55 u 56).

30

F’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt ikkunsidrat, essenzjalment, li jekk l-operatur ta’ stabbiliment jipprovdi volontarjament lill-klijenti tiegħu sinjali u settijiet tat-televiżjoni jew tar-radju li jippermettu t-trażmissjoni ta’ programmi kkodifikati f’dawn is-sinjali u li huma installati f’diversi postijiet f’dan l-istabbiliment, dawn huma atti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, mingħajr ma huwa rilevanti liema hija t-teknika ta’ trażmissjoni tas-sinjal użata.

31

F’dan il-każ, mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-operatur tal-bini ta’ appartamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-kerrejja ta’ dawn l-appartamenti settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna, li fir-rigward tagħhom huwa stabbilit li jirċievu sinjali u jippermettu t-trażmissjoni ta’ programmi, b’mod partikolari ta’ mużika, f’dawn l-appartamenti.

32

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imfakkra fil-punti 19 sa 30 ta’ din is-sentenza, jekk operatur ta’ bini bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iwettaqx att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punt 39), hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi indikazzjonijiet utli f’dan ir-rigward sabiex tippermetti lil din il-qorti tiddeċiedi l-kawża quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV, C‑570/20, EU:C:2022:348, punt 44).

33

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, u bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-operatur ta’ binja ta’ appartamenti, billi jgħammar dawn l-appartamenti b’sett tat-televiżjoni u b’antenni interni, mingħajr intervent ieħor, jaqbdu sinjali u jippermettu t-trażmissjoni ta’ programmi, b’mod partikolari ta’ mużika, fl-imsemmija appartamenti, iwettaq deliberatament intervent sabiex jagħti lill-klijenti tiegħu l-aċċess għal tali programmi, f’appartamenti mogħtija għall-kiri u matul il-perijodu ta’ kiri, mingħajr ma jkun determinanti jekk dawn jużawx jew le din il-possibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Barra minn hekk, l-intervent ta’ dan l-operatur li jagħti aċċess għal xogħol trażmess lill-klijenti tiegħu għandu jitqies bħala servizz addizzjonali mwettaq bil-għan li jinstilet ċertu benefiċċju.

35

Fil-fatt, l-offerta ta’ dan is-servizz għandha influwenza fuq il-livell tal-appartamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, għaldaqstant, fuq il-prezz tal-kera ta’ dawn l-appartamenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew, kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, fuq l-attrattività tagħhom u, għaldaqstant, fuq il-frekwentazzjoni tagħhom. Għalhekk hemm lok li jitqies li l-offerta ta’ tali servizz tippermetti li tiġi stabbilita n-natura lukrattiva tal-komunikazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza.

36

Għall-finijiet tal-eżami li għandu jsir mill-qorti tar-rinviju, huwa irrilevanti l-fatt, enfasizzat minn din il-qorti, li s-settijiet tat-televiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma konnessi ma’ antenna “interna” pjuttost milli ma’ antenna “ċentrali”, bħal dik li kienet inkwistjoni fil-kawża li tat lok għad-digriet tat‑18 ta’ Marzu 2010, Organismos Sillokis Diacheirisis Dimiourgon Theatrikon kai Optikoakoustikon Ergon (C‑136/09, EU:C:2010:151).

37

Fil-fatt, tali distinzjoni bejn antenni ċentrali u interni ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ newtralità teknoloġika, li bis-saħħa tiegħu l-liġi għandha tispeċifika d-drittijiet u l-obbligi tal-persuni b’mod ġeneriku, sabiex ma jiġix ippreferut l-użu ta’ teknoloġija għad-detriment ta’ oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Austro-Mechana, C‑433/20, EU:C:2022:217, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fit-tieni lok, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, huwa meħtieġ li x-xogħlijiet protetti jiġu effettivament ikkomunikati lill-pubbliku. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenza tal‑20 ta’ April 2023, Blue Air Aviation, C‑775/21 u C‑826/21, EU:C:2023:307, punti 51 u 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għalhekk, il-kunċett ta’ “pubbliku” jinkludi ċertu limitu de minimis, li jeskludi minn dan il-kunċett numru żgħir wisq ta’ persuni kkonċernati, jew saħansitra numru insinjifikanti. Sabiex jiġi ddeterminat dan in-numru, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess għall-istess xogħol b’mod parallel, iżda wkoll in-numru tagħhom li jista’ jkollhom aċċess suċċessivament għalih (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 43 u 44, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tipprovdix indikazzjoni dwar in-numru ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess għax-xogħlijiet, b’mod parallel jew suċċessiv, ħlief li l-binja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi 18-il appartament. Din il-qorti ma tindikax, b’mod partikolari, jekk dawn l-appartamenti humiex is-suġġett ta’ kiri għal żmien qasir, b’mod partikolari bħala akkomodazzjoni turistika, li jista’ jkollu effett fuq in-numru ta’ persuni li jista’ jkollhom aċċess suċċessivament għax-xogħlijiet inkwistjoni.

41

Konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, hija, rispettivament, il-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk xogħlijiet protetti humiex effettivament ikkomunikati lil “pubbliku”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, u hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdilha indikazzjonijiet utli f’dan ir-rigward.

42

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-appartamenti tal-binja inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma s-suġġett ta’ kiri għal żmien qasir, b’mod partikolari bħala akkomodazzjoni turistika, il-kerrejja tagħhom għandhom jiġu kklassifikati bħala “pubbliku” peress li dawn jikkostitwixxu flimkien, bħall-klijenti ta’ lukanda, numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2012, Phonographic Performance (Ireland), C‑162/10, EU:C:2012:141, punti 41 u 42).

43

Fit-tielet lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi kklassifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, xogħol protett għandu jiġi kkomunikat b’mod tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati sa dak il-mument jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi kkomunikat lil “pubbliku ġdid”, jiġifieri pubbliku li ma jkunx diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mill-persuna li għandha d-dritt meta din il-persuna tkun awtorizzat il-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tagħha lill-pubbliku (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando, C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kerrejja ta’ appartamenti ta’ binja li hija s-suġġett ta’ kiri għal żmien qasir, b’mod partikolari bħala akkomodazzjoni turistika, jistgħu jikkostitwixxu tali pubbliku “ġdid”, peress li dawn il-persuni, filwaqt li jinsabu ġewwa ż-żona ta’ kopertura tal-imsemmija trażmissjoni, ma jistgħux, mingħajr l-intervent tal-operatur ta’ din il-binja, li permezz tagħha dan jinstalla, f’dawn l-appartamenti, settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna, igawdu mix-xogħol trażmess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punti 46 u 47).

45

Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-appartamenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma mikrija lil kerrejja residenzjali, dawn tal-aħħar ma jistgħux jitqiesu bħala “pubbliku ġdid”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 ta’ din is-sentenza.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda preliminari magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri t-tqegħid għad-dispożizzjoni deliberat, mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti mogħtija b’kiri, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li, mingħajr intervent ieħor, jirċievu sinjali u jippermettu t-trażmissjoni ta’ programmi, sakemm il-kerrejja ta’ dawn l-appartamenti jkunu jistgħu jitqiesu bħala “pubbliku ġdid”.

Fuq l‑ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri t-tqegħid għad-dispożizzjoni deliberat, mill-operatur ta’ binja ta’ appartamenti mogħtija b’kiri, ta’ settijiet tat-televiżjoni mgħammra b’antenna interna li, mingħajr intervent ieħor, jirċievu sinjali u jippermettu t-trażmissjoni ta’ programmi, sakemm il-kerrejja ta’ dawn l-appartamenti jkunu jistgħu jitqiesu bħala “pubbliku ġdid”.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.