Brussell, 20.3.2024

COM(2024) 125 final

2024/0067(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-emendar tal-Anness II tal-Ftehim, il-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-emenda tal-Anness II tal-Ftehim, il-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li temenda l-Anness II tal-Ftehim, il-Proċeduri Operazzjonali Komuni kif adottati bid-Deċiżjoni Nru 1/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom 1 u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament kif adottati bid-Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom 2 .

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom

L-għan tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (“il-Ftehim”) huwa li jikkollega l-iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) mal-iskema tal-Iżvizzera għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet billi permezz tiegħu l-kwoti fi skema waħda jkunu jistgħu jiġu nnegozjati u jintużaw għall-finijiet ta’ konformità fl-oħra, u b’hekk jiġu estiżi l-opportunitajiet għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Il-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 12 tal-Ftehim, għandu r-responsabbiltà li jamministra l-Ftehim u li jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu. Jista’ wkoll jiddeċiedi li jadotta annessi ġodda tal-Ftehim, jew jemenda dawk eżistenti. Jista’ wkoll jiddiskuti l-emendi tal-Artikoli tal-Ftehim, jiffaċilita l-iskambju tal-ideat dwar il-leġiżlazzjoni tal-Partijiet u jwettaq rieżamijiet tal-Ftehim.

Il-Kumitat Konġunt huwa korp bilaterali magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet (l-UE u l-Iżvizzera). Id-Deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt għandhom jiġu miftiehma miż-żewġ Partijiet u ladarba adotatti jkunu legalment vinkolanti għaż-żewġ Partijiet.

L-Artikolu 13(2) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jadotta Anness ġdid jew li jemenda Anness eżistenti tal-Ftehim. Barra minn hekk, u f’konformità mal-Artikolu 3(6) u (7) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt adottata d-deċiżjonijiet 1/2020 3 u 2/2020 4 biex jistabbilixxi l-Proċeduri Operazzjonali Komuni (COP) u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament (LTS).

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Waqt is-seba’ laqgħa tiegħu, li se ssir fl-2024, jew aktar kmieni permezz ta’ proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 8(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt 5 , il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni dwar l-emendi tal-Anness II tal-Ftehim, il-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament (“l-att previst”). Il-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament ġew adottati mill-Kumitat Konġunt permezz tad-Deċiżjonijiet tiegħu Nru 1/2020 6 u 2/2020 7 rispettivament.

L-għan tal-att previst huwa li jaġġorna l-Anness II (“Standards Tekniċi tal-Kollegament”) tal-Ftehim sabiex jirrifletti l-iżviluppi miftiehma mill-Kumitat Konġunt f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt 2/2019 8 , li kienet tirrikjedi li tiġi sostitwita s-soluzzjoni proviżorja biex il-kollegament bejn l-EU ETS u l-ETS tal-Iżvizzera jiġi operazzjonalizzat b’kollegament permanenti tar-reġistri malajr kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, jenħtieġ li titqies ukoll l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji rilevanti waqt l-emendar tal-Anness II tal-Ftehim.

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u l-kompatibbiltà tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament mal-Anness II tal-Ftehim, dawn id-dokumenti jenħtieġ li jiġu allinjati skont dan.

L-att previst se jkun vinkolanti fuq il-partijiet f’konformità mal-Artikolu 13(2) tal-Ftehim, li jipprevedi: “Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jadotta Anness ġdid jew li jemenda Anness eżistenti ta’ dan il-Ftehim”. Barra minn hekk, u f’konformità mal-Artikolu 12(3) tal-Ftehim, id-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Kumitat Konġunt fil-każijiet previsti f’dan il-Ftehim se jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet mad-dħul fis-seħħ tagħhom.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq din il-proposta mill-Kummissjoni tiddetermina l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li għandha tittieħed fuq l-emendar tal-Anness II tal-Ftehim kif ukoll il-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament.

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea tirrifletti l-evoluzzjoni tal-kollegament tar-reġistri bejn l-EU ETS u l-ETS tal-Iżvizzera li qed tiżviluppa f’kollegament permanenti tar-reġistri li se jiġi implimentat mhux aktar tard mill-2024. Bis-saħħa tiegħu se jkun possibbli l-funzjonament tas-swieq konnessi fir-rigward tal-benefiċċji mil-likwidità tas-suq u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjonijiet bejn iż-żewġ sistemi kollegati b’mod li jkun ekwivalenti għal suq wieħed magħmul minn żewġ sistemi u li permezz tiegħu l-parteċipanti fis-suq jaġixxu bħallikieku kienu f’suq wieħed, soġġetti biss għad-dispożizzjonijiet regolatorji individwali tal-Partijiet.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tissimplifika wkoll id-dispożizzjonijiet tal-Anness II tal-Ftehim fid-dawl tal-iżviluppi msemmija hawn fuq u tallinja l-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament sabiex tirrifletti l-evoluzzjoni tal-kollegament tar-reġistri.

L-iżvilupp ta’ suq internazzjonali tal-karbonju li jiffunzjona tajjeb permezz ta’ kollegament minn isfel għal fuq tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet huwa għan fit-tul tal-politika tal-UE u tal-komunità internazzjonali, b’mod partikolari bħala mezz biex jintlaħqu l-objettivi tal-klima tal-Ftehim ta’ Pariġi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 25 tad-Direttiva li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet (EU ETS) jipprevedi li l-EU ETS tiġi kollegata ma’ skemi oħrajn għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet dment li dawn ikunu obbligatorji, ikollhom limitu assolut tal-emissjonijiet, u jkunu kompatibbli, kif inhu fil-każ tal-iskema Żvizzera. Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fl-1 ta’ Jannar 2020, ir-restawr tal-kompatibilità u tal-konsistenza jirrappreżenta element importanti lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

4.Bażi legali

4.1.Bażi legali proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi Deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett tal-“atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE” 9 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 12(3) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi legali sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi legali sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi legali sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw l-ambjent.

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi legali tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat Konġunt se jemenda l-Anness II tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom, jixraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-addozzjoni tiegħu.

2024/0067 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-emendar tal-Anness II tal-Ftehim, il-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom 10 (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fit-23 ta’ Novembru 2017 f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240 11 .

(2)Il-Ftehim ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/219 12 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020.

(3)Skont l-Artikolu 12(3) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq il-Partijiet mad-dħul fis-seħħ tagħhom.

(4)L-Artikolu 13(2) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt jista’ jemenda l-Annessi tal-Ftehim.

(5)L-Artikolu 3(6) u (7) jipprevedi li l-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ meta jiġu adottati b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt. Bid-Deċiżjoni Nru 1/2020 13 u 2/2020 14 , il-Kumitat Konġunt adotta l-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament.

(6)Jixraq li jiġi emendat l-Anness II tal-Ftehim biex jirrifletti l-evoluzzjoni tal-kollegament tar-reġistri bejn is-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u s-sistema tal-Iżvizzera għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet, u biex jiġu ssimplifikati d-dispożizzjonijiet tal-Anness II fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament mal-Anness II, jenħtieġ li dawk id-dokumenti wkoll jiġu emendati.

(7)Il-Kumitat Konġunt, waqt is-seba’ laqgħa tiegħu, jew aktar kmieni permezz ta’ proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 8(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt 15 , se jadotta Deċiżjoni li temenda l-Anness II tal-Ftehim, il-Proċeduri Operazzjonali Komuni u l-Istandards Tekniċi tal-Kollegament.

(8)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, għaliex id-Deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-seba’ laqgħa tal-Kumitat Konġunt jew qabel permezz ta’ proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 8(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 226, 25.6.2021, p. 2
(2)    ĠU L 226, 25.6.2021, p. 16
(3)    ĠU L 226, 25.6.2021, p. 2
(4)    ĠU L 226, 25.6.2021, p. 16
(5)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-Kollegament tal-Iskemi għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra tagħhom tal-25 ta’ Jannar 2019 fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/clima/system/files/2021-07/20191201_jc_dec_rop_en.pdf u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1279 tat-18 ta’ Settembru 2018, ĠU L 239, 24.9.2018, p. 8.
(6)    ĠU L 226, 25.6.2021, p.2
(7)    ĠU L 226, 25.6.2021, p. 16
(8)    ĠU L 314, 29.9.2020, p. 68
(9)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja v Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-punti 61 sa 64.
(10)    ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3.
(11)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2240 tal-10 ta’ Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom (ĠU L 322, 7.12.2017, p. 1).
(12)    ĠU L 43, 16.2.2018, p. 1.
(13)    ĠU L 226, 25.6.2021, p. 2
(14)    ĠU L 226, 25.6.2021, p. 16
(15)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2019 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-Kollegament tal-Iskemi għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra tagħhom tal-25 ta’ Jannar 2019 fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1279 tat-18 ta’ Settembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 239, 24.9.2018, p. 8).