European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1697

17.6.2024

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (ue) 2024/1697

tat-12 ta' Ġunju 2024

dwar l-istabbiliment tal-Bord tal-Verifika tal-Faċilità għall-Ukrajna

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/792 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2024 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Ukrajna (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 36 tiegħu,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord tal-Verifika fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna biex tiżdied l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Ukrajna tal-finanzjament tal-Unjoni u, b’mod partikolari, biex jiġu evitati l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet, f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/792.

(2)

Il-Bord tal-Verifika jeħtieġ li jiġi stabbilit b’mod urġenti biex l-Ukrajna tkun tista’ tippreżenta l-ewwel talba għall-pagament tagħha f’konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2024/792.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment

Il-Bord tal-Verifika tal-Faċilità għall-Ukrajna huwa b’dan stabbilit għall-perjodu li jibda fil-jum tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni sat-30 ta’ Ġunju 2028.

Artikolu 2

Missjoni

Il-Bord tal-Verifika għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Ukrajna fir-rigward tal-fondi pprovduti fl-ambitu tal-Faċilità u fil-ġlieda kontra l-ġestjoni ħażina tal-finanzjament tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità għall-Ukrajna u, b’mod partikolari l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet.

Artikolu 3

Kompożizzjoni u operat tal-Bord tal-Verifika

1.   Il-Bord tal-Verifika għandu jkun magħmul minn tliet membri u għandu jkun ibbażat fi Brussell.

2.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-membri tal-Bord tal-Verifika appoġġ loġistiku xieraq, b’mod partikolari l-ispazju għall-uffiċċji u l-appoġġ tal-IT.

3.   Il-Bord tal-Verifika għandu jkun assistit minn Segretarjat, ibbażat f’Kiev, immexxi minn Kap tas-Segretarjat. Is-Segretarjat jikseb l-istruzzjonijiet u l-gwida tiegħu mill-President tal-Bord tal-Verifika, li jinħatar skont l-Artikolu 6 ta’ din id-Deċiżjoni.

4.   L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom (2) dwar it-termini u l-kundizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kull xorta ta’ attività illegali li hija ta’ ħsara għall-interessi tal-Komunitajiet għandu japplika għall-Membri tal-Bord tal-Verifika u għall-istaff tagħhom inkluż l-istaff tas-Segretarjat.

Artikolu 4

Il-ħatra, it-tmiem tal-kariga u t-tkeċċija tal-membri tal-Bord tal-Verifika

1.   Il-membri tal-Bord tal-Verifika għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, wara sejħa għal espressjonijiet ta’ interess. Il-mandat tal-membri tal-Bord tal-Verifika għandu jibda fid-data ffissata għal dak l-għan fid-deċiżjoni dwar il-ħatra tal-membri tal-Bord tal-Verifika.

2.   Il-membri tal-Bord tal-Verifika għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni, b’rekord ippruvat fl-oqsma tal-awditjar, il-monitoraġġ u l-kontroll, u/jew il-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet idealment miksuba f’pożizzjoni għolja fl-istituzzjonijiet tal-UE jew f’awtorità pubblika tal-Istati Membri.

3.   Il-membri tal-Bord tal-Verifika għandhom jinħatru bħala konsulenti speċjali tal-Kummissjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (3), għal terminu ta’ sentejn. Il-kuntratti tagħhom għandhom ikunu jistgħu jiġġeddu u jiżguraw l-indipendenza sħiħa tagħhom minn kwalunkwe influwenza esterna fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom. Il-membri tal-Bord tal-Verifika għandhom jgħaddu minn kontroll tas-sigurtà, jew jekk ma jkunux diġà għaddew minn dan, ikunu lesti jgħaddu mill-kontroll tas-sigurtà mill-Istat Membru tan-nazzjonalità tagħhom.

4.   Il-proċedura tal-għażla għandha titwettaq mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ NEAR bl-appoġġ ta’ panel, li l-membri tiegħu għandu jagħżilhom id-Direttur Ġenerali mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni l-aktar ikkonċernati. Il-panel għandu jippreżenta lista ta’ kandidati lid-Direttur Ġenerali, abbażi tar-riżultati tas-sejħa għal interessi u intervisti sussegwenti. Id-Direttur Ġenerali għandu jagħżel il-membri tal-Bord tal-Verifika kif ukoll tliet membri sostituti biex jissostitwixxu membru tal-Bord tal-Verifika meta l-Membru tal-Bord ma jkunx għadu jista’ jew ma jkunx lest li jwettaq il-kompiti tiegħu.

5.   Jekk membru tal-Bord tal-Verifika ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-qadi tad-dmirijiet, stabbiliti f’din id-Deċiżjoni u l-kuntratti tagħhom, il-membru jista’ jitkeċċa mill-Kummissjoni.

6.   Jekk membru tal-Bord tal-Verifika ma jkunx jista’ jwettaq dmirijietu għal ammont limitat ta’ żmien, minħabba raġunijiet mediċi jew raġunijiet oħra, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-membru kkonċernat tal-Bord tal-Verifika, tista’ taħtar temporanjament membru sostitut sakemm il-membru kkonċernat tal-Bord tal-Verifika jkun jista’ jerġa’ jibda jwettaq il-kompiti tiegħu għall-perjodu tal-inabbiltà tiegħu.

7.   L-ammont limitat ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 6 ma għandux jaqbeż is-sitt xhur.

Artikolu 5

Ħatra tal-President u tal-Viċi President

1.   Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ NEAR għandu jaħtar wieħed mill-membri bħala l-President tal-Bord tal-Verifika u wieħed bħala l-Viċi President. Jekk il-President ma jkunx jista’ jaqdi dmirijietu, dawn għandhom jitwettqu mill-Viċi President.

2.   Jekk il-kariga ta’ President tispiċċa battala, il-Viċi President għandu jwettaq dmirijietu sakemm jinħatar President ġdid mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ NEAR.

Artikolu 6

Responsabbiltajiet tal-President

1.   Il-President għandu jirrappreżenta lill-Bord. Il-President għandu jippresjedi l-laqgħat tal-Bord tal-Verifika u jorganizza l-ħidma tiegħu.

2.   Il-President jista’ jiddelega lil kull wieħed mill-membri tal-Bord tal-Verifika u lill-Kap tas-Segretarjat is-setgħa li jiffirma dokumenti f’isem il-Bord tal-Verifika.

3.   Il-President għandu jistabbilixxi l-iskeda u l-aġenda tal-laqgħat tal-Bord tal-Verifika.

4.   Fi żmien sitt xhur wara li l-Bord tal-Verifika jkun sar operattiv, il-President għandu jkun responsabbli għat-tfassil tar-regoli ta’ proċedura tal-Bord tal-Verifika.

Artikolu 7

Indipendenza u oġġettività

Il-membri tal-Bord ta’ Verifika u l-persunal tas-Segretarjat għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’oġġettività sħiħa u b’indipendenza sħiħa u joperaw f’konformità mal-aħjar prattiki, standards u linji gwida internazzjonali applikabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-awditjar.

Artikolu 8

Organizzazzjoni ta’ laqgħat

1.   Kull sena, mill-inqas sitt laqgħat tal-Bord tal-Verifika għandhom isiru fi Brussell li f’każijiet ġustifikati jistgħu jsiru wkoll f’postijiet oħra jew online. Il-Bord tal-Verifika għandu jwettaq ukoll, jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, minimu ta’ sitt żjarat f’Kiev kull sena.

2.   Il-President għandu jiżgura li għal kull laqgħa tal-Bord tal-Verifika jintlaħaq il-kworum meħtieġ ta’ żewġ membri tal-Bord tal-Verifika.

3.   Il-President għandu jiżgura li l-laqgħat tal-Bord tal-Verifika jservu l-iskop li jiddiskutu s-sejbiet tas-Segretarjat, li jipprovdu gwida għall-ħidma tas-Segretarjat u li jippreżentaw rapporti lill-Kummissjoni.

4.   Il-President jista’ jitlob laqgħat addizzjonali kif meħtieġ, li jistgħu jsiru wkoll f’format ibridu. L-organizzazzjoni tal-laqgħat għandha ssir kmieni biżżejjed biex il-membri u l-mistednin kollha jkunu jistgħu jattendu għalihom.

Artikolu 9

Segretarjat

1.   Is-Segretarjat tal-Bord tal-Verifika għandu jikkonsisti minn tim ta’ speċjalisti fil-ġestjoni u l-kontroll, l-awditjar u oqsma rilevanti oħra ta’ għarfien espert kif ukoll ta’ assistenti segretarjali, akkwistati permezz ta’ kuntratt ta’ servizz, wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti, imnedija mid-DĠ NEAR.

2.   Il-ħidma tas-Segretarjat għandha titmexxa minn Kap tas-Segretarjat, uffiċjal tal-Kummissjoni li għandu jinħatar mid-DĠ NEAR.

3.   Is-Segretarjat għandu jassisti lill-Bord tal-Verifika fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, b’mod partikolari billi jiġbor u jipprovdi, permezz tal-Kap tas-Segretarjat, l-informazzjoni rilevanti kollha.

Artikolu 10

Osservaturi

1.   Il-Kummissjoni tista’ tistieden rappreżentanti tal-Istati Membri u donaturi oħra biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord tal-Verifika. Il-Kummissjoni tista’ tistieden donaturi oħra li jikkontribwixxu għall-Faċilità biex jaħtru osservaturi fil-Bord tal-Verifika.

2.   Meta jiġu mistiedna mill-Kummissjoni, l-osservaturi jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord tal-Verifika f’dik il-kapaċità u jkollhom aċċess għall-informazzjoni. Il-President tal-Bord tal-Verifika, għal raġunijiet debitament ġustifikati, bħall-kunfidenzjalità jew il-protezzjoni tad-data, u wara konsultazzjoni mal-membri l-oħra tal-Bord tal-Verifika, jista’ jiċħad l-aċċess għall-informazzjoni lill-osservaturi.

3.   Il-President tal-Bord tal-Verifika, wara li jikkonsulta mal-membri l-oħra tal-Bord tal-Verifika, jista’ jistieden osservaturi biex jattendu deliberazzjonijiet tal-Bord tal-Verifika u jitlob lill-osservaturi biex jipprovdu kummenti bil-fomm u bil-miktub.

4.   L-osservaturi ma għandhomx jieħdu sehem fil-proċess biex jiġu adottati rapporti jew rakkomandazzjonijiet.

Artikolu 11

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess

1.   Meta kwalunkwe wieħed mill-membri tal-Bord tal-Verifika jew kwalunkwe persuna oħra li tipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord tal-Verifika, inkluż bħala osservatur, isib ruħu f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interess jew f’sitwazzjoni li tista’ tiġi perċepita bħala tali mill-pubbliku, huwa għandu jinforma minnufih lill-membri l-oħra tal-Bord tal-Verifika u lis-Segretarjat u għandu joqgħod lura milli jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet korrispondenti u fl-adozzjoni tar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet korrispondenti tal-Bord tal-Verifika.

2.   Fis-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 1, ladarba jkun infurmat kif xieraq, il-President tal-Bord tal-Verifika għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa.

3.   Il-President tal-Bord tal-Verifika għandu jinforma lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ NEAR bi kwalunkwe sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 1 malli jkun kiseb għarfien dwarha.

Artikolu 12

Il-kompiti tal-Bord tal-Verifika

1.   Il-Bord tal-Verifika għandu jassisti lill-Kummissjoni billi jimmonitorja kontinwament is-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll tal-Ukrajna fir-rigward tal-użu tal-finanzjament tal-Unjoni fl-ambitu tal-Faċilità u billi jindika kwalunkwe kwistjoni sistemika jew dgħufija potenzjali ta’ dawk is-sistemi. Il-Bord tal-Verifika għandu jivvaluta, fost l-oħrajn, is-sistemi li l-Ukrajna għandha fis-seħħ biex tevita, tirrimedja, tirrapporta u tittratta b’mod effettiv, tinvestiga u tipproċessa każijiet possibbli ta’ frodi, korruzzjoni, kunflitti ta’ interess u kwalunkwe irregolarità oħra fir-rigward ta’ kwalunkwe nefqa ffinanzjata fl-ambitu tal-Faċilità.

2.   Il-Bord tal-Verifika għandu jkollu d-dritt li jitlob informazzjoni u li jitlob lill-awtoritajiet kompetenti u jwettaq, fi kwalunkwe ħin, inkluż permezz tas-Segretarjat tiegħu stess, il-verifiki u l-kontrolli fuq il-post tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tal-Ukrajna, kif ukoll tal-proċeduri u l-infiq għall-implimentazzjoni tal-passi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-Pjan għall-Ukrajna, li diġà ġew ivvalutati mill-Kummissjoni permezz tat-talbiet għall-pagament trimestrali. Ir-rapporti li jirriżultaw għandhom, kif rilevanti, jinkludu rakkomandazzjonijiet lill-Ukrajna biex ittejjeb is-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tagħha u għandhom jiġu kondiviżi mal-Kummissjoni. Il-Bord tal-Verifika għandu jaġixxi mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni, l-OLAF, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-UPPE.

3.   Il-Bord tal-Verifika għandu jippreżenta rapporti lill-Kummissjoni, inkluża kopja tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, bi frekwenza ta’ mill-inqas rapport wieħed kull tliet xhur abbażi ta’ programm ta’ ħidma ppreżentat għall-informazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur wara d-data li fiha beda jopera l-Bord. Dawn ir-rapporti għandhom jippreżentaw l-opinjoni tal-Bord fir-rigward tal-prestazzjoni u l-effettività tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll tal-Ukrajna. L-informazzjoni li l-Bord ikun kiseb jew ikun sar jaf biha dwar kwalunkwe każ identifikat ta’ ġestjoni ħażina tan-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità, jew tħassib serju fir-rigward tagħha, għandha tiġi kondiviża minnufih mal-Kummissjoni.

4.   Il-Bord tal-Verifika għandu jadotta rakkomandazzjonijiet lill-Ukrajna dwar il-każijiet kollha fejn, fil-fehma tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna ma jkunux ħadu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu, jidentifikaw, jikkoreġu, jinvestigaw u jipproċedu kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-irregolaritajiet li affettwaw jew jirriskjaw serjament li jaffettwaw il-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa ffinanzjata fl-ambitu tal-Faċilità u fil-każijiet kollha fejn jidentifika dgħufijiet li jaffettwaw it-tfassil u l-funzjonament tas-sistema ta’ kontroll stabbilita mill-awtoritajiet Ukreni.

5.   Ir-rapporti tal-Bord tal-Verifika u l-informazzjoni li toħroġ minnhom għandhom, fejn xieraq u fil-każijiet kollha fejn ikunu meħtieġa passi biex jipprevjenu, jidentifikaw, jikkoreġu, jinvestigaw u jipproċedu kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess, l-irregolaritajiet jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, jintbagħtu mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Il-Bord tal-Verifika jista’ jikkondividi wkoll ir-rapporti u l-informazzjoni tiegħu, kif xieraq, mal-awtoritajiet Ukreni rilevanti, speċjalment f’każijiet fejn tali awtoritajiet jeħtieġu jieħdu passi biex jipprevjenu, jidentifikaw, jikkoreġu, jinvestigaw u jipproċedu kontra l-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess, l-irregolaritajiet jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

6.   Il-Bord tal-Verifika għandu jitlob l-assistenza tal-Ukrajna biex jikseb informazzjoni u dokumenti inkluża kwalunkwe data elettronika, u jista’ jitlob lill-Ukrajna tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiffaċilita l-ħidma tal-persuni mogħtija struzzjonijiet biex iwettqu verifiki u kontrolli fuq il-post mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-UE u tal-Ukrajna dwar il-protezzjoni tad-data u s-sigurtà tad-data.

7.   Il-Bord tal-Verifika għandu jiżgura djalogu u kooperazzjoni regolari mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll mal-Kamra tal-Kontabbiltà tal-Ukrajna u istituzzjonijiet oħra, kif rilevanti.

Artikolu 13

Protezzjoni tad-data u kunfidenzjalità

1.   Kull membru tal-Bord tal-Verifika u l-persunal li jaħdem għas-Segretarjat tal-Bord tal-Verifika għandu jiżgura l-kunfidenzjalità stretta tal-informazzjoni li jkunu rċevew permezz tal-ħidma tagħhom jew fil-kuntest tagħha. B’mod partikolari, għandhom jiżguraw il-protezzjoni ta’ informazzjoni personali, kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

2.   Id-data personali għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-regoli tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li japplikaw mutatis mutandis.

3.   Il-Bord tal-Verifika għandu jadotta proċeduri u politiki interni dwar il-protezzjoni tad-data f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725.

4.   Il-Bord tal-Verifika għandu jadotta linji gwida għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva.

Artikolu 14

Adozzjoni ta’ rapporti u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-President u l-membri l-oħra tal-Bord tal-Verifika għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu kunsens dwar il-kontenut tar-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ kunsens, il-kontenut għandu jiġi deċiż mill-maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-Verifika. Jekk il-voti jkunu ndaqs, il-vot tal-President ikun deċiżiv. Il-President jew kwalunkwe membru tal-Bord tal-Verifika jista’ jitlob li jittieħed vot.

2.   Il-Bord tal-Verifika għandu jibgħat ir-rapporti tiegħu, inklużi r-rakkomandazzjonijiet lill-Ukrajna, lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkondividi r-rakkomandazzjonijiet mal-Ukrajna.

3.   L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għandha tiġi mmonitorjata mill-Bord tal-Verifika fuq bażi kontinwa.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, tat-12 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/792, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/792/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/396/KE, KEFA, Euratom tat-2 ta' Ġunju 1999 dwar it-termini u l-kondizzjonijiet għall-investigazzjonijiet interni rigward il-prevenzjoni ta' frodi, korruzzjoni u kull xorta ta' attivita‘ illegali li hija ta' ħsara lejn l-interess tal-Komunitajiet (ĠU L 149, 16.6.1999, p. 57, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1999/396/oj).

(3)  Ir-Regolament Nru 31(KEE), 11(KEEA), li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 45, 14.6.1962, p. 1385/62) kif emendat l-aħħar fit-3 ta’ Jannar 2024 (ĠU C, C/2024/509, 3.1.2024 ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/509/oj). https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:01962R0031-20240101

(4)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1697/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)