Brussell, 10.9.2025

COM(2025) 478 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea


ANNESS

FTEHIM
DWAR IL-KUMMERĊ DIĠITALI

BEJN L-UNJONI EWROPEA

U R-REPUBBLIKA TAL-KOREA

L-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

u

r-Repubblika tal-Korea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Korea”,

minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt “Partijiet” jew individwalment imsejħa “Parti”,

FILWAQT LI JIBNU fuq is-sħubija profonda u fit-tul tagħhom, ibbażata fuq il-prinċipji u l-valuri komuni riflessi fil-Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, magħmul fi Brussell, fl-10 ta’ Mejju 2010 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim Qafas”), billi jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-kummerċ;

FILWAQT LI JIXTIEQU japprofondixxu ż-żona ta’ kummerċ ħieles stabbilita mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, magħmul fi Brussell, fis-6 ta’ Ottubru 2010 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles”);

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU s-Sħubija Diġitali bejn l-UE u l-Korea (minn hawn ’il quddiem imsejħa s-“Sħubija Diġitali”), iffirmata fit-28 ta’ Novembru 2022, bħala inizjattiva biex tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Korea, f’diversi oqsma tal-ekonomija diġitali u biex jinħolqu opportunitajiet għal inizjattivi u sforzi konġunti f’oqsma ġodda u emerġenti tal-ekonomija diġitali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali bejn l-UE u l-Korea (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali”), iffirmati fit-30 ta’ Novembru 2022, bħala riżultat ewlieni tas-Sħubija Diġitali bejn l-UE u l-Korea, li jirriflettu l-impenn konġunt tal-Partijiet għal ekonomija diġitali miftuħa u li jipprovdu qafas komuni biex tingħata spinta lill-kummerċ diġitali;

Filwaqt li jagħrfu l-importanza tal-ekonomija diġitali u tal-kummerċ diġitali u li s-suċċess ekonomiku kontinwu jiddependi fuq il-kapaċità kkombinata tal-Partijiet li jisfruttaw l-avvanzi teknoloġiċi biex itejbu n-negozji eżistenti, joħolqu prodotti u swieq ġodda, u jtejbu l-ħajja ta’ kuljum;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-opportunitajiet ekonomiċi għan-negozji u l-aċċess usa’ għall-oġġetti u għas-servizzi għall-konsumaturi li jirriżultaw mill-ekonomija diġitali u l-kummerċ diġitali;

FILWAQT LI HUMA DEĊIŻI li japprofondixxu r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom f’oqsma ġodda u emerġenti, fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali preferenzjali bilaterali tagħhom;

FILWAQT LI HUMA DETERMINATI li jsaħħu r-relazzjoni kummerċjali preferenzjali bilaterali tagħhom bħala parti minn, u b’mod koerenti mar-relazzjonijiet ġenerali tagħhom, u jirrikonoxxu li dan il-Ftehim se joħloq klima ġdida għall-iżvilupp tal-kummerċ diġitali bejn il-Partijiet;

FILWAQT LI JENFASIZZAW l-importanza li jippromwovu ambjenti regolatorji miftuħa, trasparenti, nondiskriminatorji u prevedibbli għall-iffaċilitar tal-kummerċ diġitali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-iżvilupp u l-użu siguri u responsabbli tat-teknoloġiji diġitali biex titrawwem il-fiduċja pubblika;

FILWAQT LI JIKKONDIVIDU viżjoni ta’ kummerċ diġitali bħala faċilitatur ewlieni tal-iżvilupp sostenibbli u kontributur għat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħhom u, għalhekk, jikkunsidraw li r-regoli tal-kummerċ diġitali għandhom jibqgħu validi fil-futur u jwieġbu għall-innovazzjoni u għat-teknoloġiji emerġenti;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenji tagħhom lejn il-prinċipji ta’ żvilupp sostenibbli fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

FILWAQT LI HUMA DETERMINATI li jsaħħu r-relazzjoni ekonomika, kummerċjali u ta’ investiment tagħhom f’konformità mal-objettivi ta’ żvilupp sostenibbli, fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu, u li jippromwovu l-kummerċ diġitali skont dan il-Ftehim b’mod li jqis il-livelli għoljin ta’ ħarsien ambjentali u tal-ħaddiema u standards u ftehimiet internazzjonali rilevanti rikonoxxuti internazzjonalment;

FILWAQT LI KONVINTI li l-kummerċ diġitali jappoġġa l-intraprenditorija u jagħti s-setgħa lin-negozji ta’ kull daqs jipparteċipaw fl-ekonomija globali billi jtejjeb l-interoperabbiltà, l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni, u l-aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, b’mod partikolari għall-imprendituri nisa u l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, filwaqt li jippromwovi l-inklużjoni diġitali ta’ gruppi u individwi li jistgħu jiffaċċjaw b’mod sproporzjonat ostakli għall-kummerċ diġitali;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tat-trasparenza fil-kummerċ u fl-investiment internazzjonali, li hija għall-benefiċċju tal-partijiet ikkonċernati kollha, u filwaqt li jaffermaw mill-ġdid l-impenji tal-Partijiet rilevanti riflessi fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

FILWAQT LI JFITTXU li jistabbilixxu qafas modern u dinamiku għall-kooperazzjoni li jikkorrispondi għall-ekonomija diġitali u l-kummerċ diġitali b’pass imgħaġġel u li qed jevolvu;

FILWAQT LI JAFFERMAW id-dritt tal-Partijiet li jirregolaw fit-territorji tagħhom biex jilħqu objettivi leġittimi ta’ politika;

Filwaqt li jikkomplementaw ir-rwoli ta’ tmexxija internazzjonali u reġjonali tal-Partijiet fis-segwitu ta’ parametri referenzjarji, regoli u standards ambizzjużi għall-ekonomija diġitali u l-kummerċ diġitali;

FILWAQT LI JAFFERMAW l-impenn tagħhom lejn il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti ffirmata f’San Francisco fis-26 ta’ Ġunju 1945 u wara li kkunsidraw il-prinċipji artikolati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-10 ta’ Diċembru 1948;

FILWAQT LI JIBNU fuq id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom skont il-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim tad-WTO”), magħmul f’Marrakesh, fil-15 ta’ April 1994, u ftehimiet multilaterali u bilaterali oħra u strumenti internazzjonali ta’ kooperazzjoni li għalihom huma parti ż-żewġ Partijiet,

QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:



L-EWWEL KAPITOLU

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

ARTIKOLU 1

Objettiv

1.    L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jiffaċilita l-kummerċ diġitali bejn il-Partijiet, jipprovdi ċertezza legali għan-negozji u għall-konsumaturi involuti fih, itejjeb il-protezzjoni tagħhom fit-tranżazzjonijiet diġitali, u jrawwem ambjent online miftuħ, liberu u ġust f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

2.    Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fil-qafas tal-Ftehim Qafas u għandu, flimkien mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, jifforma ż-żona ta’ kummerċ ħieles b’mod konsistenti mal-Artikolu XXIV (Applikazzjoni Territorjali – Traffiku tal-Fruntiera – Unjonijiet Doganali u Żoni ta’ Kummerċ Ħieles) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “GATT 1994”) u l-Artikolu V (Integrazzjoni Ekonomika) tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (minn hawn’ il quddiem imsejjaħ “GATS”).

ARTIKOLU 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.    Dan il-Ftehim japplika għal miżuri ta’ Parti li jaffettwaw il-kummerċ permezz ta’ mezzi elettroniċi.

2.    Dan il-Ftehim ma japplikax għal:

(a)    servizzi awdjoviżivi;

(b)    servizzi pprovduti jew attivitajiet imwettqa fl-eżerċitar ta’ awtorità governattiva; u

(c)    data miżmuma jew ipproċessata minn jew f’isem Parti, jew miżuri relatati ma’ tali data 1 , inkluż miżuri relatati mal-ġbir, il-ħżin jew l-ipproċessar ta’ tali data, ħlief kif previst fl-Artikolu 16 (Data tal-Gvern Miftuħa).

ARTIKOLU 3

Dritt għar-Regolamentazzjoni

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt tagħhom li jirregolaw fit-territorji tagħhom biex jilħqu l-objettivi leġittimi ta’ politika, bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent jew il-morali pubbliċi, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.

ARTIKOLU 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)    “attivitajiet imwettqa fl-eżerċitar ta’ awtorità governattiva” tfisser attivitajiet li la huma mwettqa fuq bażi kummerċjali u lanqas f’kompetizzjoni ma’ operatur ekonomiku wieħed jew aktar;

(b)    “messaġġ elettroniku kummerċjali” tfisser messaġġ elettroniku li jintbagħat għal finijiet kummerċjali lil indirizz elettroniku ta’ persuna permezz ta’ kwalunkwe servizz tat-telekomunikazzjoni li jiġi offrut lill-pubbliku b’mod ġenerali 2 , li jinkludi mill-inqas posta elettronika, messaġġi testwali u multimedjali (SMS u MMS), u, sa fejn previst skont il-liġijiet jew ir-regolamenti ta’ Parti, tipi oħra ta’ messaġġi elettroniċi;

(c)    “konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika involuta f’kummerċ diġitali għal finijiet oħra li ma humiex professjonali;

(d)    “awtentikazzjoni elettronika” tfisser il-proċess jew l-att ta’ verifika tal-identità ta’ persuna fiżika jew ġuridika involuta f’komunikazzjoni jew fi tranżazzjoni elettronika, jew l-iżgurar tal-integrità ta’ komunikazzjoni elettronika;

(e)    “fatturazzjoni elettronika” tfisser l-iskambju ta’ dokument ta’ fattura elettronika bejn il-fornitur u x-xerrej;

(f)    “fattura elettronika” tfisser fattura li tkun inħarġet, ġiet trażmessa u riċevuta f’format ta’ data strutturat li jippremetti l-ipproċessar awtomatiku u elettroniku tagħha;

(g)    “pagamenti elettroniċi” tfisser it-trasferiment ta’ kreditu pekunjarju ta’ pagatur fuq persuna li hija aċċettabbli għall-benefiċjarju u li ssir permezz ta’ mezzi elettroniċi, iżda ma tinkludix servizzi ta’ pagament ta’ banek ċentrali li jinvolvu saldu bejn fornituri ta’ servizzi finanzjarji;

(h)    “servizz elettroniku ta’ konsenja reġistrat” tfisser servizz li permezz tiegħu tkun possibbli t-trażmissjoni ta’ data bejn il-partijiet b’mezzi elettroniċi u jipprovdi evidenza relatata mal-ġestjoni tad-data trażmessa, inkluż prova li d-data ntbagħtet u ġiet riċevuta, u li jipproteġi d-data trażmessa kontra r-riskju ta’ telf, serq, dannu jew kwalunkwe bidla mhux awtorizzata;

(i)    “firma elettronika” tfisser data f’forma elettronika li tkun fi, imwaħħla ma’, jew assoċjata loġikament ma’ messaġġ elettroniku tad-data li tista’ tintuża biex tidentifika l-firmatarju fir-rigward tal-messaġġ tad-data u tindika l-approvazzjoni tal-firmatarju tal-informazzjoni li tinsab fil-messaġġ tad-data;

(j)    “trażmissjoni elettronika” tfisser trażmissjoni magħmula bl-użu ta’ kwalunkwe mezz elettromanjetiku u tinkludi l-kontenut tat-trażmissjoni;

(k)    “utent finali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri jew tabbona ma’ servizz ta’ aċċess għall-Internet minn fornitur ta’ servizz ta’ aċċess għall-Internet;

(l)    “servizz finanzjarju” tfisser servizz finanzjarju kif definit fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 7.37 (Kamp ta’ applikazzjoni u Definizzjonijiet) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

(m)    “data tal-gvern” tfisser data li hija proprjetà ta’ kwalunkwe livell ta’ gvern jew miżmuma minnu jew minn istituzzjoni pubblika 3 ;

(n)    “persuna ġuridika” tfisser kull entità legali debitament kostitwita jew organizzata mod ieħor skont il-liġi applikabbli, kemm jekk tkun bi skop ta’ qligħ kif ukoll għal skopijiet oħra, u kemm jekk tkun proprjetà privata kif ukoll jekk tal-gvern, inkluż kwalunkwe korporazzjoni, fiduċjarja, sħubija, impriża konġunta, impriża individwali jew assoċjazzjoni 4 ;

(o)    “miżura” tfisser kwalunkwe miżura minn Parti, kemm jekk fil-forma ta’ liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, azzjoni amministrattiva, jew kwalunkwe forma oħra;

(p)    “miżuri ta’ Parti” tfisser kwalunkwe miżura adottata jew miżmuma minn:

(i)    gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali; u

(ii)    korpi mhux governattivi fl-eżerċitar ta’ setgħat iddelegati minn gvernijiet jew awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali;

(q) “data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli 5 ;

(r)    “servizz” tfisser kwalunkwe servizz fi kwalunkwe settur, għajr is-servizzi pprovduti fl-eżerċitar ta’ awtorità governattiva;

(s)    “fornitur ta’ servizz” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tfittex li tipprovdi jew li tipprovdi servizz;

(t)    “servizzi pprovduti fl-eżerċitar ta’ awtorità governattiva” tfisser servizzi kif definiti fil-punt (c) tal-Artikolu I:3 tal-GATS, u l-punt 1(b) tal-Anness tal-GATS dwar is-Servizzi Finanzjarji, fejn applikabbli;

(u)    “territorju” tfisser, fir-rigward ta’ kull Parti, iż-żona fejn japplika dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 41 (Applikazzjoni Territorjali);

(v)    “messaġġ elettroniku kummerċjali mhux mitlub” tfisser messaġġ elettroniku kummerċjali li jintbagħat mingħajr il-kunsens tar-riċevitur jew minkejja r-rifjut espliċitu tar-riċevitur; u

(w)     “WTO” tfisser l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

IT-TIENI KAPITOLU

DIXXIPLINI TAL-KUMMERĊ DIĠITALI

TAQSIMA A

FLUSSI TAD-DATA B’FIDUĊJA

ARTIKOLU 5

Flussi Transfruntiera ta’ Data

1.    Il-Partijiet huma impenjati li jiżguraw trasferiment transfruntier tad-data sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ diġitali filwaqt li jirrikonoxxu li kull Parti jista’ jkollha r-rekwiżiti regolatorji tagħha stess f’dak ir-rigward.

2.    Għal dak il-għan, Parti ma għandhiex tadotta jew iżżomm miżuri li jipprojbixxu jew jirrestrinġu trasferiment transfruntier tad-data bejn il-Partijiet billi:

(a)    tirrikjedi l-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew elementi tan-network fit-territorju tal-Parti għall-ipproċessar tad-data, inkluż bl-impożizzjoni tal-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew elementi tan-network li huma ċċertifikati jew approvati fit-territorju tal-Parti;

(b)    tirrikjedi l-lokalizzazzjoni tad-data fit-territorju tal-Parti għall-ħżin jew għall-ipproċessar;

(c)    tipprojbixxi l-ħżin jew l-ipproċessar tad-data fit-territorju tal-Parti l-oħra;

(d)    tagħmel it-trasferiment transfruntier tad-data kontinġenti fuq l-użu ta’ faċilitajiet tal-kompjuter jew elementi tan-network fit-territorju tal-Parti jew fuq rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni fit-territorju tal-Parti;

(e)    tipprojbixxi t-trasferiment ta’ data fit-territorju tal-Parti; jew

(f)    tirrikjedi l-approvazzjoni tal-Parti qabel it-trasferiment tad-data lejn it-territorju tal-Parti l-oħra 6 .

3.    Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni lil Parti milli tadotta jew milli żżomm miżura inkonsistenti mal-paragrafu 2 biex tilħaq objettiv leġittimu ta’ politika pubblika 7 , dment li l-miżura:

(a)    ma tiġix applikata b’mod li jikkostitwixxi mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew mhux ġustifikabbli jew restrizzjoni moħbija fuq il-kummerċ; u

(b)    ma timponix restrizzjonijiet fuq it-trasferimenti ta’ informazzjoni jew l-użu jew il-post ta’ faċilitajiet tal-kompjuter akbar milli huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv.

4.    Dan l-Artikolu japplika għat-trasferiment transfruntier tad-data finanzjarja minn fornitur ta’ servizzi finanzjarji fejn l-ipproċessar ta’ tali data jkun meħtieġ fil-kors normali tan-negozju ta’ tali fornitur ta’ servizzi finanzjarji 8 . Il-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 2 ma għandhomx japplikaw għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1), u l-Artikolu 14-2(7), tar-Regolament tal-Korea dwar is-Superviżjoni ta’ Tranżazzjonijiet Finanzjarji Elettroniċi (l-Avviż tal-Kummissjoni tas-Servizzi Finanzjarji tal-Korea Nru. 2025-4 tal-5 ta’ Frar 2025) li jimplimenta l-Att dwar it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji Elettroniċi (il-Liġi Nru 19734 tal-14 ta’ Settembru 2023) 9 .

5.    Għal aktar ċertezza, il-paragrafi 3 u 4 ma jaffettwawx l-interpretazzjoni ta’ eċċezzjonijiet oħra f’dan il-Ftehim u l-applikazzjoni tagħhom għal dan l-Artikolu, u d-dritt ta’ Parti li tinvoka xi waħda minnhom.

6.    Il-Partijiet għandhom iżommu l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu taħt rieżami u għandhom jivvalutaw il-funzjonament tagħha fi żmien 3 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Parti tista’, fi kwalunkwe ħin, titlob mingħand il-Parti l-oħra li tirrieżamina l-lista ta’ restrizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2. Talba bħal din għandha tingħata kunsiderazzjoni simpatetika.



ARTIKOLU 6

Protezzjoni ta’ Data Personali u Privatezza

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-individwi għandhom dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza u li standards għoljin f’dan ir-rigward jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kunfidenza tal-konsumaturi fl-ekonomija diġitali u għall-iżvilupp tal-kummerċ.

2.    Għal dan il-għan, kull Parti għandha tadotta jew iżżomm qafas legali li jipprevedi l-protezzjoni ta’ data personali tal-individwi involuti fil-kummerċ diġitali.

3.    Fl-iżvilupp tal-qafas legali tagħha għall-protezzjoni ta’ data personali, kull Parti għandha tqis il-prinċipji u l-linji gwida żviluppati minn korpi internazzjonali rilevanti fir-rigward ta’ prinċipji ewlenin bħal-legalità, il-kwalità tad-data, l-ispeċifikazzjoni tal-iskop, il-limitazzjoni tal-ġbir u tal-użu, iż-żamma limitata ta’ data, is-sigurtà tad-data, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, id-drittijiet infurzabbli tal-individwi bħall-aċċess, ir-rettifikazzjoni, it-tneħħija, is-sorveljanza indipendenti u r-rimedju effettiv.

4.    Kull Parti għandha tiżgura li l-qafas legali tagħha adottat jew miżmum skont il-paragrafu 2 jipprovdi protezzjoni nondiskriminatorja ta’ data personali għall-individwi.

5.    Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jżomm Parti milli tadotta jew iżżomm miżuri dwar il-protezzjoni fuq id-data personali u l-privatezza, inkluż fir-rigward ta’ trasferiment transfruntier ta’ data personali, dment li l-liġi tal-Parti tipprevedi strumenti li jippermettu tali trasferimenti skont il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali 10 għall-protezzjoni tad-data trasferita.

6.    Kull Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra bi kwalunkwe miżura li tadotta jew iżżomm f’konformità mal-paragrafu 5.

7.    Kull Parti għandha tippubblika informazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza li tipprovdi lill-individwi involuti fil-kummerċ diġitali, inkluż gwida dwar kif:

(a)    l-individwi jistgħu jfittxu rimedji; u

(b)    in-negozji jistgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti legali.

8.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiskambjaw informazzjoni dwar u jikkondividu l-esperjenzi tal-użu ta’ mekkaniżmi għat-trasferiment ta’ data personali, kif xieraq.

TAQSIMA B  

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI

ARTIKOLU 7

Dazji Doganali fuq Trażmissjonijiet Elettroniċi

1.    L-ebda Parti ma għandha timponi dazji doganali fuq trażmissjonijiet elettroniċi.

2.    Għal aktar ċertezza, il-paragrafu 1 ma jipprekludix lil Parti milli timponi taxxi, tariffi jew imposti oħra interni fuq trażmissjonijiet elettroniċi, b’mod li ma jkunx inkonsistenti ma’ dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 8

Ebda Għoti ta’ Awtorizzazzjoni Minn Qabel

Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex ma tirrikjedix awtorizzazzjoni minn qabel biss għar-raġuni li servizz jiġi pprovdut online 11 , jew tadotta jew iżżomm kwalunkwe rekwiżit ieħor li jkollu effett ekwivalenti.

ARTIKOLU 9

Kuntratti Elettroniċi

Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-kuntratti jkunu jistgħu jiġu konklużi b’mezzi elettroniċi u li l-liġi tagħha la toħloq ostakli fl-użu ta’ kuntratti elettroniċi u lanqas ma twassal sabiex il-kuntratti jiġu mċaħħda mill-effett legali u mill-validità legali biss fuq il-bażi li l-kuntratt ikun sar b’mezzi elettroniċi.

ARTIKOLU 10

Awtentikazzjoni Elettronika u Firem Elettroniċi 12

1.    Jenħtieġ li ebda Parti ma tiċħad l-effett legali, il-validità legali u l-ammissibbiltà bħala evidenza fi proċedimenti legali ta’ dokument elettroniku jew ta’ firma elettronika biss fuq il-bażi li din tkun f’forma elettronika.

2.    Parti ma għandhiex tadotta jew iżżomm miżuri li:

(a)    jipprojbixxu lill-partijiet għal tranżazzjoni elettronika milli jiddeterminaw b’mod reċiproku l-metodu ta’ awtentikazzjoni elettronika jew il-firma elettronika xierqa għal dik it-tranżazzjoni; jew

(b)    jipprevjenu lill-partijiet għal tranżazzjoni elettronika milli jkollhom l-opportunità li jistabbilixxu quddiem awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi li t-tranżazzjoni tagħhom tikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit legali fir-rigward tal-awtentikazzjoni elettronika jew tal-firem elettroniċi.

3.    Minkejja l-paragrafu 2, Parti tista’ tirikjedi li għal kategorija partikolari ta’ tranżazzjonijiet, il-metodu ta’ awtentikazzjoni elettronika jew tal-firma elettronika jiġi ċċertifikat minn awtorità akkreditata f’konformità mal-liġi ta’ dik il-Parti jew jissodisfa ċerti standards ta’ prestazzjoni li għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u nondiskriminatorji u għandhom ikunu relatati biss mal-karatteristiċi speċifiċi tal-kategorija tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati, f’konformità mal-liġi tagħha.

4.    Sa fejn previst skont il-liġijiet jew ir-regolamenti tagħha, Parti għandha tapplika l-paragrafi 1 sa 3 għas-siġilli elettroniċi, għat-timbri tal-ħin elettroniċi u għas-servizzi elettroniċi ta’ konsenja rreġistrati.

5.    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-użu ta’ awtentikazzjoni elettronika interoperabbli.

6.    Il-partijiet jistgħu jaħdmu flimkien fuq bażi volontarja, biex jinkoraġġixxu r-rikonoxximent reċiproku tal-firem elettroniċi.

ARTIKOLU 11

Kodiċi tas-Sors

1.    L-ebda Parti ma għandha tirrikjedi t-trasferiment ta’, jew l-aċċess għall-kodiċi tas-sors ta’ software li jkun proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika tal-Parti l-oħra, bħala kundizzjoni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ jew l-użu ta’ tali software, jew ta’ prodotti li fihom tali software, fit-territorju tagħha jew minnu.

2.    Għal aktar ċertezza:

(a)    L-Artikolu 27 (Konċessjoni Prudenzjali), l-Artikolu 28 (Eċċezzjonijiet Ġenerali) u l-Artikolu 29 (Eċċezzjonijiet dwar is-Sigurtà) jistgħu japplikaw għal miżuri ta’ Parti adottati jew miżmuma fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ċertifikazzjoni;

(b)    il-paragrafu 1 ma japplikax għat-trasferiment volontarju ta’, jew l-għoti ta’ aċċess għal, kodiċi tas-sors ta’ software minn persuna fiżika jew ġuridika tal-Parti l-oħra fuq bażi kummerċjali, bħal fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ akkwist pubbliku jew kuntratti oħra nnegozjati liberament; u

(c)    il-paragrafu 1 ma jaffettwax id-dritt tal-awtoritajiet regolatorji, korpi ġudizzjarji jew tal-infurzar tal-liġi ta’ Parti li jirrikjedu l-modifika ta’ kodiċi tas-sors tas-software biex jikkonforma mal-liġijiet jew mar-regolamenti tagħha li ma jkunux inkonsistenti ma’ dan il-Ftehim.

3.    Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jaffettwa:

(a)    id-dritt tal-awtoritajiet regolatorji, tal-infurzar tal-liġi, tal-korpi ġudizzjarji jew tal-valutazzjoni tal-konformità 13 ta’ Parti li jirrikjedu t-trasferiment ta’ kodiċi tas-sors ta’ software, jew l-aċċess għalih, qabel jew wara l-importazzjoni, l-esportazzjoni, id-distribuzzjoni, il-bejgħ jew l-użu ta’ tali software, għal finijiet ta’ investigazzjoni, spezzjoni jew eżami, azzjoni ta’ infurzar jew proċedimenti ġudizzjarji, biex jiżguraw il-konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti tagħha li jsegwu objettivi leġittimi ta’ politika pubblika 14 , soġġett għal salvagwardji kontra żvelar mhux awtorizzat;

(b)    ir-rekwiżiti minn qorti, tribunal amministrattiv, awtorità tal-kompetizzjoni, jew korp rilevanti ieħor ta’ Parti biex jiġi rrimedjat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jew rekwiżiti skont il-liġijiet jew ir-regolamenti ta’ Parti li ma jkunux inkonsistenti ma’ dan il-Ftehim biex jiġi pprovdut aċċess proporzjonat u mmirat għall-kodiċi tas-sors tas-software li jkun meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ostakli għad-dħul fis-swieq diġitali biex jiġi żgurat li dawn is-swieq jibqgħu kompetittivi, ġusti, miftuħa u trasparenti;

(c)    il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; jew

(d)    id-dritt ta’ Parti li tieħu miżuri f’konformità mal-Artikolu III tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku tad-WTO.

ARTIKOLU 12

Fiduċja tal-Konsumatur Online

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ miżuri trasparenti u effettivi li jtejbu l-kunfidenza u l-fiduċja tal-konsumatur fil-kummerċ elettroniku.

2.Għal dan il-għan, kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri li jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi involuti fil-kummerċ elettroniku, inkluż miżuri li:

(a)    jipproskrivu prattiki kummerċjali frodulenti, qarrieqa u li jikkawżaw dannu, jew dannu potenzjali, lill-konsumaturi involuti fil-kummerċ elettroniku;

(b)    jirrikjedu li l-fornituri ta’ oġġetti jew servizzi jaġixxu in bona fide u jirrispettaw prattiki kummerċjali ġusti;

(c)    jirrikjedu li l-fornituri ta’ oġġetti jew servizzi jipprovdu informazzjoni kompluta, akkurata u trasparenti dwar dawk l-oġġetti jew servizzi, kif ukoll dwar l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom 15 ;

(d)    jiżguraw is-sikurezza tal-oġġetti u, fejn applikabbli, tas-servizzi waqt l-użu normali jew raġonevolment prevedibbli; u

(e)    jagħtu lill-konsumaturi aċċess għal rimedju jew rikors biex jiddikjaraw id-drittijiet tagħhom, inkluż dritt għal rimedji f’każijiet fejn oġġetti jew servizzi jitħallsu u ma jitwasslux jew ma jiġux ipprovduti kif miftiehem.

3.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “ prattika kummerċjali frodulenti, qarrieqa u li tikkawża dannu” tinkludi:

(a)    li jsiru rappreżentazzjonijiet żbaljati materjali 16 , inkluż rappreżentazzjonijiet żbaljati fattwali impliċiti jew dikjarazzjonijiet foloz dwar kwistjonijiet, bħall-kwalitajiet, il-prezz, l-adegwatezza għall-iskop, il-kwantità jew l-oriġini tal-oġġetti jew tas-servizzi;

(b)    ir-reklamar ta’ oġġetti jew ta’ servizzi għal forniment mingħajr intenzjoni jew kapaċità raġonevoli ta’ forniment;

(c)    in-nuqqas ta’ twassil ta’ oġġetti jew forniment ta’ servizzi lil konsumatur wara li l-konsumatur jintalab iħallas, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat fuq bażi raġonevoli; jew  

(d)    l-imposta ta’ ħlas lil konsumatur għal oġġetti jew servizzi mhux mitluba.

4.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li l-konsumaturi involuti fil-kummerċ elettroniku, jingħataw protezzjoni tal-konsumatur f’livell mhux inqas minn dak mogħti lill-konsumaturi involuti f’forom oħra ta’ kummerċ.

5.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji rispettivi tagħhom għall-protezzjoni tal-konsumatur jew korpi rilevanti oħra dwar attivitajiet relatati mal-kummerċ elettroniku transfruntier, kif ukoll l-importanza li jiġu fdati b’setgħat ta’ infurzar adegwati biex itejbu l-protezzjoni tal-konsumatur online.

6.Kull Parti għandha tagħmel il-liġijiet u r-regolamenti tagħha dwar il-protezzjoni tal-konsumatur disponibbli għall-pubbliku u faċilment aċċessibbli.

7.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-benefiċċji tal-mekkaniżmi, inkluż is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, biex jiffaċilitaw is-soluzzjoni ta’ tilwim li jirriżulta minn tranżazzjonijiet tal-kummerċ elettroniku.

ARTIKOLU 13

Messaġġi Elettroniċi Kummerċjali Mhux Mitluba

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jiġu promossi l-kunfidenza u l-fiduċja fil-kummerċ elettroniku, inkluż permezz ta’ miżuri trasparenti u effettivi li jillimitaw il-messaġġi elettroniċi kummerċjali mhux mitluba. Għal dan il-għan, kull Parti għandha tadotta jew iżżomm miżuri li:

(a)    jirrikjedu li l-fornituri ta’ messaġġi elettroniċi kummerċjali jiffaċilitaw il-ħila tar-riċevituri 17 li jipprevjenu r-riċeviment li jibqa’ għaddej ta’ dawk il-messaġġi; u

(b)    jirrikjedu l-kunsens, kif speċifikat fil-liġi ta’ kull Parti, tar-riċevituri biex jirċievu messaġġi elettroniċi kummerċjali.

2.    Minkejja l-punt (b) tal-paragrafu 1, kull Parti għandha tippermetti lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu ġabru, fil-kuntest tal-forniment ta’ oġġetti jew ta’ servizzi u f’konformità mal-liġi tagħha, id-dettalji ta’ kuntatt ta’ riċevitur, jibagħtu messaġġi elettroniċi kummerċjali lil dak ir-riċevitur għall-oġġetti jew għas-servizzi simili tagħhom stess 18 .

3.    Kull Parti għandha tiżgura li l-messaġġi elettroniċi kummerċjali jkunu identifikabbli b’mod ċar bħala tali, jiżvelaw b’mod ċar f’isem min intbagħtu, u jkun fihom l-informazzjoni neċessarja biex ir-riċevituri jkunu jistgħu jitolbu l-waqfien ta’ dawk il-messaġġi mingħajr ħlas u fi kwalunkwe ħin.

4.    Kull Parti għandha tipprovdi lir-riċevituri aċċess għal rimedju jew rikors kontra fornituri ta’ messaġġi elettroniċi kummerċjali mhux mitluba li ma jikkonformawx mal-miżuri adottati jew miżmuma skont il-paragrafi 1 sa 3.

5.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw f’każijiet xierqa ta’ tħassib reċiproku rigward ir-regolamentazzjoni ta’ messaġġi elettroniċi kummerċjali mhux mitluba.

ARTIKOLU 14

Kooperazzjoni dwar Kwistjonijiet ta’ Kummerċ Diġitali

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tas-Sħubija Diġitali fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali tagħhom f’varjetà ta’ oqsma tal-ekonomija diġitali u fil-ħolqien ta’ opportunitajiet għal inizjattivi u sforzi konġunti f’oqsma ġodda u emerġenti tal-ekonomija diġitali.

2.    Sabiex jikkomplimentaw il-kooperazzjoni skont is-Sħubija Diġitali u jirrikonoxxu l-kooperazzjoni rilevanti skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, inkluż fil-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli stabbilit skont l-Artikolu 15.2(2) (Kumitati Speċjalizzati) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet regolatorji fil-kuntest tal-kummerċ diġitali, li għandha tindirizza dan li ġej:

(a)    ir-rikonoxximent u l-faċilitar tal-awtentikazzjoni elettronika interoperabbli u r-rikonoxximent reċiproku tal-firem elettroniċi;

(b)    it-trattament ta’ messaġġi elettroniċi kummerċjali mhux mitluba;

(c)    il-protezzjoni tal-konsumaturi;

(d)    l-aħjar prattiki u informazzjoni dwar il-loġistika transfruntiera; u

(e)    kwistjonijiet oħra rilevanti għall-iżvilupp tal-kummerċ diġitali, inkluż dawk imsemmija fil-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali.

3.    Għal aktar ċertezza, il-kooperazzjoni regolatorja dwar ir-regoli u s-salvagwardji tal-Partijiet għall-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, inkluż dwar it-trasferimenti transfruntiera ta’ data personali, hija soġġetta għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6 (Protezzjoni ta’ Data Personali u Privatezza).

ARTIKOLU 15

Aċċess għall-Internet Miftuħ

1.    Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li l-utenti finali fit-territorju tagħha jkollhom il-kapaċità li:

(a)    jaċċessaw u jużaw servizzi u applikazzjonijiet legali tal-għażla tagħhom disponibbli fuq l-Internet, soġġetti għal ġestjoni nondiskriminatorja, raġonevoli, trasparenti u proporzjonata tan-network li ma timblukkax jew ma tnaqqas ir-ritmu tat-traffiku tal-Internet għal vantaġġ kummerċjali inġust 19 ;

(b)    jikkonnettjaw l-apparati tal-għażla tagħhom mal-Internet, dment li tali apparati ma jagħmlux ħsara lill-apparati oħra, lin-network jew lis-servizzi pprovduti fuq in-network; jew

(c)    jaċċessaw informazzjoni trasparenti u ċara dwar il-prattiki tal-ġestjoni tan-network tal-fornitur tagħhom ta’ servizz ta’ aċċess għall-internet.

2.    Għal aktar ċertezza, xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni lill-Partijiet milli jadottaw miżuri bl-għan li jipproteġu s-sikurezza pubblika fir-rigward tal-utenti online, f’konformità ma’ dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 16

Data tal-Gvern Miftuħa

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-iffaċilitar tal-aċċess pubbliku għad-data tal-gvern, u l-użu tagħha, jikkontribwixxi biex jistimula l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-kompetittività, il-produttività u l-innovazzjoni.

2.    Sa fejn Parti tagħżel li tagħmel id-data tal-gvern disponibbli b’mod diġitali għall-aċċess u l-użu tal-pubbliku, għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li d-data tkun:

(a)    f’format li jippermetti li d-data tiġi mfittxija, irkuprata, użata, użata mill-ġdid, u ridistribwita faċilment;

(b)    disponibbli f’format li jista’ jinqara mill-magni u, fejn rilevanti, tkun f’format li jista’ jintuża minn teknoloġiji ta’ ġeoreferenzazzjoni;

(c)    akkumpanjata minn metadata, li tkun kemm jista’ jkun standard;

(d)    disponibbli permezz ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet affidabbli, faċli għall-utent u disponibbli mingħajr ħlas, sa fejn ikun possibbli;

(e)    aġġornata fuq bażi regolari;

(f)    ma tkunx soġġetta għal kundizzjonijiet li jkunu diskriminatorji jew li jirrestrinġu bla bżonn li terġa’ tintuża; u

(g)    disponibbli għall-użu mill-ġdid f’konformità sħiħa mar-regoli ta’ Parti dwar il-protezzjoni ta’ data personali, inkluż l-anonimizzazzjoni xierqa.

3.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw sabiex jidentifikaw modi li bihom kull Parti tista’ tespandi l-aċċess għal data pubblika, u l-użu tagħha, li l-Parti tkun għamlet pubblika, bil-ħsieb li ttejjeb u tiġġenera opportunitajiet ta’ negozju, lil hinn mill-użu tagħha mis-settur pubbliku.

ARTIKOLU 17

Fatturazzjoni Elettronika

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-fatturazzjoni elettronika biex iżidu l-effiċjenza, l-akkuratezza u l-affidabbiltà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u l-akkwist permezz ta’ mezzi elettroniċi. Kull Parti tirrikonoxxi l-benefiċċji li tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-oqfsa użati għall-fatturazzjoni elettronika fit-territorju tagħha mal-oqfsa użati għall-fatturazzjoni elettronika fit-territorju tal-Parti l-oħra, u l-importanza tal-istandards tal-fatturazzjoni elettronika bħala element ewlieni għal dak il-għan.

2.    Kull Parti għandha tiżgura li l-miżuri relatati mal-fatturazzjoni elettronika fit-territorju tagħha huma mfassla biex jappoġġaw l-interoperabbiltà transfruntiera bejn l-oqfsa tal-fatturazzjoni elettronika tal-Partijiet. Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom iqisu l-istandards, il-linji gwida jew ir-rakkomandazzjonijiet internazzjonali, fejn dawn jeżistu.

3.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex:

(a)    jikkondividu l-aħjar prattiki relatati mal-fatturazzjoni elettronika u jikkollaboraw fuq il-promozzjoni tal-adozzjoni globali ta’ oqfsa interoperabbli għall-fatturazzjoni elettronika;

(b)    jikkollaboraw fuq inizjattivi li jippromwovu, jinkoraġġixxu, jappoġġaw jew jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ fatturazzjoni elettronika min-negozji;

(c)    jippromwovu l-eżistenza ta’ politika, infrastruttura u proċessi sottostanti li jappoġġaw il-fatturazzjoni elettronika; u

(d)    jiġġeneraw sensibilizzazzjoni dwar il-fatturazzjoni elettronika u jibnu l-kapaċità għaliha.

ARTIKOLU 18

Kummerċ Mingħajr Karti

1.    Bil-ħsieb li jinħoloq ambjent tal-fruntiera mingħajr karti għan-negozju tal-oġġetti, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jiġu eliminati l-formoli u d-dokumenti stampati meħtieġa għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-oġġetti. Għal dak il-għan, il-Partijiet huma mħeġġa jeliminaw il-formoli u d-dokumenti stampati, kif xieraq, u t-tranżizzjoni lejn l-użu ta’ formoli u ta’ dokumenti f’formati bbażati fuq id-data.

2.    Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel il-formoli u d-dokumenti meħtieġa għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-oġġetti disponibbli għall-pubbliku f’format elettroniku 20 .

3.    Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex taċċetta formoli u dokumenti meħtieġa għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-oġġetti ppreżentati f’format elettroniku bħala l-ekwivalenti legali ta’ verżjonijiet stampati ta’ dawk il-formoli u d-dokumenti.

4.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bilateralment u f’fora internazzjonali biex jippromwovu l-aċċettazzjoni ta’ verżjonijiet elettroniċi ta’ formoli u dokumenti meħtieġa għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-oġġetti.

5.    Fl-iżvilupp ta’ inizjattivi li jipprevedu l-użu ta’ kummerċ mingħajr karti, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tqis il-metodi miftiehma minn organizzazzjonijiet internazzjonali.



ARTIKOLU 19

Punt Uniku ta’ Kuntatt

1.    Meta tistabbilixxi jew iżżomm il-punt uniku ta’ kuntatt tagħha skont l-Artikolu 10.4.1 tal-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, stabbilit fl-Anness 1A tal-Ftehim tad-WTO, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tippermetti s-sottomissjoni elettronika tad-dokumentazzjoni jew tad-data li teħtieġ għall-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu tal-oġġetti mit-territorju tagħha permezz ta’ punt ta’ dħul uniku, lill-awtoritajiet jew lill-aġenziji parteċipanti kollha tagħha.

2.    Il-Partijiet għandhom jiżviluppaw kooperazzjoni, bħal billi jiskambjaw, fejn rilevanti u xieraq, permezz ta’ komunikazzjoni elettronika strutturata u rikorrenti bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet, informazzjoni relatata mad-dwana, kif xieraq, u f’konformità mal-liġi ta’ kull Parti, għall-finijiet tat-titjib tal-ġestjoni tar-riskju u l-effettività tal-kontrolli doganali, l-immirar ta’ oġġetti f’riskju f’termini ta’ ġbir ta’ dħul jew sikurezza u sigurtà, u l-iffaċilitar tal-kummerċ leġittimu.

3.    Il-Kumitat Doganali stabbilit skont l-Artikolu 15.2(1) (Kumitati Speċjalizzati) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles:

(a)    għandu jiżgura l-applikazzjoni xierqa ta’ dan l-Artikolu u jeżamina l-kwistjonijiet kollha li jinqalgħu minnu;

(b)    jista’ jifformula riżoluzzjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew opinjonijiet li jqis meħtieġa għall-ilħuq tal-objettivi komuni u l-applikazzjoni xierqa ta’ dan l-Artikolu; u

(c)    fuq talba ta’ Parti, għandu jiltaqa’ biex jiddiskuti u jagħmel ħiltu biex isolvi kwalunkwe differenza li tista’ tinqala’ bejn il-Partijiet dwar kwistjonijiet relatati ma’ dan l-Artikolu.

4.    Il-Kumitat Doganali jista’ jipproponi wkoll deċiżjonijiet li jridu jiġu adottati mill-Kumitat għall-Kummerċ, stabbilit skont l-Artikolu 15.1(1) (Kumitat għall-Kummerċ) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jkollu s-setgħa li jieħu tali deċiżjonijiet.

ARTIKOLU 20

Pagamenti Elettroniċi

1.Filwaqt li jinnutaw iż-żieda rapida fil-pagamenti elettroniċi, b’mod partikolari dawk ipprovduti minn fornituri ġodda ta’ servizzi ta’ pagamenti elettroniċi, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jiġi żviluppat ambjent effiċjenti, sikur u sigur għall-pagamenti elettroniċi transfruntiera, inkluż billi jirrikonoxxu:

(a)    il-benefiċċju tal-appoġġ għall-iżvilupp ta’ pagamenti elettroniċi transfruntiera sikuri, effiċjenti, affidabbli, siguri, affordabbli u aċċessibbli billi jrawmu l-adozzjoni u l-użu ta’ standards aċċettati internazzjonalment, jippromwovu l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ pagamenti elettroniċi, u jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni utli fis-servizzi ta’ pagamenti elettroniċi;

(b)    l-importanza li jżommu s-sistemi ta’ pagamenti elettroniċi sikuri, effiċjenti, affidabbli, siguri u aċċessibbli permezz ta’ liġijiet u regolamenti li, fejn xieraq, iqisu r-riskji ta’ tali sistemi; u

(c)    l-importanza li jippermettu l-introduzzjoni ta’ prodotti u servizzi ta’ pagamenti elettroniċi sikuri, effiċjenti, affidabbli, siguri, affordabbli u aċċessibbli, fil-ħin.

2.    Għal dan il-għan, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex:

(a)    toħroġ deċiżjonijiet finali dwar approvazzjonijiet regolatorji jew ta’ liċenzjar fil-ħin;

(b)    tqis, għas-sistemi ta’ pagamenti elettroniċi rilevanti, standards ta’ pagament aċċettati internazzjonalment biex tippermetti interoperabbiltà akbar bejn is-sistemi ta’ pagamenti elettroniċi;

(c)    tinkoraġġixxi lill-fornituri ta’ servizzi finanzjarji u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ pagamenti elettroniċi jużaw pjattaformi u arkitetturi miftuħin u li jagħmlu disponibbli, f’konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, interfaċċi tekniċi tal-prodotti, is-servizzi u t-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom, biex jiġu ffaċilitati l-interoperabbiltà, il-kompetizzjoni, is-sigurtà u l-innovazzjoni akbar fil-pagamenti elettroniċi, li jistgħu jinkludu sħubijiet ma’ fornituri terzi, soġġetti għal ġestjoni xierqa tar-riskju; u

(d)    tiffaċilita l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti u servizzi ġodda ta’ pagamenti finanzjarji u elettroniċi fil-ħin, bħal permezz tal-adozzjoni ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji u industrijali.

3.Kull Parti għandha tagħmel il-liġi rispettiva tagħha dwar il-pagamenti elettroniċi, inkluż dawk li jappartjenu għall-approvazzjoni regolatorja, ir-rekwiżiti ta’ liċenzjar, il-proċeduri u l-istandards tekniċi, disponibbli għall-pubbliku fil-ħin.

ARTIKOLU 21

Ċibersigurtà

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu li ċ-ċibersigurtà tirfed l-ekonomija diġitali, u t-theddid għaliha jimmina l-fiduċja fil-kummerċ diġitali.

2.Il-Partijiet jirrikonoxxu n-natura li qed tevolvi tat-theddid ċibernetiku. Sabiex jidentifikaw u jimmitigaw dak it-theddid u b’hekk jiffaċilitaw il-kummerċ diġitali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex:

(a)    jibnu l-kapaċitajiet tal-entitajiet nazzjonali rispettivi tagħhom responsabbli għar-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà; u

(b)    jikkollaboraw biex jidentifikaw u jimmitigaw l-intrużjonijiet malizzjużi jew it-tixrid ta’ kodiċi malizzjuż li jaffettwa n-networks elettroniċi tal-Partijiet, biex jindirizzaw l-inċidenti taċ-ċibersigurtà fil-ħin u biex jikkondividu l-informazzjoni għas-sensibilizzazzjoni u l-aħjar prattiki.

3.Filwaqt li jinnotaw in-natura li qed tevolvi tat-theddid ċibernetiku u l-impatt negattiv tagħhom fuq il-kummerċ diġitali, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ approċċi bbażati fuq ir-riskju fl-indirizzar ta’ tali theddid filwaqt li jimminimizzaw l-ostakli għall-kummerċ. Għaldaqstant, biex tidentifika u tipproteġi kontra r-riskji taċ-ċibersigurtà, tidentifika eventi taċ-ċibersigurtà, u tirrispondi għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà u tirkupra minnhom, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tuża u tinkoraġġixxi lin-negozji fit-territorju tagħha jużaw approċċi bbażati fuq ir-riskju li jibbażaw fuq l-aħjar prattiki tal-ġestjoni tar-riskju u fuq standards żviluppati b’mod trasparenti, miftuħ u bbażat fuq il-kunsens.

ARTIKOLU 22

Standards, Regolamenti Tekniċi u Proċeduri ta’ Valutazzjoni tal-Konformità

1.    Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 1 tal-Ftehim dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim dwar l-OTK”) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza u l-kontribut tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità fit-trawwim ta’ ekonomija diġitali li tiffunzjona tajjeb, u fit-tnaqqis tal-ostakli għall-kummerċ diġitali billi jżidu l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-affidabbiltà.

3.    Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-korpi rispettivi tagħhom biex jipparteċipaw u jikkooperaw f’oqsma ta’ interess reċiproku f’fora internazzjonali li għalihom iż-żewġ Partijiet huma parti, biex jippromwovu l-iżvilupp u l-użu ta’ standards internazzjonali relatati mal-kummerċ diġitali. F’oqsma emerġenti ta’ interess reċiproku fl-ekonomija diġitali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom ukoll biex jagħmlu dan għas-servizzi rilevanti għall-kummerċ diġitali.

4.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-mekkaniżmi li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent transfruntier tar-riżultati ta’ valutazzjoni tal-konformità jistgħu jiffaċilitaw il-kummerċ diġitali. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħmlu użu minn tali mekkaniżmi, li jinkludu ftehimiet ta’ rikonoxximent internazzjonali dwar l-aċċettazzjoni tar-riżultati ta’ valutazzjoni tal-konformità mir-regolaturi. F’oqsma emerġenti ta’ interess reċiproku fl-ekonomija diġitali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom ukoll biex jagħmlu dan għas-servizzi rilevanti għall-kummerċ diġitali.

5.    Għal dan il-għan, f’oqsma ta’ interess reċiproku li huma relatati mal-kummerċ diġitali, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom jew jinkoraġġixxu lill-korpi rispettivi tagħhom biex jidentifikaw inizjattivi konġunti, u jikkooperaw fihom, fil-qasam tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità.

6.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-iskambju ta’ informazzjoni u t-trasparenza rigward it-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-kummerċ diġitali u jaffermaw l-impenji tagħhom relatati mat-trasparenza skont l-Artikoli 4.4 sa 4.6 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles. F’oqsma emerġenti ta’ interess reċiproku fl-ekonomija diġitali, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-iskambju ta’ informazzjoni u t-trasparenza fir-rigward tat-tħejjija, l-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-servizzi rilevanti għall-kummerċ diġitali u għandhom jagħmlu ħilithom biex, fuq talba u fejn xieraq, jinkoraġġixxu lill-korpi rispettivi tagħhom jipprovdu informazzjoni dwar l-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità relatati mas-servizzi rilevanti għall-kummerċ diġitali.

ARTIKOLU 23

Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju u Negozji Ġodda

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol fundamentali tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs, small and medium-sized enterprises) u tan-negozji l-ġodda fir-relazzjonijiet bilaterali kummerċjali u ta’ investiment tal-Partijiet u l-opportunitajiet li l-kummerċ diġitali jista’ joffri lil tali entitajiet.

2.Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol integrali tal-partijiet ikkonċernati, inkluż in-negozji, fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu mill-Partijiet.

3.Bil-ħsieb li jissaħħu l-opportunitajiet għall-SMEs u għan-negozji l-ġodda biex jibbenefikaw minn dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jiskambjaw informazzjoni u l-aħjar prattiki fl-ingranaġġ tal-għodod diġitali u tat-teknoloġija biex itejbu l-parteċipazzjoni tal-SMEs u tan-negozji l-ġodda f’opportunitajiet ta’ kummerċ diġitali.

ARTIKOLU 24

Inklużjoni Diġitali

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-inklużjoni diġitali biex jiżguraw li l-persuni u n-negozji kollha jkollhom dak li jeħtieġu biex jipparteċipaw fl-ekonomija diġitali, jikkontribwixxu għaliha u jibbenefikaw minnha. Għal dak il-għan, il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jespandu u jiffaċilitaw l-opportunitajiet billi jneħħu l-ostakli għall-parteċipazzjoni fil-kummerċ diġitali.

2.Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fuq kwistjonijiet relatati mal-inklużjoni diġitali, inkluż il-parteċipazzjoni fil-kummerċ diġitali ta’ persuni li jistgħu jiffaċċjaw ostakli sproporzjonati għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ diġitali. Tali kooperazzjoni tista’ tinkludi:

(a)    il-kondiviżjoni tal-esperjenzi u tal-aħjar prattiki, inkluż l-iskambji bejn l-esperti, fir-rigward tal-inklużjoni diġitali;

(b)    l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għall-aċċess għall-opportunitajiet kummerċjali diġitali;

(c)    il-kondiviżjoni ta’ metodi u proċeduri għall-iżvilupp ta’ settijiet ta’ data u t-twettiq ta’ analiżi fir-rigward tal-parteċipazzjoni fil-kummerċ diġitali ta’ persuni li jistgħu jiffaċċjaw ostakli sproporzjonati għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ diġitali; u

(d)    kwalunkwe qasam ieħor kif miftiehem b’mod konġunt mill-Partijiet.

3.L-attivitajiet ta’ kooperazzjoni relatati mal-inklużjoni diġitali jistgħu jitwettqu permezz tal-koordinazzjoni, kif xieraq, tal-aġenziji u l-partijiet ikkonċernati rispettivi tal-Partijiet.

4.Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jipparteċipaw b’mod attiv fid-WTO u f’fora internazzjonali oħra biex jippromwovu inizjattivi għall-avvanz tal-inklużjoni diġitali fil-kummerċ diġitali.

ARTIKOLU 25

Kondiviżjoni tal-Informazzjoni

1.Kull Parti għandha tistabbilixxi jew iżżomm mezz diġitali liberu u aċċessibbli għall-pubbliku li jkun fih informazzjoni rigward dan il-Ftehim, inkluż:

(a)    it-test ta’ dan il-Ftehim;

(b)    sommarju ta’ dan il-Ftehim; u

(c)    kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li Parti tqis utli biex l-SMEs u n-negozji l-ġodda jifhmu l-benefiċċji ta’ dan il-Ftehim.

2.Kull Parti għandha tirrieżamina regolarment l-informazzjoni magħmula disponibbli skont dan l-Artikolu biex tiżgura li l-informazzjoni u l-links ikunu aġġornati u akkurati.

3.Sa fejn ikun possibbli, kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tagħmel l-informazzjoni disponibbli skont dan l-Artikolu bl-Ingliż.

ARTIKOLU 26

Involviment tal-Partijiet Ikkonċernati

1.Il-Partijiet għandhom ifittxu opportunitajiet biex jippromwovu l-benefiċċji tal-kummerċ diġitali skont dan il-Ftehim fost il-partijiet ikkonċernati bħal negozji, organizzazzjonijiet mhux governattivi, esperti akkademiċi u partijiet ikkonċernati oħra.

2.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-involviment tal-partijiet ikkonċernati u tal-promozzjoni ta’ inizjattivi u pjattaformi rilevanti fil-Partijiet u bejniethom, kif xieraq, fil-kuntest ta’ dan il-Ftehim.

3.Fejn xieraq, il-Partijiet jistgħu jinvolvu partijiet ikkonċernati interessati bħal negozji, organizzazzjonijiet mhux governattivi u esperti akkademiċi għall-finijiet ta’ sforzi ta’ implimentazzjoni u l-modernizzazzjoni ulterjuri ta’ dan il-Ftehim.

IT-TIELET KAPITOLU

EĊĊEZZJONIJIET, SOLUZZJONI TA’ TILWIM, DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI U FINALI

TAQSIMA A

EĊĊEZZJONIJIET

ARTIKOLU 27

Konċessjoni Prudenzjali

1.    Minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan il-Ftehim, Parti ma għandhiex tinżamm milli tieħu miżuri għal raġunijiet prudenzjali 21 , inkluż:

(a)    il-protezzjoni tal-investituri, id-depożitanti, id-detenturi ta’ poloz jew ta’ persuni li lilhom huwa dovut obbligu fiduċjarju minn fornitur ta’ servizzi finanzjarji;

(b)    l-iżgurar tal-integrità u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Parti.

2.    Fejn tali miżuri ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandhomx jintużaw bħala mezz biex jiġu evitati l-impenji jew l-obbligi tal-Parti skont dan il-Ftehim.

3.    Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem li jirrikjedi lil Parti tiżvela informazzjoni relatata mal-affarijiet u l-kontijiet ta’ konsumaturi individwali jew kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali jew ta’ propjetà fil-pussess ta’ entitajiet pubbliċi.

ARTIKOLU 28

Eċċezzjonijiet Ġenerali

L-Artikolu 2.15 (Eċċezzjonijiet Ġenerali) u l-Artikolu 7.50 (Eċċezzjonijiet) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandhom japplikaw għal dan il-Ftehim, mutatis mutandis.



ARTIKOLU 29

Eċċezzjonijiet dwar is-Sigurtà

L-Artikolu 15.9 (Eċċezzjonijiet dwar is-Sigurtà) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu japplika għal dan il-Ftehim, mutatis mutandis.

ARTIKOLU 30

Eċċezzjonijiet dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti

L-Artikolu 15.8 (Eċċezzjonijiet dwar il-Bilanċ tal-Pagamenti) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu japplika għal dan il-Ftehim, mutatis mutandis.

ARTIKOLU 31

Tassazzjoni

L-Artikolu 15.7 (Tassazzjoni) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu japplika għal dan il-Ftehim, mutatis mutandis.

TAQSIMA B 

SOLUZZJONI TA’ TILWIM

ARTIKOLU 32

Soluzzjoni ta’ Tilwim

1.    Jekk tinqala’ tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 14 (Soluzzjoni ta’ Tilwim) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles u l-Annessi tiegħu għandhom japplikaw għal dan il-Ftehim, mutatis mutandis. Fir-rigward tas-soluzzjoni ta’ tilwim dwar servizzi finanzjarji, l-Artikolu 7.45 (Soluzzjoni ta’ Tilwim) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu japplika wkoll għal dan il-Ftehim, mutatis mutandis.

2.    Fir-rigward ta’ kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, Parti tista’ tirrikorri għall-mekkaniżmu ta’ medjazzjoni stabbilit fl-Anness 14-A (Mekkaniżmu ta’ Medjazzjoni għal Miżuri Mhux Tariffarji) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, li għandu japplika, mutatis mutandis.

ARTIKOLU 33 

Trasparenza

Soġġett għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, bħala komplement għad-dispożizzjonijiet fil-Kapitolu 14 (Soluzzjoni ta’ Tilwim) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, kull Parti għandha tippubblika minnufih:

(a)    talba għal konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 14.3(2) (Konsultazzjonijiet) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

(b)    talba għall-istabbiliment ta’ bord skont l-Artikolu 14.4(2) (Bidu tal-Proċedura ta’ Arbitraġġ) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

(c)    id-data tal-istabbiliment ta’ bord f’konformità mal-Artikolu 14.5(4) (Stabbiliment tal-Bord ta’ Arbitraġġ) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, il-limitu ta’ żmien għas-sottomissjonijiet amicus curiae ddeterminat f’konformità mal-Artikolu 11.1 tal-Anness 14-B (Regoli ta’ Proċedura għall-Arbitraġġ) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles u l-lingwa ta’ ħidma għall-proċedimenti tal-bord determinati f’konformità mal-Artikolu 13 tal-Anness 14-B (Regoli ta’ Proċedura għall-Arbitraġġ) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

(d)    is-sottomissjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħha pprovduti fil-proċediment tal-bord; u

(e)    informazzjoni li tkun intlaħqet soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku skont l-Artikolu 14.13 (Soluzzjoni Miftiehma b’Mod Reċiproku) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles. Il-Partijiet jistgħu wkoll, soġġett għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, jippubblikaw fil-pront soluzzjoni miftiehma b’mod reċiproku li tkun intlaħqet skont l-Artikolu 14.13 (Soluzzjoni Miftiehma b’Mod Reċiproku) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, filwaqt li jinnotaw li l-politika tal-Unjoni hija li tagħmel dawn id-dokumenti disponibbli għall-pubbliku.

TAQSIMA C

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

ARTIKOLU 34

Dispożizzjonijiet Istituzzjonali

1.    L-Artikolu 15.1 (Kumitat għall-Kummerċ), l-Artikolu 15.2 (Kumitati Speċjalizzati), l-Artikolu 15.4 (Teħid ta’ Deċiżjonijiet) u l-Artikolu 15.5 (Emendi) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandhom japplikaw għal dan il-Ftehim, mutatis mutandis.

2.    Il-Partijiet, b’dan jistabbilixxu l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kummerċ Diġitali taħt l-awspiċji tal-Kumitat għall-Kummerċ. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kummerċ Diġitali għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Ftehim, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 19 (Punt Uniku ta’ Kuntatt). L-Artikolu 15.3 (Gruppi ta’ Ħidma) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles għandu japplika għal dan il-Ftehim, mutatis mutandis.

3.    Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kummerċ Diġitali għandu jiltaqa’, f’livell xieraq, darba fis-sena sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, jew fi kwalunkwe ħin fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet jew tal-Kumitat għall-Kummerċ. Dan għandu jkun kopresedut minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Korea. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kummerċ Diġitali għandu jiftiehem fuq l-iskeda tal-laqgħat tiegħu u jistabbilixxi l-aġenda tiegħu.

4.    Il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kummerċ Diġitali għandu jinforma lill-Kumitat għall-Kummerċ dwar l-iskeda u l-aġenda tiegħu kmieni biżżejjed qabel il-laqgħat tiegħu. Huwa għandu jirrapporta lill-Kumitat għall-Kummerċ dwar l-attivitajiet tiegħu f’kull laqgħa regolari tal-Kumitat għall-Kummerċ. L-eżistenza tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kummerċ Diġitali ma għandhiex iżżomm lil waħda mill-Partijiet milli tressaq kwalunkwe kwistjoni direttament quddiem il-Kumitat għall-Kummerċ.

TAQSIMA D

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

ARTIKOLU 35

Divulgazzjoni ta’ Informazzjoni

1.    Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem bħala li jirrikjedi lil Parti tagħmel informazzjoni kunfidenzjali disponibbli, li d-divulgazzjoni tagħha tista’ xxekkel l-infurzar tal-liġi, tkun b’xi mod kontra l-interessi pubbliċi jew tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi partikolari, kemm jekk pubbliċi kif ukoll privati.

2.    Meta Parti tissottometti informazzjoni lill-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kummerċ Diġitali, lill-Kumitat għall-Kummerċ jew lill-Kumitat Doganali, li hija kkunsidrata bħala kunfidenzjali skont il-liġi tagħha, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali, sakemm il-parti li ssottmettietha ma tiftehimx mod ieħor.

ARTIKOLU 36

Dħul fis-Seħħ

1.    Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri tagħhom stess.

2.    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ 60 jum wara l-jum li fih il-Partijiet jiskambjaw notifiki bil-miktub li jiċċertifikaw li huma lestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri legali applikabbli rispettivi tagħhom għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jew f’data oħra skont kif jiftiehmu l-Partijiet.

3.    In-notifiki għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija tal-Korea, jew lis-suċċessur tiegħu.

ARTIKOLU 37

Durata

1.    Dan il-Ftehim għandu jkun validu għal żmien indefinit.

2.    Parti tista’ tavża lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li tiddenunzja dan il-Ftehim.

3.    Id-denunzja għandha tidħol fis-seħħ 6 xhur wara n-notifika skont il-paragrafu 2.

ARTIKOLU 38

Twettiq tal-Obbligi

1.    Il-Partijiet għandhom jieħdu kwalunkwe miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim. Huma għandhom jaraw li l-għanijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim jintlaħqu.

2.    Parti tista’ immedjatament tieħu miżuri xierqa f’konformità mad-dritt internazzjonali f’każ ta’ denunzja ta’ dan il-Ftehim li ma tkunx sanzjonata bir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali.

ARTIKOLU 39

Relazzjonijiet ma’ Ftehimiet Oħra

1.    Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, il-ftehimiet preċedenti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni jew il-Komunità Ewropea jew l-Unjoni u l-Korea ma humiex sostitwiti jew itterminati b’dan il-Ftehim.

2.    It-Taqsima F (Kummerċ Elettroniku) tal-Kapitolu 7 (Kummerċ fis-Servizzi, l-Istabbilizzazzjoni u l-Kummerċ Elettroniku) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma tibqax tapplika u hija sostitwita b’dan il-Ftehim.

3.    Għal aktar ċertezza, is-Sottotaqsima E (Servizzi Finanzjarji) tat-Taqsima E (Qafas Regolatorju) tal-Kapitolu 7 (Kummerċ fis-Servizzi, l-Istabbilizzazzjoni u l-Kummerċ Elettroniku), inkluż l-Artikolu 7.46 (Rikonoxximent) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, għandha tkompli tapplika għal miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7.37 (Kamp ta’ Applikazzjoni u Definizzjonijiet) ta’ dak il-Ftehim.

4.    Dan il-Ftehim għandu jkun parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Korea, min-naħa l-oħra, kif regolati mill-Ftehim Qafas u mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles. Dan il-Ftehim jikkostitwixxi ftehim speċifiku li jagħti effett flimkien mal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles lid-dispożizzjonijiet kummerċjali skont it-tifsira tal-Ftehim Qafas.

5.    Il-Partijiet jaqblu li xejn f’dan il-Ftehim ma jirrikjedi li huma jaġixxu b’mod li ma jkunx konsistenti mal-obbligi tagħhom skont il-Ftehim tad-WTO.

ARTIKOLU 40

Ebda Effett Dirett

1.    Għal aktar ċertezza, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat bħala li jagħti drittijiet jew li jimponi obbligi fuq kwalunkwe persuna, ħlief dawk id-drittijiet u l-obbligi maħluqa bejn il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali pubbliku.

2.    Parti ma għandhiex tipprevedi għal dritt ta’ azzjoni skont il-liġi tagħha kontra l-Parti l-oħra minħabba li miżura tal-Parti l-oħra hija inkonsistenti ma’ dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 41

Applikazzjoni Territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika:

(a)    fir-rigward tal-Unjoni, għat-territorji li fihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati; u²

(b)    fir-rigward tal-Korea, għat-territorju tagħha.

Referenzi għal “territorju” f’dan il-Ftehim għandhom jiġu mifhuma f’dan is-sens, sakemm ma jkunx iddikjarat espliċitament mod ieħor.

ARTIKOLU 42

Testi Awtentiċi

Dan il-Ftehim huwa mfassal b’kopji duplikati bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bin-Netherlandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bl-Irlandiż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż u bil-Korean, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

(1)

     Għal aktar ċertezza, tali miżuri jinkludu dawk relatati ma’ faċilitajiet tal-kompjuter jew elementi tan-network użati għall-ġbir, il-ħżin jew l-ipproċessar ta’ tali data.

(2)

     Għal aktar ċertezza, din id-definizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-kapaċità tal-Korea li tirregola l-messaġġi elettroniċi kummerċjali mibgħuta permezz ta’ servizzi tat-telekomunikazzjoni mhux pubbliċi. 

(3)

     Għal aktar ċertezza, it-terminu “istituzzjoni pubblika” għandu jinftiehem f’konformità mal-liġi ta’ kull Parti.

(4)

   Il-forom kollha ta’ preżenza kummerċjali ta’ persuna ġuridika, inkluż fergħa jew uffiċċju rappreżentattiv, għandhom jingħataw l-istess trattament bħal dak ta’ persuna ġuridika skont dan il-Ftehim. 

(5)

   Għal aktar ċertezza, dan jinkludi informazzjoni dwar il-kreditu personali.

(6)

   Għal aktar ċertezza, il-punt (f) tal-paragrafu 2 ma jipprevjenix lil Parti milli:

(a)    tissoġġetta l-użu ta’ strument speċifiku ta’ trasferiment jew trasferiment transfruntier partikolari tad-data għal approvazzjoni għal raġunijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, f’konformità mal-Artikolu 6;

(b)    tirrikjedi ċ-ċertifikazzjoni jew il-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti , tas-servizzi u tal-proċessi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni, inkluż l-Intelliġenza Artifiċjali, qabel il-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu tagħhom fit-territorju tagħha, biex tiżgura l-konformità mal-liġijiet u mar-regolamenti, b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim jew għal finijiet taċ-ċibersigurtà, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u mal-Artikoli 6(4), 27 (Konċessjoni Prudenzjali), 28 (Eċċezzjonijiet Ġenerali) u 29 (Eċċezzjonijiet ta’ Sigurtà); jew

(c)    tirrikjedi li entitajiet li jipproċessaw data protetta bid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jew bl-obbligi ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mil-liġijiet u mir-regolamenti ta’ Parti, b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim, jirrispettaw tali drittijiet jew obbligi meta jittrasferixxu d-data bejn il-fruntieri, inkluż fir-rigward ta’ talbiet għal aċċess mill-qrati u mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, f’konformità mal-Artikolu 28 (Eċċezzjonijiet Ġenerali).

(7)

   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “objettiv leġittimu ta’ politika pubblika” għandha tiġi interpretata b’mod oġġettiv u għandha tippermetti l-ilħuq ta’ objettivi bħall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, il-morali pubbliċi, jew il-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti, iż-żamma tal-ordni pubbliku, il-protezzjoni ta’ interessi fundamentali oħra tas-soċjetà bħas-sikurezza online, iċ-ċibersigurtà, l-intelliġenza artifiċjali sikura u affidabbli, jew il-protezzjoni kontra t-tixrid tad-diżinformazzjoni, jew objettivi simili oħra ta’ interess pubbliku, filwaqt li titqies in-natura li qed tevolvi tat-teknoloġiji diġitali.

(8)

   Skont l-Artikolu 3 (Dritt għar-Regolamentazzjoni), b’mod konsistenti ma’ dan il-Ftehim, il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt tagħhom li jirregolaw u jissorveljaw il-forniment ta’ servizzi finanzjarji fit-territorji tagħhom biex jilħqu l-objettivi leġittimi ta’ politika.

(9)

     Il-miżuri adottati jew miżmuma skont id-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu ma jistgħux jipprojbixxu t-trasferiment ta’ data finanzjarja fi kwalunkwe forma għall-ipproċessar ta’ data barra mit-territorju tal-Korea.

(10)

   Għal aktar ċertezza, “kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali” jirreferu għal kundizzjonijiet ifformulati f’termini oġġettivi li japplikaw orizzontalment għal għadd mhux identifikat ta’ operaturi ekonomiċi u b’hekk ikopru firxa ta’ sitwazzjonijiet u każijiet.

(11)

     Servizz ikun pprovdut online meta jiġi pprovdut b’mezzi elettroniċi u mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti fl-istess ħin.

(12)

     Għal aktar ċertezza, xejn f’dan l-Artikolu ma jipprevjeni lil Parti milli tagħti effett legali akbar lil firma elettronika li tissodisfa ċerti rekwiżiti, bħall-indikazzjoni li l-messaġġ elettroniku tad-data ma ġiex mibdul jew bħall-verifika tal-identità tal-firmatarju.

(13)

   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “korp ta’ valutazzjoni tal-konformità” tirreferi għal korp, aġenzija jew awtorità governattiva rilevanti ta’ Parti, jew korp mhux governattiv fl-eżerċitar tas-setgħat delegati minn korp governattiv jew awtorità ta’ Parti, li jwettaq il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità mal-liġijiet jew mar-regolamenti applikabbli ta’ dik il-Parti.

(14)

   Dawn jistgħu jinkludu dawk elenkati fin-nota f’qiegħ il-paġna għall-Artikolu 5(3) (Flussi Transfruntiera ta’ Data).

(15)

   Fil-każ ta’ fornituri ta’ servizzi intermedjarji, dan jinkludi wkoll l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur proprju tal-oġġett jew tas-servizz.

(16)

   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “rappreżentazzjonijiet żbaljati materjali” jirreferu għal rappreżentazzjonijiet żbaljati li x’aktarx jaffettwaw l-imġiba jew id-deċiżjoni tal-konsumatur li juża jew jixtri oġġett jew servizz.

(17)

   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-miżuri adottati jew miżmuma fir-rigward ta’ riċevituri mill-Unjoni għandhom japplikaw għal persuni fiżiċi. Il-miżuri adottati jew miżmuma mill-Korea fir-rigward tar-riċevituri għandhom japplikaw għal persuni fiżiċi u ġuridiċi.

(18)

   Għal aktar ċertezza, dan ma jipprevjenix lil xi Parti milli tirrikjedi l-kunsens ta’ riċevitur biex jirċievi messaġġi bħal dawn wara l-iskadenza ta’ perjodu, kif definit fil-liġi ta’ dik il-Parti, wara l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi.

(19)

   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, il-Partijiet jirrikonoxxu li fornitur ta’ servizz ta’ aċċess għall-Internet li joffri ċertu kontenut biss lill-utenti finali tiegħu ma jkunx qed jaġixxi kontra dak il-prinċipju.

(20)

   Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, it-terminu “format elettroniku” jinkludi kwalunkwe format adattat għall-interpretazzjoni awtomatizzata u għall-ipproċessar elettroniku mingħajr intervent mill-bniedem, kif ukoll immaġnijiet u formoli diġitalizzati. 

(21)

   Huwa mifhum li t-terminu “raġunijiet prudenzjali” jista’ jinkludi ż-żamma tas-sikurezza, is-solidità, l-integrità jew ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ fornituri ta’ servizzi finanzjarji individwali.