Brussell, 10.9.2025

COM(2025) 478 final

2025/0272(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kunsill awtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”) fis-27 ta’ Ġunju 2023. 1 Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, u l-Korea nedew in-negozjati fil-31 ta’ Ottubru 2023. 2 In-negozjati ġew konklużi fil-prinċipju fl-10 ta’ Marzu 2025. 3

L-eżitu tan-negozjati jikkostitwixxi Ftehim Kummerċjali Diġitali modern u awtonomu bejn l-Unjoni Ewropea (“UE”) u l-Korea (“Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea”), b’impenji ambizzjużi u vinkolanti għall-kummerċ diġitali. Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea se jtejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur online, se jipprovdi ċertezza legali għan-negozji li jixtiequ jinvolvu ruħhom fil-kummerċ diġitali transfruntier, u se jindirizza ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ diġitali. Huwa se jikkomplementa l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles 4 (FTA, Free Trade Agreement) eżistenti bejn l-UE u l-Korea billi japprofondixxi u jirfed ir-relazzjoni kummerċjali bilaterali eżistenti bejn l-UE u l-Korea mill-perspettiva diġitali.

Il-kummerċ diġitali jammonta għal madwar 25 % tal-kummerċ internazzjonali kollu u qed jikber b’pass aktar mgħaġġel mill-kummerċ tradizzjonali. 5 L-UE hija l-mexxejja dinjija kemm fl-esportazzjonijiet kif ukoll fl-importazzjonijiet ta’ servizzi li jistgħu jiġu kkunsinnati b’mod diġitali, li fl-2022 ammontaw għal EUR 1,3 triljun, jew 54 % tal-kummerċ totali tal-UE fis-servizzi.

Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea se jidħol fis-seħħ ladarba l-UE u l-Korea jkunu lestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri rispettivi tagħhom għall-iffirmar u għall-konklużjoni u jkunu skambjaw notifiki bil-miktub dwarhom.

•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija konsistenti mar-rieżami ta’ politika kummerċjali tal-UE tal-2021 6 li rrikonoxxa l-kontribut tal-politika kummerċjali diġitali tal-UE għat-trasformazzjoni diġitali tal-UE u ħabbar l-intenzjoni tal-UE li żżid l-impenn bilaterali u li tesplora oqfsa aktar b’saħħithom għall-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali relatati mal-kummerċ ma’ sħab tal-istess fehma. Hija konsistenti wkoll mal-objettiv tal-istrateġija ta’ sigurtà ekonomika tal-UE tal-2023 li ssegwi sħubijiet ma’ pajjiżi tal-istess fehma. Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jikkostitwixxi ftehim modern u awtonomu b’impenji ambizzjużi u vinkolanti dwar il-kummerċ diġitali bejn l-UE u l-Korea.

Il-proposta tibni fuq il-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Korea 7 u l-FTA, li diġà lliberalizzaw u saħħew ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-UE u l-Korea. Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jagħti effett lid-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ tal-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Korea u, flimkien mal-FTA, jifforma ż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea.

Il-proposta hija konsistenti mal-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku 8 li rrikonoxxiet li r-reġjun jinsab fuq quddiem nett tal-ekonomija diġitali u pproponiet li jiġu stabbiliti Sħubijiet Diġitali ma’ sħab ewlenin fir-reġjun, inkluż mal-Korea.

Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jibni fuq il-Prinċipji tal-Kummerċ Diġitali bejn l-UE u l-Korea, riżultat ewlieni tas-Sħubija Diġitali UE-Korea 9 . Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jirrikonoxxi s-Sħubija Diġitali bejn l-UE u l-Korea bħala l-forum ewlieni għall-kooperazzjoni regolatorja dwar il-politiki diġitali.

Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea huwa konsistenti wkoll mal-eżitu tal-Inizjattiva ta’ Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kummerċ Elettroniku 10 , li hija r-riżultat ta’ negozjati plurilaterali fost aktar minn 90 Membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-suq intern fil-qasam tal-ekonomija diġitali u tad-data. Il-proposta tiżgura wkoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza u l-qafas regolatorju tal-UE f’dan il-qasam. Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jafferma d-dritt li jiġi regolat u żgurat spazju regolatorju suffiċjenti biex jiġu segwiti l-objettivi ta’ politika pubblika f’dawn l-oqsma.

Il-proposta tiffoka fuq kwistjonijiet diġitali billi tipprovdi qafas għal kummerċ diġitali miftuħ u ċertezza legali bejn il-Partijiet. Madankollu, il-proposta ma tintroduċix rekwiżiti diġitali ġodda jew sostanzjalment modifikati u ma tinvolvix skambji ġodda ta’ data, awtomatizzazzjoni, sistemi diġitali, jew għoti ta’ servizzi pubbliċi. L-implimentazzjoni tal-proposta ma tirrikjedix acquis ġdid tal-UE jew modifika ta’ dak eżistenti. Għalhekk, il-prinċipju “diġitali b’mod awtomatiku” ma japplikax.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

Il-bażi legali sostantiva hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea għandu jiġi ffirmat mill-Unjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(5) tat-TFUE u konkluż mill-Unjoni skont deċiżjoni tal-Kunsill abbażi tal-Artikolu 218(6), wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli.

•Proporzjonalità

Il-ftehimiet kummerċjali huma l-mezzi xierqa biex jirregolaw l-aċċess għas-suq u l-oqsma relatati ta’ relazzjonijiet ekonomiċi komprensivi ma’ pajjiż terz barra mill-UE. Ma teżisti l-ebda alternattiva biex tali impenji u sforzi ta’ liberalizzazzjoni jsiru legalment vinkolanti.

•Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija f’konformità mal-Artikolu 218(5) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjonijiet dwar l-iffirmar ta’ ftehimiet internazzjonali. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali bejn l-UE u l-Korea diġà ġew illiberati u msaħħa mill-FTA bejn l-UE u l-Korea, applikat b’mod proviżorju minn Lulju 2011 u rratifikat formalment f’Diċembru 2015. Għalkemm dan huwa FTA komprensiv li jipprevedi impenji sostanzjali għall-kummerċ ta’ oġġetti u servizzi bejn il-partijiet, ma jipprevedix regoli komprensivi dwar il-kummerċ diġitali.

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-partijiet ikkonċernati ġew ikkonsultati fil-kuntest ta’ studju dwar l-impatti potenzjali tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea, imwettaq minn kuntrattur estern, b’appoġġ għan-negozjati. 11  

Qabel, u matul in-negozjati, l-Istati Membri tal-UE ġew infurmati u kkonsultati b’mod regolari bil-fomm u bil-miktub dwar l-aspetti differenti tan-negozjat permezz tal-Kumitat għall-Politika Kummerċjali tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew inżamm infurmat u ġie kkonsultat ukoll permezz tal-Kumitat tiegħu għall-Kummerċ Internazzjonali (‘‘INTA’’, Committee on International Trade), u b’mod partikulari permezz tal-Grupp ta’ Monitoraġġ tiegħu għall-Korea.

Barra minn hekk, matul in-negozjati, il-Kummissjoni ppubblikat fuq is-sit web tagħha rapporti taċ-ċikli ta’ negozjati, il-proposti tat-test tal-UE u l-istqarrijiet għall-istampa, kif ukoll it-test tal-ftehim wara l-konklużjoni tan-negozjati fil-prinċipju.

•Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-istudju dwar l-impatti potenzjali tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea twettaq minn kuntrattur estern. 12  

•Valutazzjoni tal-impatt

L-istudju dwar l-impatti potenzjali tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea, imwettaq b’appoġġ għan-negozjati għal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea, ikkonferma l-impatt pożittiv potenzjali tal-ftehim. 13 L-istudju ntuża biex jiġu eżaminati l-aspetti rilevanti tal-ekonomija diġitali tal-Korea kif ukoll il-prattiki rispettivi tal-UE u tal-Korea dwar il-kummerċ diġitali, filwaqt li tqiesu l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati.

•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

•Drittijiet fundamentali

Il-proposta hija kompletament kompatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jippreserva bis-sħiħ l-ispazju regolatorju għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż id-drittijiet fundamentali għall-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRAJN

•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jagħmel applikabbli, permezz ta’ kontroreferenza, id-dispożizzjonijiet istituzzjonali tal-FTA, li jipprovdu struttura għall-korpi ta’ implimentazzjoni rilevanti tal-FTA biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni, l-operat u l-impatt tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea.

Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jinkludi wkoll dispożizzjonijiet dedikati dwar l-impenn tal-partijiet ikkonċernati li jipprovdu bażi għall-partijiet ikkonċernati biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ftehim.

•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea huwa ftehim awtonomu li għandu jiġi applikat fil-qafas tal-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Korea u li, flimkien mal-FTA, jifforma ż-żona ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Korea.

Id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ewwel kapitolu tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jistabbilixxu l-objettivi u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim, u d-definizzjonijiet użati fil-ftehim kollu.

It-tieni kapitolu tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jinkludi l-korp tal-ftehim u jinkludi l-impenji kummerċjali diġitali. L-impenji huma ta’ natura vinkolanti u jvarjaw minn impenji dwar il-flussi transfruntiera ta’ data u l-protezzjoni tal-konsumatur online, għal impenji dwar il-protezzjoni tal-kodiċi tas-sors tas-software. B’mod ġenerali, l-impenji għandhom l-għan li jtejbu l-protezzjoni tal-konsumatur online, jipprovdu ċertezza legali għan-negozji, u jindirizzaw ostakli mhux ġustifikati għall-kummerċ diġitali.

It-Taqsima A tat-tieni kapitolu, dwar il-flussi ta’ data b’fiduċja, tinkludi dispożizzjonijiet li huma f’konformità mal-prattika tal-UE abbażi tad-dispożizzjonijiet orizzontali tal-2018 dwar il-flussi transfruntiera ta’ data u l-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza fil-ftehimiet kummerċjali 14 , li jirrikonoxxu d-dritt ta’ kull Parti li tiddetermina l-livell xieraq ta’ privatezza u protezzjoni ta’ data personali.

It-tielet kapitolu tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea jipprevedi eċċezzjonijiet orizzontali, mekkaniżmu għas-soluzzjoni ta’ tilwim, qafas istituzzjonali, u d-dispożizzjonijiet finali tal-ftehim. Fejn rilevanti, it-titolu jagħmel applikabbli, b’kontroreferenza, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FTA li jipprovdu l-qafas għall-applikazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-UE u l-Korea.

2025/0272 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fi [data tal-opinjoni],

Billi:

(1)Fis-27 ta’ Ġunju 2023, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal dixxiplini ta’ kummerċ diġitali mar-Repubblika tal-Korea.

(2)Fl-10 ta’ Marzu 2025, in-negozjati tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (“il-Ftehim”) ġew konklużi b’suċċess mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni.

(3)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ftehim jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(4)F’konformità mat-Trattati, huwa f’idejn il-Kummissjoni li tiżgura l-iffirmar tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim Kummerċjali Diġitali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (“il-Ftehim”) huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

Artikolu 2 

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 8886/23.
(2)     https://policy.trade.ec.europa.eu/news/joint-statement-launch-negotiations-eu-korea-digital-trade-agreement-2023-10-31_mt .
(3)     https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_25_732 .
(4)    ĠU L 127, 14.5.2011.
(5)    OECD, “Of bytes and trade: Quantifying the impact of digitalisation on trade”, Mejju 2023.
(6)    COM(2021) 66 final.
(7)    ĠU L 20, 23.1.2013.
(8)    JOIN(2021) 24 final.
(9)     https://digital-strategy.ec.europa.eu/mt/news/eu-and-republic-korea-digital-partnership-strengthening-our-economic-resilience .
(10)    Dikjarazzjoni mill-kokonċiljaturi tal-Inizjattiva ta’ Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kummerċ Elettroniku tas-26 ta’ Lulju 2024 (INF/ECOM/87).
(11)     https://www.eeas.europa.eu/delegations/south-korea/study-potential-impact-future-eu-rok-digital-trade-agreement_en?s=179 .
(12)    Ibid.
(13)    Ibid.
(14)     https://ec.europa.eu/newsroom/just/items/627665/mt .