|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2025/2939 |
22.5.2025 |
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta u l-passi li jmiss lejn lawrja Ewropea konġunta possibbli: nagħtu spinta lill-kompetittività tal-Ewropa u l-attrattività tal-edukazzjoni għolja Ewropea
(C/2025/2939)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Filwaqt li jibni fuq il-viżjoni ppreżentata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-5 ta' April 2022 dwar il-bini ta' konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja (1),
Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar strateġija Ewropea li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għall-futur tal-Ewropa (2),
Filwaqt li jieħu nota tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar pjan ta' azzjoni għal lawrja Ewropea (3),
1.
ITENNI l-impenn sod tiegħu li jgħammar lill-ġenerazzjonijiet attwali u futuri bl-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-valuri meħtieġa biex jinnavigaw l-isfidi determinanti ta' żminijietna, magħqudin fil-viżjoni tiegħu ta' Ewropa reżiljenti, imħejjija, innovattiva u prospera. Hekk kif il-bidliet dinjija jsawru mill-ġdid is-soċjetajiet tagħna – il-kunflitti armati fil-fruntieri tal-Ewropa u lil hinn minnhom, il-kriżi ambjentali li qed tħaffef il-pass, u t-trasformazzjonijiet teknoloġiċi li huma ta' sfida għall-industriji u s-swieq tax-xogħol - aħna nagħrfu l-ħtieġa għal approċċ ambizzjuż, koordinat u li jħares 'il quddiem, li jsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa u fl-istess ħin jippreserva r-rikkezza tal-wirt kulturali, artistiku u intellettwali tagħha u tradizzjonijiet edukattivi diversi.
2.
JIRRIKONOXXI li l-futur tal-Ewropa jiddependi mis-saħħa taċ-ċittadini tagħha - edukati, impenjati u mogħtija s-setgħa li jsawru u jieħdu sehem f'soċjetà dinamika u ġusta, u JIMPENJA RUĦU li jrawwem ġenerazzjonijiet ta' Ewropej lesti li jilqgħu l-isfidi dinjija u futur imprevedibbli b'determinazzjoni u innovazzjoni.
3.
JAGĦRAF ir-rwol ċentrali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u tal-alleanzi tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, bħal, pereżempju, l-“Universitajiet Ewropej”, biex jixprunaw l-eċċellenza akkademika u xjentifika, jagħmluha ta' pijunieri fir-rigward tal-iskoperti teknoloġiċi u jikkultivaw l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi essenzjali meħtieġa fid-dinja tax-xogħol li qed tevolvi, inkluż permezz ta' approċċi interdixxiplinari li jintegraw oqsma differenti ta' studju; JIRRIKONOXXI r-rwol ewlieni tagħhom fl-apprendiment tul il-ħajja bħala reazzjoni għat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiġu żviluppati perkorsi ta' apprendiment flessibbli u mfassla apposta, inkluż, fejn xieraq, unitajiet ta' apprendiment iżgħar bħall-mikrokredenzjali; u JISSOTTOLINJA l-ħtieġa għal kooperazzjoni Ewropea mġedda u ambizzjuża dwar l-edukazzjoni għolja li ssostni l-vantaġġ kompetittiv u t-tmexxija tal-Ewropa fix-xena dinjija.
4.
JIMPENJA RUĦU li jidentifika u jimplimenta soluzzjonijiet strateġiċi li jsaħħu l-kapaċità tal-Ewropa li tattira t-talent, iżżomm l-għarfien espert u tkun mexxej fis-setturi emerġenti filwaqt li tneħħi l-ostakli għall-moviment liberu tat-talent. Dan l-isforz irid ikun ibbażat fuq pedament edukattiv b'saħħtu, li jiffaċilita l-kooperazzjoni tranżnazzjonali fost l-istituzzjonijiet, irawwem mobbiltà bbilanċjata u ta' kwalità għolja u jtejjeb l-adattabbiltà tal-oqfsa tat-tagħlim u tal-apprendiment għad-domandi tal-futur, b'mod partikolari billi jagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet offruti mill-programm Erasmus+ fl-Istati Membri kollha.
5.
JAFFERMA li l-edukazzjoni għandha sservi mhux biss bħala għodda għall-avvanz ekonomiku, iżda fuq kollox bħala mezz biex titrawwem in-nisġa demokratika, soċjali u kulturali li tgħaqqad lis-soċjetà billi ssaħħaħ sens pożittiv u inklużiv ta' identità u appartenenza fuq il-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE, ibbażat fuq valuri Ewropej komuni.
6.
JAFFERMA MILL-ĠDID li l-Unjoni Ewropea għandha rwol sinifikanti fl-appoġġ għall-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jsawru l-politiki tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u JENFASIZZA l-importanza li jittieħed kont tal-ħtiġijiet u ċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali meta jitfasslu l-inizjattivi Ewropej.
7.
JENFASIZZA li ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, f'sinerġija maż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja, huma oqfsa ta' kooperazzjoni essenzjali mfassla biex jappoġġaw, itejbu u jixprunaw l-edukazzjoni, it-tagħlim, il-kreattività, ir-riċerka, it-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni madwar l-Ewropa.
8.
JIEĦU NOTA tar-rapport ta' Letta, li jipproponi l-introduzzjoni tal-ħames libertà li tinkludi r-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ta' lawrja Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tranżnazzjonali fl-edukazzjoni għolja u biex titrawwem iċ-ċirkolazzjoni tat-talent madwar l-Ewropa f'suq uniku aktar integrat. Barra minn hekk, JIEĦU NOTA tar-rapport ta' Draghi, li jenfasizza li l-innovazzjoni hija kruċjali biex jiġu segwiti t-tranżizzjoni ekoloġika u dik diġitali meħtieġa biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-Ewropa, JISĦAQ fuq l-urġenza li jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni u JENFASIZZA l-ħtieġa li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ isiru aktar reattivi għall-ħtiġijiet tal-ħiliet li qed jinbidlu.
9.
JISSOTTOLINJA li filwaqt li d-diskussjonijiet dwar il-lawrja Ewropea konġunta għadhom għaddejjin, għadha ma tteħditx deċiżjoni dwar l-introduzzjoni possibbli tagħha mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u li kwalunkwe referenza għal lawrja Ewropea konġunta f'din ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill għandha tinftiehem f'dan is-sens.
10.
JENFASIZZA l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati l-awtonomija u d-diversità tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u, soġġett għad-dritt tal-UE, l-aċċess ekwu għar-riżorsi, inkluż il-finanzjament disponibbli tal-Unjoni, irrispettivament mill-forma li fihom jaħdmu, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji baġitarji u l-valuri tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu 2 TUE rilevanti fl-implimentazzjoni tal-baġit, u JAPPOĠĠA approċċ inklużiv li jippermetti lill-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni għolja jibbenefikaw mill-kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali, filwaqt li jiżgura li l-ebda istituzzjoni ma titħalla lura fil-ħidma lejn l-eċċellenza.
11.
JISSOTTOLINJA li kwalunkwe inizjattiva ġdida mmirata lejn il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni – inkluż l-implimentazzjoni ta' tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta u l-passi li jmiss lejn lawrja Ewropea konġunta – trid tkun iggwidata minn approċċ komuni pass pass, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv addizzjonali għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-aġenziji nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità u impenji finanzjarji li jmorru lil hinn mill-mezzi finanzjarji eżistenti, mingħajr preġudizzju għan-negozjati dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta' wara l-2027, u li jiġi żgurat li l-progress jinqasam fost l-Istati Membri kollha, u JIMPENJA RUĦU li jimxi 'l quddiem b'dawn l-isforzi b'koerenza, ambizzjoni u dedikazzjoni soda biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni sservi bħala l-pedament għas-sodisfazzjon personali, soċjali u professjonali, kif ukoll għal ċittadinanza attiva għall-Ewropej kollha.
12.
JIEĦU NOTA tal-fatt li l-eżiti finali tal-proġetti ta' esperimentazzjoni tal-politika ta' Erasmus+ fuq it-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta joffru opportunità għal aktar diskussjonijiet dwar kif jista' jkun aktar faċli għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jinvolvu ruħhom f'kooperazzjoni tranżnazzjonali biex jipprovdu programmi konġunti u jagħtu lawrji konġunti, skont l-istrumenti ta' Bologna, inkluż permezz ta' inizjattivi rilevanti bħal-lawrja Ewropea konġunta. L-introduzzjoni tat-tikketta ta' lawrja Ewropea għandha l-potenzjal li żżid l-għadd ta' programmi ta' studju konġunti sabiex tinkiseb massa kritika u jkun hemm impetu akbar għall-Istati Membri biex ineħħu għadd ta' ostakli li jikkonċernaw il-forniment ta' programmi ta' studju konġunti.
13.
JAQBEL li t-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta u l-eżiti tal-passi li jmiss lejn lawrja Ewropea konġunta jista' jkollhom il-potenzjal li jżidu l-attrattivitá tal-programmi ta' studju konġunti, il-mobbiltà u eventwalment ir-rikonoxximent awtomatiku, biex jinħoloq ambjent edukattiv li jħares 'il quddiem li jrawwem l-innovazzjoni u jrawwem kollaborazzjoni transfruntiera, u biex tissaħħaħ l-edukazzjoni għolja Ewropea u l-pożizzjoni dinjija tagħha, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-lum u l-ġenerazzjonijiet li ser isawru l-futur tal-Ewropa.
14.
JENFASIZZA li l-azzjonijiet previsti f'din ir-Riżoluzzjoni għandhom jiġu segwiti filwaqt li jitqiesu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-oqfsa legali nazzjonali differenti.
JIDENTIFIKA T-TLIET FAŻIJIET LI ĠEJJIN BL-GĦAN LI TIĠI IMPLIMENTATA TIKKETTA TA' LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA U TITWITTA T-TRIQ GĦAL LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA:
|
1. |
FAŻI 1: JIĠU FFINALIZZATI T-TĦEJJIJIET GĦALL-INTRODUZZJONI TAT-TIKKETTA TA' LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA (2025-2026) |
|
2. |
FAŻI 2: TIĠI INTRODOTTA T-TIKKETTA TA' LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA, ISIR MONITORAĠĠ TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAGĦHA, JIĠI EVALWAT L-UŻU TAGĦHA U JITWETTQU XOGĦLIJIET ESPLORATORJI U TA' FATTIBBILTÀ FUQ LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA (2026-2028) |
|
3. |
FAŻI 3: ISSIR RIFLESSJONI U TITTIEĦED DEĊIŻJONI MNEBBĦA MILL-EVIDENZA DWAR IL-PASSI LI JMISS LEJN LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA (2029) |
1. FAŻI 1: JIĠU FFINALIZZATI T-TĦEJJIJIET GĦALL-INTRODUZZJONI TAT-TIKKETTA TA' LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA (2025-2026)
IL-KUMMISSJONI MISTIEDNA, flimkien mal-Istati Membri u f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, biex:
|
a) |
tistabbilixxi Laboratorju ta' Politika fil-kuntest tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni Għolja tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li għandu jingħata l-kompitu li jiżviluppa qafas komprensiv għat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta kif ukoll responsabbiltajiet bħal:
Il-Laboratorju ta' Politika ser ikun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri li huma membri tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni Għolja tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (jew kwalunkwe grupp suċċessur stabbilit skont dan il-qafas) u esperti oħra delegati mill-Istati Membri, flimkien ma' rappreżentanti tal-Kummissjoni. L-esperti mistiedna mil-Laboratorju ta' Politika jistgħu jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Laboratorju dwar suġġetti speċifiċi, kif meħtieġ. L-attivitajiet tal-Laboratorju għandhom jitmexxew b'mod konġunt mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni, u l-Kummissjoni ser tipprovdi appoġġ tekniku u organizzazzjonali. |
|
b) |
tippreżenta l-eżiti tal-Laboratorju ta' Politika tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni Għolja tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni lill-Kunsill sa nofs l-2026, biex tippermetti l-introduzzjoni effettiva tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta fl-2026. |
BARRA MINN HEKK, L-ISTATI MEMBRI HUMA MISTIEDNA
|
a) |
meta dan ikun għadu ma sarx, jimplimentaw bis-sħiħ l-istrumenti ta' Bologna - bħas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS), is-Suppliment għad-Diploma, l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (ESG) u l-Approċċ Ewropew għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità ta' Programmi Konġunti - bħala faċilitaturi ewlenin għall-implimentazzjoni tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta. Din il-miżura għandha trawwem kooperazzjoni tranżnazzjonali aktar profonda u aktar flessibbli madwar l-Ewropa, b'mod partikolari b'antiċipazzjoni tal-introduzzjoni tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta u l-passi li jmiss lejn lawrja Ewropea konġunta; |
|
b) |
jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu t-tnedija tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta sa tmiem l-2026, u b'hekk jiżguraw il-konsistenza u l-opportunitajiet indaqs għall-istituzzjonijiet kollha tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. |
2. FAŻI 2: TIĠI INTRODOTTA T-TIKKETTA TA' LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA, ISIR MONITORAĠĠ TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAGĦHA, JIĠI EVALWAT L-UŻU TAGĦHA U JITWETTQU XOGĦLIJIET ESPLORATORJI U TA' FATTIBBILTÀ FUQ LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA (2026-2028)
IL-KUMMISSJONI U L-ISTATI MEMBRI HUMA MISTIEDNA
|
a) |
jintroduċu flimkien it-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta mill-2026 sal-2028 u jiggwidaw il-proċess, bl-għan li tiġi ttestjata l-fattibbiltà tagħha u jiġu vvalutati l-implikazzjonijiet potenzjali tagħha minn perspettiva politika, legali, finanzjarja u amministrattiva u sa liema punt tneħħew l-ostakli għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali fuq lawrji konġunti fis-settur tal-edukazzjoni għolja, bħal dawk identifikati fl-eżiti finali tal-proġetti ta' esperimentazzjoni tal-politika Erasmus+ fuq it-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta; |
|
b) |
jużaw il-Laboratorju ta' Politika tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni Għolja tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, bħala pjattaforma biex jiġi evalwat il-progress fl-introduzzjoni tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta, jiġi ffaċilitat l-involviment strutturat mal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-istudenti, l-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità u partijiet ikkonċernati oħra, u jiġi analizzat il-kunċett u l-fattibbiltà ta' lawrja Ewropea konġunta fid-dawl tal-passi li jmiss u t-triq 'il quddiem. |
IL-KUMMISSJONI HIJA MISTIEDNA
|
a) |
tfassal azzjonijiet immirati biex jappoġġaw lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja interessati li joħorġu t-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta fil-kuntest ta' programmi konġunti; |
|
b) |
tippromwovi l-viżibbiltà tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, l-istudenti, l-impjegaturi u s-soċjetà inġenerali u tikkondividi magħhom informazzjoni dwarha. Dawn l-isforzi jistgħu jinkludu l-iżvilupp ta' identità viżiva u strateġija ta' komunikazzjoni u identità li turi l-valur miżjud tat-tikketta għall-istudenti, ir-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-Istati Membri, kif ukoll il-potenzjal tagħha li tattira studenti internazzjonali; |
|
c) |
tipprovdi feedback kull sena lill-Kunsill ladarba tkun bdiet l-introduzzjoni tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta. Dan il-feedback għandu jinkludi għarfien dwar il-proċess ta' implimentazzjoni, l-isfidi emerġenti u kwalunkwe tagħlimiet meħuda, li jippermettu li jsiru l-aġġustamenti meħtieġa biex jappoġġaw is-suċċess tal-introduzzjoni; |
|
d) |
twettaq monitoraġġ u evalwazzjoni komprensiva tal-fażi ta' introduzzjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Laboratorju ta' Politika tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni Għolja tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li ser jivvaluta:
|
|
e) |
twettaq studju tal-fattibbiltà għal-lawrja Ewropea konġunta, flimkien mal-Laboratorju ta' Politika tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni Għolja tal-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, li jevalwa il-kriterji Ewropej li abbażi tagħhom ser tingħata din il-lawrija konġunta, il-proċeduri korrispondenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità u l-potenzjal tal-lawrija li tneħħi l-ostakli għall-kooperazzjoni tranżnazzjonali dwar lawrji konġunti fis-settur tal-edukazzjoni għolja, u janalizza l-impatt tagħha fuq il-valur u r-rikonoxximent tal-programmi akkademiċi u l-istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li jagħtu l-lawrja, u jeżamina l-perspettivi tal-istudenti, inklużi l-isfidi ewlenin, il-benefiċċji perċepiti u approċċi alternattivi possibbli; |
|
f) |
tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta u l-istudju ta' fattibbiltà dwar lawrja Ewropea konġunta lill-Kunsill għal deċiżjoni ulterjuri sa tmiem l-2028. |
L-ISTATI MEMBRI HUMA MĦEĠĠA
|
a) |
jikkondividu d-data rilevanti mal-Kummissjoni biex tiffaċilita evalwazzjoni komprensiva tal-introduzzjoni. |
3. FAŻI 3: ISSIR RIFLESSJONI U TITTIEĦED DEĊIŻJONI MNEBBĦA MILL-EVIDENZA DWAR IL-PASSI LI JMISS LEJN LAWRJA EWROPEA KONĠUNTA (2029)
Abbażi tar-riżultati tal-analiżi tiegħu tar-rapport ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta u l-istudju ta' fattibbiltà dwar lawrja Ewropea konġunta, il-Kunsill jista' jiddeċiedi dwar l-implimentazzjoni fit-tul tat-tikketta ta' lawrja Ewropea konġunta u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-passi speċifiċi li jmiss lejn l-introduzzjoni ta' lawrja Ewropea konġunta. L-istabbiliment ta' lawrja konġunta bħal din jista' jiftaħ toroq ġodda għall-futur tal-edukazzjoni għolja fl-Unjoni Ewropea u jservi bħala mezz biex jitrawwem l-iżvilupp personali, soċjali u professjonali u ċ-ċittadinanza attiva tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri.
(1) ĠU C 160, 13.4.2022, p. 1.
(2) ĠU C 167, 21.4.2022, p. 9.
(3) COM(2024) 144 final.
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/2939/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)