|
28.2.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 60/3 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/272
tal-20 ta’ Frar 2020
dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles u tal-protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu (2020–2026)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fil-15 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tas-Seychelles (“Seychelles”) bil-għan li tikkonkludi Ftehim ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (il-“Ftehim ta’ Sħubija”) u protokoll ġdid ta’ implimentazzjoni tiegħu (il-“Protokoll”). |
|
(2) |
In-negozjati ntemmu b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll fit-22 ta’ Ottubru 2019. |
|
(3) |
Il-Ftehim ta’ Sħubija jħassar il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u Repubblika tas-Seychelles (1), li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Novembru 2007 għal perijodu ta’ sitt snin u li ġġedded b’mod taċitu, u li għalhekk għadu fis-seħħ. |
|
(4) |
L-aktar protokoll reċenti li jimplimenta l-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il- Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2) ġie ffirmat fit-18 ta’ Diċembru 2013 u ġie applikat provviżorjament mit-18 ta' Jannar 2014. Huwa ntemm fis-17 ta’ Jannar 2020. |
|
(5) |
L-għan tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lis-Seychelles jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u li jippermetti l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u fl-Oċean Indjan, filwaqt li jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol fis-settur tas-sajd. |
|
(6) |
Jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ tali attivitajiet. |
|
(7) |
Sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jiġu applikati fuq bażi provviżorja minn meta jiġu ffirmati. |
|
(8) |
Għalhekk jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jiġu ffirmati u applikati fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tagħhom, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (il-“Ftehim ta’ Sħubija”) u tal-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2020–2026) (il-“Protokoll”) huwa b’dan awtorizzat, soġġet għall-konklużjoni tal-atti msemmija (3).
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-Ftehim ta' Sħubija u l-Protokoll għandhom jiġu applikati fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tagħhom (4), sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tagħhom.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
B. DIVJAK
(1) ĠU L 290, 20.10.2006, p. 2.
(2) Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (ĠU L 4, 9.1.2014, p. 3).
(3) Ara l-paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(4) Id-data minn meta il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll ser jiġu applikati b'mod provviżorju ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.